|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3168 |
20.6.2025 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Boxxla għall-Kompetittività għall-UE
(C/2025/3168)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Messaġġi prinċipali
|
1. |
jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-Ewropa ma żammitx il-pass ma’ ekonomiji ewlenin oħra minħabba distakk persistenti fit-tkabbir tal-produttività, u li jeħtiġilha taġixxi issa biex tkun f’pożizzjoni ta’ tmexxija fir-rigward ta’ teknoloġiji kruċjali sabiex tqiegħed lilha nifisha bħala mexxejja globali fejn jidħlu l-innovazzjoni, il-produttività u d-dekarbonizzazzjoni ta’ oqsma teknoloġiċi kruċjali biex terġa’ tikseb il-kompetittività tagħha u tiżgura l-prosperità tagħha; |
|
2. |
jenfasizza, madankollu, li l-kompetittività tal-Ewropa tista’ tkun reżiljenti u sostenibbli biss jekk tkun imsejsa fuq mudell soċjali Ewropew b’saħħtu bbażat fuq il-koeżjoni soċjali, it-tnaqqis tal-inugwaljanza u tassazzjoni ġusta; |
|
3. |
jappoġġja t-tliet imperattivi trasformattivi u l-faċilitaturi orizzontali elenkati fil-Kumpass, li huma meħtieġa biex jirfdu l-kompetittività; |
|
4. |
jenfasizza li l-faċilitaturi orizzontali proposti m’għandhomx jirriżultaw f’mudell ta’ governanza aktar ċentralizzat iffukat biss fuq id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali għad-detriment tal-awtoritajiet sottonazzjonali u l-integrazzjoni effettiva tal-kunsiderazzjonijiet territorjali; |
|
5. |
jirreferi għall-impenn tal-President von der Leyen fil-Linji Gwida Strateġiċi biex “ir-reġjuni jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna”, u għalhekk jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-settur privat jaħdmu flimkien biex jimplimentaw il-Boxxla, u jiġi promoss l-approċċ ibbażat fuq il-post; |
|
6. |
jappella għal prinċipji ċari dwar kif din il-kollaborazzjoni bejn il-livelli kollha tal-gvern se taħdem fl-implimentazzjoni tal-Boxxla matul il-ħames snin li ġejjin, u jipproponi sħubija ġdida bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni biex tiġi implimentata l-Boxxla, li tkun tinkludi:
|
|
7. |
jenfasizza li valutazzjoni purament settorjali tal-kompetittività tal-Ewropa mhijiex biżżejjed biex jiżdied it-tkabbir tal-produttività madwar l-UE; |
|
8. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma muturi ewlenin tal-kompetittività, peress li jwettqu l-aġenda strateġika tal-UE fil-prattika u jappoġġjaw b’mod effettiv l-ekosistemi tal-innovazzjoni permezz tal-investiment u l-akkwist pubbliku; |
|
9. |
huwa konvint li l-kompetittività u l-koeżjoni territorjali, ekonomika, diġitali u soċjali huma interkonnessi u huma elementi essenzjali għall-funzjonament u l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku; |
|
10. |
jiddefendi l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jindirizzaw l-isfidi demografiċi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Boxxla; |
|
11. |
jilqa’ l-għodda ta’ koordinazzjoni tal-kompetittività proposta biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, iżda jiddispjaċih li l-Boxxla għall-Kompetittività ftit tgħid dwar kif din għandha tiffunzjona, u ma ssemmi xejn dwar mekkaniżmu biex il-politiki tal-UE jiġu aġġustati mill-ġdid jekk dawn jonqsu milli jżidu l-kompetittività tal-UE. Għalhekk, il-KtR itenni t-talba tiegħu li l-għodda tkun sensittiva mil-lat territorjali u tkun ibbażata fuq il-prinċipji deskritti f’din ir-riżoluzzjoni; |
|
12. |
jinsab imħasseb li l-miżuri previsti għall-finanzjament tal-kompetittività jistgħu ma jammontawx għal EUR 750-800 biljun fis-sena f’investimenti addizzjonali li huma meħtieġa skont ir-rapport ta’ Draghi. L-iżgurar ta’ mobilizzazzjoni aktar sostanzjali u strateġika tal-kapital privat irid ikun prijorità. Il-ħruġ ta’ aktar dejn komuni għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment konġunt għandu jkun parti mid-diskussjoni usa’ dwar il-finanzjament tal-baġit fit-tul tal-UE wara l-2027; |
