KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑3 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑559/19
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
(Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana)
“Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal miżuri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-ilma – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Deterjorazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana – Assenza ta’ iktar karatterizzazzjoni ta’ dawk il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew tal-gruppi ta’ korpi tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana li ġew identifikati bħala li huma f’riskju fir-rigward tal-għanijiet – Miżuri bażiċi u supplimentari adegwati tal-pjan ta’ ġestjoni tad-distrett tal-baċin tax-xmara Guadalquivir – Deterjorazzjoni ta’ diversi habitats naturali”
Werrej
|
I. Introduzzjoni |
|
|
II. Il-kuntest ġuridiku |
|
|
A. Id-Direttiva qafas dwar l-ilma |
|
|
B. Id-Direttiva dwar il-habitat |
|
|
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża |
|
|
IV. It-talbiet |
|
|
V. Evalwazzjoni ġuridika |
|
|
A. Fuq it-talbiet ta’ Spanja |
|
|
B. Fuq il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat |
|
|
1. Fuq is-suġġett u l-ammissibbiltà tal-motiv |
|
|
2. Fuq il-kriterju previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat |
|
|
3. Applikazzjoni |
|
|
a) L-impatt fuq il-habitats protetti |
|
|
b) Applikabbiltà ratione temporis tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni |
|
|
c) Assenza ta’ rifjut minn Spanja |
|
|
4. Konklużjoni ad interim |
|
|
C. L-obbligu ta’ iktar karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art skont l-Artikolu 5 moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma |
|
|
1. Karatterizzazzjoni fil-pjanijiet ta’ ġestjoni |
|
|
2. Evalwazzjoni żbaljata tar-riskji fl-ewwel pjan ta’ ġestjoni 2009 sa 2015 |
|
|
3. It-tieni pjan ta’ ġestjoni |
|
|
a) Rikonoxximent tal-ksur minn Spanja |
|
|
b) Fuq l-istruttura territorjali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art |
|
|
c) Fuq in-numru ta’ punti ta’ kejl |
|
|
d) Lakuni fl-istima tal-estrazzjoni |
|
|
4. Konklużjoni ad interim |
|
|
D. Il-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma |
|
|
1. Fuq is-suġġett tal-motiv |
|
|
2. Fuq id-deterjorazzjoni |
|
|
a) Fuq it-tranżizzjoni minn status tajjeb għal status ħażin |
|
|
b) Deterjorazzjoni ta’ status ħażin |
|
|
i) Fuq il-kunċett ta’ deterjorazzjoni |
|
|
ii) Argumenti dwar il-bilanċ tal-estrazzjoni |
|
|
iii) Argumenti li jikkonċernaw l-ilma tal-wiċċ u l-ekosistemi terrestri |
|
|
c) Fuq il-ġustifikazzjoni tad-deterjorazzjoni |
|
|
3. Konklużjoni ad interim |
|
|
E. Il-programmi ta’ miżuri skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma |
|
|
1. Miżuri speċifiċi intiżi sabiex jimplimentaw l-obbligu ta’ titjib u l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma |
|
|
a) Regolarizzazzjoni |
|
|
b) Allokazzjoni ta’ riżorsi |
|
|
c) Provvista ta’ ilma tal-wiċċ għall-finijiet tal-irrigazzjoni |
|
|
2. Prevenzjoni tad-dannu fuq żona ta’ protezzjoni - L-estrazzjoni tal-ilma fil-Matalascañas |
|
|
3. Konklużjoni ad interim |
|
|
VI. Spejjeż |
|
|
VII. Konklużjoni |
I. Introduzzjoni
|
1. |
Iż-żona naturali ta’ Doñana tinsab fil-Lbiċ ta’ Spanja, fejn ġew stabbiliti żoni ta’ protezzjoni importanti skont id-Direttiva dwar il-habitat ( 2 ) u d-Direttiva dwar l-għasafar ( 3 ). F’din iż-żona, ħafna drabi barra minn dawn iż-żoni ta’ protezzjoni, jinsabu wkoll l-iktar żoni ta’ produzzjoni importanti fl-Ewropa għall-“frott aħmar”, b’mod partikolari l-frawli, li l-irrigazzjoni tagħhom hija fil-parti l-kbira estratta mill-ilma ta’ taħt l-art. Minn tal-inqas f’ċerti setturi, din l-estrazzjoni taqbeż ir-riġenerazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art b’tali mod li f’din iż-żona l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ilu jonqos għal diversi snin. |
|
2. |
Il-Kummissjoni tara dan bħala ksur tal-projbizzjonijiet ta’ deterjorazzjoni previsti fid-Direttiva qafas dwar l-ilma ( 4 ) u fid-Direttiva dwar il-habitat u, konsegwentement, fetħet din il-proċedura kontra Spanja. |
|
3. |
Fir-rigward tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, din id-deterjorazzjoni tolqot l-istatus kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona kollha ta’ Doñana. Iżda kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ deterjorazzjoni f’dan ir-rigward? Dan il-kunċett jirrigwarda t-tnaqqis tar-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art? Jew inkella l-użu mhux mibdul tal-ilma ta’ taħt l-art, pereżempju għall-irrigazzjoni tal-art agrikola, għandu jitqies biss bħala ż-żamma tal-istatus eżistenti, mingħajr deterjorazzjoni addizzjonali? Din hija l-kwistjoni ċentrali ta’ din il-proċedura. |
|
4. |
Għandu jiġi ddeterminat ukoll il-mod ta’ kif għandu jiġi evalwat l-istatus bażi tal-ilma ta’ taħt l-art fid-dawl tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u liema miżuri huwa meħtieġ jistabbilixxi Stat Membru sabiex itejjeb l-istatus kwantitattiv ħażin tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
5. |
Mill-banda l-oħra, il-ksur allegat tad-Direttiva dwar il-habitat ma jikkonċernax l-ilma ta’ taħt l-art li ma huwiex protett direttament minn din id-direttiva, iżda jikkonċerna l-bidla ta’ habitats protetti fl-imsemmija żoni ta’ protezzjoni. Il-kwistjoni kontenzjuża hija, b’mod partikolari, dwar jekk it-tnaqqis tal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art għandux l-effett li jnixxef dawn il-habitats. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva qafas dwar l-ilma
|
6. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
|
|
7. |
Fl-Artikolu 2 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, wieħed isib, inter alia, id-definizzjonijiet li ġejjin: “[…]
[…]
[…]”. |
|
8. |
Il-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jiddeskrivi l-istat kwantitattiv tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art kif ġej: “Il-livell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fil-korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa tant li riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ma’ jaqbżux ir-rata medja annwali ta’ żmien twil ta’ estrazzjoni. Skond, il-livell ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ma’ jkunx soġġett għal alterazzjonijiet antropoġeniċi tant li jirriżulta:
u alterazzjonijiet f’direzzjonijiet ta’ tnixxija li jirriżultaw minn bdil tal-livell jistgħu jseħħu temporanjament, jew kontinwament f’żona spazjali limitata, imma ċerta dawrien bil-kontra tad-direzzjoni ma’ jikkawżawx ilma mielaħ jew intrużjoni oħra, u ma’ jindikax trend indotta antropoġenikalment sostnuta u identifikata b’mod ċar fid-direzzjoni tal-fluss li x’aktarx tirriżulta f’dawn l-intrużjonijiet.” |
|
9. |
L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u r-rekwiżit ta’ titjib għall-ilma ta’ taħt l-art kif ġej:
(iii) […]”. |
|
10. |
L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jinkludi żoni ta’ protezzjoni fl-għanijiet ta’ kwalità tad-Direttiva qafas dwar l-ilma: “L-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ kull standard u ma’ l-għanijiet mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema, l-oqsma protetti individwali jkunu twaqqfu.” |
|
11. |
Skont l-Artikolu 6 u l-Anness IV tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, din id-dispożizzjoni tkopri, inter alia, iż-żoni ta’ protezzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitat u tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
|
12. |
L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jippermetti li tiġi posposta d-data sabiex jintlaħaq l-għan ta’ status tajjeb tal-ilma: “It-termini taż-żmien stabbiliti bil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-iskopijiet li jinkisbu f’fażijiet l-għanijiet għal korpi ta’ l-ilma, sakemm aktar deterjorazzjoni ma’ titfaċċax fl-istat tal-korp ta’ l-ilma affetwat meta l-kundizzjonijiet kollha li jmiss jintlaħqu: […]” |
|
13. |
L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ssir deroga mill-għanijiet ambjentali, indipendentement mit-termini tar-rekwiżit ta’ titjib. |
|
14. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jirregola l-identifikazzjoni tal-istatus tal-ilma: “1. Kull Stati Membru jrid jiżgura li għal kull distrett tal-baċin tax-xmara jew għal parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa fi ħdan it-territorju tiegħu:
hija marbuta skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa fl-Anness II u III u li huwa komplut sa’ l-anqas erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 2. L-analiżi u riviżjonijiet imsemmija taħt paragrafu 1 iridu jiġu riveduti, u jekk meħtieġ aġġornati sa’ l-anqas 13 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull wara sitt xhur [sitt snin].” |
|
15. |
Il-punt 2.1 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jirregola l-karatterizzazzjoni inizjali tal-istatus tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, li tinkludi b’mod partikolari “l-grad fejn huma jkunu fir-riskju li jonqsu li jilħqu l-għanijiet għal kull korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Artikolu 4”. Il-punt 2.2 jipprovdi f’ċerti każijiet iktar karatterizzazzjoni: “Skond din il-karatterizzazzjoni inizjali, l-Istati Membri jridu jagħmlu aktar karatterizzazzjoni minn dawk il-korpi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew mill-gruppi ta’ korpi li ġew identifikati bħala li jkunu fir-riskju, sabiex tkun stabbilita stima aktar preċiża tas-sinifikat ta’ dan ir-riskju u identifikazzjoni tal-miżuri kollha li jinħtieġu taħt l-Artikolu 11. Għalhekk, din il-karatterizzazzjoni trid tinkludi informazzjoni relevanti fuq l-impatt ta’ attività umana u, fejn relevanti, informazzjoni fuq:
— […]” |
|
16. |
L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jirregola liema miżuri għandhom jieħdu l-Istati Membri sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva: “1. Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. […] 2. Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‘bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‘supplimentari’. 3. ‘Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:
[…]
[…]
[…] 4. Miżuri ‘supplimentari’ huma dawk il-miżuri ddisinjati u implimentati b’żieda mal-miżuri bażiċi, bl-għan tal-kisba ta’ l-għanijiet stabbiliti skond l-Artikolu 4. Parti B ta’ l-Anness VI fiha lista mhux esklussiva ta’ dawn il-miżuri. […]” |
B. Id-Direttiva dwar il-habitat
|
17. |
L-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddefinixxi l-istatus tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali kif ġej: “L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:
|
|
18. |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitat huma d-dispożizzjonijiet ċentrali dwar il-protezzjoni ta’ żoni: “2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. 4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. […]” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
|
19. |
Iż-żona naturali ta’ Doñana tinsab fil-Lbiċ tal-Peniżola Iberika, fil-Komunità Awtonoma Spanjola ta’ Andalucía. Hija tinkludi, fost oħrajn, il-park nazzjonali ta’ Doñana (imwaqqaf fl-1969) u l-park naturali ta’ Doñana (imsejjaħ ukoll il-park ambjentali naturali jew il-park naturali Preparque ta’ Doñana, imwaqqaf fl-1989 u estiż fl-1997). Fl-2006, il-Kummissjoni rreġistrat tliet żoni ta’ protezzjoni importanti, jiġifieri ZECA/LIC ES0000024 Doñana ( 5 ), ZECA/LIC ES6150009 Doñana Norte y Oeste ( 6 ) u ZEC ES6150012 Dehesa de Estero u Montes de Moguer ( 7 ) fl-ewwel lista ta’ żoni ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju ( 8 ). L-ewwel waħda minn dawn iż-żoni ilha żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva dwar l-għasafar sa mill-1987 ( 9 ). |
|
20. |
Skont il-formoli standard għall-preżentazzjoni ta’ data, it-tip ta’ habitat prijoritarju 3170*, Għadajjar temporanji Mediterranji, kif ukoll it-tipi ta’ habitat 92A0, Imsaġar tas-Salix alba u tal-Populus alba, u 92D0, Galleriji u msaġar tax-xatt fin-Nofsinhar (Nerio-Tamaricetea u Securinegion tinctoriae) huma preżenti f’dawn iż-żoni. Mill-banda l-oħra, it-tipi ta’ habitat 91B0, Boskijiet termofili ta’ Fraxinus angustifolia u 9330, Foresti ta’ Quercus suber, huma preżenti biss f’żewġ żoni, iżda huma assenti miż-żona ZEC ES6150012 “Dehesa del Estero y Montes de Moguer”. |
|
21. |
