European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2430

3.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2430

tas-17 ta’ Awwissu 2023

li jistabbilixxi regoli dwar il-verifiki fuq il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati u għas-settur tal-banana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 90a(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), u l-Artikolu 91, l-ewwel paragrafu, il-punti (b), (f) u (g) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, li tinkludi, fost l-oħrajn, is-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati u s-settur tal-banana. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u n-notifiki relatati.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2) jipprevedi standards tal-kummerċjalizzazzjoni u verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski kollha u r-rekwiżiti għan-notifiki. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1333/2011 (3) jistabbilixxi l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, regoli dwar il-verifika tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u r-rekwiżiti għan-notifiki fis-settur tal-banana.

(3)

Fl-interess taċ-ċarezza, jixraq li jiġu inkorporati r-regoli kollha dwar il-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u mar-rekwiżiti għan-notifiki ta’ nuqqas ta’ konformità għall-prodotti u s-setturi koperti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2429 (4) f’Regolament wieħed ġdid, filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolamenti speċifiċi eżistenti. Barra minn hekk, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 u (UE) Nru 1333/2011 jitħassru bir-Regolament Delegat (UE) 2023/2429.

(4)

Għall-għanijiet tal-verifiki selettivi bbażati fuq analiżi tar-riskju, kif previst fl-Artikolu 90a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar it-tali verifiki. Jenħtieġ li jiġi deskritt fid-dettall, b’mod partikolari, ir-rwol tal-analiżi tar-riskju meta jintgħażlu l-prodotti għall-verifiki.

(5)

Kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar il-korpi ta’ spezzjoni responsabbli għat-twettiq tal-verifiki tal-konformità f’kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni. Jenħtieġ li jkun hemm awtorità kompetenti responsabbli għall-kuntatti mal-korpi ta’ spezzjoni maħtura kollha u għall-koordinazzjoni bejniethom.

(6)

Billi l-għarfien dwar il-kummerċjanti u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom huwa għodda indispensabbli fl-analiżi tal-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi stabbilita bażi tad-data dwar il-kummerċjanti tal-frott u l-ħaxix u l-banana f’kull Stat Membru. Sabiex ikun żgurat li l-atturi kollha fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni jkunu koperti u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li tiġi stipulata definizzjoni ddettaljata tal-kelma “kummerċjant”.

(7)

Il-verifiki tal-konformità jenħtieġ li jitwettqu billi jittieħdu kampjuni u jenħtieġ li jikkonċentraw fuq il-kummerċjanti li x’aktarx ikollhom oġġetti li ma jikkonformawx mal-istandards. Filwaqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi tas-swieq nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jistipulaw regoli li jagħtu prijorità lill-verifiki fuq kategoriji partikolari ta’ kummerċjanti. Għat-trasparenza, dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

(8)

Meta l-verifiki tal-konformità jidentifikaw prattiki frawdolenti jew qarrieqa possibbli fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni xierqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u jiskambjaw notifiki dwar frodi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (6).

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-esportazzjonijiet tal-frott u l-ħxejjex lejn pajjiżi terzi jikkonformaw mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiċċertifikaw il-konformità mal-Fehim ta’ Ġinevra dwar l-istandardizzazzjoni tal-frott u l-ħxejjex friski u l-frott niexef u mnixxef, konkluż fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE), u mal-Iskema għall-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali għall-frott u l-ħxejjex tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

(10)

L-importazzjonijiet ta’ frott u ħxejjex minn pajjiżi terzi jenħtieġ li jikkonformaw mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jew ma’ standards li huma ekwivalenti għalihom. Għalhekk, il-verifiki tal-konformità jenħtieġ li jitwettqu qabel ma dawn l-oġġetti jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni, ħlief fil-każ ta’ lottijiet żgħar li l-korpi ta’ spezzjoni jqisu li huma ta’ riskju baxx. Jenħtieġ li jiġi previst li f’ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji ta’ konformità sodisfaċenti, il-verifiki ta’ qabel l-esportazzjoni jistgħu jitwettqu mill-korpi ta’ spezzjoni ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tintuża dik l-alternattiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw b’mod regolari l-effettività u l-kwalità tal-verifiki mwettqa mill-korpi ta’ spezzjoni tal-pajjiżi terzi qabel l-esportazzjoni.

(11)

Il-frott u l-ħxejjex ivverifikati għall-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess tip ta’ verifika fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu applikati l-metodi ta’ spezzjoni tal-OECD rakkomandati wkoll min-NUKEE. Madankollu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi għall-verifiki fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u l-verifiki tagħhom, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fl-istess jum tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429, u japplika minn dakinhar.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għas-setturi u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni; u

(b)

r-rekwiżiti għan-notifiki ta’ nuqqas ta’ konformità wara l-verifiki tal-konformità.

KAPITOLU II

VERIFIKI DWAR IL-KONFORMITÀ MAL-ISTANDARDS TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 2

Awtoritajiet ta’ koordinazzjoni u korpi ta’ spezzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar:

(a)

awtorità kompetenti waħda responsabbli għall-koordinazzjoni u għall-kuntatti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-awtorità ta’ koordinazzjoni”; u

(b)

korp jew korpi ta’ spezzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-korpi ta’ spezzjoni”.

2.   L-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni u l-korpi ta’ spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu pubbliċi jew privati. Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għalihom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar:

(a)

l-isem u l-indirizzi postali u elettroniċi tal-awtorità ta’ koordinazzjoni li jkunu ħatru skont il-paragrafu 1, il-punt (a);

(b)

l-isem u l-indirizzi postali u elettroniċi tal-korpi ta’ spezzjoni li jkunu ħatru skont il-paragrafu 1, il-punt (b);

(c)

id-deskrizzjoni eżatta tal-isferi rispettivi ta’ attività tal-korpi ta’ spezzjoni li jkunu ħatru.

