28.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1759

tas-27 ta' Settembru 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni tal-antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1175/2005 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju speċifiku ta' EUR 6,30/tunnellata u EUR 8,10/tunnellata għal żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi b'rata tad-dazju individwali u EUR 56,40/tunnellata għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fiċ-Ċina.

(2)

F'Awwissu 2011, wara rieżami ta' skadenza (“ir-rieżami ta' skadenza preċedenti”), il-miżuri ġew estiżi għal perjodu ta' ħames snin mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 831/2011 (3).

1.2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta' notifika ta' skadenza imminenti tal-miżuri antidumping fis-seħħ (4), fit-12 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“it-talba”).

(4)

It-talba tressqet minn Solvay & CPC Barium Strontium GmbH & Co. KG, il-Ġermanja (“l-applikant”), l-uniku produttur tal-karbonat tal-barju fl-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri antidumping definittivi x'aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni ta' dumping u ta' ħsara.

1.3.   Il-bidu

(5)

Billi ġie ddeterminat, wara li ġie kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni ħabbret fit-18 ta' Awwissu 2016, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) (“in-Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Il-partijiet interessati

(6)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-applikant, lill-prodotturi esportaturi magħrufa, lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi magħrufa u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati mill-bidu tal-investigazzjoni u stednithom sabiex jipparteċipaw.

(7)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali skont iż-żmien stipulat fin-Notifika ta' Bidu.

1.5.   Il-pajjiż analogu

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu, fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hija pprevediet l-Indja bħala pajjiz terż b'ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”) fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u stednithom jikkummentaw dwar din l-għażla. Ma wasal l-ebda kumment f'dan ir-rigward.

(9)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet Indjani u lill-produtturi magħrufa tal-karbonat tal-barju u stednithom biex jikkooperaw. L-ebda produttur fl-Indja ma kkoopera fil-provvediment tal-informazzjoni mitluba.

(10)

B'mod parallel, il-Kummissjoni fittxet il-kooperazzjoni ta' produtturi magħrufa f'pajjiżi analogi oħrajn potenzjali u kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet rilevanti fil-Brażil, fl-Iran u fir-Repubblika tal-Korea u fl-Istati Uniti, billi stednithom jipprovdu l-ismijiet u l-indirizzi ta' assoċjazzjonijiet ta' produtturi u produtturi li huma magħrufa li jipproduċu u jbigħu l-karbonat tal-barju fis-suq tagħhom. Madankollu, l-ebda produttur minn dawn il-pajjiżi ma kien lest li jikkoopera.

1.6.   Kampjunar

(11)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li hija tista' tieħu kampjun mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(12)

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, fin-Notifika ta' Bidu kien previst kampjunar.

(13)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(14)

L-ebda produttur esportatur Ċiniż ma ppreżenta ruħu. Il-kampjunar għalhekk ma kienx neċessarju.

Il-kampjunar tal-importaturi

(15)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-importaturi kollha magħrufa mhux relatati u talbithom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(16)

Sitt importati ppreżentaw ruħhom, identifikaw lilhom infushom u pprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' Bidu.

(17)

Fid-dawl tal-għadd żgħir ta' importaturi, il-Kummissjoni għażlet li ma tagħżilx kampjun u tibgħat il-kwestjonarju lis-sitt importaturi kollha li identifikaw lilhom infushom. Madankollu, kif stabbilit fil-premessi 19 ta' hawn isfel, l-ebda wieħed minn dawn l-importaturi ma wieġeb għall-kwestjonarju.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta' verifika

(18)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-uniku produttur tal-Unjoni, lis-sitt importaturi u lis-sitta u tmenin utent li ppreżentaw ruħhom, lill-erba' produtturi esportaturi Ċiniżi kollha magħrufa u lil 20 produttur magħruf f'pajjiżi analogi potenzjali (18 fl-Indja, wieħed fl-Iran u wieħed fl-Istati Uniti).

(19)

Ġew riċevuti tweġibiet għall-kwestjonarji mill-uniku produttur tal-Unjoni u minn 15-il utent. L-ebda produttur esportatur Ċiniż u l-ebda produttur fil-pajjiżi analogi potenzjali ma kkooperaw. Bl-istess mod, u filwaqt li fil-bidu identifikaw lilhom infushom, kif stabbilit fil-premessa 16 ta' hawn fuq, l-ebda wieħed mill-importaturi li ppreżenta ruħu ma wieġeb għall-kwestjonarju li kien sussegwentement mibgħut mill-Kummissjoni.

(20)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping, il-ħsara li tirriżulta minnu u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Il-produttur tal-Unjoni

—

Solvay & CPC Barium Strontium GmbH & Co. KG, il-Ġermanja

 

L-utenti

—

Esmalglass, S.A.U, Villareal, Spanja

—

Torrecid, S.A, L'Alcora, Spanja

—

BorsodChem Zrt, Kazincbarcika, l-Ungerija

1.8.   Perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(21)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2016 (il-“perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sat-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami (il-“perjodu kkunsidrat”).

1.9.   L-iżvelar

(22)

Il-partijiet kollha interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien intenzjonat li tinżamm il-miżura antidumping definittiva eżistenti. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

2.   IL-PRODOTT LI QED JIĠI RIEŻAMINAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

(23)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-karbonat tal-barju b'kontenut ta' stronzju ta' aktar minn 0,07 % skont il-piż u b'kontenut ta' kubrit ta' aktar minn 0,0015 %, kemm jekk fi trab, f'għamla granulari jew granulari kalċinata ppressata (“il-prodott li qiegħed jiġi rieżaminat”), li joriġina mir-RPĊ, li fil-preżent jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2836 60 00 (il-kodiċi TARIC 2836600010).

(24)

Il-karbonat tal-barju jintuża bħala materja prima għal diversi industriji. Primarjament, dan jintuża fil-produzzjoni ta' frits taċ-ċeramika u verniċ, briks u madum, ħġieġ bi skop speċjali u fl-industrija tal-kimika.

2.2.   Il-prodott simili

(25)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott li qiegħed jiġi rieżaminat,

—

il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u tal-Indja, u

—

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(26)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(27)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx qed iseħħ dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hijiex probabbli li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping.

(28)

Kif imsemmi fil-premessa 14, l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera f'din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ċiniżi li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-fatti disponibbli jistgħu jintużaw fir-rigward tal-produttur esportatur Ċiniż sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx dumping fil-preżent u l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta mingħand l-awtoritajiet Ċiniżi f'dan ir-rigward.

(29)

Fuq il-bażi ta' dan, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza tad-dumping u tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod partikolari:

(i)

l-informazzjoni inkluża fit-talba,

(ii)

l-istatistika tal-Eurostat u d-dejta rrappurtata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)”),

(iii)

l-istatistika disponibbli għall-pubbliku tal-Bażi tad-Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi u COMTRADE (6); u

(iv)

l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (7).