Dawn iż-żoni ta’ protezzjoni jinkludu biss partijiet miż-żona naturali ta’ Doñana, li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, din iż-żona naturali kienet integrata kważi kompletament f’korp wieħed ta’ ilma ta’ taħt l-art, Almonte‑Marismas ( 10 ), fl-ewwel pjan ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 13, il-Plan Hidrológico del Guadalquivir 2009 – 2015 (il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2009 sa 2015) ( 11 ). Din l-istruttura amministrattiva tikkorrispondi essenzjalment mal-akwifikatur ġeoloġiku tal-istess isem, li madankollu jinkludi, skont Spanja, korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ieħor fil-viċin. Il-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art Almonte‑Marismas ma kienx imsemmi fl-Artikolu 41 ta’ dan il-pjan bħala wieħed mill-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li fir-rigward tiegħu l-għan ta’ status kwantitattiv tajjeb kien ikkunsidrat bħala vulnerabbli. Għall-kuntrarju, l-għan ta’ status tajjeb kien globalment previst fl-2015 ( 12 ). |
|
22. |
Fit-tieni pjan ta’ ġestjoni, il-Plan Hidrológico del Guadalquivir 2016 – 2021 (il-Pjan Idroloġiku tal-Guadalquivir 2016 sa 2021) ( 13 ), il-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art Almonte‑Marismas ġie maqsum. Mill-ħames korpi ġodda ta’ ilma ta’ taħt l-art, tlieta minnhom, Almonte (ES050MSBT000055101), Marismas (ES050MSBT000055102) u La Rocina (ES050MSBT000055105) jindikaw status kwantitattiv ħażin ( 14 ). It-tlieta li huma għandhom livell baxx ta’ ilma ta’ taħt l-art ( 15 ) u, barra minn hekk, mill-aħħar tnejn jiġi estratt iktar ilma ta’ taħt l-art milli jiġi riġenerat ( 16 ). |
|
23. |
Wara diversi lmenti u mistoqsija fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni li abbażi tagħha, fis-17 ta’ Ottubru 2014, sejħet lil Spanja, skont l-Artikolu 258 TFUE, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ksur potenzjali tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u tad-Direttiva dwar il-habitat fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona ta’ Doñana. Wara t-tweġiba ta’ Spanja, fid‑29 ta’ April 2016 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru dwar l-istess ilmenti, fejn talbitu jirrimedja din il-kritika sad‑29 ta’ Ġunju 2016. Minkejja t-tweġibiet sussegwenti ta’ Spanja, il-Kummissjoni finalment ippreżentat dan ir-rikors fit‑22 ta’ Lulju 2019. |
IV. It-talbiet
|
24. |
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
25. |
Ir-Renju ta’ Spanja jtemm ir-risposta tiegħu billi jindika li n-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u tad-Direttiva dwar il-habitat, ikkritikat mill-Kummissjoni f’din il-proċedura, bl-ebda mod ma huwa stabbilit. Għall-kuntrarju, Spanja ppreżentat l-isforzi kontinwi fil-forma ta’ pjanijiet u ta’ miżuri ta’ ġestjoni li saru f’dawn l-aħħar snin sabiex jingħelbu l-effetti negattivi kkawżati fiż-żona naturali ta’ protezzjoni ta’ Doñana minn attivitajiet imħeġġa matul id-deċennji li ppreċedew l-adozzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tal-Unjoni. |
|
26. |
Huwa biss fil-kontroreplika li Spanja titlob espressament li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
27. |
Il-partijiet ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020. |
V. Evalwazzjoni ġuridika
|
28. |
Skont il-Kummissjoni, Spanja kisret il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista mid-Direttiva qafas dwar l-ilma fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona ta’ Doñana u, b’hekk, kisret ukoll il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat fir-rigward ta’ diversi habitats fiż-żoni ta’ protezzjoni ta’ Doñana. Barra minn hekk, Spanja ma osservatx l-obbligi ta’ investigazzjoni tagħha taħt id-Direttiva qafas dwar l-ilma u lanqas ma stabbilixxiet il-miżuri neċessarji skont din id-direttiva sabiex jintlaħaq status tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
29. |
Għalkemm il-Kummissjoni tikkonċentra primarjament fuq id-Direttiva qafas dwar l-ilma, se nkun qed nibda billi nevalwa d-Direttiva dwar il-habitat (ara l-punt B) peress li f’dan il-qasam diġà teżisti ġurisprudenza stabbilita dwar il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. Għalkemm huwa minnu li ma tistax tiġi trasposta direttament għall-interpretazzjoni tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fid-Direttiva qafas dwar l-ilma (ara l-punt D), din il-ġurisprudenza minn tal-inqas tippermetti li jsir paragun. Madankollu, qabel ma niddiskuti din it-tieni projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, se nevalwa l-motiv dwar l-obbligi ta’ evalwazzjoni ta’ Spanja fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-ilma (ara l-punt C) għaliex din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi l-bażi tal-implimentazzjoni ulterjuri tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, inkluża l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. Fl-aħħar nett, se nkun qed nindirizza l-kritika tal-miżuri previsti minn Spanja fiż-żona naturali ta’ Doñana (ara l-punt E). Madankollu, għandu jiġi ddeterminat minn qabel jekk Spanja ppreżentatx talbiet effettivi (ara l-punt A). |
A. Fuq it-talbiet ta’ Spanja
|
30. |
Spanja ma ppreżentatx talbiet formali fir-risposta minkejja li skont l-Artikolu 124(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura din in-nota għandha tinkludi t-talbiet tal-konvenut. Il-fatt li Spanja tippreżenta talbiet formali fir-replika ma jistax jirrimedja ksur eventwali tal-Artikolu 124(1)(c), peress li skont l-Artikolu 126(1) ir-replika tista’ biss tissupplimenta r-risposta. Għaldaqstant, l-Artikolu 127(1) jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza fil-każ biss li dawn ikunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. L-istess regola għandha tapplika għat-talbiet. |
|
31. |
Madankollu, għandu jiġi ammess li r-Regoli tal-Proċedura ma jimponu ebda forma partikolari għat-talbiet. Minn dan isegwi li t-talbiet jistgħu jiġu fformulati mhux b’mod espliċitu biss, iżda wkoll b’mod impliċitu. Għaldaqstant, il-konklużjoni, li tagħlaq ir-risposta, tista’ tinftiehem ukoll bħala talba impliċita. Sa fejn f’din il-konklużjoni Spanja ssostni li l-ksur allegat mill-Kummissjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u tad-Direttiva dwar il-habitat ma huwiex stabbilit, dan l-Istat Membru qed jitlob impliċitament iċ-ċaħda tar-rikors bħala infondat. |
|
32. |
Mill-banda l-oħra, fir-risposta ma hemm ebda punt ta’ referenza li miegħu tista’ tintrabat it-talba dwar l-ispejjeż magħmula fir-replika. Għaldaqstant, din it-talba ġiet ippreżentata tard u hija għaldaqstant inammissibbli. |
B. Fuq il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat
|
33. |
Skont il-Kummissjoni, Spanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitat billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni ZEPA/LIC ES0000024 Doñana, ZEPA/LIC ES6150009 Doñana Norte y Oeste u ZEPA ES6150012 Dehesa del Estero y Montes de Moguer. |
|
34. |
F’dan ir-rigward, għandhom jiġu ppreċiżati, qabel kollox, is-suġġett tal-motiv u, sussegwentement, ir-rekwiżiti dwar il-prova ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, qabel ma l-argumenti tal-partijiet ikunu jistgħu jiġu evalwati f’dan id-dawl. |
1. Fuq is-suġġett u l-ammissibbiltà tal-motiv
|
35. |
Permezz ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li, fit-tliet żoni ta’ protezzjoni nnominati skont id-Direttiva dwar il-habitat, ċerti habitats iddeterjoraw minħabba t-tnaqqis tal-ilma ta’ taħt l-art. Peress li dawn iż-żoni ġew inklużi mill-Kummissjoni fid‑19 ta’ Lulju 2006 fil-lista ta’ żoni ta’ importanza Komunitarja, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat huwa applikabbli għalihom minn din id-data, skont l-Artikolu 4(5). |
|
36. |
Huwa veru li waħda minn dawn iż-żoni ta’ protezzjoni ilha żona ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar l-għasafar sa mill-1987 u għalhekk għall-ewwel kienet taqa’ taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u sa mill-1994 saret taqa’ taħt il-protezzjoni tal-Artikolu 6(2), skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, il-Kummissjoni ma ssostni l-ebda dannu dirett jew indirett fuq speċi ta’ għasafar protetti, b’tali mod li din il-protezzjoni ma tilgħab ebda rwol f’din il-proċedura. |
|
37. |
Spanja ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna ż-żona ES6150012 “Dehesa del Estero y Montes de Moguer”, minħabba li jikkostitwixxi estensjoni tas-suġġett tal-proċedura. Din iż-żona ma tinsabx fil-post tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art preċedenti Almonte‑Marismas, iżda taqa’ taħt korp tal-ilma ta’ taħt l-art fil-viċin. Fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni llimitat is-suġġett tal-proċedura għall-ewwel korp ta’ ilma ta’ taħt l-art biss. |
|
38. |
Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, sa mill-bidu, il-Kummissjoni inkludiet espressament din iż-żona fil-proċedura prekontenzjuża ( 17 ). Barra minn hekk, għal ksur tad-Direttiva dwar il-habitat huwa irrilevanti jekk żona ta’ protezzjoni taqax taħt korp ta’ ilma ta’ taħt l-art li ġie ddeterminat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. Iż-żona ta’ protezzjoni kienet u, għaldaqstant, għadha s-suġġett tal-proċedura. |
|
39. |
Barra minn hekk, fil-kontroreplika, Spanja tirrikonoxxi li anki l-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fil-viċin huwa parti mill-istess disponiment ġeoloġiku, tal-akwifikatur ta’ Almonte‑Marismas. Huwa kien amministrat separatament mill-istruttura amministrattiva tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art Almonte‑Marismas għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma biss. Li kieku kellhom jirriżultaw malintiżi minn din il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-portata ta’ dan il-motiv, din tkun ġiet ikkawżata minn Spanja stess. Fil-verità, ma jeżisti ebda ħjiel ta’ malintiżi min-naħa Spanjola. |
2. Fuq il-kriterju previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat
|
40. |
Il-Kummissjoni takkuża lil Spanja li kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat billi ttollerat l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex, fiż-żoni speċjali ta’ protezzjoni, jiġi evitati d-deterjorazzjoni tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, sa fejn dan it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv fir-rigward tal-għanjiet ta’ din id-direttiva. |
|
41. |
Il-Kummissjoni ma għandiex għalfejn turi rabta kawżali bejn l-attività u deterjorazzjoni ta’ dawn iż-żoni ta’ protezzjoni sabiex iġġib provi ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
42. |
Għall-kuntrarju, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-imsemmi Artikolu 6(3) ( 18 ). Minn dan isegwi li l-kriterju ta’ analiżi għandu jkun l-istess għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ( 19 ). |
|
43. |
Skont l-Artikolu 6(3), pjan jew proġett ikun ammissibbli biss jekk ikun eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tan-nuqqas ta’ preġudizzju għall-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona kkonċernata ( 20 ). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3), sabiex tiġi ggarantita din is-sitwazzjoni, l-ewwel li għandu jsir huwa eżami ex ante tal-implikazzjonijiet ta’ pjanijiet jew proġetti fuq żona protetta meta jkun hemm probabbiltà li pjan jew proġett ser jaffettwa ż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv ( 21 ). F’dan il-każ, awtorizzazzjoni hija possibbli biss jekk l-eżami jeskludi kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-assenza ta’ danni fuq iż-żona bħala tali ( 22 ). |
|
44. |
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ eżami tal-implikazzjonijiet b’dan ir-riżultat, huwa suffiċjenti għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat li tiġi stabbilita l-probabbiltà li attività tiġġenera tali danni ( 23 ). |
|
45. |
L-iffaċilitar tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat għandu bħala konsegwenza li l-konstatazzjoni ta’ ksur ma twassalx neċessarjament għall-inkompatibbiltà definittiva tal-attività inkwistjoni mal-Artikolu 6. Għall-kuntrarju, eżami xieraq li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat jippermetti lill-Istat Membru jeskludi kull dubju xjentifiku raġonevoli li l-attività taffettwa żoni ta’ protezzjoni. Alternattivament, huwa jista’ jiġġustifika l-attività skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat ( 24 ). |
|
46. |
Huwa minnu li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat tistabbilixxi obbligi ta’ eżami fir-rigward ta’ attivitajiet li, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu juru li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx żoni ta’ protezzjoni. Madankollu, din hija konsegwenza neċessarja tal-livell ta’ protezzjoni li l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(3) jiżguraw bl-istess mod. Anki fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3), huwa possibbli li l-miżura eżaminata ma taffettwax in fine l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona. |