3.   L-awtorità ta’ koordinazzjoni tista’ tkun il-korp ta’ spezzjoni jew wieħed mill-korpi ta’ spezzjoni jew kwalunkwe korp ieħor maħtur skont il-paragrafu 1.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni maħtura mill-Istati Membri fuq is-sit web Europa.

Artikolu 3

Bażi tad- data tal-kummerċjanti

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bażi tad-data tal-kummerċjanti fis-setturi u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 (minn hawn ’il quddiem il-“bażi tad-data tal-kummerċjanti”), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe bażi tad-data jew bażijiet tad-data oħrajn li kienu diġà stabbiliti għal għanijiet oħrajn.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li:

(a)

iżżomm il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429, bil-għan li:

(i)

turihom u toffrihom għall-bejgħ;

(ii)

tbigħhom;

(iii)

tikkummerċjalizzahom bi kwalunkwe mod ieħor; jew

(b)

twettaq fil-prattika kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) fir-rigward tas-setturi u l-prodotti soġġetti għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni.

L-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandhom ikopru:

(a)

il-bejgħ mill-bogħod kemm bl-Internet kif ukoll b’modi oħra;

(b)

tali attivitajiet imwettqa minn persuna fiżika jew ġuridika għaliha nnifisha jew f’isem parti terza;

(c)

l-attivitajiet imwettqa fl-Unjoni u/jew permezz tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u/jew permezz tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li skonthom, il-kummerċjanti li ġejjin għandhom jiġu inklużi jew le fil-bażi tad-data:

(a)

kummerċjanti li l-attivitajiet tagħhom ikopru prodotti elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 jew prodotti li huma eżentati mill-obbligu ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament;

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għat-trasport tal-oġġetti;

(c)

kummerċjanti li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għall-bejgħ fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut.

4.   Meta l-bażi tad-data tal-kummerċjanti tkun magħmula minn diversi elementi separati, l-awtorità ta’ koordinazzjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data, l-elementi tagħha u l-aġġornament tagħhom huma uniformi.

5.   Għal kull kummerċjant, il-bażi tad-data tal-kummerċjanti għandha tinkludi:

(a)

in-numru tar-reġistrazzjoni, l-isem u l-indirizz u l-indikazzjoni tas-setturi jew tal-prodotti rilevanti li fihom jopera minn fost dawk imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

it-tagħrif meħtieġ għall-klassifikazzjoni tiegħu f’waħda mill-kategoriji tar-riskju msemmija fl-Artikolu 5(3), b’mod partikolari l-pożizzjoni fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni u tagħrif dwar kemm hi importanti l-kumpanija;

(c)

tagħrif dwar is-sejbiet minn verifiki li jkunu saru qabel fuq kull kummerċjant;

(d)

kwalunkwe tagħrif ieħor meqjus bħala tagħrif meħtieġ għall-verifiki bħat-tagħrif dwar l-eżistenza ta’ sistema għall-garanzija tal-kwalità jew ta’ sistema ta’ awtoverifika relatata mal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;

(e)

l-indikazzjoni ta’ jekk il-kummerċjant ġiex approvat f’konformità mal-Artikolu 4.

L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-bażi tad-data tal-kummerċjanti fejn meħtieġ, filwaqt li jqisu b’mod partikolari t-tagħrif miġbur matul il-verifiki tal-konformità.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-kummerċjanti kollha għandhom ikunu rreġistrati u għandhom jipprovdu t-tagħrif li l-Istati Membri jqisu meħtieġ biex jistabbilixxu u jaġġornaw il-bażi tad-data tal-kummerċjanti. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li skonthom, il-kummerċjanti mhux stabbiliti fit-territorju tagħhom imma li jagħmlu negozju fih għandhom ikunu inklużi fil-bażi tad-data tagħhom.

Artikolu 4

Kummerċjanti approvati

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil kummerċjanti kklassifikati fil-kategorija tal-aktar riskju baxx f’konformità mal-verifiki tal-konformità msemmija fl-Artikolu 5, fuq talba tagħhom u soġġett għall-għoti ta’ garanziji speċjali dwar il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, sabiex:

(a)

jiffirmaw iċ-ċertifikat tal-konformità msemmi fl-Artikolu 7;

(b)

jużaw, fit-tikkettar ta’ kull imballaġġ fl-istadju tad-dispaċċ, il-mudell stabbilit fl-Anness I għall-frott u l-ħxejjex friski u għall-banana prodotti fl-Unjoni; jew

(c)

jużaw iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni stabbilit fl-Anness II għall-banana prodotta f’pajjiżi terzi.

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għal wieħed jew tnejn mis-setturi u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429.

Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandu japplika għas-suq kollu tal-Unjoni għall-banana li tinħatt fl-Istat Membru li jkun ta l-eżenzjoni.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta’ mill-inqas sena.

3.   Il-kummerċjanti li jibbenefikaw mill-possibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

ikollhom persunal ta’ spezzjoni li jkun irċieva taħriġ jew li jkollu esperjenza rilevanti;

(b)

ikollhom tagħmir xieraq għall-preparazzjoni, għall-imballaġġ u għall-verifika tal-prodotti;

(c)

jimpenjaw ruħhom li jwettqu verifika tal-konformità tal-oġġetti li jibagħtu u jkollhom reġistru li fih ikun hemm irreġistrati l-verifiki kollha mwettqa;

(d)

jippermettu verifiki mill-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni.