|
13. |
jinnota li l-piż regolatorju għoli fl-UE huwa identifikat mill-kumpaniji bħala wieħed mill-ostakli ewlenin tagħhom għat-tkabbir u l-investiment; jilqa’ l-mira tal-Kummissjoni li tnaqqas b’25 % l-ispejjeż tal-piżijiet amministrattivi kollha għall-kumpaniji kollha u b’35 % għall-SMEs, u jaqbel mal-Boxxla li r-restawr tal-kompetittività tal-UE jesiġi sforzi ferm iktar b’saħħithom minn qabel fit-tneħħija tal-burokrazija; jenfasizza li l-isforzi li jħallu impatt lejn is-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huma vitali għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE waqt li jinżammu l-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha, tiġi żgurata l-istabbiltà regolatorja u jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar; |
|
14. |
itenni t-talba fir-rapport ta’ Draghi li qabel ma tadotta leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni sistematika u ttestjar tal-istress tal-liġijiet u r-regolamenti eżistenti kollha tal-UE fil-bidu ta’ kull mandat; dan għandu jiġi segwit mill-kodifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE skont il-qasam ta’ politika, inkluż is-semplifikazzjoni u t-tneħħija tas-sovrapożizzjoni u l-inkonsistenzi tul il-katina leġiżlattiva sabiex ir-regolamentazzjoni ssir aktar konsistenti u kompetittiva; |
Tnaqqis fid-diskrepanza fl-innovazzjoni
|
15. |
jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fil-qalba tat-tkabbir kompetittiv fl-Ewropa u, b’referenza għall-Artikolu 182 tat-TFUE, jirrakkomanda li l-miżuri kollha f’dan il-qasam għandhom ikomplu jiġu integrati fi programm qafas separat fil-futur. L-għan huwa li tiġi koperta l-katina kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mir-riċerka bażika sal-prodott, u b’hekk tiġi żgurata l-kompetittività futura tal-Ewropa; |
|
16. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu żviluppati ekosistemi tal-innovazzjoni bbażati fil-post sabiex jiġu solvuti bis-sħiħ disparitajiet fl-innovazzjoni u jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll maċ-Ċina; |
|
17. |
jenfasizza l-ħtieġa urġenti li titreġġa’ lura b’mod urġenti l-mewġa ta’ start-ups u scale-ups innovattivi li qed jirrilokaw dejjem aktar lil hinn mill-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tavvanza fuq it-28 reġim legali volontarju għall-kumpaniji innovattivi u tanalizza l-impatt territorjali potenzjali tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit fit-tul tal-UE jinvesti fi programmi transfruntiera intelliġenti li għandhom l-għan li jappoġġjaw ktajjen tal-valur interreġjonali, b’hekk isaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali; |
|
18. |
jenfasizza li għal kompetittività msaħħa, huwa neċessarju li l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-manifattura tal-għarfien u tal-kapaċità jkunu kkombinati: attivitajiet tat-teknoloġija għolja f’kull punt tal-iskala TRL (Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika) għandhom jiġu appoġġjati u ffaċilitati, mir-riċerka fundamentali għall-introduzzjoni fis-suq, u iktar minn hekk, l-implimentazzjoni industrijali, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza; |
|
19. |
jappoġġja r-rikonoxximent tal-iżvilupp tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja bħala pilastri tal-kompetittività tal-UE, peress li l-futur ekonomiku tal-UE jiddependi fuq iż-żamma ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja, adattabbli u innovattiva. F’dan il-kuntest, il-KtR jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-allinjament tal-iżvilupp tal-ħiliet mal-ħtiġijiet ekonomiċi; jenfasizza li l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol tinvolvi wkoll it-tnaqqis tal-ostakli strutturali, b’mod partikolari għan-nisa, u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kif minqux fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; |