|
47. |
Madankollu, dan il-livell ta’ protezzjoni huwa ġġustifikat bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għaliex huwa biss b’dan il-mod li jistgħu jiġu identifikati u evitati pjanijiet, proġetti u attivitajiet oħra li jaffettwaw iż-żoni ( 25 ). |
3. Applikazzjoni
|
48. |
B’dan il-mod, l-ilment inkwistjoni huwa fondat sa fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi l-probabbiltà li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art taffettwa b’mod sinjifikattiv l-habitats jew l-ispeċi protetti fit-tliet żoni ta’ protezzjoni msemmija. |
|
49. |
Għalhekk, iktar ’il quddiem se nkun qed niddiskuti l-impatt fuq il-habitat protetti (ara l-punt (a)), l-applikabbiltà ratione temporis tal-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni sa mid‑19 ta’ Lulju 2006 (ara l-punt (b)) u t-tentattiv ta’ Spanja li tirrifjuta l-argumenti tal-Kummissjoni (ara l-punt (c)). |
a) L-impatt fuq il-habitats protetti
|
50. |
Peress li d-Direttiva dwar il-habitat ma tipproteġix l-ilma ta’ taħt l-art bħala tali, l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ma tiksirx direttament l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
51. |
Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni takkuża lil Spanja li l-estrazzjoni qed twassal għal tnaqqis tal-ilma ta’ taħt l-art li qed jiddeterjora, b’mod partikolari, il-preżenza tat-tip ta’ habitat prijoritarju 3170*, Għadajjar temporanji Mediterranji, iżda wkoll ta’ tipi oħra ta’ habitat assoċjati mal-ilma tal-wiċċ. Dawn huma t-tipi ta’ habitat 92A0, Imsaġar tas-Salix alba u tal-Populus alba, 92D0, Galleriji u msaġar tax-xatt fin-Nofsinhar (Nerio-Tamaricetea u Securinegion tinctoriae), kif ukoll 91B0, Boskijiet termofili ta’ Fraxinus angustifolia. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għat-tip ta’ habitat 9330, Foresti ta’ Quercus suber. Bl-eċċezzjoni tal-aħħar żewġ tipi ta’ habitat assenti miż-żona ES6150012 “Dehesa del Estero y Montes de Moguer”, dawn it-tipi ta’ habitat huma preżenti fiż-żoni kontenzjużi kollha ( 26 ). |
|
52. |
Spanja tirribatti li ħafna mill-ilmijiet tad-duni ma humiex konformi mat-tip ta’ habitat tal-għadajjar temporanji Mediterranji. Deterjorazzjoni ta’ dan it-tip ta’ habitat hija għalhekk effettivament eskluża. Madankollu, dan l-argument huwa limitat għal sempliċi allegazzjonijiet li ma humiex kompatibbli max-xogħlijiet xjentifiċi ppreżentati mill-Kummissjoni u d-dettalji Spanjoli li jinsabu fil-formoli ta’ preżentazzjoni ta’ data dwar iż-żoni ta’ protezzjoni, u li ma humiex ibbażati fuq elementi ta’ prova speċifiċi. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata l-preżenza ta’ dan it-tip ta’ habitat. |
|
53. |
Tnejn mill-istudji ppreżentati mill-Kummissjoni ( 27 ) u studji oħra ċċitati minnha ( 28 ) jsostnu l-ipoteżi li, minħabba t-tnaqqis fil-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ikkawżat mill-estrazzjoni eċċessiva, l-għadajjar dejjem qed jiġġeneraw inqas ilma u minħabba f’hekk issa qed jiddependu fuq kollox mix-xita. Għalhekk, il-perijodi ta’ nixfa jaffettwawhom iktar. Komunikazzjoni tal-Consejo Superior de Investigaciones Científicas Spanjol (il-Kunsill Superjuri għar-Riċerka Xjentifika) lill-Ombudsman tal-Andalucía tikkonferma dan ( 29 ). Bl-istess mod, studju ppreżentat minn Spanja jqis li huwa possibbli li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art hija l-kawża għat-telf fi tnixxija permanenti tal-ilma u ta’ għadajjar temporanji ħdejn is-sit turistiku ta’ Matalascañas ( 30 ). |
|
54. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art taffettwa l-habitats l-oħra msemmija fiż-żoni ta’ protezzjoni li jiddependu mill-ilma tal-wiċċ. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għal diversi studji li juru li dawn il-habitats huma suġġetti għal bidliet sfavorevoli minħabba t-tnaqqis fl-ilma ta’ taħt l-art kawża tal-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma, bħat-tneħħija ta’ veġetazzjoni li tiddependi mill-umdità ( 31 ). |
|
55. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssemmi indizji ta’ dannu fuq it-tip ta’ habitat 9330, Foresti ta’ Quercus suber ( 32 ). |
|
56. |
Il-Kummissjoni għalhekk ipprovdiet elementi xjentifikament fondati li jindikaw li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art naqqset il-livell tal-ilma ta’ taħt l-art u li minn dan irriżultat il-probabbiltà ta’ dannu fuq il-preżenza tal-imsemmija tipi ta’ habitat fiż-żoni ta’ protezzjoni. |
|
57. |
Spanja tirribatti li l-ilma ta’ taħt l-art huwa ta’ importanza minima għall-konservazzjoni, b’mod partikolari, tal-għadajjar temporanji, peress li dawn huma b’mod partikolari alimentati mill-ilma tax-xita. Madankollu, anki jekk jitqies li dan l-argument huwa ġust, minn dan ma jirriżultax li l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ma għandu ebda rwol. Dan ir-rwol huwa iktar importanti f’perijodi ta’ nixfa peress li huwa biss l-ilma ta’ taħt l-art li jista’ jimla l-livell tal-ilma fl-għadajjar imsemmija. |
|
58. |
Għaldaqstant, Spanja ma rrifjutatx l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-probabbiltà li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ipprattikata fiż-żona naturali ta’ Doñana taffettwa l-imsemmija habitats protetti fiż-żoni ta’ protezzjoni. |
b) Applikabbiltà ratione temporis tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni
|
59. |
Madankollu, Spanja tindika wkoll lill-Kummissjoni li l-problemi marbuta mal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana jmorru lura għaż-żmien qabel ma sar applikabbli l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
60. |
Dan l-argument jesprimi oġġezzjoni importanti ħafna: il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat tista’ tirrigwarda biss id-danni li jseħħu wara li din id-dispożizzjoni tkun saret applikabbli, jiġifieri, f’dan il-każ, wara d‑19 ta’ Lulju 2006. Mill-banda l-oħra, il-fatt li l-habitats fiż-żoni ta’ protezzjoni ġew meqruda jew affettwati qabel din id-data huwa, l-ewwel nett, irrilevanti għal din id-dispożizzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tat-tnaqqis tal-ilma ta’ taħt l-art kawża ta’ estrazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art qabel l-applikabbiltà tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, li ma huwiex ikkontestat li seħħ f’dan il-każ. |
|
61. |
Il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni lanqas ma tirrikjedi awtomatikament li estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art imwettqa preċedentement titnaqqas jew titwaqqaf. Huwa minnu li tali miżura żżid il-livell tal-ilma ta’ taħt l-art u għaldaqstant ittejjeb is-sitwazzjoni. Madankollu, il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni ma hijiex obbligu ta’ titjib. Għaldaqstant, din ma timponix it-titjib tal-istatus tal-habitat protetti. |
|
62. |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni sa fejn din teżiġi miżuri intiżi għall-istabbiliment mill-ġdid jew għat-titjib ta’ habitats li, kif tirrileva diversi drabi Spanja, ġew affettwati ferm qabel l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
63. |
Madankollu, fil-każ fejn attività kontinwa, bħall-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tikkontribwixxi sabiex tkompli taggrava l-istatus ta’ preżenza ta’ tipi ta’ habitats jew ta’ speċi protetti, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat huwa applikabbli. Għalkemm huwa minnu li ż-żona ta’ protezzjoni diġà qed tbati b’xi mod il-piż ta’ din l-attività, jibqa’ madankollu l-fatt li dan il-piż jiġi eżawrit fid-danni kkawżati qabel l-istabbiliment taż-żona ta’ protezzjoni. Għall-kuntrarju, danni ġodda fuq iż-żoni ta’ protezzjoni jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. |
|
64. |
Kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi li titkompla attività partikolari ma jbiddlux din il-konklużjoni. Huma jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw deroga mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat skont l-Artikolu 6(4) ( 33 ), iżda ma jistgħux ibiddlu l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ deterjorazzjoni ( 34 ). |
|
65. |
Il-parti l-kbira tal-istudji ppreżentati jew invokati mill-Kummissjoni jikkonċernaw kemm il-perijodu ta’ qabel id‑19 ta’ Lulju 2006, jiġifieri qabel l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, jew inkella ma jinkludu ebda dettalji preċiżi fir-rigward tad-data ta’ meta seħħew id-danni inkwistjoni. Għaldaqstant, huma ma jurux li d-danni li huma identifikaw għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
66. |
Madankollu, artiklu mill-2016, li jindika li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art għal iktar minn żewġ deċennji wasslet għal tnaqqis gradwali tal-ilma ta’ taħt l-art, effettivament jippreżenta indizji ta’ deterjorazzjoni sa mid-19 ta’ Lulju 2006 ( 35 ). Fl-istess sens, il-komunikazzjoni lill-Ombudsman ta’ Andalucía tgħid li l-akwifikatur ta’ Doñana u l-ambjent tiegħu wrew, bejn l-1994 u l-2015, tendenza negattiva bi tnaqqis sinjifikattiv ta’ 1.13 % fis-sena, li huwa ferm ogħla minn dak li jista’ jkun dovut għal bidliet fix-xita rreġistrata fir-reġjun ( 36 ). Tal-inqas matul l-aħħar disa’ snin ta’ dan l-iżvilupp, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat kien applikabbli għat-tliet żoni ta’ protezzjoni. |
|
67. |
Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni taż-żona ta’ protezzjoni Doñana Norte y Oeste żviluppat mill-awtoritajiet Spanjoli, li l-Kummissjoni teżamina fir-replika, jiddeskrivi l-istatus ta’ konservazzjoni tal-habitat tax-xtut tax-xmajjar bħala “sfavorevoli/ħażin” minħabba t-tnaqqis fil-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ( 37 ). Dan ifisser, fid-dawl tad-definizzjoni ta’ status ta’ konservazzjoni favorevoli li tinsab fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-habitat, li ż-żoni li jokkupaw dawn il-habitats f’din iż-żona qed jonqsu u li ż-żamma fit-tul tagħhom hija dubjuża. Għalhekk, l-awtoritajiet Spanjoli stess jikkunsidraw li l-istatus ta’ dawn il-habitats se jkompli jiddeterjora minħabba l-iżvilupp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
68. |
B’dan il-mod, il-Kummissjoni esponiet suffiċjentement il-probabbiltà li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art attwalment ipprattikata fiż-żona naturali ta’ Doñana bdiet tikkawża, sa mid‑19 ta’ Lulju 2006, deterjorazzjonijiet ta’ habitats protetti fit-tliet żoni ta’ protezzjoni. |
c) Assenza ta’ rifjut minn Spanja
|
69. |
Bħala prinċipju, issa hija Spanja li għandha tirrifjuta l-provi ta’ din il-probabbiltà. Sa fejn l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni, għandu japplika l-kriterju ta’ eżami tal-implikazzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) ( 38 ). Għaldaqstant, attività hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ċerti li dan il-pjan jew proġett ma jkunx se jkollu effetti dannużi permanenti fuq iż-żona kkonċernata. Dan ikun il-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti ( 39 ). |
|
70. |
Għalhekk, Spanja hija meħtieġa teskludi kull dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-fatt li t-tkomplija tal-prattika attwali tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ma hijiex ser tkun ta’ ħsara għal habitats protetti fiż-żoni ta’ protezzjoni. |
|
71. |
Għal dan il-għan, Spanja tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq żewġ studji oħra, li madankollu wieħed minnhom biss ġie sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, dawn l-istudji jikkonfermaw preċiżament li ħafna mill-għadajjar huma marbuta mal-ilma ta’ taħt l-art u li huma affettwati mit-tnaqqis fil-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ( 40 ). |
|
72. |
Sfortunatament ix-xogħol l-ieħor ( 41 ) ma ġiex ippreżentat, iżda, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Spanja matul il-proċedura prekontenzjuża, kulma jagħmel huwa li juri l-eżistenza, sa minn diversi mijiet ta’ snin, ta’ żvilupp naturali fit-tul ta’ nixfa u ta’ għajbien ta’ laguni fir-reġjun tad-duni ta’ Doñana. Madankollu, tali żvilupp ma jeskludix li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art li qed tkompli tiġi pprattikata taffettwa l-imsemmija habitats b’mod addizzjonali. |
|
73. |
Għaldaqstant, Spanja ma rrifjutatx l-argument tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ li jkun hemm eżami xjentifiku komplut, li jistabbilixxi fejn jinsabu t-tipi ta’ habitat imsemmija mill-Kummissjoni fit-tliet żoni ta’ protezzjoni sa mid-19 ta’ Lulju 2006 u li jeskludi li dawn ġew affettwati minn estrazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art, kuntrarjament għall-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 42 ). |