4.   Meta kummerċjant awtorizzat ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni tiegħu, l-Istat Membru għandu jirtira l-awtorizzazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ kummerċjanti approvati li tindika n-numru tar-reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), kif ukoll il-prodotti u l-perjodu li għalih tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

TAQSIMA 2

Verifiki tal-konformità mwettqa mill-Istati Membri

Artikolu 5

Verifiki tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verifiki tal-konformità jitwettqu b’mod selettiv, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, u bi frekwenza xierqa, sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’, u biex jiġu identifikati prattiki frawdolenti jew qarrieqa possibbli fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament Delegat (UE) 2023/2429.

Il-kriterji biex jiġi vvalutat ir-riskju jistgħu jinkludu:

(a)

l-eżistenza ta’ ċertifikat ta’ konformità msemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament maħruġ minn awtorità kompetenti;

(b)

l-eżistenza ta’ ċertifikat ta’ konformità maħruġ minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz fejn il-verifiki tal-konformità jkunu ġew approvati skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

in-natura tal-prodott, il-perjodu tal-produzzjoni, il-prezz tal-prodott, it-temp, l-operazzjonijiet tal-imballaġġ u l-immaniġġjar, il-kundizzjonijiet tal-ħżin, il-pajjiż tal-oriġini, il-mezz tat-trasport jew il-volum tal-lott;

(d)

id-daqs tal-kummerċjanti, il-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni, il-volum jew il-valur ikkummerċjalizzat minnhom, il-firxa tal-prodotti tagħhom, iż-żona tad-distribuzzjoni jew it-tip ta’ negozju mwettaq bħal ħżin, issortjar, imballaġġ u bejgħ;

(e)

sejbiet li saru waqt verifiki preċedenti inklużi l-għadd u t-tip ta’ difetti misjuba, il-kwalità normali tal-prodotti kkummerċjalizzati, u l-livell ta’ tagħmir tekniku użat;

(f)

l-affidabbiltà tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jew tas-sistemi ta’ awtoverifika tal-kummerċjanti relatati mal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;

(g)

il-post fejn titwettaq il-verifika, b’mod partikolari jekk dan ikun il-punt tal-ewwel dħul tal-prodotti fl-Unjoni, jew jekk ikun il-post fejn il-prodotti jkunu qed jiġu ppakkjati jew ikunu qed jitgħabbew;

(h)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tindika riskju ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Iċ-ċertifikati tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), għandhom jitqiesu bħala fattur li jnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità.

3.   L-analiżi tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq it-tagħrif inkluż fil-bażi tad-data tal-kummerċjanti msemmija fl-Artikolu 3 u l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw il-kummerċjanti f’kategoriji tar-riskju abbażi ta’ tali analiżi tar-riskju.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu minn qabel:

(a)

il-kriterji biex jiġi vvalutat ir-riskju tan-nuqqas ta’ konformità tal-lottijiet;

(b)

il-proporzjonijiet minimi tal-kummerċjanti jew il-lottijiet u/jew il-kwantitajiet li se jkunu soġġetti għal verifika tal-konformità, abbażi ta’ analiżi tar-riskju għal kull kategorija ta’ riskju.

Għall-prodotti soġġetti għall-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni ġenerali, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jwettqux verifiki selettivi.

4.   Meta l-verifiki juru irregolaritajiet sinifikanti, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza tal-verifiki b’rabta mal-kummerċjanti, il-prodotti, l-oriġini, jew parametri oħra kkonċernati.

5.   Il-kummerċjanti għandhom jipprovdu lill-korpi ta’ spezzjoni bl-informazzjoni u bil-faċilitajiet kollha li dawk il-korpi jqisu neċessarji għall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-verifiki tal-konformità.

Artikolu 6

Aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet mid-dwana

1.   Id-dwana tista’ taċċetta biss dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni u/jew dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-prodotti soġġetti għal standards tal-kummerċjalizzazzjoni speċifiċi jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-oġġetti jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 7 jew, fil-każ tal-banana, miċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni stabbilit fl-Anness II; jew

(b)

il-korp ta’ spezzjoni kompetenti jkun informa lill-awtorità doganali li huwa ħareġ ċertifikat ta’ konformità għal-lottijiet ikkonċernati; jew

(c)

il-korp ta’ spezzjoni kompetenti jkun informa lill-awtorità doganali li ma ħariġx ċertifikat ta’ konformità għal-lottijiet ikkonċernati għaliex dawn ma kinux jeħtieġu li jiġu vverifikati fid-dawl tal-analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 5(1).

L-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe verifika tal-konformità li l-Istat Membru jista’ jwettaq skont l-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll il-paragrafu 1 għall-prodotti soġġetti għall-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni ġenerali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (a)(i), ta’ dak ir-Regolament Delegat jekk l-Istat Membru kkonċernat iqis li dan huwa meħtieġ fid-dawl tal-analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Ċertifikat ta’ konformità u ċertifikat ta’ eżenzjoni

1.   Iċ-ċertifikati ta’ konformità għall-frott u l-ħxejjex friski jew għall-banana soġġetti għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u ċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni għall-banana jistgħu jinħarġu minn awtorità kompetenti.

Iċ-ċertifikat ta’ konformità jinħareġ biex jikkonferma li l-prodotti kkonċernati jikkonformaw mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni rilevanti. Iċ-ċertifikat ta’ konformità li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni huwa mogħti fl-Anness III.

Għall-frott u l-ħxejjex friski, minflok iċ-ċertifikati ta’ konformità maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni, il-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 8(2) jistgħu jużaw iċ-ċertifikati tagħhom stess, sakemm ikun fihom tagħrif li jkun tal-inqas ekwivalenti għal dak mogħti fiċ-ċertifikat tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-mudelli ta’ dawn iċ-ċertifikati ta’ pajjiżi terzi fuq is-sit web Europa.

