Brussell, 28.9.2022

COM(2022) 486 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91

1.    INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 1  jistabbilixxi l-bażi legali għall-ħolqien tal-EASA, jiddefinixxi l-kompetenzi tal-EASA u jistabbilixxi l-ambitu tar-rekwiżiti komuni tas-sigurtà fil-qasam tal-avjazzjoni. Ir-regolament ikopri l-elementi mmirati lejn it-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li tadotta atti delegati li jagħtu dettalji dwar kif għandha tintlaħaq il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta’ dak ir-Regolament.

F’konformità mal-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139, il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata tadotta l-atti delegati msemmija fi:

·l-Artikolu 19: ajrunavigabbiltà u protezzjoni ambjentali

·l-Artikolu 28: ekwipaġġ tal-ajru

·l-Artikolu 32: operazzjonijiet tal-ajru

·l-Artikolu 39: ajrudromi

·l-Artikolu 47: ATM/ANS

·l-Artikolu 54: kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

·l-Artikolu 58: inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord

·l-Artikolu 61: inġenju tal-ajru li jintuża minn operatur ta’ pajjiż terz lejn l-Unjoni, fiha jew ’il barra minnha

·l-Artikolu 62(13): ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar

·l-Artikolu 68(3): aċċettazzjoni ta’ ċertifikazzjoni minn pajjiż terz

·l-Artikolu 84(4): multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

·l-Artikolu 105: setgħat tal-Bord tal-Appell

·l-Artikolu 106: membri tal-Bord tal-Appell.

2.    BAŻI LEGALI GĦAR-RAPPORT

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri qabel il-11 ta’ Diċembru 2022.

3.    EŻERĊITAR TAD-DELEGA

3.1.    L-użu tad-delega tas-setgħa mill-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea użat id-delega tas-setgħa fl-oqsma li ġejjin:

·2019

a)Sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord; u

b)Protezzjoni ambjentali

·2020

a)Ajrunavigabbiltà inizjali;

b)Ċertifikazzjoni minn pajjiż terz tal-bdoti;

c)Sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord;

d)Servizzi ta’ ġestjoni tar-rampa;

e)Skema Ewropea komuni għall-klassifikazzjoni tar-riskji; u

f)Sikurezza fir-runway u data ajrunawtika

·2021

a)Ajrunavigabbiltà inizjali

b)Referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-ICAO fir-Regolament (UE) 2018/1139;

·2022

a)Ajrunavigabbiltà inizjali;

b)Operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp

Fid-data tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat 13-il Regolament Delegat mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 fil-11 ta’ Settembru 2018.

3.2.    Regolamenti Delegati Adottati

a)Fit-12 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2019/945 2 . Dan ir-Regolament fih ir-rekwiżiti tekniċi għall-klassijiet tal-UAS u għall-identifikazzjoni elettronika tas-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord u għall-operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi. B’mod speċifiku, dan ir-Regolament jiddefinixxi l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tas-suq li magħha se jkollhom jikkonformaw l-UAS li jitħaddmu fil-kategorija “miftuħa”, u l-kundizzjonijiet għall-operazzjonijiet tal-UAS imwettqa minn operatur ta’ pajjiż terz. Il-konformità tintwera billi titwaħħal il-marka CE u l-klassi tal-UAS mal-UAS meta din tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi essenzjali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini dwar is-sigurtà, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, u l-protezzjoni ambjentali. Huwa mistenni li jżid il-livell ta’ sikurezza tal-operazzjonijiet tal-UAS, li jarmonizza l-leġiżlazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE, u li joħloq suq tal-UE li se jnaqqas il-kost tal-UAS u jippermetti operazzjonijiet transfruntiera.

b)Fit-12 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2019/897 3 . Dan ir-Regolament jikkonċerna l-inklużjoni ta’ verifika tal-konformità bbażata fuq ir-riskju fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 4 (Parti-21) biex jittejbu l-effettività, it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Dan jinkludi ċerti kriterji tal-għażla li jippermettu li jiġi ddeterminat liema dimostrazzjonijiet ta’ konformità jenħtieġ li jiġu vverifikati mill-EASA. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jipprovdi l-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet relatati mal-produzzjoni japplikaw mal-awtorità kompetenti tagħhom għal eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għal magni jew inġenji tal-ajru speċifiċi. Din il-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet hija bbażata fuq ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali li jinsabu fl-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dan ir-Regolament jikkoreġi wkoll ċerti inkonsistenzi bejn ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 u r-Regolament (UE) 2018/1139 fir-rigward tal-kontenut tal-bażi taċ-ċertifikazzjoni tat-tip u l-proċess tan-notifika.