|
74. |
Fl-aħħar nett, Spanja tinvoka l-interessi soċjoekonomiċi marbuta mal-kontinwazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Tali interessi jistgħu effettivament jiġġustifikaw id-dannu fuq iż-żoni ta’ protezzjoni skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat ( 43 ). Madankollu, din il-ġustifikazzjoni tirrikjedi, l-ewwel nett, eżami adegwat tal-implikazzjonijiet tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni ta’ protezzjoni kkonċernati kif ukoll l-osservanza tar-rekwiżiti l-oħra previsti minn din id-dispożizzjoni ( 44 ). Attwalment, l-eżami adegwat huwa nieqes b’tali mod li l-argumenti mressqa minn Spanja lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Barra minn hekk, fil-każ ta’ dannu fuq it-tip ta’ habitat prijoritarju 3170*, Għadajjar temporanji Mediterranji, Spanja kellha tikseb l-opinjoni tal-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
4. Konklużjoni ad interim
|
75. |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Spanja marret kontra l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, sa fejn il-Kummissjoni wriet probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv fuq it-tipi ta’ habitat protetti fiż-żoni ta’ protezzjoni ZEPA/LIC ES0000024 Doñana, ZEPA/LIC ES6150009 Doñana Norte y Oeste u ZEPA ES6150012 Dehesa del Estero y Montes de Moguer minħabba l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art sa mid‑19 ta’ Lulju 2006. |
C. L-obbligu ta’ iktar karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art skont l-Artikolu 5 moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma
|
76. |
Permezz tat-tieni motiv, il-Kummissjoni takkuża lil Spanja li applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 5(1) moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, minħabba li ma wettqitx iktar karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana li huma f’riskju li ma jilħqux l-għanijiet ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 4. |
|
77. |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, kull Stat Membru għandu jiżgura li għal kull distrett tal-baċin tax-xmara ssir, b’mod partikolari, reviżjoni tal-impatt tal-attività umana fuq l-istatus tal-ilma ta’ taħt l-art skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Annessi II u III u din għandha titlesta sa mhux iktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, jiġifieri sat‑22 ta’ Diċembru 2004. L-Artikolu 5(2) jipprevedi li l-analiżi u r-reviżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) għandhom jiġu riveduti mhux iktar tard minn 13 il-sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, jiġifieri sat‑22 ta’ Diċembru 2013, u wara għandhom jiġu riveduti kull sitt snin u, jekk ikun il-każ, aġġornati. |
|
78. |
Il-punt 2.1 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jippreċiża d-dettalji ta’ din il-karatterizzazzjoni inizjali. Il-punt 2.2 jipprevedi li, wara din il-karatterizzazzjoni inizjali, l-Istati Membri għandhom iwettqu iktar karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art li għalihom ikun ġie identifikat riskju fid-dawl tal-għanijiet. B’dan il-mod, huma għandhom jevalwaw b’mod iktar preċiż il-portata ta’ dan ir-riskju u jiddeterminaw il-miżuri neċessarji skont l-Artikolu 11. |
1. Karatterizzazzjoni fil-pjanijiet ta’ ġestjoni
|
79. |
Il-Kummissjoni l-ewwel nett tibbaża dan il-motiv fuq il-fatt li Spanja, fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni 2009 sa 2015, evalwat b’mod żbaljat ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, peress li f’dan id-dokument hija indikat li l-istatus tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art Almonte‑Marismas kien favorevoli. Dawn il-lakuni ma ġewx mimlija bil-pjan għas-snin 2016 sa 2021. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-tqassim f’ħames korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, li tlieta minnhom jippreżentaw status kwantitattiv ħażin, jippermetti li s-sitwazzjoni tiġi evalwata aħjar. Madankollu xorta waħda jeżistu nuqqasijiet. |
|
80. |
Huwa sorprendenti li, bil-kritika tagħha tal-karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kontenut tal-pjanijiet ta’ ġestjoni. Fil-fatt, il-karatterizzazzjoni u l-pjan ta’ ġestjoni huma dokumenti distinti, irregolati minn dispożizzjonijiet differenti, jiġifieri mill-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u huma suġġetti għal rekwiżiti differenti. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-karatterizzazzjoni ssir xi snin qabel il-pjan ta’ ġestjoni u sservi sussegwentement bħala bażi għall-kontenut tiegħu. Għalhekk, il-pjan ta’ ġestjoni 2009 sa 2015 jirreferi wkoll għal dokumenti preċedenti li jinkludu l-ewwel dijanjożi tal-istatus tal-ilma ( 45 ) u, fil-kontroreplika, Spanja tirreferi għall-ewwel rapport skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, ippubblikat matul is-snin 2004 u 2005. |
|
81. |
Madankollu, Spanja ma ssostnix li l-Kummissjoni qed tikkontesta d-dokumenti foloz, iżda tesponi li hija osservat l-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma fiż-żewġ pjanijiet ta’ ġestjoni kkritikati mill-Kummissjoni. |
|
82. |
Dan l-approċċ bilkemm huwa kompatibbli mal-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, peress li l-karatterizzazzjonijiet għandhom isiru diversi snin qabel il-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni. Iżda, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax dan il-ksur ta’ terminu. |
|
83. |
Għalhekk għandha tingħata risposta fid-dettall għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk dawn jiġux irrifjutati mill-pjanijiet ta’ ġestjoni. |
2. Evalwazzjoni żbaljata tar-riskji fl-ewwel pjan ta’ ġestjoni 2009 sa 2015
|
84. |
Il-fatti mhux ikkontestati juru li, fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni 2009 sa 2015, Spanja evalwat b’mod żbaljat ir-riskju ta’ ksur tal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
85. |
Fil-fatt, tliet subkorpi tal-ilma ta’ taħt l-art jindikaw, skont it-tieni pjan ta’ ġestjoni, status kwantitattiv ħażin, filwaqt li, skont l-ewwel pjan ta’ ġestjoni, il-korp sħiħ tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ Almonte‑Marismas kellu jindika status tajjeb fl-2015. |
|
86. |
Ir-riskju ta’ dan ir-riżultat kien magħruf ukoll minn Spanja, peress li sa mill-2004, il-Plan de Ordenación del Territorio del ámbito de Doñana (il-Pjan ta’ Żvilupp taż-Żona ta’ Doñana) irrakkomanda li tiġi kkonstatata l-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art mill-akwifikatur. Fir-replika, il-Kummissjoni tinvoka għal dan il-għan żewġ rapporti Spanjoli oħra mis-snin 2008 u 2009 ( 46 ). Spanja tesponi wkoll li r-riskju ta’ devjazzjoni mill-għan ġie indirizzat fl-ewwel rapport, rikjest mill-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, tas-snin 2004 u 2005 ( 47 ). Fl-aħħar nett, dan ir-riskju jikkorrispondi wkoll għall-argument konsistenti ta’ Spanja li dan l-istatus jirriżulta mill-estrazzjoni pprattikata għal żmien twil tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona ta’ Doñana. |
|
87. |
Spanja tesponi li, waqt it-tfassil tal-ewwel pjan ta’ ġestjoni, ġie konkluż li ma kienx hemm riskju abbażi ta’ kriterji ġenerali u meta mqabbel mas-sitwazzjoni f’żoni oħra ta’ Spanja. Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet preċedenti mhux ikkontestati, dan l-argument iżda ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li, fl-ewwel pjan ta’ ġestjoni, Spanja kellha d-dritt teskludi r-riskju ta’ devjazzjoni mill-għan. B’mod partikolari, ma huwiex suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-korp tal-ilma ta’ taħt l-art Almonte‑Marismas jindika globalment status kwantitattiv tajjeb. Għall-kuntrarju, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fir-replika, iktar karatterizzazzjoni hija diġà neċessarja meta r-riskju ta’ status ħażin ikun preżenti. Madankollu, tali riskju kien jeżisti diġà minħabba l-għarfien dwar is-subżoni tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li ġew sussegwentement ikkaratterizzati bħala li għandhom status ħażin. |
|
88. |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ewwel pjan ta’ ġestjoni, Spanja marret kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma minħabba l-fatt li dan l-Istat Membru ma stabbilixxix ir-riskju ta’ devjazzjoni mill-għan previst fil-punt 2.1 tal-Anness II tad-Direttiva u ma pprovdiex iktar karatterizzazzjoni konformement mal-punt 2.2 tal-Anness II. |
3. It-tieni pjan ta’ ġestjoni
|
89. |
Madankollu, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fid‑29 ta’ Ġunju 2016, il-pjan ta’ ġestjoni 2016 sa 2021 tat‑8 ta’ Jannar 2016 kien diġà japplika. |
|
90. |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jitressaq biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx osserva l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni fit-terminu stabbilit għal dan l-iskop ( 48 ). Barra minn hekk, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 49 ). |
|
91. |
Eċċezzjonalment, jista’ jkun possibbli li jiġi invokat ksur passat b’effett radikali ( 50 ). Madankollu, f’dan il-każ, il-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jippersisti bħala tali biss sakemm Spanja tadotta l-miżuri neċessarji. |
|
92. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma biss jekk anki t-tieni pjan ta’ ġestjoni jkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. |
|
93. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li Spanja rrikonoxxiet nuqqasijiet fit-tieni pjan ta’ ġestjoni, li l-istruttura territorjali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art hija ħażina, li jeżistu ftit wisq punti ta’ kejl u li l-istima tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ma hijiex kompluta. Madankollu, huwa biss l-aħħar wieħed minn dawn il-punti ta’ kritika li huwa fondat. |
a) Rikonoxximent tal-ksur minn Spanja
|
94. |
Fir-replika, il-Kummissjoni tqis li l-ksur ġie rrikonoxxut minn Spanja. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-fatt li l-Confederación Hidrográfica del Guadalquivir (il-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir) bdiet proċedura intiża sabiex tiddikjara “ir-riskju li ma jintlaħaqx status kwantitattiv tajjeb” għat-tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni li jinsabu fi status kwantitattiv ħażin. Madankollu, ma jidhirx li din id-dikjarazzjoni, prevista mid-dritt nazzjonali, tikkorrispondi għall-karatterizzazzjoni iktar dettaljata skont il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jew li tali karatterizzazzjoni hija nieqsa mingħajr din id-dikjarazzjoni. |
b) Fuq l-istruttura territorjali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art
|
95. |
Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tikkontesta l-ewwel nett l-istruttura territorjali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, il-Kummissjoni ma tispjegax sa liema punt f’din l-istruttura seħħ l-allegat ksur tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u lanqas għaliex hija pprekludiet evalwazzjoni adegwata tal-istatus tal-ilma ta’ taħt l-art. Għalhekk, dan l-argument ma jikkonvinċix. |
c) Fuq in-numru ta’ punti ta’ kejl
|
96. |
Sussegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art hija bbażata fuq informazzjoni xjentifika insuffiċjenti, jiġifieri fuq numru żgħir wisq ta’ punti ta’ kejl. |
|
97. |
Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tidentifika fir-rigward ta’ liema rekwiżiti tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma ma humiex suffiċjenti l-miżuri ta’ sorveljanza ta’ Spanja. Ma jsir l-ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sorveljanza tal-istatus tal-ilma: l-Artikolu 8 u l-punt 2.2 tal-Anness V. |
|
98. |
Barra minn hekk, il-provi invokati insostenn tal-ksur allegat lanqas ma huma konvinċenti. |
|
99. |
Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq allegati dikjarazzjonijiet li jinsabu fit-tieni pjan ta’ ġestjoni u fuq studju għas-snin 2012-2013. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li għall-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ La Rocina u ta’ Marismas de Doñana, ma jeżisti ebda punt ta’ kejl għal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art u li għall-ħames korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art, hemm biss madwar 20 punt ta’ kejl. Minn dawn, erbgħa biss kienu jmorru lura għall-perijodu qabel l-2015. |
|
100. |