3.2.   Dumping

3.2.1.   Produtturi esportaturi li ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq fl-investigazzjoni oriġinali

3.2.1.1.   Il-valur normali

(30)

Żewġ produtturi esportaturi ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq (“MET”) fl-investigazzjoni oriġinali. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni, il-valur normali għal dawn il-produtturi esportaturi kien, kif xieraq, imsejjes fuq il-fatti disponibbli.

(31)

Il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn swieq oħrajn ta' pajjiżi terzi b'ebda miżura antidumping fis-seħħ kif ġie rreġistrat fil-Bażi tad-Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(32)

Dan ġie ikkunsidrat bħala l-aktar metodoloġija raġonevoli minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni oħra disponibbli minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni.

3.2.1.2.   Il-prezzijiet tal-esportazzjoni

(33)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż, il-prezz tal-esportazzjoni kien imsejjes fuq il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami minn żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li ngħataw MET matul l-investigazzjoni oriġinali.

3.2.1.3.   Paragun

(34)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti fuq bażi ex-works. Għall-iskop ta' tqabbil ġust, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ġew aġġustati għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. L-aġġustamenti saru għall-merkanzija fuq il-baħar, għall-ispejjeż tat-trasport u għall-merkanzija interna msejsa fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u l-informazzjoni fit-talba skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.2.1.4.   Marġni ta' dumping

(35)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat kif stabbilit hawn fuq skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(36)

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas kien madwar 30 % għal Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd. u madwar 20 % għal Zaozhuang Yongli Chemical Co.

3.2.2.   Produtturi esportaturi li ma ngħatawx trattament ta' ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni oriġinali

3.2.2.1.   Pajjiż analogu

(37)

Għal dawk il-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx MET fl-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”).

(38)

L-Indja ntgħażlet bħala pajjiż analogu fir-rieżami ta' skadenza preċedenti. Għalhekk, fin-Notifika ta' Bidu ta' dan ir-rieżami, il-Kummissjoni pproponiet li terġa' tuża l-Indja bħala pajjiż analogu u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw.

(39)

Kif imsemmi fil-premessa 10, il-Kummissjoni fittxet ukoll il-kooperazzjoni ta' pajjiżi analogi oħra potenzjali, jiġifieri l-Brażil, l-Iran, ir-Repubblika tal-Korea u l-Istati Uniti, billi stiednet lill-produtturi magħrufa biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

(40)

Madankollu, l-ebda produttur minn dawn il-pajjiżi ma qabel li jikkoopera mal-proċediment. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni għal kwalunkwe pajjiż ieħor fejn tista' ssir il-produzzjoni tal-karbonat tal-barju.

3.2.2.2.   Valur normali

(41)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni deskritt hawn fuq mill-produtturi fi kwalunkwe pajjiż analogu potenzjali, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(42)

Il-valur normali f'dan ir-rigward ġie stabbilit abbażi tal-ispiża medja tal-manifattura tal-industrija tal-Unjoni billi żdied ammont għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitti. L-SG&A kienu msejsa fuq l-SG&A attwali tal-industrija tal-Unjoni li jappartjenu għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li l-profitti kienu msejsa fuq il-profitti li jappartjenu għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku użat għal kull analoġija.

(43)

Dan ġie kkunsidrat bħala l-aktar metodoloġija raġonevoli minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni oħra disponibbli minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni.

3.2.2.3.   Prezz tal-esportazzjonijiet

(44)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) għall-importazzjonijiet li saru fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami minn dawk il-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx MET matul l-investigazzjoni oriġinali.

3.2.2.4.   Paragun

(45)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti fuq bażi ex-works. Fejn dan kien iġġustifikat għall-iskop ta' tqabbil ġust, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ġew aġġustati għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. L-aġġustamenti saru għall-merkanzija fuq il-baħar, għall-ispejjeż tat-trasport u għall-merkanzija interna msejsa fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u l-informazzjoni fit-talba skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.2.2.5.   Marġni ta' dumping

(46)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat kif stabbilit hawn fuq skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(47)

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat espress bħala perċentwal fil-fruntiera tal-Unjoni fuq bażi tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (“CIF”), bid-dazju mhux imħallas, kien ta' aktar minn 100 %.

3.3.   Żviluppi tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu revokati

(48)

Wara li rriżulta dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping fil-każ li l-miżuri jiġu revokati. Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħrajn u kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni.

(49)

Minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-prodotturi esportaturi Ċiniżi, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri s-sorsi msemmija fil-premessa 29:

3.3.1.   Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità żejda fiċ-Ċina

(50)

Il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża ġiet stmata permezz tad-dejta disponibbli għall-pubbliku li nstabet għal għaxar produtturi Ċiniżi magħrufa tal-karbonat tal-barju (8). Il-kapaċità tal-produzzjoni ddikjarata tagħhom ammontat b'mod kumulattiv għal kapaċità annwali ta' mill-inqas 428 000 tunnellata, li hija aktar minn ħames darbiet il-konsum totali tal-Unjoni (77 099 tunnellata) fil-PIR kif ġie stabbilit fil-premessa 62 ta' hawn isfel u madwar tliet darbiet il-kummerċ dinji totali tal-karbonat tal-barju skont id-dejta COMTRADE għall-2015 (9).

(51)

Fir-rigward tal-kapaċità żejda u fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni oħra, is-sejbiet tar-rieżami ta' skadenza preċedenti ntużaw bħala bażi. Fuq il-bażi ta' dan, il-kapaċità żejda fiċ-Ċina ġiet meqjusa li tammonta għal 280 000 tunnellata (10).

(52)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda indikazzjoni li l-kapaċità tal-produzzjoni għall-karbonat tal-barju fiċ-Ċina nbidlet b'mod sinifikanti mir-rieżami ta' skadenza preċedenti. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelatx li l-konsum fiċ-Ċina jikber b'mod sinifikanti jew li s-suq dinji għall-karbonat tal-barju jista' jassorbi tali kapaċità żejda fil-futur prevedibbli.

(53)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kapaċità żejda kbira rrappurtata fir-rieżami ta' skadenza preċedenti baqgħet, fil-parti l-kbira tagħha, fl-istess livell u li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li din kienet ser tinbidel b'mod sinifikanti fil-futur qarib.

