IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2025
COM(2025) 703 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ mistrieħ xierqa għas-sewwieqa u ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ siguri, u dwar l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati f'konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2022/1012
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq() (“ir-Regolament 561/2006”) jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri. L-Artikolu 8a(2) tar-Regolament 561/2006() jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi standards dettaljati dwar il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri (SSPAs, safe and secure parking areas) u dwar il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ dawk iż-żoni ta’ parkeġġ.
Il-Kummissjoni aġixxiet fuq din is-setgħa billi adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012 fit-7 ta’ April 2022(), li jindirizza kwistjonijiet kritiċi li qed jiffaċċja s-settur tat-trasport bit-triq u li jikkontribwixxi għal sistema tat-trasport aktar effiċjenti u armonjuża madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012 jistabbilixxi standards dettaljati biex iż-żoni ta’ parkeġġ jiġu ċċertifikati bħala sikuri u siguri. Dawn l-istandards ikopru diversi aspetti, inklużi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, sorveljanza, dawl u kontroll tal-aċċess. L-SSPAs iridu jipprovdu faċilitajiet xierqa għas-sewwieqa, bħal kmamar tal-banju, doċċi u servizzi tal-ikel, biex jiżguraw li s-sewwieqa jkunu jistgħu jistrieħu bil-kumdità u b’mod sikur.
Erba’ livelli ta’ sigurtà huma stabbiliti għall-SSPAs (i) bronż; (ii) fidda; (iii) deheb; u (iv) platinu. Huma mfassla biex jaqdu ħtiġijiet differenti u jipprovdu qafas ċar għall-operaturi ta’ trasport biex jagħżlu l-livell xieraq ta’ sigurtà, abbażi wkoll tal-valur tal-merkanzija li jkunu qed jittrasportaw. Il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-SSPAs jinkludu spezzjonijiet u awditi regolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards stabbiliti, u b’hekk jiżguraw li s-sewwieqa jingħataw ambjent affidabbli u sigur u li l-merkanzija tkun protetta b’mod effettiv.
L-Artikolu 8a(4) tar-Regolament 561/2006 jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet xierqa ta’ mistrieħ għas-sewwieqa u ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ siguri. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta wkoll dwar l-iżvilupp tal-SSPAs iċċertifikati skont l-istandards stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012. Apparti minn dan, ir-rapport tal-Kummissjoni jista’ jinkludi lista ta’ miżuri rakkomandati mmirati biex iżidu kemm l-għadd kif ukoll il-kwalità tal-SSPAs.
Barra minn hekk, l-Artikolu 8a(3) tar-Regolament 561/2006 jirrikjedi li l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ parkeġġ għall-utenti kummerċjali tat-toroq f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013() dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), sussegwentement sostitwit bir-Regolament (UE) 2024/1679() . L-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2024/1679 jirrikjedi li sal-31 ta’ Diċembru 2040, l-Istati Membri jiżviluppaw SSPAs iċċertifikati skont l-istandards tal-UE tul it-toroq tan-network ewlieni u n-network ewlieni estiż, jew f’distanza ta’ sewqan ta’ 3 kilometri mill-eqreb ħruġ tat-triq tan-network trans-Ewropew, b’distanza massima medja ta’ 150 kilometru bejn żewġ SSPAs.
Dan ir-rapport kien ibbażat fuq studju dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ mistrieħ u parkeġġ għal sewwieqa professjonali mwettaq għall-Kummissjoni (). L-istudju analizza d-domanda u l-provvista kurrenti ta’ parkeġġ għal sewwieqa professjonali u l-possibbiltajiet għall-espansjoni tan-network eżistenti tal-SSPAs, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1679. L-istudju kien ibbażat fuq konsultazzjonijiet estensivi ma’ esperti mill-Istati Membri, operaturi tat-trasport u tal-parkeġġi, trade unions u sewwieqa professjonali() .
Il-Parti 2 tar-rapport tinkludi ħarsa ġenerali lejn iż-żoni ta’ parkeġġ għal sewwieqa professjonali fl-UE, u l-Parti 3 tiddiskuti l-isfidi li jiffaċċjaw l-SSPAs. Il-Parti 4 tippreżenta l-konklużjonijiet, inklużi r-rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-espansjoni tan-network tal-SSPAs.
2.ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PARKEĠĠI FL-UE
Din il-parti tippreżenta tipoloġija ta’ żoni ta’ parkeġġ għal sewwieqa professjonali madwar l-UE u ċifri ewlenin dwar l-SSPAs.
