European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1882

11.7.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1882

tal-10 ta’ Lulju 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward il-forniment mingħajr ħlas ta’ servizz tal-awtentikazzjoni tas-sinjali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47, il-punt (d) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 (2) jipprevedu li l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tas-servizz kummerċjali (“SK”) jaħsbu għal servizz SK mill-aktar preċiż u kapaċità rinforzata tal-awtentikazzjoni (“awtentikazzjoni SK”), aċċessibbli u soġġetti għal ħlas “skont il-prassi tal-ipprezzar fis-seħħ”.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/224 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/321 (3) biex toffri servizz SK mill-aktar preċiż mingħajr ħlas u timmassimizza l-benefiċċji pubbliċi ta’ Galileo.

(3)

Ma ġiet definita jew infurzata l-ebda “prassi tal-ipprezzar”, għax jekk l-awtentikazzjoni SK issir bi ħlas, dan ikun mistenni jdewwem l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet meħtieġa biex jużaw dak is-servizz u jxekkel it-tkabbir tal-attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq is-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita, b’mod partikolari fl-Unjoni. Dan jista’ jxekkel ukoll il-penetrazzjoni tas-swieq dinjin għax sistemi tan-navigazzjoni oħrajn ikkondividew pjanijiet għall-iżvilupp ta’ servizzi tal-awtentikazzjoni tas-sinjali mingħajr ħlas.

(4)

Bħalissa diġà hemm fis-seħħ l-infrastruttura ewlenija meħtieġa biex jingħata servizz tal-awtentikazzjoni tas-sinjali mingħajr ħlas. Madankollu, dan mhuwiex il-każ jekk kellu jitħaddem servizz tal-awtentikazzjoni tas-sinjali bi ħlas, li jkollu bżonn jintroduċi infrastruttura addizzjonali tal-ħlas u tal-kontroll tal-aċċess għall-utenti tas-servizz tal-awtentikazzjoni.

(5)

Is-servizz tal-awtentikazzjoni bi ħlas, kif imfassal fil-bidu, kien jeħtieġ “Fornitur tas-Servizz Kummerċjali” responsabbli mill-bażi tal-utenti tas-servizz tal-awtentikazzjoni, u dan apparti l-“persuna responsabbli għall-operazzjoni tas-sistema”. Dan il-“Fornitur tas-Servizz Kummerċjali” ma jkunx meħtieġ iżjed wara l-Emenda proposta.

(6)

Is-servizz tal-awtentikazzjoni bi ħlas, kif maħsub fil-bidu, jeħtieġ l-użu ta’ ċwievet kriptografiċi privati fir-riċevitur tal-utenti finali, filwaqt li s-servizz propost tal-awtentikazzjoni mingħajr ħlas jistrieħ għalkollox fuq ċwievet kriptografiċi pubbliċi u għalhekk ikun aktar sempliċi biex jintuża mill-utenti. Din is-simplifikazzjoni hija riflessa fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali modifikati.

(7)

L-Artikolu 45(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/696 jiddefinixxi servizz tal-awtentikazzjoni tas-sinjali, ibbażat fuq il-kodiċijiet kriptati inkorporati fis-sinjali, maħsub l-iktar għall-applikazzjonijiet tan-navigazzjoni bis-satellita għal użu professjonali jew kummerċjali, iżda ma jispeċifikax jekk għandux japplika xi ħlas jew le.

(8)

Finalment, it-tnedija tas-servizz jenħtieġ li tiġi adattata biex tkun tirrifletti l-pjanijiet tat-tnedija tas-sistema, inkluż fażi tal-forniment tas-sinjali mill-2024 u fażi tal-forniment tas-servizz mill-2026.

(9)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/224 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat tal-Programm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/224 hu emendat kif ġej:

(1)

fir-ringiela “Il-komponenti tas-sinjali użati”, is-subkolonna “L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta’ kodiċijiet kriptati”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej: “E6, il-komponent E6-C kriptat (pilota)”;

(2)

fir-ringiela “L-ispeċifikazzjonijiet tas-segment tal-utenti”, is-subkolonna “L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta’ kodiċijiet kriptati”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej: “Il-verifika tal-awtentiċità tas-sinjali permezz tad-dekriptaġġ tal-kodiċijiet E6 rikriptati permezz ta’ ċavetta kriptografika privata”;

(3)

fir-ringiela “L-arkitettura tas-sistema”, is-subkolonna “L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta’ kodiċijiet kriptati”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej: “Il-kriptaġġ tal-kodiċijiet tas-sinjali E6 mis-satelliti Galileo, it-trażmissjoni taċ-ċwievet privati ġġenerati mis-segment fuq l-art għaċ-Ċentru tas-Servizzi GNSS (il-GSC), u l-pubblikazzjoni tal-porzjonijiet rikriptati tal-kodiċijiet tas-sinjal E6 b’ċavetta futura tal-awtentikazzjoni tad-data tal-OS”;

(4)

fir-ringiela “L-aċċess għas-servizz”, il-kolonna “Awtentikazzjoni SK”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej: “Aċċess mingħajr ħlas”;

(5)

fir-ringiela “It-tnedija tas-servizz”, is-subkolonna “L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta’ kodiċijiet kriptati”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

Il-fażi inizjali tal-forniment tas-sinjali sal-2024

—

Il-fażi tal-forniment tas-servizz mill-2026”;

(6)

fir-ringiela “L-użu ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE”, is-subkolonna “L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta’ kodiċijiet kriptati”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-IKUE ma tistax tintuża mill-utent finali”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj.

(2)  d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 tat-8 ta’ Frar 2017 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/224/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/321 tat-2 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 62, 5.3.2018, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/321/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1882/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)