DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

7 ta’ Ġunju 2007 ( *1 )

Fil-Kawża T-346/06 R,

Industria Masetto Schio Srl (IMS), stabbilita fi Schio (l-Italja), irrappreżentata minn F. Colonna u T. Romolotti, avvocati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Zadra u D. Lawunmi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni C (2006) 3914, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar miżura ta’ projbizzjoni, adottata mill-awtoritajiet Franċiżi, dwar ċerti preses mekkaniċi tal-marka IMS,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

jagħti l-preżenti

Digriet

Il-kuntest ġuridiku, il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, p. 1), applikabbli għal din il-kawża, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jiġu mħaddma biss jekk ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, u jekk jiġu stallati u miżmuma kif jixraq u użati skond l-għan maħsub għalihom.

2

L-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 98/37 jgħid li “[l]-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-ħruġ fis-suq u t-tħaddim fit-territorju tagħhom ta’ makkinarju u komponenti ta’ sigurtà li jikkonformaw ma […d-] Direttiva”.

3

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37 jipprovdi li, fejn Stat Membru jaċċerta ruħu li l-makkinarju li għandu l-marka “CE” jew il-komponenti tas-sigurtà akkumpanjati mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE, użati b’mod konformi ma’ l-għan maħsub għalihom, li x’aktarx jistgħu jkunu ta’ periklu għas-sigurtà tal-persuni, u, fejn xieraq, ta’ l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira dan il-makkinarju jew dawn il-komponenti ta’ sigurtà mis-suq, biex jipprojbixxi l-ħruġ tagħhom fis-suq, biex dawn jitħaddmu jew jintużaw, jew biex jirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’tali miżura, u jindikaw ir-raġuni għad-deċiżjoni tagħhom.

4

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati mingħajr dewmien. Fejn il-Kummissjoni, wara din il-konsultazzjoni, tikkunsidra li l-miżura hija ġġustifikata, hija għandha tinforma minnufih b’dan lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizjattiva kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra. Fejn il-Kummissjoni, wara din il-konsultazzjoni, tikkunsidra li l-miżura mhijiex iġġustifikata, hija għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizjattiva kif ukoll lill-produttur jew lill-mandatarju tiegħu stabbilit fil-Komunità. Fejn id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ibbażata fuq nuqqas fl-istandards, u fejn l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni jżomm il-pożizzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-kumitat u tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(1).

5

Fit-8 ta’ Awwissu 2001, ir-Repubblika Franċiża informat lill-Kummissjoni b’deċiżjoni interministerjali tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq u l-projbizzjoni ta’ użu ta’ ċerti preses għax-xogħol mingħajr sħana tal-metalli tal-marka IMS prodotta mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001”).

6

Id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ipprojbiet it-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim ta’ preses tal-marka IMS tal-mudelli P40VE, P40VEI, P50VE u P50VEI diġà mmanifatturati, li kisbu ċertifikat ta’ eżami CE mogħti mill-Agenzia nazionale certificazione componenti e prodotti (Aġenżija nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tal-komponenti u tal-prodotti, ANCCP), ħlief fil-każ li tqiegħdu f’konformità mar-regoli tekniċi applikabbli għat-tagħmir ta’ xogħol introdott fl-Artikolu R. 233-84 tal-Kodiċi tax-Xogħol, kif ukoll it-tqegħid fis-suq, it-tħaddim u l-użu tal-preses tal-marka IMS tal-mudelli P40VE, P40VEI, P50VE u P50VEI li kisbu ċertifikat ta’ eżami CE mogħti mill-Istituto certificazione europea prodotti industriali (Istitut nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni Ewropea tal-prodotti industrijali, ICEPI).

7

Il-Conseil d’État (Franza) annulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 permezz tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002.

8

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu ittra lill-Kummissjoni bid-data tat-8 ta’ April 2005. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw:

“[…] Permezz ta’ ittra bid-data tat-2 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni Ewropea informat lill-awtoritajiet Franċiżi li espert indipendenti ġie maħtur sabiex jeżamina l-istat ta’ konformità tal-preses tal-marka IMS imsemmija iktar ’il fuq. Wara dan l-eżami, kien mistenni rapport ta’ espert għax-xahar ta’ April 2004.

Illum, l-awtoritajiet Franċiżi jitolbu mill-ġdid lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi effettivament implementata l-proċedura ta’ konsultazzjoni, prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva [98/37].

3. In-natura urġenti tad-domanda

L-awtoritajiet Franċiżi jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal fatt ġdid. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni Ewropea qatt ma tat l-opinjoni tagħha fuq in-natura ġustifikata jew le tal-miżura ta’ protezzjoni meħuda minn Franza fir-rigward ta’ ċerti preses tal-marka IMS, dan il-produttur ippreżenta rikors għal responsabbiltà quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti fuq il-bażi ta’ żball mwettaq mill-awtorità pubblika.

Fit-trattament ta’ din il-proċedura ta’ protezzjoni (prevista mill-Artikolu 7 tad-Direttiva), l-awtoritajiet Franċiżi jixtiequ jenfasizzaw li huma dejjem ikkonformaw ruħhom, minn naħa, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [98/37], u min-naħa l-oħra, mad-dispożizzjonijiet previsti mit-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea. Din hija r-raġuni għaliex huma jixtiequ li l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea tiġi mgħarrfa lilhom mill-iktar fis.

4. Sitwazzjoni problematika fir-rigward tad-dritt Komunitarju

In-nuqqas attwali ta’ tweġiba Komunitarja tqiegħed lill-awtoritajiet Franċiżi f’sitwazzjoni imbarazzanti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 226 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, skond dan l-artikolu, hija biss il-Kummissjoni Ewropea li hija responsabbli li tiddikjara ruħha fuq il-mertu ta’ miżura ta’ protezzjoni meħuda minn Stat Membru.

Jekk ikun xieraq, meta jidher li klawżola ta’ protezzjoni mhijiex ġustifikata, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jabroga l-miżura nazzjonali tiegħu, iżda wkoll li jimplementa l-proċedura ta’ ksur prevista mill-Artikolu 226 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fuq il-bażi ta’ din il-proċedura biss, jista’ jiġi kkunsidrat li produttur, affettwat minn miżura li mhijiex ġustifikata, jibda proċedimenti ġudizzjarji eventwali sabiex jiġi kkumpensat għad-danni subiti.

5. Responsabbiltà ta’ l-Istat Franċiż

Sabiex l-Istat Franċiż ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-persuni, iżda wkoll sabiex ikun jista’ jassigura d-difiża tiegħu fir-rimedju nazzjonali imsemmi iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Franċiżi jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tibgħatilhom kopja tar-rapport ta’ l-espert dwar l-evalwazzjoni ta’ l-istat ta’ konformità ta’ ċerti preses mekkaniċi tal-marka IMS.”

9

Il-Kummissjoni effettwat l-eżami ta’ dawn il-miżuri u, filwaqt li rrifjutat numru ta’ ipoteżi ta’ non konformità invokati mill-awtoritajiet Franċiżi, fl-aħħar ta’ dan l-eżami, fl-opinjoni C (2006) 3914 mogħtija fis-6 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), ikkunsidrat li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 kienet parzjalment ġustifikata.

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament ta’ l-att ikkontestat kif ukoll rikors għal kumpens.

11

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru fit-18 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji, skond l-Artikolu 242 KE, bil-għan li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat.

12

Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq din it-talba għall-miżuri provviżorji fid-19 ta’ Frar 2007. Hija talbet iċ-ċaħda tat-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

13

Instemgħu l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet f’seduta li seħħet fl-1 ta’ Marzu 2007.

14

Wara li ġiet mistiedna tippreżenta informazzjoni addizzjonali fuq l-urġenza, ir-rikorrenti kkonformat ma’ din id-domanda permezz ta’ att irreġistrat fir-reġistru fid-9 ta’ Marzu 2007.

15

Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-informazzjoni addizzjonali permezz ta’ att irreġistrat fir-reġistru fis-16 ta’ Marzu 2007.

Id-dritt

16

Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 242 KE u ta’ l-Artikolu 225(1) KE meħuda flimkien, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk tqis li ċ-ċirkustanzi jeżiġuha, tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat li jinsab quddiemha.

17

L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw każ prima facie (fumus boni juris) għall-miżura provviżorja mitluba.