(54)

Fuq il-bażi ta' dan, il-kapaċita żejda fiċ-Ċina ġiet meqjusa li tirrappreżenta aktar minn tliet darbiet il-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

3.3.2.   L-imġiba tal-esportazzjonijiet Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħrajn

(55)

Fir-rigward tal-imġiba tal-esportazzjonijiet Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħrajn, instab li l-bejgħ lill-akbar sitt swieq ta' esportazzjoni b'ebda miżura fis-seħħ (11), jiġifieri l-Brażil, l-Eġittu, l-Iran, il-Ġappun, il-Messiku u r-Russja, sar bi prezzijiet li kienu oġġett ta' dumping. Għalhekk, paragun tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi ma' dawn is-sitt swieq abbażi tal-Bażi tad-Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi bil-valur normali kif stabbilit għall-kumpaniji mhux MET hawn fuq fil-premessa 42, irriżulta f'marġini tad-dumping li kienu ta' bejn xi 55 % u aktar minn 70 % skont is-suq tal-esportazzjoni speċifiku. Dawn l-esportazzjonijiet irrappreżentaw 46 % tal-esportazzjonijiet totali taċ-Ċina lejn pajjiżi terzi oħrajn matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk ġew meqjusa rappreżentattivi.

3.3.3.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(56)

L-investigazzjoni wriet li abbażi tal-Bażi tad-Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi, il-prezzijiet miċ-Ċina għall-akbar sitt swieq tal-esportazzjonijiet ta' pajjiżi terzi b'ebda miżura fis-seħħ kienu fil-medja, inqas mill-prezzijiet ta' esportazzjoni mogħtija lill-Unjoni matul l-istess perjodu (il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami). Jiġifieri, il-prezz medju Ċiniż fl-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami kien EUR 397/tunnellata, filwaqt li l-prezz medju tal-prodott simili għall-esportazzjoni lejn l-akbar sitt swieq ta' esportazzjoni taċ-Ċina kien EUR 345/tunnellata. Dan kien minnu għal madwar 90 % tal-volumi totali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn swieq oħrajn ta' pajjiżi terzi inklużi l-akbar sitta msemmija fil-premessa 55. Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni qieset li s-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-esportaturi Ċiniżi peress li dawn jistgħu jiksbu profitti akbar permezz ta' prezzijiet tal-bejgħ ogħla, filwaqt li xorta waħda naqqsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kif muri fil-premessa 73 ta' hawn taħt.

(57)

Barra minn hekk, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni tista' tintwera ukoll permezz tal-preżenza għolja kontinwa tal-esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni minkejja l-miżuri fis-seħħ. F'dan ir-rigward, mill-2003, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri eżistenti, sat-tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami għar-rieżami attwali, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied minn madwar 50 % għal firxa ta' 59 % sa 73 %. Filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-volum ta' esportazzjonijiet dinjija miċ-Ċina minn 130 000 tunnellata fl-2009 għal 125 000 tunnellata fl-2015 (12), l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni segwew tendenza opposta u żdiedu minn 37 341 tunnellata fl-2009 għal 51 919-il tunnellata fl-2015 rispettivament, li juri b'mod ċar l-interess tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni. Kif imsemmi hawn fuq, dan l-iżvilupp seħħ minkejja l-miżuri fis-seħħ.

(58)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li żewġ swieq ta' esportazzjoni sinifikanti għall-karbonat tal-barju, jiġifieri l-Istati Uniti u l-Indja, li għandhom fis-seħħ miżuri antidumping kontra ċ-Ċina u li t-tielet suq tal-esportazzjoni importanti, il-Brażil, għandu fis-seħħ dazji tal-importazzjoni għolja ta' 10 %, li effettivament jipproteġu dawn is-swieq minn importazzjonijiet sinifikanti. Għaldaqstant u wara li ġew ikkunsidrati wkoll il-konklużjonijiet li saru fil-premessa 52, jiġifieri li s-suq tal-karbonat tal-barju huwa stabbli mingħajr ebda żieda sinifikanti fil-livelli globali ta' konsum madwar id-dinja, mhuwiex probabbli li kwalunkwe kapaċità żejda fiċ-Ċina ser tiġi diretta lejn dawk is-swieq iżda pjuttost ser tiġi diretta lejn is-suq tal-Unjoni, f'każ li dawn il-miżuri jiġu revokati.

3.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping

(59)

Bħala konklużjoni, il-marġini tad-dumping stabbiliti matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, l-istima tal-kapaċità ta' produzzjoni kbira, il-kapaċità żejda għolja flimkien mal-prattika taċ-Ċina tad-dumping tal-karbonat tal-barju fis-swieq tal-esportazzjoni tagħha u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, jindikaw li x'aktarx, revoka tal-miżuri tirriżulta f'żieda sinifikanti ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Meta wieħed iqis il-marġni tad-dumping li nstab matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, huwa wkoll probabbli li l-esportazzjonijiet futuri ser isiru bi prezzijiet li jkunu oġġett ta' dumping b'mod sinifikanti. Għalhekk huwa meqjus li hemm probabbiltà kbira ta' kontinwazzjoni ta' dumping jekk il-miżuri jiġu mħassra.

4.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' ĦSARA

4.1.   Definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(60)

L-uniku produttur tal-Unjoni li kkoopera jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-karbonat tal-barju matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li dan jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u, minn hawn 'il quddiem, se jissejjaħ “l-industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

4.2.   Rimarka preliminari

(61)

Peress li hemm produttur wieħed biss fl-Unjoni, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, id-dejta li tappartjeni għall-konsum tal-Unjoni, l-ishma mis-suq u l-kalkolazzjonijiet tal-marġni ta' twaqqigħ tal-prezzijiet u ta' bejgħ taħt il-prezz, mhijiex ippreżentata b'ċifri preċiżi sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Minflok, il-Kummissjoni fittxet li tipprovdi firxiet sabiex minkejja dan, tħares id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati sabiex tifhem il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni.

4.3.   Il-konsum tal-Unjoni

(62)

Il-konsum fl-Unjoni ġie kkalkulat biż-żieda tal-bejgħ totali vverifikat fl-Unjoni mill-produttur tal-Unjoni u l-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi, abbażi tad-dejta tal-Eurostat.

(63)

Fuq il-bażi ta' dan, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2013

2014

2015

RIP

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

[68 500 –83 800 ]

[71 800 –87 800 ]

[70 000 –85 500 ]

[69 400 –84 400

Indiċi (2013 = 100)

100

105

102

101

Sors: Kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni u l-istatistika tal-Eurostat.

(64)

Mill-2013 sal-2014, il-konsum tal-Unjoni żdied b'5 % u sussegwentement naqas b'4 % mill-2014 sal-PIR. B'mod ġenerali, matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum fl-Unjoni baqa' stabbli b'żieda żgħira biss ta' 1 %.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(65)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż f'din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni użat l-istatistika disponibbli fil-Eurostat kif ukoll l-istatistika disponibbli fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) sabiex tistabbilixxi l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni f'dan il-perjodu kkunsidrat.

4.4.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(66)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat. Fuq il-bażi ta' dan, l-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjoni u sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

RIP

Importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

49 275

53 296

51 919

49 117

Indiċi

100

108

105

100

Sehem mis-suq Ċiniż (%)

[60–75]

[62–80]

[62–80]

[59–73]

Indiċi

100

103

103

98

Sors: Statistika tal-Eurostat.