|
20. |
jiddeplora l-fatt li l-Komunikazzjoni ma tagħmilx referenza ċara għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li l-impenji meħuda taħt dan il-qafas huma ta’ importanza vitali għall-kompetittività tal-UE minħabba li jippermettu ppjanar fit-tul tal-awtoritajiet pubbliċi, tan-negozji privati u taċ-ċittadini; |
Pjan direzzjonali konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività
|
21. |
jaqbel li t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata għandha tikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea, iżda jissottolinja li huwa meħtieġ appoġġ addizzjonali biex tinkiseb tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali li tkun ġusta, bħala parti essenzjali minn politika ta’ koeżjoni riformata; |
|
22. |
iwissi li l-impatti dejjem jiżdiedu tat-tibdil fil-klima huma ta’ theddida serja għas-sigurtà soċjali u l-kompetittività tal-UE; jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jridu jimxu id f’id, u jirrimarka kif il-mudell tal-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti jista’ jsir is-sisien tal-politika tal-kompetittività tal-UE (permezz tal-istima ta’ EUR 650 biljun f’investiment huwa jipprovdi potenzjal enormi għall-innovazzjoni u opportunitajiet għan-negozju f’setturi ewlenin); |
|
23. |
jenfasizza li l-adattament klimatiku huwa dimensjoni daqstant kruċjali tal-istrateġija tal-kompetittività tal-UE; jitlob għal appoġġ imsaħħaħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-industriji biex jiżviluppaw strateġiji ta’ reżiljenza għall-klima inkluż titjib tal-infrastruttura; jenfasizza l-importanza li jiġu integrati miżuri ta’ adattament fil-politiki ekonomiċi u industrijali sabiex jiġu salvagwardjati l-kompetittività u l-istabbiltà soċjali fit-tul; |
|
24. |
jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Patt għal Industrija Nadifa biex jiġu indirizzati l-problemi persistenti għall-industriji li għandhom l-għan li jiddekarbonizzaw, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ dimensjoni territorjali b’saħħitha għall-politika industrijali biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva, u għal aktar appoġġ għar-reġjuni b’industriji intensivi fl-enerġija; |
|
25. |
jilqa’ l-intenzjoni tal-KE li fl-2025 tippreżenta Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli kif ukoll inizjattivi oħrajn relatati, notevolment il-pjan ambizzjuż għal network ferrovjarju ta’ veloċità għolja Ewropew; jikkondividi l-objettiv tal-KE li tiġi aċċellerata d-dekarbonizzazzjoni tas-settur kollu tat-trasport bl-aktar mod effiċjenti ekonomikament u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ sensittiv mil-lat territorjali biex jiġu appoġġjati konnettività u aċċess sal-limitu massimu; |
|
26. |
jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni għal enerġija affordabbli flimkien mal-inizjattivi futuri tiegħu biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-industrija; u jappella għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea b’suq integrat kompletament u interkonness sew madwar l-UE, u sistema ta’ governanza li tiffunzjona sew fil-qalba tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata spinta lill-produzzjoni tal-enerġija lokali u li s-settur privat jiġi involut aktar fit-tranżizzjoni tal-enerġija; |
|
27. |
jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata r-reżiljenza tas-suq uniku, peress li għadu taħt pressjoni kemm minn barra kif ukoll fi ħdan l-UE, minħabba li l-Istati Membri jsegwu interessi individwali fuq terminu qasir permezz ta’ miżuri unilaterali, bħal ostakli kummerċjali transfruntiera mhux ġustifikati u sussidji mill-Istat għall-industriji nazzjonali; Barra minn hekk, l-SMEs jiffaċċjaw sfidi meta jinnavigaw regolamenti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, partikolarment fejn jidħlu l-istandards tas-sostenibbiltà. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jżid l-ispejjeż tal-konformità u jikkumplika l-operazzjonijiet transfruntiera u għalhekk, huwa ostaklu li jrid jiġi indirizzat. |