18

Skond ġurisprudenza stabbilita, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jiġu konċessi mill-qorti għall-miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti, li jiġu stabbiliti u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni għall-kawża prinċipali. Il-qorti għall-miżuri provviżorji għandha wkoll, jekk ikun il-każ, tibbilanċja l-interessi in kwistjoni (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2000, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-377/98 R, Ġabra p. I-6229, punt 41, u tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Frar 2007, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-310/06 R, li għadha ma ġietx ippublikata fit-Ġabra, punt 19).

19

Minbarra dan, fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, il-qorti għall-miżuri provviżorji għandha diskrezzjoni wiesa’ u tibqa’ ħielsa li tistabbilixxi, fir-rigward tad-dettalji tal-każ in kwistjoni, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, sakemm ma jkunx hemm regola ta’ dritt Komunitarju ma timponi fuqha skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex tevalwa l-ħtieġa li tieħu deċiżjoni provviżorja [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 23].

20

Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra hawn fuq li għandha tiġi eżaminata din it-talba għall-miżuri provviżorji.

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà prima facie tar-rikors fil-kawża prinċipali

— L-argumenti tal-partijiet

21

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għal annullament li permezz tiegħu saret it-talba għal miżuri provviżorji huwa manifestament inammissibbli, inkwantu l-att ikkontestat mhuwiex miżura li tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tiegħu.

22

Minbarra dan, il-Kummissjoni tgħid li, jekk wieħed jaċċetta li l-att ikkontestat jista’ jipproduċi effetti bħal dawn, f’kull każ, ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata direttament.

23

Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar l-interess dirett, fis-sens tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, teżiġi li l-miżuri Komunitarji li dwarhom isir ilment jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u li ma jħallu l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji ta’ l-imsemmija miżuri li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħhom, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

24

Madankollu, il-mekkaniżmu implementat mid-Direttiva 98/37 għandu, b’mod partikolari, skond il-Kummissjoni, il-karatteristiċi li ġejjin.

25

L-ewwel nett, l-Istat Membru li jadotta miżuri bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37 għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Skond il-Kummissjoni, in-notifika ta’ dawn il-miżuri madankollu mhijiex kundizzjoni sospensiva ta’ l-effetti tagħhom. Ladarba jiġu adottati, huma jkunu applikabbli minnufih fit-territorju ta’ l-Istat Membru li adottahom.

26

Fit-tieni lok, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/37 ma tipprovdi għal ebda terminu li fih il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-eżami tagħha tal-miżura. Skond il-Kummissjoni, din tkun biss marbuta tistabbilixxi “mill-ewwel” jekk il-miżura li ġiet ikkomunikata lilha mhijiex ġustifikata. Din il-konstatazzjoni hija possibbli biss wara l-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 7(2), meta l-Kummissjoni jkollha l-elementi tekniċi neċessarji kollha fid-dispożizzjoni tagħha .

27

Fit-tielet lok, skond il-Kummissjoni, jekk hija tqis li l-miżura mhijiex ġustifikata, hija sempliċement marbuta li tinforma b’dan lill-Istat Membru kkonċernat, sabiex huwa jirtira l-miżura in kwistjoni, kif ukoll lill-parti kkonċernata, sabiex din ikollha element supplementari li jippermettilha li tikkontesta l-miżura quddiem il-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, l-opinjoni tal-Kummissjoni mhijiex, minnha nfisha, tali li twaqqaf l-effetti tal-miżura nazzjonali.

28

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li, jekk il-miżura hija ġustifikata, hija sempliċement marbuta li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra sabiex huma jivverifikaw il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri simili għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa. Anki f’dan il-każ, l-opinjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant mhijiex tali, minnha nfisha, li tippoduċi fl-Istati Membri effetti restrittivi fuq il-kummerċ tal-magni kkonċernati.

29

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tgħid li l-opinjoni, li bis-saħħa tagħha hija tikkunsidra l-miżura ġustifikata, mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali u ma tagħti bidu, bejn l-Istati Membri, għal ebda mekkaniżmu ta’ għarfien reċiproku tal-miżura nazzjonali li għalih tirreferi l-opinjoni. Fil-fatt, l-opinjoni in kwistjoni mhijiex applikabbli immedjatament fl-Istati Membri kollha.

30

Ir-rikorrenti tqis li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli.

— Evalwazzjoni tal-qorti għall-miżuri provviżorji

31

Għandu jiġi osservat, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, li, minkejja li l-problema ta’ ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, bħala regola ġenerali, m’għandhiex tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ miżuri provviżorji bir-riskju li tiġi ppreġudikata l-kawża prinċipali, jibqa’ l-fatt li, sabiex it-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att tiġi ddikjarata ammissibbli, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jippermettu li jiġi konkluż, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali li jinkludi t-talba tiegħu għall-miżuri provviżorji, sabiex jiġi evitat li, permezz tal-miżuri provviżorji, huwa jkun jista’ jikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att li wara l-Qorti Komunitarja tirrifjuta li tannulla, peress li r-rikors fil-kawża prinċipali tiegħu jkun ġie ddikjarat inammissibbli [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, C-329/99 P(R), Ġabra p. I-8343, punt 89; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 2004, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, T-37/04 R, Ġabra p. II-2153, punt 108].

32

Eżami bħal dan ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali huwa neċessarjament qasir, fid-dawl tan-natura urġenti tal-miżuri provviżorji [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Il-Kunsill, C-300/00 P(R), Ġabra p. I-8797, punt 35; Digriet Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, punt 109].

33

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, peress li l-iskop huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ġabitx elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw a priori deċiżjoni li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. Il-qorti għal miżuri provviżorji għandha tiddikjara din id-domanda ammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża. Fil-fatt, deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-miżuri provviżorji meta din mhijiex, prima facie, eskluża totalment tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, T-342/00 R, Ġabra p. II-67, punt 17; tad-19 ta’ Diċembru 2001, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 R u T-207/01 R, Ġabra p. II-3915, punt 47, u Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, punt 110).

34

F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa inammissibbli, inkwantu l-att ikkontestat huwa opinjoni tagħha, li bih hija tiddikjara ruħha dwar miżura nazzjonali, u inkwantu dan l-att għaldaqstant ma jikkostitwixxix deċiżjoni li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti.

35

Skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-147/96, Ġabra p. I-4723, punt 25). Sabiex jiġi stabbilit jekk att ikkontestat jipproduċix effetti bħal dawn, wieħed għandu jiffoka fuq is-sustanza tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha jittieħdu atti jew deċiżjonijiet, bħala regola ġenerali, hija irrelevanti f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

36

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-att li qed tintalab is-sospensjoni tiegħu ġie intitolat mill-Kummissjoni “Opinjoni tal-Kummissjoni”.

37

Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37, ma tintużax il-kelma “opinjoni” jew kelma ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, jingħad, “[f]ejn il-Kummissjoni, wara din il-konsultazzjoni, tikkunsidra illi l-miżura mhi[ji]ex iġġustifikata, għandha mill-ewwel tinforma b’dan lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizjattiva u lill-Istati Membri l-oħra”.

38

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tindika, fil-punt 1 ta’ l-att ikkontestat, li hija “marbuta, wara li tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati, li tiddikjara ruħha dwar in-natura ġustifikata jew le ta’ miżuri bħal dawn” u li, “jekk il-miżura hija kkunsidrata ġustifikata, hija għandha tinforma lill-Istati Membri sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji fir-rigward tal-magna in kwistjoni”.

39

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u fid-dawl ta’ l-istruttura u ta’ l-iskop tad-Direttiva 98/37, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tidher, l-ewwel nett, li għandha l-obbligu u mhux biss il-possibbiltà, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/37, li tiddikjara ruħha fuq il-miżura nazzjonali li ġiet innotifikata lilha. Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li jidher ukoll, prima facie, li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu deċiżjoni mhux fuq abbozz ta’ miżura, iżda fuq miżura nazzjonali li ġiet adottata minn Stat Membru, u għandha bħala effett li tirrestrinġi l-moviment ħieles tal-makkinarju kkonċernat.

40

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-Direttiva jkunu jistgħu jinħarġu fis-suq u jiġu mħaddma biss jekk ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà.

41

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li prima facie, meta l-Kummissjoni tikkomunika lill-Istati Membri l-att li permezz tiegħu hija tistabbilixxi li l-makkinarju li huwa s-suġġett ta’ miżura nazzjonali li tipperikola s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, u tinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37, dawn għandhom, skond l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37 jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jirtiraw dan il-makkinarju jew dawn il-komponenti ta’ sigurtà mis-suq, biex jipprojbixxu t-tqegħid tagħhom fis-suq, biex dawn jitħaddmu, jew biex jirrestrinġu l-moviment liberu tagħhom.