c)Fit-28 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/570 5 . Dan ir-Regolament jikkonċerna l-emenda u l-korrezzjoni tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 (Parti-21) għall-allinjament tar-regoli għall-airworthiness kontinwa ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi mar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 6 . B’mod aktar speċifiku, peress li d-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċertifikati tal-airworthiness, mal-approvazzjonijiet tad-disinn tat-tiswija u mal-permessi għat-titjir, stabbiliti fl-Anness I (Parti 21) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, jirreferu biss għall-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, dak l-Anness I (Parti 21) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 huwa emendat biex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu adattati għall-istruttura l-ġdida tal-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.

d)Fl-4 ta’ Marzu 2020 7 , il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/723. Dan ir-Regolament jikkonċerna l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati u dokumentazzjoni oħra li jiċċertifikaw il-konformità mar-regoli tal-avjazzjoni ċivili maħruġa skont il-liġijiet ta’ pajjiż terz, filwaqt li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sikurezza għal dak previst mir-Regolament (UE) 2018/1139, inklużi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ksib u ż-żamma tal-fiduċja meħtieġa fis-sistemi regolatorji ta’ pajjiżi terzi. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 8 li jelenka l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji maħruġa minn pajjiżi terzi, bħalissa tista’ tiġi aċċettata liċenzja ta’ bdot maħruġa minn pajjiż terz (taħt ċerti kundizzjonijiet) min-naħa tal-Istati Membri, jew id-detentur ta’ tali liċenzja ta’ pajjiż terz jista’ jikseb kreditu meta japplika għal liċenzja. Attwalment, tali kreditu jiġi ddeterminat abbażi ta’ rakkomandazzjoni minn organizzazzjoni tat-taħriġ approvata. Dan ir-regolament jintroduċi l-“organizzazzjonijiet tat-taħriġ iddikjarati” u jaġġorna r-regoli dwar l-aċċettazzjoni tal-liċenzji minn pajjiżi terzi sabiex jippermetti lil tali organizzazzjonijiet jagħtu kreditu lid-detenturi ta’ liċenzji ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal liċenzja maħruġa skont il-qafas legali tal-Unjoni.

e)Fis-27 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1058 9 . Dan ir-Regolament jintroduċi żewġ xenarji standard (STSs) fl-Appendiċi 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2019/947, u jiddefinixxu l-kundizzjonijiet meta l-operaturi tal-UAS ikunu jistgħu jibdew operazzjoni wara li jkunu ppreżentaw dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, jintroduċi żewġ partijiet ġodda fl-Anness tar-Regolament (UE) 2019/945, inklużi r-rekwiżiti tekniċi li l-UAS jeħtieġ li jissodisfaw sabiex jitħaddmu fl-STSs, u jistabbilixxi żewġ klassijiet ġodda ta’ UAS — il-klassijiet C5 u C6. Il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-STSs huma bbażati fuq l-esperjenza fis-servizz ta’ xi Stati Membri u ġew ivvalidati permezz tal-applikazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ operazzjonijiet speċifiċi (SORA).

f)Fid-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1234 10 . Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti mill-awtoritajiet għaċ-ċertifikazzjoni u għas-sorveljanza tal-fornituri tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa, ir-rekwiżiti tal-organizzazzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti tal-operazzjonijiet għar-rampa, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-persunal involut fil-forniment tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkompleta r-rekwiżiti għall-operazzjonijiet tal-ajrudromi billi jintegra l-operazzjonijiet tar-rampa, u li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa joffru s-servizzi tagħhom f’ajrudromi differenti u fi Stati Membri differenti mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikati multipli.

g)Fis-6 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2034 11 . Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (ERCS) għad-determinazzjoni tar-riskju tas-sikurezza ta’ okkorrenza. Ir-Regolament jipprevedi żewġ passi, wieħed (pass 1) relatat mad-determinazzjoni tal-valuri taż-żewġ varjabbli: is-severità u l-probabbiltà u l-ieħor (il-pass 2) fuq il-punteġġ tar-riskju għas-sikurezza fil-matriċi tal-ERCS abbażi taż-żewġ valuri ddeterminati tal-varjabbli. Permezz ta’ dan ir-Regolament, huwa mistenni li l-ERCS tiffaċilita approċċ integrat u armonizzat għall-ġestjoni tar-riskju fis-sistema tal-avjazzjoni Ewropea kollha u għalhekk, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Aġenzija jiffukaw fuq l-isforzi għat-titjib tas-sikurezza b’mod armonizzat bħala parti mill-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