(67)

Fil-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu pjuttost stabbli. Mill-2013 sal-2014, il-volumi tal-importazzjonijiet żdiedu bi 8 % u sussegwentement, reġgħu naqsu bi 8 % mill-2014 sal-PIR. B'mod ġenerali, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet kien f'konformità mal-iżvilupp tal-konsum tal-Unjoni.

(68)

B'mod ġenerali, matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq Ċiniż baqa' stabbli bi tnaqqis żgħir ta' 2 %. Mill-2013 sal-2014, is-sehem mis-suq żdied bi 3 % għal firxa minn 62 % sa 80 %, baqa' stabbli fl-2015 u sussegwentement naqas b'5 % fl-RIP għal livell ta' 59 % sa 73 %.

(69)

L-istatistika disponibbli fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) żvelat li l-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni kienu primarjament koperti minn żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li ngħataw MET fl-investigazzjoni oriġinali. Matul il-perjodu kkunsidrat, dawn iż-żewġ kumpaniji rrappreżentaw aktar minn 75 % tat-total ta' importazzjonijiet Ċiniżi.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(70)

Il-Kummissjoni stabbiliet ix-xejra tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi abbażi tal-istatistika tal-Eurostat. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet

 

2013

2014

2015

RIP

Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (13) (EUR/tunnellata)

378

354

403

397

Indiċi

100

94

107

105

Sors: Statistika tal-Eurostat.

(71)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu mill-2013 għall-2014 b'6 %, sussegwentement żdiedu bi 13 % fl-2015 u fl-aħħar nett naqsu bi 2 % fil-PIR. B'mod ġenerali, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b'5 %. Din iż-żieda fil-prezzijiet hija f'konformità maż-żieda tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni kif muri fil-premessa 91, li kienet madwar 4 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(72)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż soġġett għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet it-twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perjodu ta' rieżami billi qabblet:

—

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat tal-produttur tal-Unjoni li jintalab lill-konsumaturi indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustat għal livell ex-works; u

—

il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi bbażat fuq il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) inklużi d-dazji antidumping b'aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni. L-istatistika disponibbli fil-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) tipprovdi data speċifika dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi mogħtija MET fl-investigazzjoni oriġinali li tippermetti kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ individwali.

(73)

Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-prezz medju ponderat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u kien fil-firxiet ta' 32 % sa 37 %, u 27 % sa 31 % għall-produtturi esportaturi Ċiniżi mogħtija MET. Il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-bqija tal-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għad-dazju residwali ammonta fil-firxa ta' 31 % sa 35 %.

4.5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

(74)

Il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiż ikkonċernat jidher fit-tabella ta' hawn taħt. It-tendenzi tal-kwantità u tal-prezzijiet huma bbażati fuq l-Eurostat. L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

Il-volumi tal-importazzjonijiet, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

 

2013

2014

2015

PIR

Importazzjonijiet ta' pajjiżi terzi oħrajn (tunnellati)

87

8

20

2 007

Indiċi

100

9

23

2 299

Is-sehem mis-suq ta' pajjiżi terzi (%)

[0,05–0,2]

[0,01–0,05]

[0,01–0,05]

[1–5]

Indiċi

M/A

M/A

M/A

100

Importazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (EUR/tunnellata)

3 468

8 672

4 106

388

Indiċi

M/A

M/A

M/A

100

Sors: Statistika tal-Eurostat.

(75)

It-Tabella 4 turi d-dejta miġbura mill-Kummissjoni fir-rigward tal-volumi tal-importazzjonijiet, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi oħrajn. Il-Kummissjoni tinnota li ma ntuża l-ebda indiċjar għas-sehem mis-suq ta' pajjiżi terzi oħrajn għall-perjodu 2013 sa 2015 u għall-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi oħrajn għall-perjodu 2013 sa 2015. Ir-raġuni għal dan hija kif ġej. Il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn matul il-perjodu 2013 sa 2015 daħlu fis-suq tal-unjoni f'volumi marġinali (jiġifieri inqas minn 100 tunnellata), li jirrappreżentaw sehem mis-suq totali negliġibbli bejn 0,01 % u 0,2 % tal-importazzjonijiet totali. Kieku l-indiċjar ġie applikat b'mod simili għall-volumi tal-importazzjonijiet għal dawn ir-ringieli, dan kien jirriżulta f'tendenza mhux rappreżentattiva u ta' konfużjoni (ir-ringiela dwar is-sehem mis-suq kienet tkun taqra kif ġej kieku l-2013 ġie indiċjat kontra 100: 2014 bħala 8 775, 2015 bħala 22 516 u l-PIR bħala 2 279). L-istess kien iseħħ kieku l-indiċjar ġie applikat għall-prezz tal-importazzjonijiet minn ringieli ta' pajjiżi terzi oħrajn (jiġifieri kieku l-2013 ġie indiċjat kontra 100, it-tendenza kienet tkun: 2014 bħala 250, 2015 bħala 118 u l-PIR bħala 11). Peress li ma hemm l-ebda dubju li dawn iċ-ċifri ma kinux ikunu rappreżentazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni maħsuba li tiġi indikata mit-Tabella 4, il-Kummissjoni għażlet, b'mod eċċezzjonali, li ma twettaqx indiċjar kontra l-ewwel sena tal-perjodu kkunsidrat għas-sehem mis-suq ta' pajjiżi terzi oħrajn u prezzijiet tal-importazzjonijiet medji tal-prodott taħt rieżami minn dawn il-pajjiżi, iżda, minflok, tuża biss id-dejta tal-PIR.

(76)

Dak li jista' jitnissel mid-data fit-Tabella 4, huma, madankollu, ċerti tendenzi. Jiġifieri, matul il-PIR, l-importazzjonijiet żdiedu b'87 għal 2 007 tunnellati li jikkorrispondu għal sehem totali tas-suq fuq firxa ta' 1 % sa 5 %, L-Indja, b'1 986 tunnellata, irrappreżentat il-maġġoranza ta' dawn l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn matul il-PIR. Barra minn hekk, il-prezz medju tal-importazzjonijiet matul il-PIR ġie rrappurtat f'EUR 388/tunnellata. Dan il-livell ta' prezzijiet kien kemxejn inqas mill-prezzijiet medji Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni mingħajr dazji antidumping (EUR 397/tunnellata) iżda konsiderevolment inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kienx sinifikanti, dan ma setax jaffettwa konsiderevolment is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

4.6.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.6.1.   Rimarki ġenerali

(77)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(78)

Għandu jiġi nnotat li minħabba li l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti fi produttur wieħed biss, dejta kummerċjali sensittiva kellha tiġi rappurtata fil-forma ta' indiċijiet.

(79)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi ekonomiċi li jirrigwardaw l-industrija tal-Unjoni abbażi tad-dejta vverifikata inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarji mill-produttur uniku tal-Unjoni.