42

Għaldaqstant mhuwiex possibbli għall-qorti għall-miżuri provviżorji li teskludi, f’dan l-istadju, il-possibbiltà li l-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tan-natura ġustifikata ta’ miżura nazzjonali adottata minn Stat Membru skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37 u t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, ibiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tal-produttur tal-makkinarju kkonċernat permezz ta’ l-att tal-Kummissjoni, billi jimpedixxu li dan il-makkinarju jkun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi mħaddem fl-Istati Membri destinatarji ta’ dan l-att. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li l-att tal-Kummissjoni jista’ jwassal għal effetti ġuridiċi vinkolanti għall-produttur tal-makkinarju previsti minn dan l-att.

43

L-argument tal-Kummissjoni għandu wkoll jiġi miċħud għall-kumplament.

44

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni fil-fatt tindika li “n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri simili minn Stat Membru, wara l-komunikazzjoni ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista’, ċertament, ikun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 tat-Trattat, iżda għal ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva, u mhux għall-ksur ta’ l-opinjoni ċċitata”.

45

Mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, fuq il-bażi legali li tista’ tintuża għal azzjoni eventwali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, biżżejjed jiġi osservat li l-Kummissjoni tammetti, b’dan il-mod, li obbligu huwa impost fuq l-Istati Membri l-oħra wara l-adozzjoni ta’ l-opinjoni tagħha.

46

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-fatt li ma hemmx rikonoxximent reċiproku tal-miżura nazzjonali, kif tallega l-Kummissjoni, jirriżulta, prima facie, mill-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa n-natura ġustifikata tal-miżura nazzjonali u li hija kompetenti, wara dan l-eżami, li tiddeċiedi jekk din hijiex ġustifikata, parzjalment ġustifikata jew mhux ġustifikata.

47

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tallega li l-opinjoni tagħha mhijiex tali, minnha nfisha, li tinterrompi l-effetti tal-miżura nazzjonali li ġiet innotifikata lilha skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37, u li hija l-impriża kkonċernata li għandha tirreferi għall-qorti nazzjonali sabiex tikseb l-irtirar tal-miżura. Jekk jidher, prima facie, li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti li tiddikjara l-annullament tal-miżura nazzjonali, peress li hija biss il-qorti nazzjonali li tiddisponi minn poter bħal dan, il-Kummissjoni madankollu ma tistax tuża bħala bażi dan in-nuqqas ta’ kompetenza sabiex turi n-nuqqas ta’ natura deċiżjonali ta’ l-att li permezz tiegħu hija tiddikjara ruħha fuq il-validità tal-miżura nazzjonali. Minbarra dan, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li l-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru jekk il-miżura in kwistjoni ma tkunx ġiet irtirata, jew annullata, wara l-opinjoni tagħha.

48

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqitx elementi li jippermettu li jiġi pprovat, almenu prima facie, li mhuwiex eskluż il-fatt li hija kompetenti tressaq kawża sabiex tikseb l-annullament parzjali ta’ l-att in kwistjoni skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

49

Fil-fatt, il-Kummissjoni minn naħa essenzjalment issostni li huma l-miżuri meħuda, jekk ikun il-każ, mill-Istati Membri li, waħidhom jistgħu jaffettwaw lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ l-att in kwistjoni.

50

L-effett dirett tar-rikorrent, inkwantu kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, jeżiġi li l-miżura Komunitarja li dwarha sar ilment tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u li hija ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, peress li għandha natura purament awtomatika u peress li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. Dan ifisser li, fil-każ li att Komunitarju huwa indirizzat lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandu jieħu l-Istat Membru sabiex jimplementa dan l-att tkun ta’ natura awtomatika, jew jekk il-konsegwenzi ta’ l-att in kwistjoni jimponu ruħhom mingħajr dubju, dan allura jikkonċerna direttament kull persuna affettwata minn din l-azzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-att iħalli lill-Istat Membru l-possibbiltà li jaġixxi jew li ma jaġixxix jew ma jġiegħlux jaġixxi b’xi mod speċifiku, hija l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-Istat Membru li tikkonċerna direttament lill-persuna affettwata, u mhux l-att minnu nnifsu (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Mayer et vs Il-Kummissjoni, T-137/04, Ġabra p. II-1825, punti 58 u 59).

51

Il-fatt li l-att tal-Kummissjoni jeżiġi miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni ma jidhirx li jfisser prima facie, wara l-qari tad-dispożizzjonijiet applikabbli, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw in-neċessità li jiġu adottati miżuri simili għall-miżura ta’ projbizzjoni kkunsidrata ġustifikata mill-Kummissjoni. Fil-fatt jidher, prima facie, li hija l-Kummissjoni li tevalwa n-neċessità li jiġu adottati miżuri bħal dawn, peress li l-Istati Membri għandhom imbagħad, milli jidher, l-obbligu li jieħdu l-miżuri xierqa li titlob konstatazzjoni bħal din, jiġifieri li jiġi rtirat il-makkinarju mis-suq u l-projbizzjoni tat-tqegħid tagħhom fis-suq jekk dawn jipperikolaw is-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37.

52

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex eskluż li l-Istati Membri ma għandhomx, prima facie, marġni ta’ manuvra meta huma destinatarji ta’ att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinformahom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37, li miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq jew ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ ċertu makkinarju hija ġustifikata jew hija parzjalment ġustifikata. Prima facie, l-Istati Membri destinatarji jidhru li jistgħu jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew t-tħaddim tal-makkinarju msemmi mill-att tal-Kummissjoni li jiddikjara li l-miżura nazzjonali hija ġustifikata.

53

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li, fil-każ li, għall-makkinarju li jinsab fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru ma jikkonstata l-ebda periklu, għaliex il-produttur, per eżempju, għamel il-modifiki neċessarji, huwa mhuwiex kompetenti li jadotta miżuri ta’ restrizzjoni. Fil-fatt jidher prima facie li l-Istat Membru ma jistax jeżiġi l-irtirar mis-suq u jipprojbixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni u t-tħaddim ta’ makkinarju li mhuwiex ikkonċernat mill-att tal-Kummissjoni.

54

Wara din l-analiżi, għandu jiġi osservat li l-att tal-Kummissjoni donnu, prima facie, iġiegħel lill-Istati Membri destinatarji li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ makkinarju fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif ukoll li jirtiraw il-makkinarju preżenti fis-suq. L-att tal-Kummissjoni b’hekk jidher, prima facie, li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jaġixxu b’mod speċifiku, u li ma jħallilhomx, prima facie, il-possibbiltà li jaġixxu jew li ma jaġixxux peress li l-makkinarju huwa kkunsidrat, mill-Kummissjoni, bħala tali li jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, ta’ l-annimali jew tal-proprjetà.

55

Għaldaqstant prima facie ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mill-att in kwistjoni.

56

Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li suġġetti oħra minbarra d-destinatarju ta’ deċiżjoni madankollu ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni taffetwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra u, minħabba f’hekk, jidentifikawhom b’mod simili għal dak li bih huwa identifikat id-destinatarju tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223).

57

L-opinjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna espliċitament u esklużivament il-makkinarji prodotti mir-rikorrenti, billi qieset id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 bħala ġustifikata f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-preses P40VEI manifatturati qabel l-4 ta’ Awwissu 2000 u, min-naħa l-oħra, il-preses P40VE u P50VE, għandu jiġi kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li l-att ikkontestat jikkonċerna individwalment lilha.

58

Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li r-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat u li, għalhekk, ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli.

59

L-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex juri l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors fil-kawża prinċipali għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

60

Barra minn hekk, għandu jingħad li, fir-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, ir- rikorrenti ressqet rikors għal responsabbiltà bbażat fuq l-Artikolu 235 KE u fuq l-Artikolu 288(2) KE. Madankollu, fuq il-bażi ta’ l-elementi għad-dispożizzjoni tal-qorti għall-miżuri provviżorji, ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jingħad li dan ir-rikors huwa inammissibbli.

Fuq l-ammissibiltà tat-talba għal miżuri provviżorji

61

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma pprovdiet, fil-parti dwar il-fatti tat-talba għal miżuri provviżorji, ebda element konkret li jippermetti lill-qorti għall-miżuri provviżorji tevalwa s-serjetà u n-natura irreparabbli tad-dannu, u għaldaqstant, lanqas l-urġenza li tiġġustifika l-għoti tal-miżuri ta’ sospensjoni mitluba.