Madankollu, il-Kummissjoni ma tissottomettix dawn id-dokumenti, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 57(4) tar-Regoli tal-Proċedura, u lanqas ma tippreċiża fejn saru dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, hija tirreferi in abstracto għal portal tal-Gvern Spanjol li jippermetti l-aċċess għal dettalji ġeografiċi, mingħajr ma tispjega kif wieħed jista’ jaċċessa din l-informazzjoni inkwistjoni f’dan il-portal. |
|
101. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tissodisfax l-oneru tal-prova li hija għandha fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE ( 51 ). |
|
102. |
Barra minn hekk, dan l-argument jikkontradixxi l-istudju msemmi mill-Kummissjoni, li Spanja ippreżentat fir-risposta. F’dan l-istudju huwa ppreċiżat li l-korp tal-ilma ta’ taħt l-art kollu ta’ Almonte-Marismas, li kien jeżisti dak iż-żmien, huwa ssorveljat f’174 punt ta’ kejl. Dawn il-punti ta’ kejl huma ċarament iktar numerużi milli f’żoni oħra ta’ Spanja ( 52 ). |
|
103. |
Barra minn hekk, Spanja tikkontesta dan l-ilment u tesponi li, f’Doñana kollha, jintużaw saħansitra 290 punt ta’ kejl għal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art, ħafna iktar milli fil-kumplament tad-distrett tal-baċin tax-xmara ta’ Guadalquivir. 170 minn dawn il-punti ta’ kejl jindikaw serje ta’ perijodi li jmorru lura sal-1994. |
|
104. |
Il-Kummissjoni ma tweġibx għal dan l-argument. |
|
105. |
Il-kritika tal-Kummissjoni dwar il-punti ta’ kejl għandha għalhekk tiġi miċħuda kollha kemm hi. |
d) Lakuni fl-istima tal-estrazzjoni
|
106. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-indikazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art hija bbażata fuq stimi ta’ studju mis-sena 2008 li jinjora l-estrazzjoni illegali u l-estrazzjoni tal-ilma għax-xorb, b’mod partikolari għal għanijiet turistiċi fuq il-kosta. |
|
107. |
Spanja, mill-banda l-oħra, tenfasizza l-kwalità ta’ dan l-istudju u tesponi fil-kontroreplika li l-volum tal-estrazzjoni ta’ ilma għax-xorb b’5 hm3 fis-sena huwa baxx meta mqabbel mal-estrazzjoni agrikola ta’ 107 hm3 fis-sena. Madankollu, Spanja ma tweġibx għall-kritika konkreta tal-Kummissjoni dwar l-istima tal-estrazzjoni illegali, iżda tillimita ruħha, fil-kuntest tat-tielet motiv, sabiex tevalwa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-portata taż-żoni irrigati illegalment (1100 ettaru) u, fuq din il-bażi, in-numru ta’ bjar illegali (500). |
|
108. |
Dan l-argument ta’ Spanja ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni. Il-karatterizzazzjoni ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-istatus kwantitattiv tiegħu se jkun ħażin u l-iżvilupp tal-miżuri neċessarji sabiex jintlaħaq status tajjeb, jimplikaw stima kompluta u korretta tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-estrazzjoni tal-ilma għax-xorb, li tikkorrispondi madankollu għal 4 sa 5 % tal-estrazzjoni legali għal għanijiet agrikoli. B’mod partikolari, l-estrazzjoni illegali għandha għall-inqas tiġi stmata u meħuda inkunsiderazzjoni b’mod adegwat. Fl-assenza ta’ dawn il-fatturi, la jista’ jiġi evalwat b’mod korrett l-istatus tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art u lanqas ma jista jiġi evalwat jekk il-miżuri sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art u, b’mod partikolari, sabiex tiġi miġġielda l-estrazzjoni illegali, humiex suffiċjenti. |
4. Konklużjoni ad interim
|
109. |
Għalhekk, Spanja marret kontra l-Artikolu 5(1) moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-estrazzjoni tal-ilma għax-xorb u l-estrazzjoni illegali fl-istima tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. |
D. Il-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma
|
110. |
Permezz tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni takkuża lil Spanja li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-istatus tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana. |
1. Fuq is-suġġett tal-motiv
|
111. |
Min-naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istatus ta’ kull korp tal-ilma ta’ taħt l-art (projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1)(b)(ii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art sabiex jilħqu “status tajjeb” sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-2015 (obbligu ta’ titjib). |
|
112. |
Dan il-motiv jikkonċerna biss il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. Għalkemm din il-projbizzjoni għandha saħħa vinkolanti f’kull stadju tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva qafas dwar l-ilma ( 53 ), hija iżda ma kinitx tapplika, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, jiġifieri fit‑22 ta’ Diċembru 2003. Għall-kuntrarju, hija torbot lill-Istati Membri biss sa mit‑22 ta’ Diċembru 2009, data li fiha l-Istati Membri kellhom ifasslu u japplikaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni previsti mid-Direttiva ( 54 ). |
|
113. |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-ilment tal-Kummissjoni jikkonċerna biss id-deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-korpi tal-ilma kkonċernati, deterjorazzjoni li l-Kummissjoni tattribwixxi għall-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Għalkemm huwa minnu li skont id-dokumenti inkwistjoni jeżistu wkoll problemi fl-istatus kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art, b’mod partikolari minħabba t-tniġġis min-nitrati, il-Kummissjoni ma tqajjimx kritika f’dan ir-rigward. |
|
114. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-lakuni stabbiliti fil-karatterizzazzjoni tal-istatus tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana jpoġġu fid-dubju l-adozzjoni min-naħa ta’ Spanja tal-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu deterjorazzjoni. Kemm l-evalwazzjoni globali żbaljata fl-ewwel pjan ta’ ġestjoni kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-estrazzjonijiet illegali tal-ilma ta’ taħt l-art jidhru sinjifikattivi f’dan ir-rigward. Din l-aħħar lakuna, b’mod partikolari, tirrendi diffiċli evalwazzjoni globali tal-iżvilupp tal-istatus tal-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tistabbilixxi din ir-rabta f’dak li jikkonċerna l-akkuża ta’ deterjorazzjoni, b’tali mod li din ir-rabta ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. |
2. Fuq id-deterjorazzjoni
|
115. |
Sabiex turi l-eżistenza ta’ deterjorazzjoni, il-Kummissjoni tinvoka, min-naħa, il-bidliet fl-evalwazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art fl-ewwel żewġ pjanijiet ta’ ġestjoni u, min-naħa l-oħra, argumenti dwar l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. |
a) Fuq it-tranżizzjoni minn status tajjeb għal status ħażin
|
116. |
L-ewwel serje ta’ argumenti tal-Kummissjoni tirrikonoxxi li, permezz tal-pjan ta’ ġestjoni għas-snin 2016 sa 2021, Spanja rrikonoxxiet deterjorazzjoni kwantitattiva ta’ tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art meta mqabbla mal-pjan għas-snin preċedenti 2009 sa 2015. Fil-fatt, il-pjan għall-ewwel perijodu jsemmi status kwantitattiv tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona ta’ Doñana, filwaqt li l-pjan għat-tieni perijodu jindika status ħażin għal tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati f’din iż-żona. |
|
117. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li t-tranżizzjoni minn status tajjeb għal status ħażin tikkostitwixxi deterjorazzjoni. |
|
118. |
Madankollu, l-iżvilupp preżenti għadu ma jurix deterjorazzjoni tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. Fil-fatt, id-differenza fl-evalwazzjoni tal-istatus kwantitattiv hija dovuta għall-fatt li għall-ewwel perijodu ġie evalwat il-korp kollu tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ Almonte‑Marismas, li madankollu tqassam f’ħames partijiet ta’ korpi tal-ilma ta’ taħt l-art għat-tieni perijodu, li tlieta minnhom jindikaw status ħażin. |
|
119. |
Xejn ma jindika li l-istatus ta’ dawn il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art kien aħjar qabel it-tqassim. Għall-kuntrarju, l-argument fattwali mressaq miż-żewġ partijiet jafferma li dan l-istatus ħażin kien diġà jeżisti matul l-ewwel perijodu u qabel, iżda, madankollu, kien moħbi minħabba l-amalgamazzjoni tiegħu ma’ żewġ korpi oħra tal-ilma ta’ taħt l-art f’korp wieħed kbir biss tal-ilma ta’ taħt l-art ( 55 ), jiġifieri ġie “mxejjen”. |
|
120. |
Għalhekk, fir-replika, il-Kummissjoni ssostni li qabel l-adozzjoni tal-ewwel pjan ta’ ġestjoni, kien diġà ġie previst li l-istatus tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art kollu ta’ Almonte‑Marismas jiġi kklassifikat bħala ħażin. Din il-konklużjoni tikkorrispondi mal-argument ta’ Spanja li l-istatus ta’ dawn il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jirriżulta minn użu tal-art li diġà seħħ qabel l-applikabbiltà tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
121. |
Għaldaqstant, dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax juri deterjorazzjoni tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
b) Deterjorazzjoni ta’ status ħażin
|
122. |
Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wrietx li l-istatus ħażin tat-tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art reġa’ mar għall-agħar. |
i) Fuq il-kunċett ta’ deterjorazzjoni
|
123. |
Għal dan il-għan, għandhom, l-ewwel nett, jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom ikun hemm deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv ħażin ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
124. |
Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss li anki l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art bi status ħażin jistgħu jkomplu jiddeterjoraw ( 56 ) u li l-livell, li jekk jinqabeż ikun qed jinkiser l-obbligu li tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istatus ta’ korp tal-ilma, għandu jkun kemm jista’ jkun baxx ( 57 ). |
|
125. |
Għandu jitfakkar ukoll li din il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni għandha għan ta’ protezzjoni differenti meta mqabbla mal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni stabbilita mid-Direttiva dwar il-habitat. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat jipproteġi ċerti habitats u speċi, filwaqt li l-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni kontenzjuża prevista fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma tipproteġi l-istatus kwantitattiv ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art. Għaldaqstant, il-ksur stabbilit diġà tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat attwalment ma jwassalx għal ksur tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
126. |
Deterjorazzjoni fl-istatus kwantitattiv ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art tista’ tiġi magħmula, b’mod intuwittiv flimkien mal-Kummissjoni, dipendenti mill-iżvilupp tal-kwantità tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri tal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art fil-wiċċ. B’hekk, it-tnaqqis fil-livell, jiġifieri t-tnaqqis tal-kwantità tal-ilma ta’ taħt l-art, jikkostitwixxi deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv. Mifhuma b’dan il-mod, il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tipprojbixxi l-estrazzjoni ta’ iktar ilma ta’ taħt l-art milli jiġi ġġenerat. Dan huwa l-każ, skont il-pjan ta’ ġestjoni 2016 sa 2021, minn tal-inqas fi tnejn mill-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati ( 58 ). |
|
127. |
Madankollu, il-waqfien tal-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art jikkostitwixxi diġà l-għan tal-obbligu ta’ titjib skont l-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, li l-Kummissjoni ma tinvokax il-ksur tiegħu. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit bilanċ bejn l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u r-riġenerazzjoni tiegħu. Dan il-bilanċ jikkorrispondi, barra minn hekk, għad-definizzjoni ta’ status kwantitattiv tajjeb li jinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Anness V, li għandu jitwettaq konformement mal-obbligu ta’ titjib. |
|
128. |
Madankollu, ikun kontradittorju li bil-ħolqien tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u l-obbligu ta’ titjib, il-leġiżlatur ikun introduċa żewġ obbligi li t-tnejn li huma jipprojbixxu estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art li tkun taqbeż ir-riġenerazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
129. |
It-termini għall-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ obbligi juru din il-kontradizzjoni. B’differenza mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni li ilha fis-seħħ sa minn tmiem l-2009, l-obbligu ta’ titjib kellu jiġi osservat biss sa mill-2015. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-estensjoni ta’ dan il-perijodu tranżitorju sal-2027 u Spanja fil-fatt qed tgawdi minn din l-estensjoni. |
|
130. |