4.6.2.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(80)

Il-produzzjoni totali, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità tal-Unjoni

 

2013

2014

2015

RIP

Produzzjoni (Indiċi)

100

120

115

107

Kapaċità ta' produzzjoni (Indiċi)

100

100

100

100

Użu tal-kapaċità (%)

61

74

70

65

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni.

(81)

Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'7 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha baqgħet l-istess. Fl-2014, l-industrija tal-Unjoni żiedet konsiderevolment il-produzzjoni tagħha b'20 %, iżda naqset b'mod progressiv sal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. Bħala riżultat, l-industrija tal-Unjoni tejbet l-użu tal-kapaċità tagħha matul il-perjodu kkunsidrat b'erba' punti perċentwali, hekk kif laħqet 65 % fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

4.6.3.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(82)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw hekk matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

RIP

Volum ta' bejgħ (Indiċi)

100

100

97

97

Sehem mis-suq (Indiċi)

100

94

94

96

Sors: Kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni u l-Eurostat.

(83)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livell tal-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 3 %.

(84)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas mill-2013 għall-2015 b'6 % u sussegwentement żdied bi ftit (bi 2 %) mill-2015 għall-PIR. B'mod ġenerali, tul il-perjodu li ġie eżaminat dan naqas b'4 %.

4.6.4.   Tkabbir

(85)

Bejn l-2013 u l-PIR, il-konsum fl-Unjoni żdied b'1 %. Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 3 % li, minkejja dan, sarraf fi tnaqqis fis-sehem mis-suq ta' 4 %.

4.6.5.   Impjiegi u produttività

(86)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

L-impjiegi u l-produttività

 

2013

2014

2015

RIP

L-Impjiegi (Indiċi)

100

114

117

108

Produttività (Indiċi)

100

106

99

99

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni.

(87)

L-għadd ta' impjegati fl-industrija tal-Unjoni żdied matul il-perjodu kkunsidrat bi 8 %. Fl-2014, bħala riżultat ta' żieda fil-produzzjoni, il-produttività żdiedet b'6 % iżda naqset fis-sena sussegwenti. Bħala riżultat, il-produttività naqset bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat b'1 %.

4.6.6.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru mid-dumping tal-passat

(88)

Il-miżuri antidumping ilhom fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ mill-2005.

(89)

Kif stabbilit fil-premessi 35 sa 47, il-marġini tad-dumping tal-produtturi Ċiniżi matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, kienu ogħla b'mod sinifikanti mil-livell de minimis. L-impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni huwa sostanzjali, minħabba l-importazzjonijiet kontinwi f'volumi sinifikanti tal-karbonat tal-barju bi prezzijiet li kienu oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

4.6.7.   Prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(90)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati u l-kost tal-unità tal-produzzjoni żviluppaw fil-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 8

Prezzijiet medji tal-bejgħ u l-kostijiet tal-unitajiet

 

2013

2014

2015

RIP

Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (Indiċi)

100

102

103

104

Kost tal-unità ta' produzzjoni (Indiċi)

100

91

93

95

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni.

(91)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' unità tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kif deskritt fil-premessa 71, din iż-żieda fil-prezzijiet kienet fl-istess firxa taż-żieda fil-prezzijiet osservata għall-importazzjonijiet Ċiniżi.

(92)

Il-kost tal-unità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'9 % mill-2013 sal-2014 u sussegwentement żdied bi ftit (b'4 %) mill-2014 sal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. B'mod ġenerali, matul il-perjodu kkunsidrat, dan naqas b'5 %, parzjalment minħabba t-titjib fl-effiċjenza milħuq bis-simplifikazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni u t-tnaqqis tal-kost fiss (għal kull tunnellata) derivat miż-żieda fil-volumi tal-produzzjoni.

(93)

Kif diġà ġie osservat matul ir-rieżami ta' skadenza preċedenti, l-industrija tal-Unjoni timmanifattura żewġ prodotti fl-istess impjant: il-karbonat tal-barju u l-karbonat tal-istronzju. Il-produzzjoni kkombinata ta' dawn iż-żewġ prodotti tippermetti t-tnaqqis tal-kostijiet fissi. Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni għaddiet minn ristrutturazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni, mill-hekk imsejħa “kampanji konsekuttivi” għal produzzjoni “parallela” (14) b'tagħmir kondiviż. Dan wassal għal iffrankar tal-ispejjeż, razzjonalizzazzjoni tal-flussi tal-produzzjoni u għalhekk titjib fl-effiċjenza.

4.6.8.   Kostijiet lavorattivi

(94)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat

 

2013

2014

2015

RIP

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat (Indiċi)

100

100

103

107

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-industrija tal-Unjoni.

(95)

Bejn l-2013 u l-PIR, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu b'7 %.

4.6.9.   Inventarji

(96)

L-inventarji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

L-inventarji

 

2013

2014

2015

RIP

Stokkijiet tal-għeluq (Indiċi)

100

131

125

74

Stokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

20

22

22

14

Indiċi

100

109

108

69

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-Industrija tal-Unjoni.

(97)

L-industrija tal-Unjoni twaqqaf il-produzzjoni għal xahar kull sena minħabba raġunijiet ta' manutenzjoni. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, il-waqfien tal-produzzjoni ġie estiż għal disa' ġimgħat minħabba t-tnaqqis fil-livell tad-domanda meta mqabbel ma' snin preċedenti. It-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami ħabat fl-istess żmien mal-proċess tal-bini mill-ġdid tal-istokkijiet u l-bidu mill-ġdid ta operazzjonijiet normali wara l-waqfien tal-produzzjoni msemmija meta l-istokkijiet kienu f'livell minimu. Mill-2013 sal-2015, l-istokkijiet ġew ikkalkolati matul l-istess perjodu tas-sena meta l-istokk kien fil-livell medju.

(98)

L-istokkijiet tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni żdiedu mill-2013 għall-2014 b'31 % u sussegwentement naqsu b'6 % mill-2014 għall-2015. Mill-2015 għal-PIR, l-istokkijiet naqsu b'51 %. Matul il-perjodu kkunsidrat, l-istokkijiet kollha tal-għeluq naqsu b'26 %.

(99)

L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni żdiedu mill-2013 għall-2015 b'2 punti perċentwali sa 22 % u sussegwentement naqsu b'14 % fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

4.6.10.   Profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(100)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2013

2014

2015

RIP

Profittabbiltà tal-bejgħ totali fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati

(% ta' fatturat ta' bejgħ)

[– 10 sa – 20]

[0 sa – 10]

[0 sa – 10]

[0 sa – 10]

Profittabbiltà tal-bejgħ totali fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (Indiċi)

– 100

– 40

– 41

– 46

Il-fluss tal-flus (Indiċi)

100

– 402

35

152

Investimenti (Indiċi)

100

107

85

81

Redditu fuq l-investimenti (Indiċi)

100

172

189

170

Sors: Il-kwestjonarju vverifikat tal-Industrija tal-Unjoni.