h)Fit-8 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2148 12 . Dan ir-Regolament huwa mistenni li jtaffi r-riskji għas-sikurezza assoċjati mas-sikurezza tar-runways, mill-perspettiva ta’ ajrudrom, filwaqt li jiffoka l-aktar fuq il-prevenzjoni ta’ inkursjonijiet fuq ir-runway u fuq il-valutazzjoni u r-rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway. Dan jindirizza kwistjonijiet bħall-ħabtiet fuq l-art, il-konfigurazzjoni tar-runway, l-okkorrenzi relatati mal-fdalijiet ta’ oġġetti barranin kif ukoll il-manutenzjoni tal-bankini tar-runway. Dan ir-regolament jintroduċi r-rekwiżiti organizzattivi u operazzjonali l-ġodda tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 13 , li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-ICAO li jinsabu prinċipalment fl-Annessi 14 u 15, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza indirizzati lill-EASA min-naħa ta’ ċerti Stati Membri. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jipproponi emendi għall-qafas għat-tħaddim ta’ vetturi fl-ajrudromi, inkluż l-awtorizzazzjoni tas-sewwieqa u l-konformità tal-vetturi li jitħaddmu fiż-żona ta’ mmanuvrar b’ċerti prerekwiżiti tas-sikurezza, sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tar-runway. B’rabta ma’ dan hemm ukoll il-proposta għal rekwiżit ġdid dwar il-komunikazzjonijiet, kif ukoll proposta għall-kontroll ta’ persuni li jkunu mexjin fl-ajrudrom. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jinkludi r-rekwiżiti kollha meħtieġa biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tal-format il-ġdid ta’ rapportar globali (GRF) tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway, inklużi bidliet fil-kontenut tal-formuli METAR u SNOWTAM u tar-rapport speċjali dwar l-ajru. Ir-Regolament huwa mistenni li jtejjeb is-sikurezza billi jnaqqas l-għadd ta’ okkorrenzi relatati mas-sikurezza tar-runway mill-perspettiva ta’ ajrudrom, u jtejjeb l-armonizzazzjoni bħala riżultat tal-introduzzjoni ta’ rekwiżiti komuni ġodda li bħalissa ma jeżistux. Jiżgura l-allinjament tal-qafas regolatorju attwali tal-UE dwar l-ajrudromi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ICAO relatati mal-ajrudromi tal-Annessi 14 u 15, PANS-ATM u tal-PANS-Ajrudromi.

i)Fil-21 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/699 14 . Dan ir-Regolament jindirizza r-riskji għas-sikurezza relatati ma’ fenomeni ta’ tiqdim fl-istrutturi ta’ ajruplani kbar. Dawn ir-riskji jinkludu r-reħja tad-disinn tat-tip bażiku, id-danni kkawżati minn reħja mifruxa (WFD), il-korrużjoni, ir-reħja tal-bidliet u tat-tiswijiet, u t-tħaddim kontinwu b’livelli mhux sikuri ta’ qsim tar-reħja. Dan ir-Regolament huwa mistenni li jiżgura li d-Detenturi tal-Approvazzjoni tad-Disinn (DAHs), jew l-applikanti għaċ-Ċertifikati tat-Tip (TCs), għaċ-Ċertifikati tat-Tip Supplimentari (STCs), il-bidliet fid-disinn u l-approvazzjonijiet tat-tiswija, jipproduċu d-data, il-proċeduri, l-istruzzjonijiet u l-manwali meħtieġa relatati ma’ ħsarat fi strutturi li qed jeqdiemu minħabba korrużjoni u reħja u jagħmluhom disponibbli għal dawk li jeħtieġ li jikkonformaw magħhom (operaturi). Dan ir-Regolament huwa mistenni wkoll li jtaffi r-riskji marbuta mal-inċertezza tal-istatus tal-istruzzjonijiet għall-ajrunavigabbiltà kontinwa (ICA) u, għalhekk, jevita li jħalli lok għal interpretazzjoni fir-regoli, li twassal għal differenzi fl-użu tal-ICA u tikkawża riskji possibbli għas-sikurezza. Sabiex jinkiseb dan, dan ir-Regolament jiċċara li l-ICA huma parti miċ-ċertifikat tat-tip (TC) u jgħaqqad ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tar-rekords, il-manwali u l-ICA fid-diversi subpartijiet f’rekwiżit wieħed (fis-Subparti A). Dan ir-Regolament huwa mistenni li jtejjeb l-armonizzazzjoni tal-ICA fost id-DAHs fir-rigward tal-identifikazzjoni, l-approvazzjoni, l-ifformattjar u d-disponibbiltà tal-ICA għall-utenti finali u li jiżgura li dawn ir-riskji għas-sikurezza jiġu mmitigati kemm għall-flotot eżistenti kif ukoll għal flotot futuri ta’ ajruplani kbar.

