28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/57


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2216

tat-22 ta’ Diċembru 2020

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE fir-rigward tal-entrata għar-Renju Unit u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna fil-lista tal-pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ embrijuni bovini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ embrijoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat (1),u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ embrijuni bovini. B’mod partikolari, l-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni jelenka pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jeħtieġ jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ embrijuni bovini.

(2)

Ir-Renju Unit ipprovda l-garanziji neċessarji meħtieġa mid-Deċiżjoni 2006/168/KE sabiex ir-Renju Unit u d-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey jiġu elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-ħruġ), mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll. Filwaqt li jitqiesu l-garanziji pprovduti mir-Renju Unit, dak il-pajjiż terz u d-Dipendenza tal-Kuruna jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE.

(3)

Għalhekk, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(4)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE tal-4 ta’ Jannar 2006 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE (ĠU L 57, 28.2.2006, p. 19).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-Iżvizzera:

“GB

Ir-Renju Unit (*1)

ANNESS II

ANNESS III

ANNESS IV

(2)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-Iżrael:

“JE

Jersey

ANNESS II

ANNESS III

ANNESS IV”