62

Minbarra dan, it-talba ma tistabbilixxix ir-rabta kawżali eventwali bejn l-allegat dannu u l-allegati effetti ta’ l-att ikkontestat.

63

Konsegwentement, it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

64

Għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li għalihom jirreferi l-Artikolu 104(3) ta’ l-istess regoli, ir-rikors li jibda l-proċedimenti għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom dan huwa bbażat, jirriżultaw, almenu b’mod sommarji, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Just vs Il-Kummissjoni, T-91/04, ĠabraSP p. I-A-395 u II-1801, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Frar 2006, Nijs vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T-171/05 R II, ĠabraSP p. I-A-2-329 u II-A-2-1695, punt 23).

65

Minn naħa, għandu jingħad, f’dan il-każ partikolari, li, minkejja li t-talba għal miżuri provviżorji hija redatta b’mod konċiż, jibqa’ l-fatt li hija tinftiehem u li hija tesponi, għalkemm biss b’mod sommarju, id-dannu li għalih ir-rikorrenti tqis li ġiet esposta minħabba l-att ikkontestat.

66

Fil-fatt, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li, jekk l-Istati Membri kellhom jadottaw, skond l-att ikkontestat, miżuri ta’ restrizzjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq jew tħaddim ta’ makkinarji kkonċernati minn din id-deċiżjoni, dan jaggrava dawn id-diffikultajiet finanzjarji minħabba li jaffettwa mhux biss il-bejgħ tal-makkinarji tagħha iżda wkoll l-attività kollha tagħha, li konsegwentement tista’ tkun gravament kompromessa.

67

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, f’dak li jikkonċerna l-prova tar-rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-effetti eventwali ta’ l-att ikkontestat, li din hija kwistjoni li taqa’ taħt evalwazzjoni ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-prova tal-kundizzjoni relatata ma’ l-urġenza u mhux taħt problema ta’ ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji.

68

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi mressqa mir-rikorrenti fid-domanda tagħha jagħtu indikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tat-theddida ta’ dannu gravi u irreparabbli li l-att ikkontestat jimponi fuqha.

69

Il-talba għal miżuri provviżorji għandha konsegwentement titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq il-prinċipju fumus boni juris

— L-argumenti tal-partijiet

70

Skond ir-rikorrenti, peress li l-Conseil d’État annulla, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001, l-att ikkontestat huwa nieqes minn kull bażi.

71

Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ġiet annullata mill-Conseil d’État minħabba irregolarità fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha, u mhux għal raġunijiet li jirrigwardaw is-sustanza tagħha. Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li għaldaqstant dan kien xorta jammonta għal deċiżjoni dwar il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Franċiżi, minkejja dan l-annullament mill-Conseil d’État.

72

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37 fil-fatt hija intiża sabiex tiggarantixxi livell ekivalenti ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fil-Komunità kollha. Hija tippermetti, skond il-Kummissjoni, li l-Istati Membri jiġu avżati fuq il-perikli eventwali li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-makkinarju li diġà kien is-suġġettt ta’ miżura nazzjonali restrittiva li hija ġġustifikata fuq il-mertu. Hija tqis li l-effett utli ta’ din il-proċedura jkun kompromess jekk l-annullament ta’ l-imsemmija miżura minn qorti nazzjonali minħabba difett fil-proċedura għandha neċessarjament timpedixxi lill-Kummissjoni milli tifformula l-opinjoni tagħha fuq il-miżura in kwistjoni u li tikkomunikaha lill-Istati Membri kollha.

73

Il-Kummissjoni żżid li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/37 min-naħa l-oħra ma jagħtihiex il-fakultà li ma tiddikjarax ruħha fil-każ fejn, għalkemm il-miżura nazzjonali nnotifikata ma tibqax tipproduċi effetti, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx irtira n-notifika u saħansitra jkun talab ulterjorment lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara ruħha.

74

Skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi talbuha tadotta l-att ikkontestat, minkejja s-sentenza tal-Conseil d’État, b’ittra tat-8 ta’ April 2005.

75

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li deċiżjoni ta’ qorti nazzzjonali li tannulla miżura nazzjonali ma tistax testendi l-effetti tagħha sal-punt li awtomatikament twassal għall-illegalità ta’ miżura Komunitarja bħalma huwa l-att ikkontestat, anki jekk din tiġi adottata b’rabta mal-miżura nazzjonali.

— Evalwazzjoni tal-qorti għall-miżuri provviżorji

76

Għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ġiet annullata mill-Conseil d’État b’deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Diċembru 2002.

77

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jidher li r-raġunijiet li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ma tantx huma rilevanti.

78

Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet Franċiżi ma ħadux deċiżjoni li tikkonferma l-evalwazzjonijiet tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 fir-rigward tal-makkinarji prodotti mir-rikorrenti, filwaqt li l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 li kienet motivata minn difett fil-proċedura, xejn ma jidher li jipprojbixxi, fuq il-bażi ta’ l-elementi preżenti fl-atti, li huma jadottaw minnufih miżura ġdida sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema msejħa sabiex jużaw dan il-makkinarju.

79

Madankollu, jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/37 tissupponi li miżura nazzjonali ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, ir-referenza tagħha prima facie tissuponi li din il-miżura tkun għadha teżisti fil-mument meta hija tiddeċiedi.

80

L-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/37 huwa fil-fatt, prima facie, li ssir dikjarazzjoni dwar il-mertu ta’ miżura nazzjonali, fatt li jissuponi li din il-miżura teżisti.

81

Il-Kummissjoni ma tistax, prima facie, tinvoka l-motivi li wasslu lil qorti nazzjonali sabiex tannulla deċiżjoni biex tiddeċiedi jekk din il-miżura għadhiex teżisti jew le. Minbarra dan, ma jistax jiġi eskluż, fin-nuqqas ta’ difett fil-proċedura li wassal lill-Conseil d’État jannulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001, li l-kontenut ta’ din ta’ l-aħħar kien differenti, jew li din id-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata b’illegalità fuq il-mertu indipendentement mid-difett fil-proċedura. Min-naħa l-oħra, sitwazzjoni bħal din, fejn il-Kummissjoni tinjora l-awtorità tad-deċiżjoni finali, fil-fatt toħloq, prima facie, nuqqas ta’ ċertezza legali li ma tistax tiġi aċċettata.

82

Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ notifika tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001prima facie, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex din id-deċiżjoni jew il-kontenut tagħha jibqgħu fis-seħħ, wara l-annullament tagħha. Fil-fatt, jidher li l-Kummissjoni ma tiddikjarax ruħha fuq in-notifika tal-miżura iżda fuq il-miżura nfisha.

83

Minbarra dan, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/37, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim fit-territorju tagħhom ta’ makkinarju u ta’ komponenti ta’ sigurtà li jikkonformaw ma’ l-imsemmija Direttiva 98/37.

84

F’dan il-każ partikolari, peress li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ġiet annullata mill-Conseil d’État, u peress li l-ebda miżura oħra ma ġiet adottata mill-awtoritajiet Franċiżi, il-makkinarji prodotti għandhom, milli jidher, jiġu kkunsidrati bħala konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/37, skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-imsemmija direttiva u, b’hekk, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/37. L-Istati Membri konsegwentement ma jistgħux prima facie jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim fit-territorju tagħhom.

85

L-att ikkontestat jidher, prima facie, li jġiegħelhom jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura nazzjonali ta’ protezzjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/37, li tidher, prima facie, li tmur kontra s-sistema stabbilita minn din ta’ l-aħħar.

86

Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni ta’ l-att ikkontestat tidher manifestament insuffiċjenti sabiex tassigura informazzjoni eżatta u korretta tad-destinatarji tiegħu.

87

L-att ikkontestat fil-fatt ma jagħmel l-ebda riferiment għall-annullament, mill-Conseil d’État, tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001. Nuqqas bħal dan huwa manifestament tali li jagħti l-impressjoni li l-miżura li ddikjarat ruħha fuqha l-Kummissjoni f’Settembru 2006 għadha fis-seħħ fi Franza, filwaqt li, minħabba l-annullament deċiż mill-Conseil d’État fl-4 ta’ Diċembru 2002, hija kkunsidrata li qatt ma eżistiet.