2.   Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jista’ jinħareġ mill-awtorità kompetenti biex tikkonferma li l-kummerċjant approvat inkwistjoni għandu l-kapaċità li jiggarantixxi l-konformità tal-banana importata mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni rilevanti. Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni huwa stabbilit fl-Anness II.

3.   Iċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu mill-awtorità kompetenti jew f’format stampat bit-timbru tagħha jew f’format elettroniku vverifikat. Dawn għandhom jiġu ffirmati mill-persuna jew mill-persuni mogħtija s-setgħa li jagħmlu dan mill-awtorità kompetenti jew bl-idejn jew elettronikament. Il-kummerċjanti approvati skont l-Artikolu 4 jistgħu jiffirmaw ukoll iċ-ċertifikat ta’ konformità jew bl-idejn jew elettronikament.

4.   Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu b’minn tal-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

5.   Kull ċertifikat għandu jkollu numru tas-serje li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi identifikat. L-awtorità kompetenti għandha żżomm kopja ta’ kull ċertifikat maħruġ.

TAQSIMA 3

Verifiki tal-konformità mwettqa minn pajjiżi terzi

Artikolu 8

Approvazzjoni ta’ verifiki tal-konformità mwettqa minn pajjiżi terzi qabel l-importazzjoni fl-Unjoni

1.   It-talba ta’ pajjiż terz għall-approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 għandha tispeċifika l-awtorità uffiċjali fil-pajjiż terz li taħt ir-responsabbiltà tagħha jitwettqu l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat. Dik l-awtorità għandha tkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni. It-talba għall-approvazzjoni għandha tipprovdi wkoll l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament Delegat.

2.   Il-pajjiżi terzi fejn il-verifiki tal-konformità jkunu ġew approvati taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 u dan l-Artikolu, u l-prodotti kkonċernati, huma stabbiliti fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament. Għal kwalunkwe approvazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha taġġorna dak l-Anness f’konformità mal-Artikolu 91, l-ewwel paragrafu, il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-awtoritajiet uffiċjali u tal-korpi ta’ spezzjoni kkonċernati fuq is-sit web Europa.

Artikolu 9

Sospensjoni tal-approvazzjoni tal-verifiki tal-konformità

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-approvazzjoni tal-verifiki tal-konformità mwettqa minn pajjiżi terzi jekk jinstab li, f’għadd sinifikanti ta’ lottijiet u/jew ta’ kwantitajiet, l-oġġetti ma jikkorrispondux mat-tagħrif mogħti fiċ-ċertifikati tal-konformità maħruġin mill-korpi ta’ spezzjoni tal-pajjiż terz. F’każ ta’ sospensjoni tal-approvazzjoni, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-Anness IV f’konformità mal-Artikolu 91, l-ewwel paragrafu, il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

TAQSIMA 4

Metodi ta’ spezzjoni

Artikolu 10

Metodi ta’ spezzjoni u regoli dwar is-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Il-verifiki tal-konformità previsti f’dan ir-Regolament, ħlief għal dawk fil-punt tal-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari, għandhom jitwettqu f’konformità mal-metodi ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Anness V, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament Delegat (UE) 2023/2429.

L-Istati Membri għandhom jiffissaw arranġamenti speċifiċi għall-verifika tal-konformità fil-punt tal-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari.

2.   Meta l-korp ta’ spezzjoni jsib li l-oġġetti huma konformi mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, l-entità ta’ spezzjoni tista’ toħroġ ċertifikat tal-konformità kif stipulat fl-Anness III f’konformità mal-Artikolu 7.

3.   Meta l-korp ta’ spezzjoni jsib li l-oġġetti ma jikkonformawx mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, il-korp ta’ spezzjoni għandu joħroġ sejba ta’ nuqqas ta’ konformità lill-kummerċjant jew lir-rappreżentanti tiegħu. L-oġġetti li għalihom tkun inħarġet sejba ta’ nuqqas ta’ konformità ma jistgħux jiġu mċaqalqa mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-korp ta’ spezzjoni li jkun ħareġ dik is-sejba. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stabbiliti mill-korp ta’ spezzjoni.

Il-kummerċjanti jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu l-oġġetti kollha jew uħud minnhom konformi. L-oġġetti li jinġiebu f’konformità ma’ jistgħux jiġu kkummerċjalizzati qabel ma l-korp ta’ spezzjoni jkun żgura bil-mezzi kollha xierqa li l-oġġetti jkunu fil-fatt inġiebu f’konformità. Il-korp ta’ spezzjoni għandu joħroġ, fejn applikabbli, ċertifikat tal-konformità kif ipprovdut fl-Anness III għal-lott jew għal parti minnu biss ladarba l-oġġetti jkunu nġiebu f’konformità.

Jekk korp ta’ spezzjoni jaċċetta talba ta’ kummerċjant biex l-oġġetti jinġiebu konformi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn tkun twettqet il-verifika li wasslet għal sejba ta’ nuqqas ta’ konformità, il-kummerċjant għandu jinnotifika lill-korp ta’ spezzjoni tal-Istat Membru tad-destinazzjoni bil-lott mhux konformi. L-Istat Membru li jkun ħareġ is-sejba ta’ nuqqas ta’ konformità għandu jibgħat kopja ta’ dik is-sejba lill-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-lott mhux konformi kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

Meta l-oġġetti la jkunu jistgħu jinġiebu f’konformità u lanqas ma jkunu maħsuba għall-ipproċessar industrijali, għall-użu bħala għalf tal-annimali jew għal kwalunkwe użu ieħor mhux għall-ikel, il-korp ta’ spezzjoni jista’, jekk ikun hemm bżonn, jitlob lill-kummerċjanti jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li l-prodotti kkonċernati ma jiġux ikkummerċjalizzati.

