21.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/122


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1191

tal-20 ta' Lulju 2015

dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-Artemisia vulgaris L. bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' April 2013, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mingħand l-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-Artemisia vulgaris L. bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fil-25 ta' Awwissu 2014, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni b'Rapport Tekniku dwar is-sustanza kkonċernata (2). Fis-27 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' analiżi (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-Artemisia vulgaris L. lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Id-dokumentazzjoni li ressaq l-applikant turi li l-Artemisia vulgaris L. tissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, ix-xorb alkoħoliku mill-ispeċi Artemisia huwa inkluż fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti sustanzi, li jkunu preżenti b'mod naturali fl-aromatizzanti u fl-ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, f'ċertu ikel kompost kif ikkonsmat li miegħu ġew miżjuda l-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, fl-ikel kompost elenkat f'dik il-Parti B, il-livelli massimi ma għandhomx jinqabżu minħabba l-użu ta' aromatizzanti u/jew ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Għaldaqstant, l-ispeċi Artemisia ma tistax tintuża bħala oġġett tal-ikel mingħajr kwalifika.

(4)

Ġie identifikat tħassib speċifiku fir-Rapport Tekniku tal-Awtorità dwar l-esponiment għat-tujon, l-ewkaliptol u l-kamfor u r-riskju għall-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib, il-konsumaturi u l-organiżmi mhux fil-mira.

(5)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-Rapport Tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta' analiżi. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(6)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib relatat mas-sustanza ma jistax jiġi eliminat.

(7)

Għaldaqstant, fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, jixraq li l-Artemisia vulgaris L. ma tiġix approvata bħala sustanza bażika.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-Artemisia vulgaris L. bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta' approvazzjoni bħala sustanza bażika

Is-sustanza Artemisia vulgaris L. mhijiex approvata bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for Artemisia vulgaris for use in plant protection as insecticide/repellent on orchards, vineyards and vegetables (L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika għall-Artemisia vulgaris biex tintuża għall-protezzjoni tal-pjanti bħala insettiċida/repellent fil-ġonna tas-siġar tal-frott, fid-dwieli u fil-ħxejjex). Il-pubblikazzjoni ta' sostenn tal-EFSA 2014:EN-644. 36pp.

(3)  http://ec.europa.eu/sanco_pesticides/public/?event=homepage

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).