88

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi talbu fl-2005 lill-Kummissjoni tagħti opinjoni ma jidhirx, prima facie, li jista’ jawtorizza lilha tinjora d-deċiżjoni tal-Conseil d’État u l-konsegwenzi tagħha fuq l-att li jiġġustifika r-riferiment tagħha skond id-Direttiva 98/37. Minbarra dan, din it-talba ta’ l-awtoritajiet Franċiżi twassal għall-mistoqsija dwar il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-att ikkontestat iktar minn ħames snin wara n-notifika tas-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001, meta din is-sentenza kienet ġiet annullata erba’ snin qabel mill-Conseil d’État.

89

Fil-fatt prima facie jidher li jirriżulta mill-ittra indirizzata mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2005 li t-talba tagħhom kienet essenzjalment motivata mix-xewqa li tinkiseb deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tippermettielhom jassiguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura għal kumpens mibdija kontrihom mir-rikorrenti.

90

Il-motivi marbuta mas-sigurtà u mas-saħħa tal-ħaddiema invokati kemm mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża kif ukoll mill-awtoritajiet Franċiżi f’din l-ittra, fil-fatt, ma tantx jinftiehmu. B’hekk, minn naħa, kien hemm bżonn ta’ iktar minn ħames snin għall-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni, li ma tantx jidher kompatibbli ma’ għan bħal dan, li pjuttost jeżiġi miżuri urġenti. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi ma adottawx mill-ġdid miżura ta’ projbizzjoni kontra l-makkinarji tar-rikorrenti, minkejja l-fatt li l-annullament tas-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 ġie mmotivat minn difett fil-proċedura u li, għaldaqstant, jekk jiġi preżunt li miżura kienet neċessarja, xejn ma jidher li kien jipprojbixxi li huma jadottawha minnufih sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema li jużaw dawn il-makkinarji.

91

Minbarra dan għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti sostniet, fis-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, li l-makkinarji li kienu ġew eżaminati mill-awtoritajiet Franċiżi u meqjusa minnhom li jikkompromettu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni kienu s-suġġett ta’ modifiki mill-impriża Franċiża li kienet xtrat dawn il-makkinarji u li d-difetti kkonstatati f’dawn il-makkinarji ma kinux preżenti fil-makkinarji fil-mument tal-bejgħ tagħhom mir-rikorrenti.

92

Dan l-argument tar-rikorrenti, li lanqas ma jidher, prima facie, mingħajr bażi legali fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni hekk kif jirriżultaw mill-att ikkontestat, jeżiġi eżami li ma jistax jiġi mwetttaq f’dan l-istadju mill-qorti għall-miżuri provviżorji.

93

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tagħha jnisslu, fir-rigward ta’ l-elementi li għandha fid-dispożizzjoni tagħha l-qorti għall-miżuri provviżorji, dubji serji ħafna fuq il-legalità ta’ l-att ikkontestat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba ma tistax tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ każ fumus boni juris, b’tali mod li għandu jiġi eżaminat jekk hija tissodisfax il-kundizzjoni dwar l-urġenza.

Fuq l-urġenza

— L-argumenti tal-partijiet

94

Fit-talba tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment illimitat ruħha li ssostni li l-att ikkontestat jista’ jikkomprometti serjament it-tkomplija ta’ l-attivitajiet tagħha, u saħansitra timpedixxi t-tkomplija tagħhom. Hija tallega, essenzjalment, f’dan ir-rigward, li, minbarra d-dannu finanzjarju dirett u indirett li hija diġà tbati minħabba d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001, hija tista’ tiffaċċja aggravament sinjifikattiv, u saħansitra fatali, tas-sitwazzjoni finanzjarja jekk l-Istati Membri jadottaw, skond l-att ikkontestat, miżuri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim tal-makkinarji previsti f’din id-deċiżjoni.

95

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti essenzjalment speċifikat li mhux biss dan jaffettwa l-bejgħ tal-preses imsemmija mill-att ikkontestat, iżda li, barra minn hekk, f’każ bħal dan, ir-reputazzjoni ta’ dawn il-makkinarji għandha mnejn tkun serjament kompromessa, u dan, kif jirriżulta mill-fatt li din hija impriża żgħira, jista’ jaffettwa serjament l-attivitajiet kollha tagħha u, għaldaqstant, iwassalha għall-falliment, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali tagħha.

96

Ir-rikorrenti indikat ukoll, waqt is-seduta, li barra minn hekk hija kienet tesponi ruħha għar-riskju li jkollha tiffaċċja azzjonijiet għal danni u interessi ta’ klijenti tagħha minħabba l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-makkinarji mixtrija minn dawn il-klijenti.

97

Ir-rikorrenti ġiet mistiedna, waqt l-istess seduta, tikkomunika informazzjoni addizzjonali dwar il-fatturat tagħha u dwar il-bejgħ tagħha fid-diversi Stati Membri li fihom hija attiva.

98

Fuq il-bażi ta’ l-elementi li ressqet quddiem il-qorti għall-miżuri provviżorji permezz ta’ att irreġistrat fir-reġistru fid-9 ta’ Marzu 2007, il-fatturat relatat mal-preses prodotti mir-rikorrenti għadda minn EUR 2599943.18 għas-sena 2000 għal EUR 796918.25 għas-sena 2006, filwaqt li l-fatturat totali ta’ l-impriża għadda minn EUR 7188804.58 għas-sena 2000 għal EUR 4188829.20 għas-sena 2006.

99

Minbarra dan, ir-rikorrenti tispjega li l-waqgħa fil-fatturat tagħha ġiegħlha tirrikorri għal finanzjamenti u għal linji ta’ kreditu ikbar mingħand banek, peress li d-dejn tagħha għadda minn EUR 1679788 matul is-sena 2000 għal EUR 2686237 fl-aħħar tas-sena 2005, dejn li miegħu għandhom jiġu miżjuda investimenti finanzjarji addizzjonali li jammontaw għal EUR 200000 imħallsa mis-soċji matul l-ewwel ftit xhur tas-sena 2006.

100

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, aggravament fit-tnaqqis tal-fatturat tal-kumpannija tista’, skond ir-rikorrenti, twassal lill-kredituri tagħha u, b’mod partikolari, lill-banek li jirtiraw il-kreditu li tawha, li jwassal għall-falliment tagħha.

101

Minbarra dan, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li ż-żamma fis-seħħ ta’ l-att ikkontestat għandha mnejn taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tagħha u li d-dannu li jirriżulta minn dan ma jistax jiġi kkompensat kif xieraq fit-tmiem ta’ proċedura ġudizzjarja, filwaqt li miżura ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tista’ tippermetti li jiġu evitati konsegwenzi bħal dawn fis-suq.

102

Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li r-rikorrenti ma turix li hija mhedda b’dannu gravi u irreparabbli minħabba l-att ikkontestat.

103

L-ewwel nett, għandu jingħad li l-Kummissjoni tallega, rigward l-ammissibbiltà tat-talba għall-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni, li r-rikorrenti ma turix ir-rabta kawżali bejn id-dannu li hija tinvoka u l-effetti eventwali ta’ l-att ikkontestat. Il-Kummissjoni ssostni li d-dannu eventwali li tista’ ssostni r-rikorrenti fil-fatt ma jistax jirriżulta mill-att ikkontestat, iżda mill-miżuri li jittieħdu, jekk ikun il-każ, mill-Istati Membri wara dan l-att tal-Kummissjoni.

104

Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu ekonomiku li tinvoka r-rikorrenti huwa purament ipotetiku, peress li din ma turix li ġew adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — jew li dawn kienu ser jittieħdu — mill-Istati Membri wara l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat mill-Kummissjoni.

105

Minbarra dan, il-Kummissjoni tallega li, jekk wieħed jassumi li miżuri bħal dawn jiġu adottati, dawn jistgħu jikkawżaw biss dannu ta’ tip finanzjarju għar-rikorrenti li, minnu nnifsu, jista’ jiġi rimedjat.

106

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma jipprovawx li din issostni dannu gravi u irreparabbli.

107

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega li hija mhijiex f’pożizzjoni li tkun taf kemm it-tip u liema tipi ta’ preses ġew prodotti u kkummerċjalizzati mir-rikorrenti matul l-aħħar snin, iżda li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li hija setgħet tiġbor minn fuq l-Internet, din tipproduċi u tikkummerċjalizza, fil-preżenti, almenu 17-il tip ta’ pressa li minnhom 3 ġew imsemmija mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 u, għaldaqstant, mill-att ikkontestat.

108

Fit-tieni lok, id-data pprovduta mir-rikorrenti, skond il-Kummissjoni, hija marbuta biss mal-fatturat totali tagħhom u mal-fatturat tagħha fis-settur tal-preses għall-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006 u għaldaqstant jirrigwardaw biss sitwazzjoni ekonomika qabel l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat, u ma jirreflettux il-konsegwenzi tiegħu.