Il-kummerċjanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja mill-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

4.   Meta l-verifiki tal-konformità previsti f’dan ir-Regolament jidentifikaw prattiki frawdolenti jew qarrieqa possibbli fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni xierqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 u jiskambjaw notifiki ta’ frodi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

TAQSIMA 5

Notifiki

Artikolu 11

Notifiki

1.   Stat Membru li fih kunsinna minn Stat Membru ieħor tinstab li ma tikkonformax mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni minħabba difetti jew deterjorament li setgħu nstabu fil-mument tal-imballaġġ għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri li x’aktarx ikunu kkonċernati, inklużi dawk fejn ġew ippakkjati l-oġġetti.

2.   Stat Membru li fih lott ta’ oġġetti minn pajjiż terz jiġi rrifjutat milli jinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri li x’aktarx ikunu kkonċernati u lill-pajjiż terz ikkonċernat jekk ikun elenkat fl-Anness IV.

3.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati fil-qosor tal-ispezzjonijiet fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni f’sena partikulari sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi elenkati fl-Anness IV, din in-notifika għandha tinkludi l-għadd ta’ lottijiet ta’ oġġetti li matul is-sena preċedenti jkunu ġew irrifjutati milli jinħarġu għaċ-ċirkolazzjoni libera minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni.

4.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (7).

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1333/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-banana, regoli dwar il-verifika tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u r-rekwiżiti għan-notifikazzjonijiet fis-settur tal-banana (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 23).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2429 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati u għas-settur tal-banana, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1666/1999 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 u (UE) Nru 1333/2011 (ĠU L 2023/2429, 3.11.2023, ELI link: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2429/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).


ANNESS I

Kampjun imsemmi fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)

Image 1

 

Standard tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-frott u l-ħxejjex friski u għall-banana

Nru (tal-kummerċjant approvat)

(Stat Membru)


ANNESS II

Ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-verifika tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-banana msemmija fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), u l-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)

Kummerċjant approvat eżentat (isem, kumpanija, indirizz):

…

…

Numru tar-reġistrazzjoni maħruġ mid-dipartiment jew il-korp ta’ spezzjoni kompetenti:

…

Dipartiment jew korp kompetenti (isem, indirizz):

…

Data tal-ħruġ taċ-ċertifikat:.

…

Perjodu tal-validità taċ-ċertifikat:

…

Firma u/jew timbru uffiċjali tad-dipartiment jew il-korp kompetenti:

…


ANNESS III

Ċertifikat tal-konformità msemmi fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 10(2) u (3) għall-prodotti meħtieġa biex jikkonformaw mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea

1.

Kummerċjant

Ċertifikat ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-frott u l-ħxejjex friski u għall-banana

Nru …

(Dan iċ-ċertifikat huwa esklussivament għall-użu tal-korpi ta’ spezzjoni)

2.

Pakkjatur identifikat fuq l-imballaġġ (jekk mhuwiex il-kummerċjant)

3.

Korp ta’ spezzjoni

4.

Post ta’ spezzjoni/pajjiż tal-oriġini (1)

5.

Reġjun jew pajjiż tad-destinazzjoni

6.

Identifikatur tal-mezz tat-trasport

7.

 

☐

intern

☐

importazzjoni

☐

esportazzjoni

(Għall-banana, tirreferi għall-verifiki fid-destinazzjoni fejn xieraq)

8.

Pakketti (għadd u tip)

-

-

9.

Tip ta’ prodott (varjetà jekk l-istandard jispeċifika)

10.

Klassi tal-kwalità

11.

Piż nett totali f’kg

12.

Il-kunsinna msemmija hawn fuq tikkonforma, fil-ħin tal-ħruġ, mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.

…

…

Uffiċċju doganali previst … Post u data tal-ħruġ…

Validu sa (data):

…

…

Firmatarju (isem b’ittri majjuskoli):

Firma … Siġill tal-awtorità kompetenti…

13.

Osservazzjonijiet


(1)  Fejn l-oġġetti esportati mill-ġdid, indika l-oriġini fil-kaxxa 9.


ANNESS IV

Pajjiżi terzi fejn il-verifiki tal-konformità jkunu ġew approvati f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429 u l-prodotti kkonċernati msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament

Pajjiż

Prodotti

L-Iżvizzera

Frott u ħxejjex friski

Il-Marokk

Frott u ħxejjex friski

L-Afrika t’Isfel

Frott u ħxejjex friski

Iżrael  (1)

Frott u ħxejjex friski

L-Indja

Frott u ħxejjex friski

New Zealand

Tuffieħ, lanġas u frott tal-kiwi

Is-Senegal

Frott u ħxejjex friski

Il-Kenja

Frott u ħxejjex friski

It-Turkija

Frott u ħxejjex friski

Ir-Renju Unit:

—

il-Gran Brittanja

—

l-Irlanda ta’ Fuq  (2)

Frott u ħxejjex friski


(1)  L-approvazzjoni tal-Kummissjoni tingħata għall-frott u l-ħxejjex li joriġinaw fl-Istat ta’ Iżrael, minbarra t-territorji taħt l-amministrazzjoni Iżraeljana minn Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet tal-Golan, l-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.

(2)  F’konformità mal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 13(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għal dak il-Ftehim flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 7(3) ta’ dan il-Protokoll, fir-rigward tar-rikonoxximent fi Stat Membru wieħed ta’ regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, jew minn korp stabbilit fi Stat Membru ieħor, ir-referenzi għall-Istati Membri f’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dak il-Protokoll jagħmel applikabbli ma għandhomx jinftiehmu bħala li jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fejn jirrigwarda regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew minn korpi stabbiliti fir-Renju Unit.