|
28. |
jenfasizza li l-kompetittività u t-tkabbir tal-Ewropa huma msejsa fuq ekonomija miftuħa integrata fil-ktajjen ta’ valur globali. Huwa importanti li l-Ewropa żżomm u tipproteġi l-valuri tal-kummerċ ħieles u tal-multilateraliżmu. F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-Ewropa tiddiversifika l-esportazzjonijiet tagħha lil hinn mill-Istati Uniti u ċ-Ċina u li ssaħħaħ il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. |
|
29. |
bl-istess mod, huwa kruċjali li l-Boxxla għall-Kompetittività tinkludi mekkaniżmi għal appoġġ prattiku u finanzjarju għan-negozji ż-żgħar f’setturi tradizzjonali, bħat-turiżmu u l-agrikoltura, sabiex it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika titqies bħala opportunitajiet aċċessibbli aktar milli piż addizzjonali. It-taħriġ lokali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni intraprenditorjali u d-diġitalizzazzjoni kondiviża għandhom ikunu parti mir-regolament; |
|
30. |
jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għandha tkun imperattiv strateġiku għall-kompetittività tal-UE, waqt li tiżdied l-awtonomija u r-reżiljenza tal-UE; jappella għal żieda b’mod sostanzjali fl-appoġġ tal-UE għall-bliet u r-reġjuni biex jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet ċirkolari sistemiċi, b’mod partikolari permezz tal-akkwist pubbliku; |
It-tnaqqis tad-dipendenzi u ż-żieda fis-sigurtà
|
31. |
jenfasizza li l-UE jeħtiġilha ma toqgħodx lura milli tuża strumenti protettivi bħall-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ u r-Regolament dwar Sussidji Barranin biex tiżgura li n-negozji tal-UE ma ssirilhomx ħsara minn kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji barranin. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata l-ħtieġa urġenti li jiġi adottat il-Pakkett ta’ Riforma Doganali; |
|
32. |
jenfasizza li huwa vitali għall-kompetittività tal-UE li tiġi żgurata provvista affidabbli u diversifikata ta’ materja prima, speċjalment dawk ikkunsidrati kritiċi u strateġiċi, peress li dawn huma inputs kruċjali għas-setturi tal-enerġija, tal-produzzjoni tal-ikel u tal-industrija; jenfasizza l-importanza tal-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima u jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li din hija miftuħa wkoll għar-reġjuni; |
|
33. |
iqis li t-tisħiħ tas-sigurtà u tar-reżiljenza Ewropea huwa prijorità, u jenfasizza li l-investimenti fid-difiża u t-teknoloġiji b’użu doppju għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-kompetittività u l-iżvilupp reġjonali; |
|
34. |
jinsisti li l-Kummissjoni (anke fir-rigward taż-żieda fil-ħtieġa għal investimenti fis-sigurtà u fid-difiża) tagħti spinta lill-politika spazjali u żżid b’mod konsiderevoli l-investimenti fis-sistema satellitari Galileo, u tippermetti wkoll l-użu militari tagħha; jirrakkomanda li d-data spazjali tiġi ingranata wkoll biex timmonitorja r-riskji ambjentali u tipprevjeni d-diżastri klimatiċi; |
|
35. |
jenfasizza li t-teknoloġiji avvanzati, bħas-semikondutturi tas-settur ewlieni, il-bijoteknoloġija u l-IA, huma ta’ importanza kruċjali biex jiġu żgurati l-kompetittività u s-sovranità teknoloġika tal-UE; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi ewlenin fit-tixrid tal-IA kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku, u jinsabu fil-post it-tajjeb biex jibnu l-fiduċja fis-soluzzjonijiet tal-IA permezz ta’ involviment pubbliku dirett u trasparenza akbar. |
Brussell, it-3 ta’ April 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3168/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)