j)Fis-7 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1087 15 u r-Regolament Delegat (UE) 2021/1088 16 . Dawn iż-żewġ Regolamenti jallinjaw il-qafas regolatorju tal-UE mal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs) tal-ICAO li jinsabu fl-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Fi Frar 2019, il-Kumitat tal-ICAO għall-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni (CAEP) ippropona titjib u aġġornamenti għas-SARPs eżistenti dwar l-istorbju, l-emissjonijiet mill-magni tal-inġenji tal-ajru, u l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-ajruplani, inklużi livelli regolatorji ġodda dwar l-emissjonijiet ta’ materja partikolata mhux volatili għall-magni tal-inġenji tal-ajru. Il-Kunsill tal-ICAO adotta l-emendi finali fil-11 ta’ Marzu 2020 17 . Għalhekk, dawn ir-Regolamenti jemendaw l-Artikolu 9 “Rekwiżiti essenzjali” tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Artikolu 9 “Organizzazzjonijiet relatati mal-produzzjoni” tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 u l-Anness I tiegħu (Parti 21). Dawn ir-Regolamenti huma mistennija jiżguraw livell uniformi għoli ta’ protezzjoni ambjentali u jipprovdu kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha fis-settur tal-avjazzjoni.

k)Fl-10 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/201 18 . Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ta’ sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza (SMS) għad-disinn u l-produzzjoni (Parti 21) kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni (Parti-145), li huma ż-żewġ oqsma li fadal li għalihom l-Anness 19 tal-ICAO għadu ma ġiex traspost bis-sħiħ fil-qafas regolatorju tal-UE. Barra minn hekk, l-Anness II “Rekwiżiti essenzjali għall-ajrunavigabbiltà” tar-Regolament (UE) 2018/1139 jitlob espliċitament li l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni, inkluża l-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza, u jimmiraw għat-titjib kontinwu ta’ dik is-sistema, bl-appoġġ tal-ħolqien ta’ sistema ta’ rappurtar tal-okkorrenzi. Permezz tal-istabbiliment ta’ tali qafas għal sistema ta’ ġestjoni, is-sikurezza tal-avjazzjoni se tissaħħaħ permezz ta’ a) l-istabbiliment ta’ politiki ta’sikurezza u objettivi assoċjati ma’ riżorsi suffiċjenti, b) l-identifikazzjoni sistematika tal-perikli u sistema ta’ ġestjoni tar-riskji; c) sistemi ta’ aċċertament tas-sikurezza, li jqisu l-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet f’dak li jikkonċerna s-sikurezza; u d) il-promozzjoni u l-komunikazzjoni tas-sikurezza. Dan ir-Regolament huwa konformi mal-kunċett regolatorju ta’ sistemi ta’ ġestjoni stabbiliti għal oqsma oħra, bħall-Operazzjonijiet fl-Ajru jew l-Ajrudromi, jew għall-organizzazzjonijiet involuti fil-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa (Parti-CAMO). Permezz tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet ta’ sistemi ta’ ġestjoni fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni, se jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet li jridu jikkonformaw ma’ diversi rekwiżiti ta’ sistema ta’ ġestjoni f’oqsma differenti jkunu jistgħu jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni waħda, u li l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw organizzazzjonijiet differenti f’oqsma differenti jkunu jistgħu jippjanaw u jorganizzaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħhom abbażi tal-istess prinċipji regolatorji.

l)Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/208 19 . L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jimmodernizza l-qafas regolatorju tal-avjazzjoni tal-UE applikabbli għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp (AWOs) u għat-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sikurezza filwaqt li jkun jista’ jsir titjib fl-effiċjenza bbażat fuq l-aħħar avvanzi teknoloġiċi. Fir-rigward tal-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-bilanċ xieraq bejn il-prinċipji bbażati fuq il-prestazzjoni u dawk preskrittivi skont it-tip ta’ operazzjonijiet fl-ajru. Ir-regoli ma humiex dipendenti mit-teknoloġija u jistgħu jakkomodaw bidliet futuri. Huwa jindirizza d-dixxiplini rilevanti kollha u jaġġorna r-regoli rilevanti għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp fl-oqsma tal-operazzjonijiet fl-ajru, l-ekwipaġġ tal-ajru u l-ajrudromi, b’mod koordinat. Fir-rigward tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira, dan ir-Regolament itejjeb ir-rekwiżiti obbligatorji eżistenti għat-taħriġ u l-kontrolli tal-ekwipaġġ għall-operaturi tal-ajru. Dan jindirizza t-taħriġ u l-kontrolli inizjali u rikorrenti, il-kundizzjonijiet għall-operazzjoni fuq aktar minn tip jew varjant wieħed ta’ inġenju tal-ajru, l-aċċettazzjoni ta’ taħriġ u kontrolli preċedenti minn operaturi mhux kummerċjali, u operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed ta’ ħelikopters iċċertifikati bi bdot wieħed. Dan ir-Regolament huwa mistenni li jżid is-sikurezza b’mod kosteffettiv u li jżomm is-sikurezza, inaqqas il-piż regolatorju, iżid il-kosteffettività, itejjeb l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp (eż. mal-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni), u jittrasponi kemm jista’ jkun l-istandards u l-prattiki rakkomandati (SARPs) tal-ICAO.