(101)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. L-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf b'mod kontinwu fil-perjodu kkunsidrat. Il-profittabbiltà tjiebet mill-2013 għall-2014 b'60 % u din sussegwentement naqset b'6 % fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. B'mod ġenerali, minkejja ż-żieda b'54 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà baqgħet negattiva.

(102)

Il-fluss tal-flus, li huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom, naqas mill-2013 għall-2014 għal termini negattivi b'502 % u sussegwentement dan kompla jiżdied sal-PIR. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fluss tal-flus żdied bi 52 %.

(103)

L-investimenti żdiedu b'7 % bejn l-2013 u l-2014 u mbagħad naqsu b'26 % sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2014. B'mod ġenerali, l-investimenti naqsu b'19 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-investimenti matul l-2013 u l-2014 kienu ogħla minħabba l-istrutturar mill-ġdid tal-proċess tal-produzzjoni li l-għan tiegħu huwa li jintlaħaq titjib fil-flussi tax-xogħol, razzjonalizzazzjoni tal-kostijiet u titjib fl-effiċjenza. Mill-2015 sal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, l-investimenti ewlenin kienu marbuta mas-sostituzzjoni tat-tagħmir.

(104)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan kien negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Dan żdied b'89 % fl-2015 meta mqabbel mal-2012 u mbagħad naqas b'19 % fil-PIR. B'mod ġenerali, ir-redditu fuq l-investimenti żdied b'70 % matul il-perjodu kkunsidrat, f'konformità mal-profittabbiltà.

4.6.11.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(105)

Matul il-perjodu kkunsidrat, bosta indikaturi, bħall-volum tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-impjiegi u l-prezz medju tal-bejgħ ta' unità, urew titjib żgħir. Il-kost tal-unità ta' produzzjoni naqqas parzjalment minħabba t-titjib fl-effiċjenza u ż-żieda fil-volum tal-produzzjoni.

(106)

Madankollu, l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tagħmel telf fuq bażi kontinwa matul il-perjodu kkunsidrat; ir-rata tal-użu tal-kapaċità kienet baxxa u r-redditu fuq l-investiment kien negattiv. Bl-istess mod, f'kuntest ta' konsum stabbli, l-industrija tal-Unjoni naqset is-sehem mis-suq tagħha.

(107)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab ħsara materjali matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(108)

L-investigazzjoni wriet li, kif deskritt fil-premessi 66 sa 69, volumi kbar ta' importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping miċ-Ċina daħlu fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Bħala riżultat, il-karbonat tal-barju li joriġina miċ-Ċina baqa' l-aktar ikkunsmat fis-suq tal-Unjoni b'sehem mis-suq għoli u stabbli li varja bejn 59 % u 73 %, u 62 % u 80 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(109)

Minkejja li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu oġġett ta' dumping żdiedu b'5 % matul il-perjodu kkunsidrat, dawn il-prezzijiet baqgħu f'livelli konsiderevolment aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, kif deskritt fil-premessa 73, l-importazzjonijiet miċ-Ċina li kienu oġġett ta' dumping waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 28,7 % sa 34,4 %. Minħabba l-volumi kbar ta' importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping b'mod sinifikanti miċ-Ċina li eżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha biżżejjed sabiex tkopri l-kost tal-produzzjoni tagħha. Dan huwa evidenzjat mill-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit għall-importazzjonijiet Ċiniżi inklużi d-dazji antidumping minn firxa ta' 62 % sa 71 % għal firxa ta' 83 % sa 95 %.

(110)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni dannuża għall-industrija tal-Unjoni kellha tkun attribwita għall-volumi kbar ta' importazzjonijiet li saru bi prezzijiet baxxi li kienu oġġett ta' dumping b'mod sinifikanti miċ-Ċina u li dawn l-importazzjonijiet kellhom rwol determinanti fil-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

4.7.   Probabbiltà ta' kontinwazzjoni tal-ħsara

4.7.1.   Kummenti preliminari

(111)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi saru f'livelli ta' prezzijiet li kienu oġġett ta' dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u li kien hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(112)

Peress li l-industrija tal-Unjoni kompliet issofri ħsara materjali, minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi, ġie vvalutat jekk hemmx probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' ħsara jekk il-miżuri kontra ċ-Ċina jitħallew jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(113)

Sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' ħsara, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-produzzjoni u l-kapaċitajiet żejda fiċ-Ċina, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-livell tal-prezz mistenni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni u l-impatt previst fuq l-industrija tal-Unjoni.

(114)

Kif imsemmi fil-premessa 28, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, din l-analiżi kienet ibbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

4.7.2.   Il-produzzjoni, il-kapaċitajiet żejda fiċ-Ċina u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(115)

Kif imsemmi fil-premessi 50 sa 54, il-kapaċitajiet żejda disponibbli fiċ-Ċina kienu sinifikanti, jiġifieri madwar 280 000 tunnellata. Tali kapaċità żejda rrappreżentat aktar minn tliet darbiet il-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(116)

B'mod simili, abbażi ta' paragun tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni u lejn swieq oħrajn ta' pajjiżi terzi, il-preżenza sinifikanti kontinwa ta' esportazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni kif ukoll id-dazji fis-seħħ fi swieq tal-esportazzjonijiet ewlenin oħrajn għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni stabbiliet li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kif deskritt fil-premessi 56 sa 58.

(117)

Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li x'aktarx, il-kapaċità żejda Ċiniża se tiġi diretta lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

4.7.3.   Prezzijiet ta' importazzjonijiet Ċiniżi

(118)

Bħala indikazzjoni tal-livell tal-prezz li x'aktarx li l-karbonat tal-barju Ċiniż se jiġi importat bih fis-suq tal-Unjoni jekk jitħassru l-miżuri, ġie kkunsidrat il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni mingħajr dazji antidumping. Il-paragun matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami wera li l-prezzijiet Ċiniżi mingħajr dazji antidumping kienu ġeneralment f'medja ta' madwar 35 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Għaż-żewġ kumpaniji li ngħataw MET fl-investigazzjoni oriġinali, il-prezzijiet kienu fil-firxiet ta' 33 % sa 38 % u 28 % sa 32 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, rispettivament. Għall-bqija tal-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal dazju residwali, id-differenza fil-prezz kienet ta' 40 % sa 46 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(119)

Barra minn hekk, ġew analizzati l-livelli tal-prezzijiet li ġie esportat bihom il-karbonat tal-barju miċ-Ċina lejn pajjiżi terzi oħrajn. Il-prezzijiet Ċiniżi għal pajjiżi terzi oħrajn instabu, bħala medja, li huma inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni minn madwar 25 % sa madwar 45 %.