109

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li d-data relatata mas-sena 2006 ma tippermettix li jiġu stabbiliti l-effetti li l-att ikkontestat kellu fuq il-fatturat fis-settur tal-preses bejn il-mument ta’ l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat u l-bidu tas-sena 2007.

110

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li d-data relatata mal-fatturat tar-rikorrenti fis-settur tal-preses tirreferi mingħajr distinzjoni għat-tipi kollha ta’ preses prodotti u mibjugħa minnha. Ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda data dwar l-evoluzzjoni tal-fatturati speċifika li tirriżulta mill-bejgħ ta’ tliet tipi ta’ preses li kienu s-suġġett tal-miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni u ta’ l-att ikkontestat. Għaldaqstant hija ma tressaq l-ebda prova ta’ tnaqqis eventwali tal-fatturat marbut mat-tipi ta’ preses imsemmija mill-att ikkontestat.

111

Fil-ħames lok, skond il-Kummissjoni, il-varjazzjonijiet tal-fatturat totali tar-rikorrenti ma jirreflettux il-varjazzjonijiet tal-fatturat tagħha fis-settur tal-preses.

112

Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis progressiv tal-fatturat tas-settur kollu tal-preses (EUR 2599943.18 fl-2000, EUR 796918.25 fl-2006), bl-eċċezzjoni tal-perijodu 2003-2004 meta dan il-fatturat żdied, ma jirriflettix neċessarjament il-varjazzjonijiet fil-fatturat tas-settur tal-preses f’ċerti Stati Membri. B’hekk, skond il-Kummissjoni, minkejja t-tnaqqis tal-fatturat tas-settur kollu tal-preses bejn l-2005 u l-2006 (minn EUR 1059064.37 għal EUR 796918.25), il-fatturati tas-settur żdiedu kunsiderevolment għal dak li jirrigwarda s-suq Ġermaniż (minn EUR 262512.07 għal EUR 333812.75), Finlandiż (minn EUR 36150.00 għal EUR 50025.00), Portugiż (minn 31531.50 għal EUR 49845.00) u Pollakk (minn 0 għal EUR 33320.00).

113

Fis-seba’ lok, id-data pprovduta ma tipprovdi, skond il-Kummissjoni, l-ebda rabta bejn, minn naħa, il-varjazzjonijiet fil-fatturat fis-settur kollu tal-preses u l-varjazzjonijiet fil-fatturat Franċiż u, min-naħa l-oħra, dawn l-aħħar u l-varjazzjonijiet fil-fatturat ta’ kull Stat Membru.

114

Fit-tmien lok, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lir-rikorrenti li ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat fuq liema bażi din ikkalkulat it-telf fil-fatturat li hija tallega li sostniet minħabba d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001.

115

Fid-disa’ lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda data dwar id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni u tal-partijiet tas-suq li hija għandha, globalment u fid-diversi Stati Membri, qabel u wara l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element oġġettiv dwar il-karatteristiċi tas-suq tal-preses u dwar il-partijiet tas-suq miżmuma mir-rikorrenti f’dan is-settur, id-data pprovduta minn din fir-rigward tal-fatturat totali tagħha u tal-fatturat tagħha fis-settur tal-preses hija, skond il-Kummissjoni, irrilevanti. B’mod partikolari, hija ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk, u b’liema mod, it-tnaqqis progressiv fil-fatturat tar-rikorrenti jirrefletti l-varjazzjonijiet tas-suq in kwistjoni jew jekk dan jistax ikun dovut għal fatturi oħra.

116

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ebda element ipprovdut mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk u b’liema mod, it-tnaqqis fil-fatturat totali u t-tnaqqis fil-fatturat tas-settur tal-preses ta’ din l-aħħar għas-snin bejn 2000 u 2006 huma l-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 u ta’ l-att ikkontestat u, min-naħa l-oħra, x’inhuma l-konsegwenzi ta’ l-att ikkontestat.

117

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-att ikkontestat u, għaldaqstant, il-miżuri nazzjonali eventwali li jinvolvu din id-deċiżjoni, jikkonċernaw biss 3 mis-17-il tip ta’ pressa attwalment fabbrikati u mibjugħa mir-rikorrenti. Għaldaqstant l-att ikkontestat ma jaffettwax l-attivitajiet tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-makkinarji l-oħra li hija tipproduċi.

118

Skond il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ iktar informazzjoni, anki jekk wieħed jassumi li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ projbizzjoni hija l-konsegwenza immedjata u awtomatika tan-notifika ta’ l-att ikkontestat lill-Istati Membri, ir-rikorrenti tibqa’ ma turix l-effetti li jista’ jkollhom miżuri bħal dawn fuq il-fatturat tagħha, peress li dawn il-miżuri fil-fatt jikkonċernaw biss 3 minn 17-il tip ta’ makkinarji. Ir-rikorrenti lanqas ma turi li miżuri bħal dawn jinvolvu awtomatikament tnaqqis fil-fatturat totali, l-irtirar ċert ta’ kreditu bankarju u, fl-aħħar nett, il-falliment tagħha.

119

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li l-ammont modest ta’ ħerqa tar-rikorrenti sabiex tressaq talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni jindika n-nuqqas ta’ imminenza ta’ kwalunkwe dannu gravi u irreparabbli. Ir-rikorrenti, informata mill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat fil-11 ta’ Ottubru 2006, ippreżentat ir-rikors tagħha fil-kawża prinċipali fis-6 ta’ Diċembru 2006 u t-talba tagħha għall-miżuri provviżorji fit-18 ta’ Jannar 2007.

120

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-vantaġġ eventwali li jirriżulta mill-att ikkontestat għall-kompetituri tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li, ċertament, wieħed ma jistax jeskludi li r-rikorrenti batiet jew qiegħda fil-periklu li tbati konsegwenzi ekonomiċi minħabba d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 jew minħabba l-att ikkontestat, iżda, jekk wieħed jissupponi li effetti bħal dawn huma l-konsegwenza diretta ta’ l-att ikkontestat u mhux tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 jew ta’ l-antiċipazzjoni, mill-operaturi ekonomiċi, ta’ miżuri nazzjonali adottati wara l-att ikkontestat, dawn l-effetti jseħħu, fi kwalunkwe każ, biss fuq is-sitwazzjoni ta’ fatt tar-rikorrenti u mhux fuq is-sitwazzjoni legali tagħha.

— Evalwazzjoni tal-qorti għall-miżuri provviżorji

121

Skond ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza għanda tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li tittieħed deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irreparabbli jiġi kkawżat lill-parti li titlob il-miżura provviżorja (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Novembru 2004, European Dynamics vs Il-Kummissjoni, T-303/04 R, Ġabra p. II-3889, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Jekk dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew anki diffiċilment rimedjabbli, peress li jista’ jkun s-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri, miżura provviżorja hija ġġustifikata jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tiegħu qabel ma tingħata s-sentenza li ġġib fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il-Kummissjoni, T-181/02 R, Ġabra p. II-5081, punt 84).

123

Hija l-parti li tallega li sofriet dannu gravi u irreparabbli li għandha tipprova l-eżistenza tiegħu (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00 R, Ġabra p. I-8787, punt 14). L-imminenza tad-dannu m’għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta u huwa suffiċjenti, b’mod partikolari meta s-seħħ tad-dannu jiddependi fuq is-seħħ ta’ sett ta’ fatturi, li hija tkun prevedibbli fuq livell suffiċjenti ta’ probabbiltà [digrieti Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, punt 19 iktar ’il fuq, punt 38, u tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1998, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98 R, Ġabra p. II-2769, punt 38].

124

L-ewwel nett, rigward ir-rabta kawżali bejn id-dannu li tinvoka r-rikorrenti u l-effetti eventwali ta’ l-att ikkontestat, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie deċiż fil-punt 54 iktar ’il fuq, l-att ikkontestat jidher, prima facie, li jġiegħel lill-Istati Membri destinatarji li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ makkinarji ta’ din fit-territorju ta’ l-Istati Membri, kif ukoll sabiex tirtira l-makkinarji li huma preżenti fis-suq, u li hija ma tħallix, prima facie, lill-Istati Membri l-possibbiltà li jaġixxu jew li ma jaġixxux, iżda bil-kontra, sabiex jaġixxu b’mod partikolari.

