|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2145 |
23.9.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2145
tat-22 ta’ Settembru 2026
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 (1), li tistabbilixxi l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti għall-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi, inkluż stokkijiet tal-baħar fond, skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (2). Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet f’isem l-Unjoni abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni speċifikati mill-Kunsill skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, filwaqt li tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
F’Lulju 2023 sar rieżami tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 u ġie konkluż li ma kienet meħtieġa l-ebda emenda. Minħabba li l-ebda kwistjoni ta’ implimentazzjoni ma ġiet identifikata minn dak iż-żmien ’l hawn, id-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 tibqa’ adegwata għall-iskop tagħha. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi, peress li l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jiġi implimentat fid-dritt tal-Unjoni. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq rieżami dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1875. Ir-rieżami jenħtieġ li jivvaluta jekk humiex meħtieġa xi reviżjonijiet u, jekk ikun xieraq, ir-rieżami jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn proposta għal reviżjoni. |
|
(5) |
Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u b’mod sħiħ, f’konformità mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2021/1875 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fid-Deċiżjoni (UE) 2021/1875, l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej
“Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2038.
Hija għandha tiġi rieżaminata kif meħtieġ u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jsir rieżami sal-31 ta’ Diċembru 2036.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1875/oj).
(2) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2145/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)