ANNESS V

Metodi ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)

Il-metodi ta’ spezzjoni li ġejjin huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-kontroll tal-kwalità tal-frott u tal-ħxejjex friski adottati mill-Iskema tal-OECD għall-Applikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali għall-Frott u l-Ħaxix.

1.   DEFINIZZJONIJIET

1.1.   Pakkett

Il-parti imballata individwalment minn lott, inkluż il-kontenut. L-imballaġġ huwa maħsub biex jiffaċilita l-immaniġġjar u t-trasport ta’ għadd ta’ pakketti għall-bejgħ jew ta’ prodotti separati jew irranġati, ħalli tiġi evitata l-ħsara mill-immaniġġjar fiżiku u mit-trasport. Il-pakkett jista’ jkun pakkett għall-bejgħ. Il-kontejners għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u bl-ajru mhumiex meqjusa bħala pakketti.

1.2.   Pakkett għall-bejgħ

Il-parti imballata individwalment minn lott, inkluż il-kontenut. L-imballaġġ ta’ pakketti għall-bejgħ huwa maħsub biex jikkostitwixxi unità ta’ bejgħ għall-utent finali jew il-konsumatur finali fil-punt tax-xiri.

1.3.   Pakketti ippakkjati bil-lest

Il-pakketti ppakkjati bil-lest huma pakketti għall-bejgħ fejn l-imballaġġ ikun fih, kompletament jew parzjalment, l-oġġetti tal-ikel, iżda b’tali mod li l-kontenut ma jkunx jista’ jitbiddel mingħajr ma jinfetaħ jew jinbidel l-imballaġġ. Il-film protettiv li jkopri prodotti singoli mhux meqjus bħala pakkett ppakkjat bil-lest.

1.4.   Kunsinna

Il-kwantità ta’ prodott li għandu jinbiegħ minn kummerċjant partikolari li tinsab fil-mument tal-ispezzjoni u tkun iddefinita minn dokument. Kunsinna tista’ tikkonsisti f’tip jew diversi tipi ta’ prodotti; tista’ tinkludi lott wieħed jew aktar ta’ frott u ħxejjex friski, niexfa jew imnixxfa.

1.5.   Lott

Il-kwantità ta’ prodott li, fil-mument tal-ispezzjoni f’post wieħed, ikollha karatteristiċi simili fir-rigward ta’:

—

il-pakkjatur u/jew l-ispeditur,

—

il-pajjiż tal-oriġini,

—

in-natura tal-prodott,

—

il-klassi tal-prodott,

—

id-daqs (jekk il-prodott ikun ikklassifikat skont id-daqs),

—

il-varjetà jew it-tip kummerċjali (skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-istandard),

—

it-tip ta’ imballaġġ u l-preżentazzjoni.

Madankollu, jekk matul il-verifika tal-konformità tal-kunsinni kif iddefinit fil-punt 1.4, ikun diffiċli li ssir distinzjoni bejn il-lottijiet differenti u/jew il-preżentazzjoni ta’ lottijiet individwali ma tkunx possibbli, il-lottijiet kollha ta’ kunsinna speċifika jistgħu jiġu ttrattati bħala lott wieħed jekk ikunu simili fir-rigward tat-tip tal-prodott, l-ispeditur, il-pajjiż tal-oriġini, il-klassi u l-varjetà jew it-tip kummerċjali, jekk dan ikun previst fl-istandard rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni.

1.6.   Kampjunar

Il-kampjuni kollettivi meħuda temporanjament minn lott waqt verifika tal-konformità.

1.7.   Kampjun primarju

Il-pakkett meħud mil-lott b’mod aleatorju, fil-każ ta’ prodotti ppakkjati jew, fil-każ ta’ prodotti bl-ingrossa (tagħbija diretta f’vettura tat-trasport jew kompartiment tagħha), kwantità meħuda b’mod aleatorju minn punt fil-lott.

1.8.   Kampjun bl-ingrossa

Diversi kampjuni primarji li suppost jirrappreżentaw il-lott biex il-kwantità totali tkun biżżejjed biex tippermetti l-valutazzjoni tal-lott fir-rigward tal-kriterji kollha.

1.9.   Kampjun sekondarju

Kwantità ndaqs ta’ prodotti meħuda b’mod aleatorju mill-kampjun primarju.

Fil-każ tal-ġewż ippakkjat, il-kampjun sekondarju għandu jkun jiżen bejn 300 g u 1 kg. Jekk il-kampjun primarju jkun magħmul minn pakketti li fihom pakketti għall-bejgħ, il-kampjun sekondarju għandu jkunu pakkett għall-bejgħ wieħed jew aktar li flimkien ikunu jiżnu mill-inqas 300 g.

Fil-każ tal-prodotti ppakkjati l-oħra, il-kampjun sekondarju għandu jkun fih 30 unità, f’każ li l-piż nett tal-pakkett ikun 25 kg jew inqas u l-pakkett ma jkun fih l-ebda pakkett għall-bejgħ. F’ċerti każijiet dan ifisser li l-kontenut kollu tal-pakkett irid jiġi vverifikat, jekk il-kampjun primarju ma jkunx fih aktar minn 30 unità.

1.10.   Kampjun aggregat (prodotti niexfa u mnixxfa biss)

Kampjun aggregat huwa taħlita, li tiżen mill-inqas 3 kg, tal-kampjuni sekondarji kollha meħuda mill-kampjun bl-ingrossa. Il-prodotti fil-kampjun aggregat għandu jkun mħallat b’mod ugwali.

1.11.   Kampjun imnaqqas

Il-kwantità ta’ prodotti meħuda b’mod aleatorju mill-kampjun bl-ingrossa jew dak aggregat li d-daqs tiegħu jkun ristrett għall-kwantità minima meħtieġa iżda biżżejjed biex jippermetti l-valutazzjoni ta’ ċertu kriterji individwali.