125

Id-dannu li r-rikorrenti tallega li jeżisti r-riskju li jseħħ, jiġifieri l-ħsara kkawżata fuq il-bejgħ tal-makkinarji tagħha li huma msemmija mill-att ikkontestat u dik ikkawżata lir-reputazzjoni tagħha li tista’ taffettwa l-fatturat kollu tagħha, li jista’ jwassal għall-falliment, ma jirriżultax għaldaqstant mill-miżuri nazzjonali li sempliċement jimplementaw dan l-att f’kull Stat Membru, iżda mill-att ikkontestat bħala tali li prima facie jeżiġi li miżuri bħal dawn jiġu adottati.

126

Min-naħa l-oħra għandu jiġi eskluż immedjatament l-argument tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-allegazzjoni li, f’kull każ, mhuwiex muri li l-Istati Membri s’issa adottaw miżuri bħal dawn.

127

Fil-fatt, l-għan tat-talba għal miżuri provviżorji kien preċiżament li tipprevjeni l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn mill-Istati Membri, jekk wieħed jassumi li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri provviżorji bħal dawn ikunu kollha sodisfatti, wieħd ma jistax jistenna li l-imsemmija miżuri jiġu adottati sabiex jiġi sospiż l-att ikkontestat.

128

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkostatat li d-data pprovduta mir-rikorrenti turi tnaqqis gradwali u rilevanti, bejn l-2000 u l-2006, tal-fatturat totali tagħha, kif ukoll, b’mod partikolari, tal-fatturat tagħha fis-settur tal-preses. L-eċċezzjonijiet li jikkostitwixxu s-snin 2004 u 2006, u ċerti riżultati li huma speċifiċi skond il-pajjiż, ma jidhrux tali li jikkontestaw din it-tendenza. Għandu jiġi osservat li dan it-tnaqqis huwa ta’ 42 % f’seba’ snin għall-fatturat globali u ta’ 70 % fir-rigward tas-settur biss tal-preses.

129

Id-data ppreżentata mir-rikorrenti dwar id-dejn tagħha turi wkoll id-dejn kunsiderevoli tagħha mal-banek, li jitla għal iktar minn EUR 2600000 fl-aħħar tas-sena 2005.

130

Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li aggravament tad-diffikultajiet finanzjarji attwali tagħha jista’ jkun fatali għaliha. Dan l-aggravament jista’ jirriżulta, minn naħa, mill-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u t-tħaddim tal-makkinarji msemmija mill-att ikkontestat u, min-naħa l-oħra, mill-ħsara lir-reputazzjoni kummerċjali tagħha u lir-reputazzjoni tal-makkinarju tagħha, li tista’ tirriżulta minn miżura ta’ projbizzjoni bħal din, li tista’ taffettwa l-fatturat kollu tagħha.

131

L-ewwel nett għandu jingħad li l-implementazzjoni ta’ l-att ikkontestat tista’ twassal għall-projbizzjoni, fl-Istati Membri kollha, tal-bejgħ tat-tipi ta’ makkinarji msemmija minn din id-deċiżjoni. L-aggravament kunsiderevoli tas-sitwazzjoni finanzjarja li jirriżulta għas-settur tal-preses jidher għaldaqstant li ġie pprovat b’livell suffiċjenti ta’ probabbiltà.

132

Madankollu, il-fatturat imwettaq mir-rikorrenti fis-settur tal-preses attwalment jirrapreżenta biss ftit inqas minn 20 % tal-fatturat totali tiegħu.

133

Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar il-ħsara possibbli lir-reputazzjoni kummerċjali tagħha li tista’ tirriżulta mill-att ikkontestat, dannu li jista’ jkollu bħala konsegwenza li jaffettwa l-attivitajiet kollha tagħha.

134

Qabel kollox għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza rigward il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ impriża eliminata minn sejħa għal offerti u li tiċħad it-teżi li ħsara bħal din tammonta għal dannu gravi u irreparabbli (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Settembru 2005, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T-195/05 R, Ġabra p. II-3485, punt 126, u European Dynamics vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 82) ma tidhirx rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar ħsara lir-reputazzjoni bħal dik li tista’ taffettwa lir-rikorrenti f’dan il-każ. Il-fatt li ma jinkisibx kuntratt fil-fatt ma jistax jiġi mqabbel mal-fatt li parti mill-prodotti jiġu kkwalifikati bħala perikolużi għas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni.

135

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li n-natura dannuża tal-ħsara lir-reputazzjoni ta’ impriża, li l-makkinarji tagħha jibbenefikaw mill-marka ta’ konformità CE u li s-sigurtà tagħha hija kkontestata fin-nuqqas ta’ kull miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni skond id-Direttiva 98/37, ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C-470/03, Ġabra p. I-2749, punti 61 sa 65).

136

F’dan il-każ, għandu jingħad li deċiżjoni tal-Kummissjoni li, prima facie, hija intiża sabiex timponi fuq l-Istati Membri kollha l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għall-iskambji, f’dan il-każ tal-miżuri ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ l-imsemmija makkinarji, minħabba r-riskji kkawżati mill-makkinarji tagħha lis-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, u li jistgħu jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni ta’ l-impriża li tipproduċi dawn il-makkinarji.

137

In-natura dannuża ta’ tali ħsara għandha, għaldaqstant, tiġi rrikonoxxuta.

138

Għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-fatt li l-att ikkontestat ma jsemmi la li l-miżura nazzjonali inizjali, jiġifieri d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001, ġiet annullata mill-Conseil d’État, u lanqas li, wara dan l-annullament, l-ebda miżura ġdida ma ttieħdet mill-awtoritajiet Franċiżi.

139

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, u b’mod partikolari tal-fatt li r-rikorrenti hija impriża żgħira, li għandha produzzjoni limitata u speċjalizzata — tal-preses idrawliċi u tal-makkinarji industrijali intiżi għall-qtugħ u għall-perforazzjoni ta’ biċċiet tal-metall —, għandu jiġi kkunsidrat li ġie muri kif mitlub mil-liġi li l-att ikkontestat, li jipperikola, fl-Istati Membri kollha, is-sigurtà ta’ ċerti makkinarji li hija tipproduċi, jista’ jikkawża ħsara lir-reputazzjoni tagħha fir-rigward tal-produzzjoni kollha tagħha.

140

L-argument tal-Kummissjoni intiż li jsostni li parti biss mill-produzzjoni tar-rikorrenti tista’ tiġi affettwata mill-att ikkontestat ma tistax, għaldaqstant, tiġi milqugħa.

141

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk tali dannu huwa, f’dan il-każ, gravi u diffiċilment rimedjabbli mir-rikorrenti.

142

Fl-ewwel lok, dannu bħal dan lir-reputazzjoni kummerċjali ta’ impriża u lir-reputazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti tagħha hija tali li tikkawżala dannu li, minħabba li mhuwiex faċli li jiġi evalwat, huwa diffiċli li jiġi kkumpensat.

143

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u tal-fatt li r-rikorrenti għandha produzzjoni limitata u speċjalizzata, dannu bħal dan, barra minn hekk, jista’ jiġi deskritt bħala gravi, ladarba tali dannu jista’, minħabba l-att ikkontestat, jkollu effetti fl-Istati Membri kollha, u, konsegwentement, fis-swieq kollha li fihom topera r-rikorrenti u mhux biss fuq wieħed minnhom.

144

Fit-tieni lok, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li hija impriża żgħira u, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali tar-rikorrenti, dannu bħal dan għar-reputazzjoni tagħha jista’ jwassal għal konsegwenzi irreparabbli għall-produzzjoni tagħha, kemm fis-settur tal-preses kif ukoll fis-setturi l-oħra tagħha ta’ attività, li jikkonċernaw ukoll għodda bil-mutur u, konsegwentement, għas-sitwazzjoni finanzjarja globali tagħha. Għaldaqstant, ir-riskju li hija tfalli ma jidhirx purament ipotetiku iżda huwa, bil-kontra, prevedibbli fuq livell suffiċjenti ta’ probabbiltà.

145

Fit-tielet lok, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti tesponi ruħha, kif issostni, għal rikorsi għal kumpens imressqa mix-xerrejja tagħha jekk, skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/37, il-makkinarji li dawn ikunu xtraw mingħandha kienu ġew irtirati mis-suq. Minbarra l-fatt li miżuri bħal dawn huma wkoll tali li jikkompromettu r-reputazzjoni kummerċjali tar-rikorrenti tax-xerrejja tagħha, rikorsi bħal dawn huma wisq probabbilment tali li jaggravaw is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dannu gravi u irreparabbli li hija tinvoka.