(120)

Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni stabbiliet li x'aktarx l-importazzjonijiet miċ-Ċina ser jeżerċitaw saħansitra pressjoni tal-prezzijiet ogħla fuq l-industrija tal-Unjoni minn dik li huma eżerċitaw matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami jekk il-miżuri jiġu revokati.

4.7.4.   Impatt probabbli fuq l-industrija tal-Unjoni

(121)

Abbażi tal-fatti msemmija hawn fuq, fin-nuqqas ta' miżuri antidumping, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ser ikollhom inċentiv biex iżidu b'mod sinifikanti l-volum tal-importazzjonijiet tagħhom fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet baxxi li jkunu oġġett ta' dumping billi eżerċitaw pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet prevalenti fl-Unjoni.

(122)

Żieda fil-volum ta' importazzjonijiet Ċiniżi — li x'aktarx, minħabba l-kapaċitajiet żejda disponibbli — flimkien mal-pressjoni tal-prezzijiet ulterjuri mistennija, x'aktarx ser ikollha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(123)

Tabilħaqq, jekk dan ix-xenarju jimmaterjalizza ruħu, ma tantx se jkun probabbli li l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tnaqqas il-prezzijiet tagħha. Indikazzjoni f'dan ir-rigward hija mogħtija mill-fatt li matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni ma naqsitx il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, anke f'sitwazzjoni ta' tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni, peress li dawn diġà kienu aktar baxxi mill-kostijiet.

(124)

Barra minn hekk, f'tali xenarju, jekk l-industrija tal-Unjoni żżomm il-livelli tal-prezzijiet tagħha, x'aktarx li din titlef volum tal-bejgħ u sehem mis-suq peress li volumi akbar sinifikanti tal-importazzjonijiet miċ-Ċina x'aktarx li jidħlu fis-suq bi prezzijiet saħansitra aktar baxxi.

(125)

Bħala riżultat, l-industrija tal-Unjoni jkollha tnaqqas il-livell ta' produzzjoni tagħha, li jaffettwa bi kbir il-kost tal-produzzjoni u l-profittabbiltà tagħha, peress li l-manifattura tal-karbonat tal-barju tuża kapital intensiv u l-piż tal-kostijiet fissi għal kull tunnellata jiżdied b'mod sinifikanti.

(126)

L-effett tal-tibdil fil-volum tal-produzzjoni fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġie osservat matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-2014, żieda ta' 20 % tal-produzzjoni rriżultat f'titjib kbir tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li tnaqqis ta' 8 % fil-volum tal-produzzjoni fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami affettwa b'mod negattiv il-profittabbiltà, li naqset ukoll. Għalhekk, kwalunkwe tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni jirriżulta f'żieda fil-kostijiet fissi għal kull tunnellata, filwaqt li fl-istess ħin, tali żieda fil-kost ma tistax tiġi riflessa f'żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ, minħabba l-pressjoni tal-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Bħala konsegwenza, dan jiddeterjora aktar il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, li diġà kienet qiegħda tagħmel telf matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

4.7.5.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tal-ħsara

(127)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li diġà kienet qiegħda ssofri minn ħsara materjali, tkompli tiddeterjora jekk il-miżuri jiġu revokati, peress li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx f'pożizzjoni li tikkompeti maż-żieda fil-volum ta' importazzjonijiet Ċiniżi mibjugħa bi prezzijiet dannużi li kienu oġġett ta' dumping. Għalhekk, fit-terminu medju, x'aktarx il-produttur tal-Unjoni mhu ser ikollu l-ebda għażla oħra ħlief li jwaqqaf l-operazzjonijiet tiegħu.

(128)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li hemm probabbiltà kbira ta' kontinwazzjoni ta' ħsara f'każ li l-miżuri jiġu mħassra.

5.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(129)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti fuq importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti. Il-partijiet kollha interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku..

5.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(130)

Il-miżuri antidumping fis-seħħ ippermettew lill-industrija tal-Unjoni żżomm il-produzzjoni tal-karbonat tal-barju fl-Unjoni. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma rnexxilhiex tirkupra kompletament mis-sitwazzjoni dannuża tal-imgħoddi u l-profittabbiltà baqgħet negattiva.

(131)

Filwaqt li huwa minnu li l-importazzjonijiet Ċiniżi xorta waħda rrappreżentaw sehem mis-suq għoli matul il-perjodu kkunsidrat b'impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-miżuri, minkejja dan, ipproteġew l-industrija tal-Unjoni b'mod partikolari mill-maġġoranza tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li attwalment huma soġġetti għad-dazju residwu. Madankollu, l-investigazzjoni kkonkludiet li x'aktarx, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jerġgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni f'volumi saħansitra ogħla jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(132)

L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni investiet biex tirrazzjonalizza l-proċess ta' produzzjoni tagħha u tiżgura s-sostenibbiltà ta' impjant fejn żewġ prodotti, il-karbonat tal-barju u l-karbonat tal-istronzju huma mmanifatturati b'mod parallel. Kif spjegat fil-premessa 93, il-kostijiet tal-produzzjoni ta' dawn iż-żewġ prodotti huma interdipendenti peress li f'xi partijiet tal-proċess, jintuża tagħmir speċjali għaż-żewġ prodotti. Il-produzzjoni kkombinata tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-kostijiet fissi kbar fuq l-impjant kollu.

(133)

Jekk il-miżuri jiġu revokati, l-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tirrazzjonalizza l-kost tagħha jintilfu, peress li l-kostijiet fissi jiżdiedu minħabba t-telf tal-bejgħ u l-volum tal-produzzjoni kif deskritt fil-premessa 126. Dan jhedded serjament il-vijabbiltà tal-attività tal-karbonat tal-barju li, bħala konsegwenza, jista' jkollha twaqqaf il-produzzjoni. Dan ser ikollu wkoll konsegwenzi negattivi fuq il-produzzjoni tal-karbonat tal-istronzju minħabba r-raġunijiet spjegati fil-premessa 132.

(134)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li jinżammu miżuri kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

5.2.   L-interess tal-importaturi mhux relatati

(135)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lis-sitt importaturi mhux relatati li ppreżentaw ruħhom, kif deskritt fil-premessi 16 u 18. Madankollu, ebda wieħed minnhom ma kkoopera mal-investigazzjoni.

(136)

L-investigazzjoni ma wriet l-ebda element li juri li l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ ikollha effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-importaturi mhux relatati.

5.3.   L-interess tal-utenti

(137)

Fil-bidu, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-utenti kollha magħrufa u stednithom jikkooperaw. Sitta u tmenin kumpanija ppreżentaw ruħhom kif deskritt fil-premessa 18 u l-kwestjonarji ntbagħtu lil kull waħda minnhom. Ħmistax-il utent wieġbu għall-kwestjonarju.

(138)

Minn dawn il-ħmistax-il utent, ħamsa biss ipprovdew tweġiba kompluta għall-kwestjonarju. L-għaxar utenti li kien fadal ipprovdew verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarji kif meħtieġ mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, it-tweġibiet tagħhom ma jistgħux jitqiesu skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament bażiku.