Konsegwentement, il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni fil-każ ta’ status kwantitattiv ħażin tal-ilma ta’ taħt l-art ma tistax teżiġi t-tnaqqis tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art sa livell fejn jintlaħaq bilanċ bejn l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u r-riġenerazzjoni tiegħu, jiġifieri li jiġi estratt inqas ilma milli jiġi ġġenerat. Hija tista’ teżiġi biss li ma jiġix estratt iktar ilma milli kien jiġi estratt qabel, sabiex il-kawżi tal-istatus ħażin ma jkomplux jiggravaw. |
|
131. |
Mill-banda l-oħra, is-sempliċi tnaqqis tal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri t-tnaqqis tar-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art, għadu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala deterjorazzjoni. Fil-fatt, tali tnaqqis huwa l-konsegwenza inevitabbli meta l-estrazzjoni tkun ogħla mir-riġenerazzjoni. |
|
132. |
Il-kunsiderazzjoni ta’ kontroll, bħal kif ikun il-każ tat-titjib ta’ status li jibqa’ ħażin, tikkonferma din il-konklużjoni: tali titjib ma jistax jiġi limitat għas-sitwazzjoni fejn l-estrazzjoni titnaqqas għall-kwantità tal-ilma ta’ taħt l-art ġdid, peress li f’dak il-każ l-istatus kwantitattiv tajjeb ikun intlaħaq diġà. Għall-kuntrarju, kull tnaqqis fl-estrazzjoni għandu jiġi rrikonoxxut bħala titjib, anki jekk iktar ilma jibqa’ jiġi estratt milli riġenerat. Madankollu, anki f’dan il-każ, il-livell tal-ilma ta’ taħt l-art ikompli jonqos bi probabbiltà kbira. Barra minn hekk, Spanja tesponi li kien hemm tali titjib minħabba l-għeluq ta’ impriża agrikola kbira. |
|
133. |
Għalhekk, kemm id-definizzjoni ta’ status kwantitattiv tajjeb kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u l-obbligu ta’ titjib iwasslu għar-riżultat ftit li xejn intuwittiv li la t-tnaqqis tal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art u lanqas l-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art minn korp tal-ilma ta’ taħt l-art, li ma jkunx jinsab fi status kwantitattiv tajjeb, ma jiġġustifikaw fihom infushom deterjorazzjoni tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
134. |
Għall-kuntrarju, deterjorazzjoni addizzjonali ta’ status ħażin tirrikjedi żieda fid-defiċit attwali, jiġifieri l-użu eċċessiv dejjem jiżdied. |
|
135. |
Il-każ inkwistjoni juri li din l-interpretazzjoni restrittiva tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tirriżulta, wisq probabbli, mill-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-leġiżlatur. Fil-fatt, Spanja turi tħassib dwar danni sostanzjali, b’mod partikolari fl-agrikoltura, li kieku kellu jkun hemm waqfien immedjat tal-estrazzjoni eċċessiva fl-2009. Mill-banda l-oħra, il-perijodi tranżitorji jippermettu li jsir sforz sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-agrikoltura, bħall-provvista ta’ ilma tal-wiċċ minn żoni oħra jew miżuri tekniċi għall-ekonomija tal-ilma. Il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni għandha bħala funzjoni li tipprevjeni l-estensjoni ta’ prattiki dannużi bħaż-żieda fl-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art għall-irrigazzjoni ta’ żoni addizzjonali. |
|
136. |
Il-fatt li d-definizzjoni ta’ status kwantitattiv tajjeb hija spjegata iktar fid-dettall fit-tieni sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva qafas dwar l-ilma ma jbiddilx din l-interpretazzjoni restrittiva tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, korp tal-ilma ta’ taħt l-art fi status tajjeb ma huwiex suġġett għal alterazzjonijiet antropoġeniċi, jiġifieri kkawżati mill-bniedem, (b’mod partikolari):
|
|
137. |
Barra minn hekk, din il-parti tad-definizzjoni ssemmi wkoll bidliet fid-direzzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, iżda tali bidliet ma humiex diskussi f’dan il-każ. |
|
138. |
L-imsemmija karatteristiċi huma ta’ natura kwalitattiva u jikkomplementaw f’dan ir-rigward l-evalwazzjoni kwantitattiva skont l-ewwel sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. Korp tal-ilma ta’ taħt l-art li jkun kiser wieħed minn dawn il-kriterji jkun jinsab fi stat ħażin, indipendentement minn evalwazzjoni kwantitattiva. |
|
139. |
Madankollu, id-deterjorazzjonijiet tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi terrestri msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiżi tal-ewwel sentenza tal-punt 2.1.2 tal-Anness V tad-Direttiva qafas dwar l-ilma ma jistgħux jiġu assimilati ma’ deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernat. Dawn jistgħu, min-naħa tagħhom, jiksru projbizzjonijiet oħra ta’ deterjorazzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tal-ilma tal-wiċċ prevista fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jew il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, fil-kuntest tal-istatus tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, tali deterjorazzjonijiet jikkostitwixxu biss indizji li dan il-korp tal-ilma ta’ taħt l-art jinsab fi status ħażin. |
|
140. |
Barra minn hekk, f’ċerti każijiet tali indikazzjonijiet jistgħu b’mod partikolari juru li l-istatus kwantitattiv ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art jiddeterjora billi jgħaddi minn status tajjeb għal wieħed ħażin. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li dawn jistgħu, f’ċerti każijiet, juru deterjorazzjoni addizzjonali tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li diġà jinsab fi status kwantitattiv ħażin. Madankollu, sempliċi deterjorazzjonijiet tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi terrestri ma humiex suffiċjenti, għaliex dawn għandhom ikunu previsti fil-każ ta’ tnaqqis ulterjuri tal-livell tal-ilma ta’ taħt l-art. Dan jgħodd ukoll fil-każ ta’ estrazzjoni mhux modifikata, iżda wkoll meta l-livell tal-ilma ta’ taħt l-art jonqos b’mod iktar bil-mod għaliex l-estrazzjoni tkun diġà mnaqqsa. Għall-kuntrarju, id-deterjorazzjonijiet tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi terrestri juru deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art biss meta dawn tant iseħħu b’mod rapidu li huwa raġonevoli li wieħed jassumi żieda ta’ estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art. |
ii) Argumenti dwar il-bilanċ tal-estrazzjoni
|
141. |
F’dak li jirrigwarda l-estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art, jeżistu indizji dwar l-użu eċċessiv kontinwu, iżda ma ntweriex li l-użu eċċessiv qed jiżdied. Madankollu, hija biss tali żieda li tiġġustifika ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni ( 59 ). |
|
142. |
Il-Kummissjoni tinvoka diversi dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Spanjoli, bħal rapport tal-Confederación Hidrográfica del Guadalquivir (il-Konfederazzjoni Idrografika tal-Guadalquivir) fuq l-istatus tal-akwifikaturi tar-reġjun ta’ Doñana għas-sena idroloġika 2015 sa 2016. Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Konfederazzjoni wissiet li “ż-żamma tal-livell attwali u tal-mod ta’ użu tar-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art jikkompromettu l-istatus tajjeb ta’ dan l-akwifikatur u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu minnu, kif jixhed il-fatt li tlieta mill-ħames korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, li jikkostitwixxu s-sistema, mhux qed jilħqu status kwantitattiv tajjeb ( 60 )”. Bl-istess mod, id-Defensor del Pueblo de España (l-Ombudsman, Spanja), f’deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2018, ippropona lill-Konfederazzjoni li tiddikjara l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ Almonte, Marismas u Rocina bħala akwifikatur użat b’mod eċċessiv u li tikkoordina l-baċini tax-xmara, id-diversi strumenti ta’ ppjanar tar-riżorsi tal-ilma, l-attività agrikola kif ukoll il-protezzjoni taż-żoni naturali fi programm ta’ azzjoni, sabiex jiġi ggarantit użu sostenibbli tar-riżors ( 61 ). B’risposta għal din il-proposta, il-Konfederazzjoni, skont iż-żewġ partijiet, bdiet il-proċedura sabiex tiddikjara “ir-riskju li ma jintlaħaqx status kwantitattiv tajjeb” għat-tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art imsemmija. |
|
143. |
Fir-risposta, Spanja ma kkontestatx dan l-argument speċifiku tal-Kummissjoni, iżda tinsisti b’mod iddettaljat fuq il-fatt li l-problemi eżistenti huma ġġustifikati minħabba li seħħew fil-perijodu preċedenti għall-applikabbiltà tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u li l-awtoritajiet kompetenti diġà għamlu sforzi importanti sabiex itejbu s-sitwazzjoni. |
|
144. |
Madankollu, minn tal-inqas għall-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ Rocina u Marismas, Spanja tindika li l-estrazzjoni taqbeż ir-riżors disponibbli tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri b’34 % u 7 %. Il-Kummissjoni tenfasizza fir-replika tagħha li r-rapporti dwar l-istatus tal-akwifikatur għas-snin 2013 sa 2017 ippreżentati minn Spanja fir-risposta juru l-esplojtazzjoni eċċessiva ta’ dan tal-aħħar. Fil-kontroreplika, Spanja tammetti li l-ilma ta’ taħt l-art tat-tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jonqos b’iktar qawwa fi status ħażin milli kieku jonqos kawża ta’ nuqqas ta’ xita. |
|
145. |
Dan l-argument ifisser li l-istatus ta’ mill-inqas tliet korpi tal-ilma ta’ taħt l-art huwa ħażin, kif jirriżulta b’mod simili mill-ħafna indizji fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat ( 62 ). Madankollu, bħall-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat, dan l-istatus ħażin ma jfissirx li l-istatus iddeterjora matul il-perijodu rilevanti ( 63 ). Spanja tqis, għall-kuntrarju, li diġà kien hemm numru ta’ punti ta’ titjib. |
|
146. |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx li l-livell ta’ estrazzjoni eċċessiva tal-ilma ta’ taħt l-art qed jiżdied. |
iii) Argumenti li jikkonċernaw l-ilma tal-wiċċ u l-ekosistemi terrestri
|
147. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra, barra minn hekk, li jeżistu deterjorazzjonijiet tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi terrestri li juru deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
148. |
F’dan ir-rigward, hija tirreferi b’mod partikolari għad-deterjorazzjonijiet ta’ tipi ta’ habitat li jiġġustifikaw ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitat ( 64 ). |
|
149. |
Madankollu, b’dan il-mod il-Kummissjoni turi biss li jeżistu indizji ta’ status ħażin tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati, iżda mhux li dan l-istatus iġarrab deterjorazzjonijiet addizzjonali. |
|
150. |
Għalhekk, għandha tiġi miċħuda wkoll din il-linja ta’ argumenti tal-Kummissjoni u għaldaqstant l-akkuża dwar id-deterjorazzjoni kollha kemm hi. |
c) Fuq il-ġustifikazzjoni tad-deterjorazzjoni
|
151. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi madankollu li hemm deterjorazzjoni tal-istatus kwantitattiv tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ikkontestati, għandha tiġi indirizzata l-ġustifikazzjoni. |
|
152. |
Spanja ssostni li, fil-pjan ta’ ġestjoni 2016 sa 2021, hija invokat deroga skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma u li, fuq din il-bażi, hija pposponiet it-twettiq tal-għanijiet ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) għall-2022 u għall-2027. Dan huwa neċessarju għaliex id-Direttiva dwar in-nitrati ma hijiex osservata suffiċjentement u peress li ż-żoni agrikoli użati ma jistgħux jitnaqqsu ( 65 ). |
|
153. |
Kif spjegat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan l-argument ma huwiex rilevanti għal dan il-motiv peress li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma ma jistax jiġġustifika deterjorazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Dan jirriżulta diġà mill-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b)(i). F’dan l-artikolu huwa previst li din il-projbizzjoni tapplika salv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) u (7), bla ħsara għall-Artikolu 4(8) u salv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(j). Madankollu, kuntrarjament għall-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1)(b)(ii), l-Artikolu 4(4) ma jissemmiex fih. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jippreċiża wkoll li l-estensjoni tal-perijodu tranżitorju hija awtorizzata biss sakemm l-istatus tal-korp tal-ilma affettwat ma jiddeterjorax iktar. |
|
154. |
Għaldaqstant, deterjorazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma ( 66 ). Madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Spanja waqt is-seduta, din il-ġustifikazzjoni ma hijiex espressament invokata minnha. Għalhekk hemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tagħha iktar ’il quddiem. |
|
155. |
Għalhekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li hemm deterjorazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, din id-deterjorazzjoni ma tkunx iġġustifikata. |