146

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, għandu jingħad, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li l-eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat tista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli lir-rikorrenti li jipperikola l-eżistenza tagħha, b’tali mod li l-urġenza tal-miżuri mitluba tidher li ma tistax tiġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1999, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, T-44/98 R II, Ġabra p. II-1427, punt 131).

147

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-urġenza li jista’ jinvoka r-rikorrenti għandha iktar u iktar tiġi rrikonoxxuta mill-qorti għall-miżuri provviżorji peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 76 sa 93 iktar ’il fuq, l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti jidhru partikolarment serji (ara, f’dan is-sens, id-digriet L-Awstrija vs Il-Kunsill, punt 18 iktar ’il fuq, punt 110, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2006, Globe vs Il-Kummissjoni, T-114/06 R, Ġabra p. II-2627, punt 140).

148

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli li jhedded lir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

149

L-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni li d-data pprovduta mir-rikorrenti ma tippermettix li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli.

150

F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li d-dannu m’għandux ikun evalwat fil-globalità tiegħu iżda biss fir-rigward tal-makkinarji kkonċernati mill-att ikkontestat ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, id-dannu għar-reputazzjoni kummerċjali li r-rikorrenti għandha mnejn tbati, f’dan il-każ, tista’ taffettwa l-bejgħ kollu tagħha u għaldaqstant tipperikola mhux biss is-settur tal-preses, iżda l-attività kollha tagħha.

151

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tiġi akkużata li pprovdiet biss data għall-passat, f’dan il-każ għas-snin 2000 sa 2006 inklużi. Fil-fatt, din id-data tippermetti lill-qorti għall-miżuri provviżorji li tevalwa l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti u li tevalwa r-rilevanza ta’ l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tar-riskju finanzjarju li hija tiffaċċja jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi espressa, fl-Istati Membri, f’miżuri ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ tal-makkinarji previsti u rtirar ta’ dawk li qed jitħaddmu.

152

Minbarra dan, in-nuqqas ta’ data dwar l-effett fuq il-bejgħ tal-makkinarji msemmija mill-att ikkontestat wara l-adozzjoni ta’ dan l-att ma jistax jiġi invokat kontra r-rikorrenti, peress li, minn naħa, huwa stabbilit li l-att ikkontestat mhuwiex ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali, u, konsegwentement, il-klijenti tagħha ma setgħux ikunu jafu bl-eżistenza tagħha qabel ma l-Istati Membri jimplementawha u, min-naħa l-oħra, peress li huwa wkoll stabbilit li l-Istati Membri għadhom ma adottawx miżuri f’dan ir-rigward.

153

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tad-dannu li jirriżulta mill-adozzjoni, mir-Repubblika Franċiża, tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 jidher irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk l-urġenza hijiex stabbilita fil-kuntest ta’ din id-domanda, peress li l-evalwazzjoni mir-rikorrenti tad-dannu eventwali bejn l-2000 u l-2006 mhijiex kriterju sabiex tiġi ddikjarata s-sospensjoni ta’ l-att ikkontestat, u peress li din il-kwistjoni fil-fatt tikkonċerna r-rikors għal kumpens imressaq minn din ta’ l-aħħar quddiem il-qrati Franċiżi.

154

Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet dwar il-partijiet mis-suq tar-rikorrenti ma jistax, minnu nnifsu, jirrendi irrilevanti d-data li hija pprovdiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Fid-dawl ta’ l-aggravament progressiv tagħha u fid-dawl tar-riskji li tinvolvi deċiżjoni li tista’ taffettwa r-reputazzjoni tal-prodotti tagħha, il-fatt li l-partijiet tagħha mis-suq huma kbir jew le fis-settur tal-preses jidher irrilevanti.

155

Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti, billi ma introduċietx iktar malajr ir-rikors fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u billi ma ressqitx iktar malajr din it-talba quddiem il-qorti għall-miżuri provviżorji, turi bl-attitudni tagħha li l-kriterju ta’ l-urġenza mhuwiex sodisfatt.

156

Qabel kollox għandu jingħad li r-rikors fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

157

Imbagħad, għandu jiġi osservat li ma ġiex stabbilit terminu għall-introduzzjoni ta’ talba għall-miżuri provviżorji quddiem il-qorti għall-miżuri provviżorji.

158

Minkejja li l-qorti għall-miżuri provviżorji tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-mument li fih it-talba għal miżuri provviżorji ġiet ippreżentata meta hija tiddeċiedi fuq l-urġenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, AIT vs Il-Kummissjoni, T-288/02 R, Ġabra p. II-2885, punt 17), għandu jingħad li r-rikors fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2006 peress li t-talba preżenti ġiet irreġistrata fir-reġistru fit-18 ta’ Jannar 2007. Id-dewmien bejn ir-rikors fil-kawża prinċipali u t-talba għal miżuri provviżorji, f’dan il-każ partikolari, ma jistax jitqies li huwa eċċessiv u ma jurix in-nuqqas ta’ urġenza ta’ l-imsemmija talba.

159

Fit-tielet lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu gravi u irreparabbli, fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li tikkonċerna l-impatt tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha, li hija ressqet f’kull każ b’mod sussidjarju ħafna u biss fl-informazzjoni addizzjonali li hija ppreżentat lill-qorti għall-miżuri provviżorji fis-seduta.

160

Bħala konklużjoni, għandu jingħad li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni ta’ l-urġenza hija sodisfatta.

Fuq l-ibbilanċjar ta’ l-interessi

161

Il-Kummissjoni essenzjalment tallega li l-ibbilanċjar ta’ l-interessi għandu tendenza favur iċ-ċaħda tat-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni inkwantu l-interess Komunitarju li jiġi assigurat livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tas-sigurtà ekwivalenti fl-Istati Membri kollha għandu, f’kull każ, jipprevali fuq l-interess speċifiku tar-rikorrenti.

162

L-att ikkontestat għandu, skond il-Kummissjoni, l-għan li jassigura l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, li huma kompromessi mill-makkinarji msemmija fl-att ikkontestat.

163

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni damet iktar minn ħames snin sabiex toħroġ l-att ikkontestat, mingħajr ma s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li hija obbligata li tassigura ma mmotivaw azzjoni iktar mħaffa min-naħa tagħha.

164

L-unika spjegazzjoni li hija setgħet tagħti f’dan ir-rigward waqt is-seduta hija li kien neċessarju għaliha li tibda proċedura sabiex tagħżel espert, bil-għan li tanalizza l-makkinarji tar-rikorrenti, u li din il-proċedura ta’ għażla kienet itwal milli previst.

165

Minn naħa, il-Kummissjoni ma tipprovax dawn l-allegazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ma tantx jidher probabbli li l-Kummissjoni għandha bżonn iktar minn ħames snin sabiex tagħżel espert, tikseb rapport tiegħu u toħroġ opinjoni fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala suġġett l-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni meta l-magni għandhom mnejn jikkompromettu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni.

166

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li huwa biss wara li l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni dwar il-miżura li huma kienu nnotifikaw, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi ruħha fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati Franċiżi, li l-att ikkontestat finalment ġie adottat mill-Kummissjoni.

167

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li li l-ebda inċident ma seħħ wara l-adozzjoni tas-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2001 u l-uniċi miżuri adottati mill-awtoritajiet Franċiżi f’dan ir-rigward ġew annullati mill-Conseil d’État fl-2002 mingħajr ma ġew adottati miżuri ġodda wara dan l-annullament.

168

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel argument tiegħu in sostenn tal-fumus boni juris inisslu, fid-dawl ta’ l-elementi li l-qorti għall-miżuri provviżorji għandha fid-dispożizzjoni tagħha, dubji serji ħafna dwar il-legalità ta’ l-att ikkontestat.

169

Għaldaqstant, l-ibbilanċjar ta’ l-interessi ma setax ikun favur iċ-ċaħda tal-miżura ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni kif titlob il-Kummissjoni.

170

Bħala konklużjoni, peress li l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ sospensjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ l-att ikkontestat ġew sodisfatti, it-talba tar-rikorrenti għandha tintlaqa’.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

jordna:

 

1)

L-eżekuzzjoni ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni C (2006) 3914, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar miżura ta’ projbizzjoni, adottata mill-awtoritajiet Franċiżi, dwar ċerti preses mekkaniċi tal-marka IMS, hija sospiża sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Magħmul il-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2007.

E. Coulon

Reġistratur

B. Vesterdorf

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.