(139)

L-importazzjonijiet tal-ħames utenti li kkooperaw li pprovdew tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju ammontaw għal madwar 6 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u madwar 10 % tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina. Dawn irrappreżentaw madwar 8 % tal-konsum totali tal-Unjoni. L-utenti li kkooperaw kienu joperaw fis-settur tal-frits taċ-ċeramika u l-verniċ, fis-settur tas-sustanzi kimiċi, tal-ħġieġ u l-kristall u fis-settur elettrotekniku, jiġifieri xi wħud mill-applikazzjonijiet ewlenin tal-karbonat tal-barju.

(140)

L-investigazzjoni sabet li l-karbonat tal-barju jirrappreżenta biss bejn 1,4 % u 2,6 % tal-kost totali tal-produzzjoni tal-utenti li kkooperaw, skont ir-rekwiżiti tal-prodott finali. Konsegwentement, l-impatt tal-miżuri fuq dawn l-utenti huwa meqjus relattivament limitat.

(141)

Utent wieħed sostna li l-miżuri antidumping affettwaw b'mod negattiv il-kostijiet tal-produzzjoni tiegħu u għalhekk il-kompetittività tiegħu ġiet affettwata b'mod ħażin. Kif muri fil-premessa 140, dan ma kienx appoġġjat mill-fatti stabbiliti matul l-investigazzjoni u għalhekk, dan l-argument ġie miċħud.

(142)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ ikollha effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-utenti.

5.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(143)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet inevitabbli kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ.

6.   MIŻURI ANTIDUMPING

(144)

Il-partijiet kollha interessati kienu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jinżammu l-miżuri antidumping fis-seħħ. Huma ngħataw ukoll perjodu li matulu setgħu jressqu kummenti wara din id-divulgazzjoni. Ma daħal l-ebda kumment.

(145)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġina miċ-Ċina, imposti bir-Regolament (UE) Nru 831/2011, għandhom jinżammu.

(146)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju b'kontenut ta' stronzju ta' aktar minn 0,07 % skont il-piż u b'kontenut ta' sulfur ta' aktar minn 0,0015 % skont il-piż, kemm jekk fi trab, f'għamla granulari jew granulari kalċinata ppressata, li bħalissa huwa kklassifikat bil-kodiċi NM ex 2836 60 00 (Kodiċi TARIC 2836600010), li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   L-ammont ta' dazju antidumping definittiv għandu jkun ugwali għal ammont fiss kif speċifikat hawn taħt għal prodotti magħmula mill-manifatturi li ġejjin:

Kumpanija

Ir-rata ta ' dazju (EUR/t)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd, 62, Qinglong Road, Songhe Town, Jingshan County, Hubei Province, RPĊ

6,3

A606

Zaozhuang Yongli Chemical Co. Ltd, South Zhuzibukuang Qichun, Zaozhuang City Center District, Shandong Province, RPĊ

8,1

A607

Il-kumpaniji kollha l-oħrajn

56,4

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li joħroġ tali fattura, identifikat b'ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.” Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Għall-produtturi msemmija b'mod individwali (li jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC A606 u A607) kif ukoll għal kumpaniji oħrajn (li jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC A999), japplika dan li ġej: f'każijiet fejn il-prodotti ssirilhom ħsara qabel id-dħul f'ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz imħallas jew pagabbli huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (15), u l-ammont ta' dazju antidumping, ikkalkulat abbażi tal-ammonti fissi stabbiliti hawn fuq, għandu jitnaqqas b'perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz imħallas jew pagabbli.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1175/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni tal-karbonju tal-barju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 189, 21.7.2005, p. 15).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 831/2011 tas-16 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 214, 19.8.2011., p. 1).

(4)   ĠU C 388, 21.11.2015, p. 16.

(5)   ĠU C 298, 18.8.2016, p. 4.

(6)  Il-COMTRADE tan-NU huwa repożitorju ta' statistika uffiċjali internazzjonali dwar il-kummerċ u tabelli analitiċi rilevanti: https://comtrade.un.org/

(7)  Pereżempju. siti web tal-kumpanija, ara n-nota f'qiegħ il-paġna 8.

(8)  Referenza: Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd: http://www.jingyan.com/index.php?lang=en aċċessat fid-9.1.2017; Zaozhuang Yongli Chemical Co. Ltd., http://lylchem.com/English/index.asp aċċessat fid-9.1.2017; Guizhou Hongkaj Chemical Co. Ltd.: http://www.guizhouhongkaichemicalcoltd.enic.pk/ aċċessat fid-9.1.2017; Hengyang Hong Xiang Co. Ltd.: http://www.yp.net.cn/english/search/printSingleDetailed.asp?i=C%19yK0%08i%40RY_jV%40&p=14 aċċessat fid-9.1.2017; Guizhou Red Star Developing Co.: http://www.redstarchem.com.cn/_d273694355.htm aċċessat fid-9.1.2017; Hebei Xinji Chemical Group Co. Ltd.: http://www.hhxj.chemchina.com/hbxjen/gywm/dsj/B700106web_1.htm aċċessat fid-9.1.2017; Henan Huaxing Barium Industry Co., Ltd.: https://www.fuzing.com/barium-carbonate-(manufacturer-of-China)/l/9c037042-e065-1f8f-a97a-04b07ac7793b aċċessat fid-9.1.2017; SHAANXI ANKANG JIANGHUA GROUP CO, LTD: L-impjant kimiku ta' Jianghua: http://www.jianghuagroup.com/template/structureen.htm aċċessat fid-19.1.2017; Hengyang Wanfeng Chemical Co, Ltd.: http://www.wf-chem.com/pages/about.htm aċċessat fid-9.1.2017; Hounan Chenzhou Chemical Industry Co, Ltd.: http://www.chinachenzhou.com/cgi/search-en.cgi?f=introduction_en_1_+company_en_1_&t=introduction_en_1 aċċessat fid-9.1.2017.

(9)  Data HS6 COMTRADE għall-prodott 283660: esportazzjonijiet dinjija 141,766 tunnellata, importazzjonijiet dinjija 137 554 tunnellata.

(10)  Il-premessa 71 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 831/2011.

(11)  

Sors: Il-Bażi tad-Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi.

(12)  Iż-żewġ sorsi ta' dejta mill-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet taċ-Ċina tal-2009 u l-2015.

(13)  Il-prezzijiet ma jinkludux dazji tal-antidumping fis-seħħ.

(14)  Kampanji konsekuttivi, tirreferi għall-produzzjoni “alternata” taż-żewġ prodotti fl-istess linji ta' produzzjoni; produzzjoni parallela, tirreferi għall-produzzjoni “simultanja” taż-żewġ prodotti f'linji differenti. L-istess tagħmir huwa kondiviż u jintuża fiż-żewġ linji ta' produzzjoni.

(15)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).