3. Konklużjoni ad interim
|
156. |
Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tagħha għandu jiġi miċħud. |
E. Il-programmi ta’ miżuri skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma
|
157. |
Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tqis li Spanja ma inkludietx il-miżuri bażiċi u supplimentari adegwati fil-pjan ta’ ġestjoni tad-distrett tal-baċin tax-xmara Guadalquivir u, minħabba f’hekk, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll (4) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
158. |
Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, kull Stat Membru għandu jipprovdi li għal kull distrett tal-baċin tax-xmara jew għal dik il-parti tad-distrett internazzjonali ta’ baċin tax-xmara li tinsab fit-territorju tiegħu, ikun stabbilit programm ta’ miżuri li jqis ir-riżultati tal-analiżi previsti fl-Artikolu 5, sabiex jitwettqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4. |
|
159. |
L-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jelenka wħud mill-miżuri bażiċi li għandhom jidhru f’dawn il-programmi ta’ miżuri. Il-paragrafu 4 jirreferi għall-miżuri supplimentari previsti u adottati flimkien mal-miżuri bażiċi. |
|
160. |
L-istess bħall-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, il-kritika miġbura f’dan il-motiv tirrigwarda problemi distinti. |
|
161. |
Il-Kummissjoni tikkonċentra l-kritika tagħha fuq ċerti miżuri intiżi għall-ħolqien ta’ status kwantitattiv tajjeb tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. Dawn l-oġġezzjonijiet, iżda, ma jikkonvinċux (ara l-punt 1). |
|
162. |
Madankollu, b’mod parallel, l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma jistabbilixxi obbligi fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni kkonċernati skont id-Direttiva dwar il-habitat, li għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. Kritika tal-Kummissjoni taqa’ taħt din il-kategorija. Din il-kritika hija fondata (ara l-punt 2). |
1. Miżuri speċifiċi intiżi sabiex jimplimentaw l-obbligu ta’ titjib u l-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tad-Direttiva qafas dwar l-ilma
|
163. |
Il-partijiet ma jaqblux fuq diversi miżuri previsti sabiex jittejjeb l-istatus kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art, iżda din id-diskussjoni ma hijiex rilevanti. |
|
164. |
Il-programm ta’ miżuri għandu jkun ta’ natura li jiżgura status tajjeb fit-termini previsti. Il-mod li bih l-Istat Membru jilħaq dan ir-riżultat jitħalla f’idejh sakemm ma jonqosx milli jwettaq obbligi speċifiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra programm bħala tali insuffiċjenti, hija għandha turi li dawn il-miżuri huma insuffiċjenti b’mod ġenerali. Il-punt tat-tluq ta’ tali kritika jinsab, pereżempju, fil-ksur ikkonstatat diġà tal-Artikolu 5 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, peress li ftit li xejn huwa possibbli li jiġu żviluppati miżuri adegwati fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux kompluta fuq il-korp tal-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-kritika tal-Kummissjoni. |
|
165. |
Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkontesta ċerti miżuri mingħajr ma turi li dawn in-nuqqasijiet, ikkunsidrati flimkien, jagħmlu impossibbli t-twettiq tal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, tikkritika ċerti miżuri b’mod iżolat minħabba l-ksur ta’ regoli oħra biss. Il-kritika tal-Kummissjoni ma hijiex imsejsa f’dan is-sens u lanqas ma hija bbażata fuq rekwiżiti speċifiċi li jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) kif ukoll (4) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma. |
|
166. |
Għal din ir-raġuni, dan il-motiv huwa diġà infondat. |
|
167. |
Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi u madankollu tindirizza xorta waħda l-oġġezzjonijiet imqajma kontra l-miżuri speċifiċi indipendenti miż-żoni ta’ protezzjoni li jiena se neżamina dawn tal-aħħar iktar ’il quddiem. Madankollu, l-argument dwar il-perijodu wara l-iskadenza tat-terminu tal-opinjoni motivata, jiġifieri fid‑29 ta’ Ġunju 2016, huwa irrilevanti ( 67 ). |
a) Regolarizzazzjoni
|
168. |
Il-Kummissjoni toġġezzjoni għall-fatt li Spanja tawtorizza, għall-ewwel darba, l-irrigazzjoni ta’ żoni meta dawn kienu ġew irrigati diġà fl-2004. L-estrazzjoni f’dak iż-żmien kienet diġà sostanzjali wisq u ma tistax tiġi stabbilita issa. |
|
169. |
Madankollu billi tagħmel dan, il-Kummissjoni qed tfixkel il-kwistjoni dwar sa fejn id-dritt nazzjonali jirrikonoxxi interess leġittimu li tiġi segwita, bħala prinċipju, l-irrigazzjoni mal-kwistjoni dwar jekk u kif għandha titnaqqas l-irrigazzjoni kollha kemm hi. Jekk Spanja tirregolarizza prattiki eżistenti bl-imsemmija awtorizzazzjoni li qed tingħata għall-ewwel darba, dan ma jfissirx madankollu li t-tnaqqis neċessarju jibqa’ stabbli. B’hekk, pereżempju, Spanja tista’ tnaqqas l-estrazzjoni xorta waħda billi takkwista u twarrab żoni agrikoli, kif tal-inqas ġara f’każ wieħed. Mill-banda l-oħra, ma jidhirx li huwa imperattiv li jiġi implimentat it-tnaqqis neċessarju għad-detriment tal-bdiewa li jkun għad ma għandhomx awtorizzazzjoni formali, iżda li jistgħu jinvokaw, skont id-dritt nazzjonali, aspettattivi leġittimi għat-tkomplija tal-irrigazzjoni. |
b) Allokazzjoni ta’ riżorsi
|
170. |
Il-Kummissjoni tikkritika wkoll l-allokazzjoni ta’ riżorsi. 50 % tal-baġit disponibbli huwa ddedikat għat-titjib u għall-konsolidazzjoni tal-pjanijiet ta’ irrigazzjoni, iżda 0.34 % biss huwa ddedikat għall-għeluq ta’ bjar illegali u 1.12 % għas-sorveljanza. Madankollu, il-Kummissjoni ma tesponix il-kriterji li fid-dawl tagħhom għandu jiġi rrivedut it-tqassim xieraq tal-allokazzjoni ta’ riżorsi u dan mingħajr ma turi l-ksur ta’ dawn il-kriterji. |
|
171. |
L-argumenti mressqa minn Spanja, f’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ kontroll u l-miżuri ta’ sanzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-opinjoni motivata, juru barra minn hekk li saru kontrolli estensivi u li l-ksur ġie ssanzjonat. |
c) Provvista ta’ ilma tal-wiċċ għall-finijiet tal-irrigazzjoni
|
172. |
Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-fatt li għall-mitigazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, Spanja tipprevedi l-kontribuzzjoni ta’ ilma tal-wiċċ minn żoni viċini. Madankollu, id-diversi oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kontra din il-miżura ma humiex fondati. |
|
173. |
Ċertament, sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li tali miżura sempliċement qed titrasferixxi l-piż, ma jistax jiġi eskluż li din il-kritika hija fondata. Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tinvoka u turi deterjorazzjoni tal-ilma tal-wiċċ ikkonċernat. |
|
174. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li din il-miżura ma ttejjibx l-istatus kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, ma jidhirx li ksur marbut mal-istatus kimiku huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, dan l-argument ma jeskludix li Spanja tieħu miżuri oħra adegwati sabiex ittejjeb l-istatus kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
175. |
L-argument tal-Kummissjoni li l-istatus tal-ekosistemi dipendenti mill-ilma ta’ taħt l-art ma jaqlibx għall-aħjar bit-trasferiment tal-ilma ftit li xejn huwa konvinċenti. Fil-fatt, fil-każ fejn it-trasferiment tal-ilma tal-wiċċ inaqqas il-konsum tal-ilma ta’ taħt l-art u forsi jikkontribwixxi saħansitra għall-akkumulazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, dan ikun qed jibbenefika lil dawn l-ekosistemi. |
|
176. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li bi stennija ta’ din il-provvista ġie estratt iktar ilma ta’ taħt l-art u f’dan ir-rigward tinvoka l-awtorizzazzjoni temporanja tal-irrigazzjoni ta’ 504 ettari ta’ żona agrikola. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet mhux ikkontestati pprovduti minn Spanja, dawn huma żoni li kienu diġà rrigati u li ġew sempliċiment irregolarizzati. |
|
177. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni toġġezzjona li l-infrastruttura neċessarja għat-trasferiment tal-ilma għadha ma hijiex disponibbli. Madankollu, huwa naturali għal programm ta’ miżuri li dawn jiġu implimentati b’mod progressiv sabiex jintlaħaq, f’mument partikolari, ir-riżultat mixtieq. |
2. Prevenzjoni tad-dannu fuq żona ta’ protezzjoni - L-estrazzjoni tal-ilma fil-Matalascañas
|
178. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika n-nuqqas ta’ miżuri li jippermettu li jiġu solvuti l-problemi dovuti għall-estrazzjoni tal-ilma għall-bżonnijiet tal-Matalascañas. |
|
179. |
Dan il-post jinsab fil-viċinanzi immedjati taż-żona ta’ protezzjoni ZEPA/LIC ES0000024 Doñana fuq il-kosta u għandu natura turistika ċara. Għalkemm huwa minnu li l-estrazzjoni tal-ilma ta’ 2.5 hm3 fis-sena minn din iż-żona ma hijiex partikolarment sostanzjali meta mqabbla mal-estrazzjoni totali, xorta jibqa’ l-fatt li diversi kontribuzzjonijiet xjentifiċi jsemmu din l-estrazzjoni bħala kawża potenzjali tad-deterjorazzjoni possibbli fil-viċinanzi tat-tip ta’ habitat prijoritarju 3170*, Għadajjar temporanji Mediterranji ( 68 ). |
|
180. |
Tali dannu fuq it-tipi ta’ habitat protetti mid-Direttiva dwar il-habitat huwa rilevanti għall-programm ta’ miżuri previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, sa fejn, skont l-Artikolu 4(1)(ċ), l-Artikolu 6 u l-Anness IV tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, l-Istati Membri għandhom jilħqu wkoll, apparti l-għanijiet ġenerali tal-kwalità tal-ilma, l-istandards u l-għanijiet kollha taż-żoni ta’ protezzjoni kkonċernati sal-2015. Għalhekk, il-programm ta’ miżuri għandu wkoll ikollu bħala għan il-waqfien tad-deterjorazzjoni stabbilita diġà ta’ tipi ta’ habitat protetti, bħall-għadajjar temporanji ( 69 ). |
|
181. |
Dan l-obbligu speċifiku huwa differenti minn dak l-obbligu li jittieħdu miżuri sabiex jintlaħaq, b’mod ġenerali, status tajjeb tal-ilma, peress li huwa jeżiġi l-protezzjoni ta’ ċerti habitats fiż-żoni ta’ protezzjoni definiti. Għaldaqstant, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tesponi r-raġuni għala l-miżuri ma humiex suffiċjenti b’mod ġenerali sabiex jipprovokaw l-istatus kwantitattiv tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona naturali ta’ Doñana, ma jaffettwax dan l-obbligu speċifiku. |
|
182. |
Għall-kuntrarju, huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tkun diġà wriet il-probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv tal-habitats protetti fiż-żoni ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat. Din il-probabbiltà tikkonċerna, b’mod partikolari, ir-riżervi tat-tip ta’ habitat prijoritarju 3170*, Għadajjar temporanji Mediterranji, qrib il-Matalascañas. |
|
183. |
Spanja tikkontesta dan l-argument bi studju li wera li l-estrazzjoni tal-ilma fil-Matalascañas ma taffettwax għadira temporanja partikolari, il-Laguna Santa Olalla. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma teskludix li jiġu affettwati għadajjar temporanji oħra li jinsabu eqreb tal-post jew li jiddependu minn flussi oħra ta’ ilma ta’ taħt l-art. |
|
184. |
Għaldaqstant, Spanja kellha tipprevedi miżuri adegwati fil-programm sabiex tevita d-deterjorazzjoni tat-tipi ta’ habitat protetti mill-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
185. |
Mill-banda l-oħra, dubji dwar id-deterjorazzjoni ma jiġġustifikax ir-rinunzja totali tal-miżuri. Għall-kuntrarju, l-eżami invokat diġà fil-kuntest tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitat dwar jekk tipi ta’ habitat protetti humiex qed jiġu affettwati ( 70 ), seta’ jikkostitwixxi l-ewwel miżura xierqa. Huwa jista’ juri jekk miżuri oħra humiex neċessarji. |
3. Konklużjoni ad interim
|
186. |
Għalhekk, Spanja marret kontra l-Artikolu 11 moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma, sa fejn il-programm ta’ miżuri tal-pjan ta’ ġestjoni 2016 sa 2021 ma jipprevedix miżuri intiżi sabiex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tat-tipi ta’ habitat protetti fiż-żona ta’ protezzjoni ZEPA/LIC ES0000024 Doñana bl-estrazzjoni ta’ ilma għall-bżonnijiet tal-Matalascañas. |
VI. Spejjeż
|
187. |
It-talba għall-ispejjeż tal-Kummissjoni u n-nuqqas ta’ talba għall-ispejjeż ta’ Spanja ma għandhom l-ebda konsegwenza prattika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, jekk, bħal f’dan il-każ, it-tnejn li huma jitilfu u jirbħu parzjalment. |
VII. Konklużjoni
|
188. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 3 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 4 ) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/101/UE tat‑30 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 311, p. 32).
