|
14.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/90 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1453
tat-13 ta’ Lulju 2023
li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1533 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u tal-ikel li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u partikolarment l-Artikolu 54(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 90, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (c) u (f), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli ta’ radjonuklide f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun qabżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel li japplikaw fil-Ġappun. Minħabba li tali kontaminazzjoni tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 (3) impona kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-ikel u tal-għalf li joriġina mill-Ġappun jew li jkun ġie kkunsinnat minn hemm. Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tħassar u ġie sostitwit suċċessivament bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 (4), (UE) Nru 284/2012 (5), (UE) Nru 996/2012 (6), (UE) Nru 322/2014 (7), (UE) 2016/6 (8)u (UE) 2021/1533 (9). |
|
(2) |
Il-kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima ġew progressivament imnaqqsa b’dawn ir-rieżamijiet suċċessivi. Il-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1533 jistabbilixxu livelli massimi stretti ta’ radjonuklidi tal-komoditajiet elenkati mill-prefetturi affettwati u jirrikjedu li dawk il-komoditajiet jiġu ttestjati għar-radjuattività qabel ma jiġu esportati lejn l-Unjoni u l-awtoritajiet jiċċertifikaw il-konformità mal-livelli massimi stretti ta’ radjonuklidi. |
|
(3) |
L-ebda nuqqas ta’ konformità mad-dħul fl-Unjoni b’dawk il-livelli massimi ta’ radjonuklidi ma ġie osservat waqt l-importazzjoni fl-Unjoni minn Ġunju 2011, li jipprovdi evidenza li s-sistema ta’ kontroll stabbilita u l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Ġappuniżi huma effettivi. Barra minn hekk, il-prodotti li joriġinaw minn prefetturi speċifiċi li għalihom ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1533 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni jiġu nnegozjati biss fi kwantitajiet minuri lejn l-Unjoni u l-kontribut tagħhom għall-esponiment tal-popolazzjoni tal-Unjoni għar-radjonuklidi huwa negliġibbli. |
|
(4) |
L-awtoritajiet kompetenti Ġappuniżi impenjaw ruħhom li jżommu sistema ta’ kontroll xierqa u estensiva għad-detezzjoni tal-preżenza ta’ radjonuklidi fl-għalf u fl-ikel u li jagħmlu r-riżultati tal-monitoraġġ disponibbli għall-pubbliku billi jippubblikaw ir-riżultati kollha tal-monitoraġġ fuq bażi regolari fuq is-sit web tal-Ministeru tas-Saħħa, ix-Xogħol u l-Benessri tal-Ġappun. |
|
(5) |
Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-livelli ta’ radjonuklidi fl-ikel u fl-għalf li joriġinaw mill-Ġappun biex tiżgura protezzjoni għolja tas-sikurezza tal-konsumatur, ma għadx hemm il-ħtieġa li jinżammu l-miżuri previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1533 biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika. |
|
(6) |
Għalhekk jixraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1533 jitħassar. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1533 jitħassar.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 tal-25 ta’ Marzu 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011. (ĠU L 252, 28.9.2011, p. 10).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2012 tad-29 ta’ Marzu 2012 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 16).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 996/2012 tas-26 ta’ Ottubru 2012 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 284/2012 (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 31).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 322/2014 tat- 28 ta’ Marzu 2014 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (ĠU L 95, 29.3.2014, p. 1).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/6 tal-5 ta’ Jannar 2016 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 322/2014 (ĠU L 3, 6.1.2016, p. 5).
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1533 tas-17 ta’ Settembru 2021 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u tal-ikel li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Ġappun, wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/6 (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 72).