|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3122 |
17.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3122
tas-16 ta’ Diċembru 2024
li jawtorizza eżenzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar fil-kaxxi għat-trasport tad-demm u l-friżers għat-tkessiħ rapidu b’kuntatt għall-plażma tad-demm
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-punt 4 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573 jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni awtonomu, ħlief chillers, li jkun fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, mill-1 ta’ Jannar 2025, ħlief jekk dan ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat. |
|
(2) |
Fl-14 ta’ Ottubru 2024, l-awtoritajiet kompetenti Lussemburgiżi ressqu talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, għall-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni li permezz tagħha fis-suq tal-Unjoni tkun possibbli l-introduzzjoni ta’ kaxxi għat-trasport tad-demm u ta’ friżers għat-tkessiħ rapidu b’kuntatt għall-plażma tad-demm, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573. |
|
(3) |
Il-kaxxi għat-trasport tad-demm huma sistemi uniċi għall-ġbir, il-ħżin u l-konsenja tad-demm. Iżommu d-demm jew il-komponenti tad-demm f’temperatura protettiva u stabbli bejn iż-2 °C u s-6 °C, jew il-komponenti tal-pjastrini bejn l-20 °C u l-24 °C sakemm ikunu lesti għall-użu. Il-friżers għat-tkessiħ rapidu b’kuntatt għall-plażma tad-demm huma apparati użati għall-iffriżar rapidu tal-plażma tad-demm b’temperatura fil-qalba ta’ – 30 °C. |
|
(4) |
It-talba għall-eżenzjoni tiddikjara li bħalissa l-kaxxi għat-trasport tad-demm u l-friżers għat-tkessiħ rapidu b’kuntatt għall-plażma tad-demm jiddependu ħafna mill-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ aktar minn 150 u li jeżistu ħafna sfidi tekniċi fl-iżvilupp ta’ tagħmir li jista’ juża sustanzi alternattivi mingħajr ma tkun kompromessa s-sikurezza. Sabiex jiġi żgurat li l-alternattivi jintużaw b’mod sikur, li jsiru l-bidliet meħtieġa fid-disinn u biex il-kostijiet jinżammu f’livell proporzjonat, ikun hemm bżonn iż-żmien biex tiġi ffaċilitata l-bidla għal refriġeranti b’valur GWP inqas minn 150. Barra minn hekk, jeżisti wkoll riskju għad-disponibbiltà tal-prodotti fis-suq, fil-każ li l-manifatturi tat-tali tagħmir ma jkunux jistgħu jibqgħu jipprovduh. Fin-nuqqas ta’ eżenzjoni, tali tagħmir ukoll mhux se jkun permess għall-esportazzjoni mit-12 ta’ Marzu 2025, f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2024/573. |
|
(5) |
It-talba għall-eżenzjoni titlob estensjoni ta’ sentejn mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq biex ikunu jistgħu jiġu finalizzati l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ magni konformi ġodda u tiġi żgurata l-kontinwità fil-provvista tal-prodotti kritiċi tad-demm essenzjali għal ħafna interventi mediċi urġenti u vitali. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-talba għall-eżenzjoni u tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/573 huma ssodisfati. Il-Kummissjoni tqis ukoll li f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn, jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien biex jiġi evitat tfixkil fis-suq fil-provvista ta’ tali tagħmir essenzjali. Il-Kummissjoni tqis li perjodu ta’ sentejn ikun iġġustifikat f’dan il-każ eċċezzjonali. |
|
(7) |
Meta jitqies li l-projbizzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni tat-tip ta’ tagħmir imsemmi fl-eżenzjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbilit bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Permezz ta’ deroga mill-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573, l-introduzzjoni fis-suq tal-kaxxi għat-trasport tad-demm u l-friżers għat-tkessiħ rapidu b’kuntatt għall-plażma tad-demm li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, hija awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026, dment li jkunu ttikkettati skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/573.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3122/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)