Jekk il-metodu ta’ spezzjoni jeqred il-prodott, id-daqs tal-kampjun imnaqqas ma għandux jaqbeż l-10 % tal-kampjun bl-ingrossa jew, fil-każ tal-ġewż bil-qoxra, 100 ġewża meħuda mill-kampjun aggregat. Fil-każ tal-prodotti żgħar niexfa jew imnixxfa (jiġifieri 100 g tinkludi aktar minn 100 unità) il-kampjun imnaqqas ma għandux jaqbeż it-300 g.

Għall-valutazzjoni tal-kriterji tal-grad ta’ żvilupp u/jew ta’ sajran, il-kampjunar għandu jiġi kkostitwit skont il-metodi oġġettivi deskritti fil-Gwida għat-Testijiet Oġġettivi għad-Determinazzjoni tal-Kwalità tal-Frott u l-Ħaxix u l-Prodotti Niexfa u Mnixxfa.

Bosta kampjuni mnaqqsa jistgħu jittieħdu minn kampjun bl-ingrossa jew aggregat biex l-konformità tal-lott tiġi ċċekkjata skont kriterji differenti.

2.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-VERIFIKA TAL-KONFORMITÀ

2.1.   Kumment ġenerali

Verifika tal-konformità għandu jsir permezz ta’ valutazzjoni tal-kampjuni li jintgħażlu b’mod aleatorju minn punti differenti fil-lott li għandu jiġi kkontrollat. Dan hu msejjes fuq il-prinċipju ta’ preżunzjoni li l-kwalità tal-kampjuni tirrappreżenta l-kwalità tal-lott.

2.2.   Post tal-kontroll

Verifika tal-konformità jista’ jitwettaq matul l-operazzjoni tal-ippakkjar, fil-punt tad-dispaċċ, matul it-trasport, fil-punt tal-wasla, fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jew tal-bejgħ bl-imnut.

Fil-każijiet fejn il-korp tal-ispezzjoni ma jwettaqx il-kontroll tal-konformità fil-kwartieri tiegħu stess, id-detentur għandu jipprovdi l-faċilitajiet li jippermettu t-twettiq ta’ verifika tal-konformità.

2.3.   Identifikazzjoni ta’ lottijiet u/jew formazzjoni ta’ idea ġenerali tal-kunsinna

L-identifikazzjoni tal-lottijiet għandha titwettaq abbażi tal-immarkar tagħhom jew kriterji oħra, bħalma huma l-indikazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Fil-każ ta’ kunsinni magħmula minn diversi lottijiet, huwa neċessarju li l-ispettur jieħu idea ġenerali tal-kunsinna bl-għajnuna tad-dokumenti ta’ akkumpanjament jew tad-dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw il-kunsinni. Imbagħad, l-ispettur għandu jiddetermina kemm il-lottijiet ippreżentati jikkonformaw mal-informazzjoni f’dawn id-dokumenti.

Jekk il-prodott ikun se jitgħabba jew ikun tgħabba fuq mezz tat-trasport, in-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ dan tal-aħħar għandu jintuża biex tiġi identifikata l-kunsinna.

2.4.   Preżentazzjoni tal-prodott

L-ispettur għandu jiddeċiedi liema pakketti għandhom ikunu vverifikati. Il-preżentazzjoni għandha ssir mill-operatur u għandha tinkludi l-preżentazzjoni tal-kampjun bl-ingrossa kif ukoll il-forniment tal-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġu identifikati l-kunsinna jew il-lott.

Jekk ikunu meħtieġa kampjuni mnaqqsa jew sekondarji, dawn għandhom jiġu identifikati mill-ispettur innifsu mill-kampjun bl-ingrossa.

2.5.   Verifika fiżika

—

Valutazzjoni tal-imballaġġ u l-preżentazzjoni:

L-imballaġġ, inkluż il-materjal użat fil-pakkett, għandu jkun ittestjat għall-adegwatezza u l-indafa skont id-dispożizzjonijiet tal-istandard rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni. Dan għandu jsir abbażi tal-kampjuni primarji, fil-każ tal-prodott ippakkjat u fil-każijiet l-oħra kollha abbażi tal-vettura tat-trasport. Jekk ikunu permessi biss ċerti tipi ta’ imballaġġi jew preżentazzjoni, l-ispettur għandu jiċċekkja jekk dawn ikunux qed jintużaw.

—

Verifika tal-immarkar:

L-ispettur għandu jiċċekkja jekk il-prodott ikunx immarkat skont l-istandard rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni. Dan għandu jinkludi verifika fuq l-akkuratezza tal-immarkar u/jew l-estent ta’ kwalunkwe emenda meħtieġa.

Fil-każ tal-prodotti ppakkjati, din il-verifika għandha titwettaq abbażi tal-kampjuni primarji, fil-każijiet l-oħra kollha abbażi tad-dokumenti mwaħħla fuq il-palit jew mal-vettura tat-trasport.

Frott u ħxejjex imgeżwra individwalment fil-plastik ma għandhomx jitqiesu bħala oġġetti tal-ikel ippakkjati bil-lest skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ma għandhomx neċessarjament ikunu mmarkati f’konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. F’dawn il-każijiet, it-tgeżwir tal-plastik jista’ jitqies bħala protezzjoni sempliċi ta’ prodotti fraġli.