Qabel l-adozzjoni tal-atti delegati kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti mill-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.

NOTA: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1358 tat-2 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti aktar proporzjonati għall-inġenji tal-ajru użati għall-avjazzjoni sportiva u rikreattiva (Parti 21 Inġenji tal-ajru ħfief) ġie adottat fit-2 ta’ Ġunju 2022 u bħalissa jinsab taħt skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għal xahrejn. Dan ir-Regolament jipprovdi approċċ eħfef għaċ-ċertifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali, u jintroduċi l-possibbiltà li tiġi sottomessa dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn bħala alternattiva għaċ-ċertifikazzjoni. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jintwerew il-kapaċitajiet tad-disinn u tal-produzzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni, minflok approvazzjoni, u għal ċerti attivitajiet ta’ produzzjoni b’riskju baxx, it-turija tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ma hijiex meħtieġa. Huwa mistenni li l-ostakli għad-dħul fis-sistema regolatorja Ewropea se jitnaqqsu filwaqt li tinżamm is-sikurezza tal-avjazzjoni u li dan se jippermetti li tipi ġodda ta’ inġenji tal-ajru jiġu żviluppati aktar faċilment.

4.    KONKLUŻJONI U PROSPETTIVA GĦALL-ĠEJJIENI

Il-Kummissjoni eżerċitat l-għoti tas-setgħa tagħha li tadotta dawn ir-Regolamenti Delegati kollha bl-objettiv li ttejjeb is-sikurezza tal-ajru fi kważi kull qasam operazzjonali li għandu mandat mir-Regolament (UE) 2018/1139.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.

Fil-futur, il-Kummissjoni qed tippjana li tuża s-setgħat delegati tagħha għal implimentazzjoni ulterjuri tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(1)

ĠU L 212, 22.08.2018, p. 1

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/897 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ verifika tal-konformità bbażata fuq ir-riskju fl-Anness I u l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali (ĠU L 146, 5.6.2019, p.116).

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/570 tat-28 ta’ Jannar 2020 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-allinjament tar-regoli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru u għall-prodotti, għall-parts u għall-apparati ajrunawtiċi mar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 132, 27.04.2020, p.1).

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(7)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/723 tal-4 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ bdoti ta’ pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (ĠU L 170, 2.6.2020, p. 1).

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1058 tas-27 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/945 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ żewġ klassijiet ġodda tas-sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 232, 20.7.2020, p.1).

(10)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1234 tad-9 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar tar-rampa (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 282, 31.08.2020, p.1).

(11)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034 tas-6 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (ĠU L 416, 11.12.2020, p. 1).

(12)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2148 tat-8 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tas-sikurezza tar-runway u d-data ajrunawtika (ĠU L 428, 18.12.2020, p.10).

(13)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

(14)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/699 tal-21 ta’ Diċembru 2020 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-istruzzjonijiet għal ajrunavigabbiltà kontinwa u l-produzzjoni ta’ partijiet li għandhom jintużaw matul il-manutenzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-aspetti ta’ inġenju tal-ajru li qed jeqdiemu matul iċ-ċertifikazzjoni, ĠU L 145, 28.4.2021, p. 1

(15)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1087 tas-7 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-aġġornament tar-referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, ĠU L 236, 5.7.2021, p. 1

(16)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1088 tas-7 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-aġġornament tar-referenzi għar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, ĠU L 236, 5.7.2021, p. 3

(17)

Fil-ħames laqgħa tal-219-il Sessjoni tagħha.

(18)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/201 tal-10 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u s-sistemi tar-rappurtar tal-okkorrenzi li għandhom jiġu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tad-disinn u tal-produzzjoni, kif ukoll il-proċeduri applikati mill-Aġenzija, u li jikkoreġi dak ir-Regolament, ĠU L 33, 15.2.2022, p. 7

(19)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/208 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp, ĠU L 35, 17.2.2022, p. 1