( 5 ) Https://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=ES0000024&release=10.
( 6 ) Https://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=ES6150009&release=10.
( 7 ) Https://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=ES6150012&release=10.
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE tad‑19 ta’ Lulju 2006 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3261) (ĠU 2006, L 259, p. 1).
( 9 ) Https://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=ES0000024&release=10, punt 1.7.
( 10 ) TABLA T.II.1. – punt 0551.
( 11 ) Real Decreto 355/2013, de 17 de mayo, por el que se aprueba el Plan Hidrológico de la Demarcación Hidrográfica del Guadalquivir (Boletín Oficial del Estado punt 121 tal‑21 ta’ Mejju 2013, Parti I, p. 38229).
( 12 ) TABLA T.VI.5.
( 13 ) Real Decreto 1/2016, de 8 de enero, por el que se aprueba la revisión de los Planes Hidrológicos de las demarcaciones hidrográficas del Cantábrico Occidental, Guadalquivir, Ceuta, Melilla, Segura y Júcar, y de la parte española de las demarcaciones hidrográficas del Cantábrico Oriental, Miño-Sil, Duero, Tajo, Guadiana y Ebro (Boletín Oficial del Estado punt 16 tad-19 ta’ Jannar 2016, Parti I, p. 2972).
( 14 ) Anness VII tat-tieni pjan ta’ ġestjoni, p. 68 u Anness 3.
( 15 ) Anness VII tat-tieni pjan ta’ ġestjoni, p. 60 (La Rocina hija nieqsa minn din it-tabella, iżda dan jirriżulta wkoll mit-tabella li tinsab fil-paġna 68 u fl-Anness 3).
( 16 ) Anness VII tat-tieni pjan ta’ amministrazzjoni, p. 56.
( 17 ) Ara, pereżempju, il-punti 79 u 83 tal-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet (Anness A.1 (p. 72 u 73) tar-rikors) kif ukoll il-punti 58 u 62 tal-opinjoni motivata (Anness A.3 (p. 187 u 188) tar-rikors).
( 18 ) Sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-241/08, EU:C:2010:114, punt 30), u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142).
( 19 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 86) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:105, punt 40).
( 20 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 42); u tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120).
( 21 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 43); tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 111); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134).
( 22 ) Sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C-411/17, EU:C:2019:622, punt 120).
( 23 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142); tal‑14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 58); u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 29). Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 42), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 85).
( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 86) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:105, punt 40), kif ukoll is-sentenzi dwar l-Artikolu 6(4) tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 156 u 192), u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 30).
( 25 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 58), u tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118).
( 26 ) Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.
( 27 ) Díaz Paniagua, C., “Funcionalidad de los sistemas acuáticos temporales de Doñana en la conservación de flora y fauna”, f’Oficina de Coordinación de la Investigación, Estación Biológica de Doñana, Consejo Superior de Investigaciones Científicas, Resultados de la Investigación en el Espacio Natural De Doñana, 2009, p. 42 sa 48, (Anness A.14 (p. 528) tar-rikors), kif ukoll Manzano, M., u Custodio, E., “El acuífero de Doñana y su relación con el medio natural”, f’García-Novo F u Marín C. (edituri) Doñana, Agua y Biosfera, Confederación hidrográfica del Guadalquivir, Ministerio de Medio Ambiente, Madrid, 2016, p. 133 sa 142 (Anness A.21 (p. 932) tar-rikors).
( 28 ) Díaz-Paniagua, C. u Aragonés D., “Permanent and temporary ponds in Doñana National Park (SW Spain) are threatened by desiccation”, Limnetica, 34 (2): 407 sa 424 (2015), Bustamante J., Aragonés D. u Afán I., “Effect of Protection Level in the Hydroperiod of Water Bodies on Doñana’s Aeolian Sands”, Remote Sensing 8, 867 (2016).
( 29 ) Anness A.26 (p. 1259) tar-rikors.
( 30 ) Tragsatec, Seguimiento por teledetección de la superficie inundada de las lagunas de los mantos eólicos de Doñana y de la masa vegetal de su entorno (Mejju 2016), p. 53, (Anness B.9 (p. 1195 (1247)) tar-risposta).
( 31 ) Trick, Th. u Custodio, E., “Hydrodynamic characteristics of the western Doñana Region (area of El Abalario), Huelva, Spain”, Hydrogeology Journal 2004, 12: 321 sa 335, Custodio, E., Manzano, M. u Montes, C. (2008), “Perspectiva general del papel y gestión de las aguas subterráneas en el Área de Doñana, Sudoeste de España”, Boletín Geológico y Minero, 119(1): 81 sa 92 (Anness A.22 (p. 943) tar-rikors) u Custodio E., Manzano M. u Montes, C., Las aguas subterráneas en Doñana: Aspectos ecológicos y sociales, Agencia Andaluza del Agua, Consejería de Medio Ambiente. (2009) (Anness A.23 (p. 956) tar-rikors).
( 32 ) Custodio et (2009) (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, p. 192 (p. 1147)).
( 33 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C-141/14, EU:C:2015:528, punt 134).
( 34 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Naturschutzbund Deutschland - Landesverband Schleswig-Holstein (C‑297/19, EU:C:2020:533, punt 48), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2009:440, punti 59 et seq., b’mod partikolari l-punt 65).
( 35 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, p. 142 (p. 943 tal-annessi tar-rikors).
( 36 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, p. 1261 tal-annessi tar-rikors.
( 37 ) Plan de Gestión de la Zona Especial de Conservación Doñana Norte y Oeste (ES6150009) (Boletín Oficial de la Junta de Andalucía, Número 103 - Viernes, 31 de mayo de 2019, p. 85 (p. 219)).
( 38 ) Ara l-punti 42 u 44 iktar ’il fuq.
( 39 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 42); u tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117).
( 40 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 p. 7, 13.
( 41 ) Sousa Martín, A., u García Murillo, P., Historia ecológica y evolución de las lagunas peridunales del Parque Nacional de Doñana. Serie Técnica “Naturaleza y Parques Nacionales”, Editada por el Organismo Autónomo Parques Nacionales, Ministerio de Medio Ambiente.
( 42 ) Ara fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tali eżami s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C‑461/17, EU:C:2018:883, punti 37 sa 40).
( 43 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 156 u 192), u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 30), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 134) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:105, punt 58).
( 44 ) Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Santa Caterina) (C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 83); tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 191); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 150).
( 45 ) Memoria ta’ Mejju 2013, Paragrafu 1.2.4.1. (p. 3).
( 46 ) Instituto Geológico y Minero de España, Evaluación de impactos de las extracciones en el acuífero de Almonte Marismas en la zona del Plan Especial de ordenación de los regadíos de la Corona Forestal de Doñana, (2009) (Anness A.5 tar-rikors), u Komunikazzjoni tal-Consejo Superior de Investigaciones Científicas Spanjol (il-Kunsill Superjuri għar-Riċerka Xjentifika) lill-Ombudsman tal-Andalusija (Anness A.26).
( 47 ) Punt 70 tal-kontroreplika.
( 48 ) Sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑362/90, EU:C:1992:158, punt 9); tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑525/03, EU:C:2005:648, punt 13); u tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (lontra) (C‑221/04, EU:C:2006:329, punti 22 u 23).
( 49 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑316/96, EU:C:1997:614, punt 14); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑456/05, EU:C:2007:755); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 48).
( 50 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (OTIF) (C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 43 sa 52).
( 51 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 112).
( 52 ) Confederación Hidrográfica del Guadalquivir, Informe del estado de la Masa de agua subterránea Almonte-Marismas – Año hidrológico 2012-2013, Marzu 2014, p. 5 (Anness B.2 tar-risposta (p. 89)).
( 53 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punti 72 u 73).
( 54 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 53 u 56), u tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Schwarze Sulm) (C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 49).
( 55 ) Ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq.
( 56 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 69), u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punti 97 u 98 kif ukoll 110).
( 57 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67), u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 101).
( 58 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.
( 59 ) Ara l-punt 134 iktar ’il fuq.
( 60 ) Confederación Hidrográfica del Guadalquivir, Informe de estado de los acuíferos del entorno de Doñana - Año hidrológico 2015-2016, April 2017 (Anness A.15 tar-rikors (p. 674 tal-annessi)).
( 61 ) Sugerencia: Protección del agua subterránea de Almonte, Marismas y Rocina, en Doñana. Declaración de acuífero sobre explotado y aprobar un programa de actuación que garantice su uso sostenible, queja número 17012981, l‑10 ta’ Awwissu 2018 (Anness A.16 tar-rikors (p. 870 tal-annessi)).
( 62 ) Ara l-punti 50 sa 57 iktar ’il fuq.
( 63 ) Ara l-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq.
( 64 ) Ara l-punti 50 sa 57 iktar ’il fuq.
( 65 ) Paġna 19 tal-Anness VIII tat-tieni pjan ta’ ġestjoni.
( 66 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50); tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (Schwarze Sulm) (C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 64); u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 75).
( 67 ) Ara l-punt 90 iktar ’il fuq.
( 68 ) Manzano, M., u Custodio, E., “El acuífero de Doñana y su relación con el medio natural”, f’García-Novo F., u Marín C. (edituri) Doñana, Agua y Biosfera, Confederación hidrográfica del Guadalquivir, Ministerio de Medio Ambiente, Madrid, 2016, p. 133 (137) (Anness A.21 (p. 932) tar-rikors), Komunikazzjoni tal-Consejo Superior de Investigaciones Científicas Spanjol (il-Kunsill Superjuri għar-Riċerka Xjentifika) lill-Ombudsman tal-Andalusija (Anness A.26 (p. 1259 (1262)) tar-rikors), Tragsatec, Seguimiento por teledetección de la superficie inundada de las lagunas de los mantos eólicos de Doñana y de la masa vegetal de su entorno (Mejju 2016), p. 53, (Anness B.9 [p. 1195 (1247)) tar-risposta).
( 69 ) Ara wkoll il-punti 48 et seq.
( 70 ) Ara l-punti 73 u 74.