—

Verifika tal-konformità tal-prodott:

L-ispettur għandu jiddetermina l-qies tal-kampjun bl-ingrossa b’tali mod li jippermetti valutazzjoni tal-lott. Huwa jagħżel b’mod aleatorju l-pakketti li għandhom ikunu spezzjonati jew, fil-każ ta’ prodott bl-ingrossa, il-punti tal-lott li minnhom għandhom jittieħdu kampjuni individwali.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li t-tneħħija tal-kampjuni ma taffettwax ħażin il-kwalità tal-prodott.

Pakketti bil-ħsara ma għandhomx jintużaw bħala parti minn kampjun bl-ingrossa. Għandhom jitwarrbu u jistgħu, fejn meħtieġ, ikunu soġġetti għal eżaminazzjoni u rapport separati.

Il-kampjun bl-ingrossa għandu jkun magħmul mill-kwantitajiet minimi li ġejjin kull meta lott ikun iddikjarat li mhux sodisfaċenti jew ir-riskju ta’ prodott li ma jikkonformax mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni jkun irid jiġi eżaminat:

Prodott ippakkjat

Għadd ta’ pakketti fil-lott

Għadd ta’ pakketti li għandhom jittieħdu (kampjuni primarji)

Sa 100

5

Minn 101 sa 300

7

Minn 301 sa 500

9

Minn 501 sa 1 000

10

Iktar minn 1 000

15 (minimu)

Prodott bl-ingrossa

(tagħbija diretta f’vettura tat-trasport jew f’kompartiment tagħha)

Kwantità tal-lott f’kg jew għadd ta’ munzelli fil-lott

Kwantità ta’ kampjuni primarji f’kg jew għadd ta’ munzelli

Sa 200

10

Minn 201 sa 500

20

Minn 501 sa 1 000

30

Minn 1 001 sa 5 000

60

Iktar minn 5 000

100 (minimu)

Fil-każ ta’ frott u ħxejjex bl-ingrossa (aktar minn 2 kg għal kull unità), il-kampjuni primarji għandhom ikunu magħmula minn tal-inqas ħames unitajiet. Fil-każ ta’ lottijiet li jinvolvu inqas minn ħames pakketti jew jiżnu inqas minn 10 kg, il-verifika għandha tkopri l-lott kollu.

Jekk l-ispettur jiskopri, wara spezzjoni, li ma tistax tintlaħaq deċiżjoni, għandha titwettaq verifika fiżika oħra u r-riżultat kumplessiv ikun irrappurtat bħala medja taż-żewġ verifiki.

2.6.   Kontroll tal-prodott

Fil-każ tal-prodott ippakkjat, il-kampjuni primarji għandhom jintużaw biex tiġi ċċekkjata d-dehra ġenerali tal-prodott, il-preżentazzjoni, l-indafa tal-pakketti u t-tikkettar. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn il-verifiki għandhom jitwettqu abbażi tal-lott jew il-vettura tat-trasport.

Il-prodott għandu jitneħħa totalment mill-imballaġġ tiegħu għall-verifika tal-konformità. L-ispettur jista’ jiddisponi minn dan fejn il-kampjunar ikun ibbażat fuq kampjuni aggregati.

L-ispezzjoni tal-uniformità, ir-rekwiżiti minimi, il-klassijiet ta’ kwalità u daqs għandha titwettaq abbażi ta’ kampjun bl-ingrossa, jew abbażi ta’ kampjun aggregat fejn jitqiesu l-fuljetti ta’ spjegazzjoni ppubblikati mill-Iskema tal-OECD għall-Applikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali għall-Frott u l-Ħaxix.

Fejn jiġu osservati difetti, l-ispettur għandu jaċċerta l-perċentwali rispettiv tal-prodott mhux konformi mal-istandard b’għadd jew piż.

Id-difetti esterni għandhom jiġu vverifikati abbażi tal-kampjun bl-ingrossa jew tal-kampjun aggregat. Ċertu kriterji dwar il-livell ta’ żvilupp u/jew sajran jew dwar il-preżenza jew in-nuqqas ta’ difetti interni jistgħu jiġu vverifikati abbażi ta’ kampjuni mnaqqsa. Il-verifika bbażata fuq kampjun imnaqqas tapplika b’mod partikolari għall-verifiki li jeqirdu l-valur kummerċjali tal-prodott.

Il-kriterji tal-grad ta’ żvilupp u/jew ta’ sajran, għandhom jiġu vverifikati bl-użu ta’ strumenti u metodi stabbiliti għal dan il-għan fl-istandard rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni jew skont il-Gwida għat-Testijiet Oġġettivi għad-Determinazzjoni tal-Kwalità tal-Frott u l-Ħaxix u l-Prodotti Niexfa u Mnixxfa.

2.7.   Rapport tar-riżultati tal-kontroll

Id-Dokumenti msemmija fl-Artikolu 7 għandhom jinħarġu fejn xieraq.

Jekk jinstabu difetti li jwasslu għan-nuqqas ta’ konformità, in-negozjant jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun infurmat bil-miktub dwar dawn id-difetti u l-perċentwal misjub kif ukoll bir-raġunijiet tan-nuqqas ta’ konformità. Jekk il-konformità tal-prodott mal-istandard tkun possibbli permezz ta’ bidla fl-immarkar, il-kummerċjant jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom ikunu infurmati.

Jekk jinstabu d-difetti fi prodott, għandu jkun indikat il-perċentwali misjub li ma jkunx konformi mal-istandard.

2.8.   Tnaqqis fil-valur permezz tal-verifika tal-konformità

Wara l-verifika tal-konformità, il-kampjun bl-ingrossa jew il-kampjun aggregat jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-operatur jew ir-rappreżentant tiegħu.

Il-korp ta’ spezzjoni ma għandux ikun marbut li jagħti lura l-elementi tal-kampjun bl-ingrossa jew tal-kampjun aggregat meqrud matul il-verifika tal-konformità.


(1)  Id-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2430/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)