2.1.Tipoloġija tal-parkeġġi
Iż-żoni ta’ parkeġġ użati minn sewwieqa professjonali huma diversi ħafna f’termini ta’ għan u livell ta’ sigurtà. Dawn jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej:
a.Żoni ta’ parkeġġ fuq l-awtostrada
Dawn iż-iż-żoni ta’ parkeġġ ħafna drabi huma miftuħin għat-tipi kollha ta’ vetturi, jiġifieri t-trakkijiet jikkondividu din iż-żona ma’ karozzi privati, kowċijiet u tipi oħra ta’ vetturi privati. Skont l-Istat Membru, tali żoni ta’ parkeġġ ħafna drabi huma proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi, jew jiġu operati jew konċessjonati minnhom.
b.Żoni ta’ parkeġġ barra mill-awtostrada
Dawn iż-żoni ta’ parkeġġ ġeneralment ikunu jinsabu madwar 3 kilometri ’l bogħod mill-awtostrada. Ħafna drabi dawn ikunu proprjetà ta’ operaturi privati u operati minnhom u jkunu riżervati għal trakkijiet u vetturi kummerċjali ħfief.
c.Żoni ta’ stennija għat-trakkijiet fil-portijiet u fit-terminals tal-ferrovija
Għall-kuntrarju ta’ żoni ta’ parkeġġ pubbliċi, dawn huma żoni speċjali fit-terminals tal-port u tal-ferrovija fejn is-sewwieqa jistgħu joqogħdu waqt li jkunu qed jistennew biex jidħlu fit-terminal. Skont l-Istat Membru, it-terminals jistgħu jkunu proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi jew ta’ kumpaniji privati u operati minnhom, għalkemm is-sjieda pubblika hija komuni ħafna.
d.Artijiet ta’ kumpanija tat-trasport privata (imħażen tal-kumpanija)
Dawn iż-żoni ta’ parkeġġ huma offruti minn fornituri ta’ riżervazzjoni tal-parkeġġ għat-trakkijiet f’żoni tal-parkeġġ li huma proprjetà ta’ kumpaniji tat-trasport. F’din l-iskema, il-kumpanija tat-trasport tiftaħ id-depost tagħha għal sewwieqa minn kumpaniji oħra tat-trasport – simili għal servizz ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir li jista’ jiġi bbukkjat permezz ta’ applikazzjoni. Forma alternattiva ta’ dan il-mudell tintuża minn operaturi tat-trasport niċċa, bħall-kumpaniji tat-trasport li jittrasportaw karozzi, li jipparkjaw fid-depost ta’ xulxin.
e.Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri
L-SSPAs jistgħu jiġu suddiviżi f’żoni ta’ parkeġġ ċċertifikati u f’żoni ta’ parkeġġ mhux iċċertifikati. L-istandards tal-UE stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012 huma l-uniċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Dawn l-istandards jistabbilixxu erba’ livelli ta’ sigurtà u livell komuni ta’ servizz bħala prekundizzjoni għaċ-ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikazzjoni titwettaq minn korpi ta’ awditjar indipendenti u imparzjali li huma akkreditati skont regoli trasparenti stabbiliti fir-Regolament Delegat.
Standards oħrajn tal-industrija huma r-Rekwiżiti tas-Sigurtà tal-Parkeġġ (PSR, Parking Security Requirements) tat-TAPA EMEA, li huwa l-istandard tal-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Assi Trasportati (TAPA, Transported Asset Protection Association), u ċ-ċertifikazzjoni għall-parkeġġ u l-faċilitajiet tal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Parkeġġ Sikur (ESPORG, European Secure Parking Organisation).
Standards tal-industrija reġjonali, bħaċ-ċertifikazzjonijiet tal-Vereinigung Deutscher Autohöfe e.V. (VEDA) (Premium Parking u Quality Parking), jeżistu wkoll iżda għadhom marġinali.
f.Żoni ta’ parkeġġ għall-kowċijiet
Ġeneralment, is-sewwieqa tal-kowċijiet ma jiqfux matul il-lejl fiż-żoni ta’ parkeġġ użati mis-sewwieq tat-trakkijiet. Għandhom it-tendenza li joqogħdu f’lukandi, u jippreferu żoni ta’ servizz u faċilitajiet tal-parkeġġ iddedikati qrib destinazzjonijiet jew terminals. Filwaqt li rrikonoxxew din ix-xejra, xi muniċipalitajiet, bħal Pamplona fi Spanja u Brussell fil-Belġju, stabbilew terminals iddedikati għall-parkeġġ tal-kowċijiet f’żoni urbani. Għalhekk, l-SSPAs huma fil-biċċa l-kbira irrilevanti għall-industrija tal-kowċijiet, minħabba l-ħtiġijiet operazzjonali distinti tagħha.
g.Faċilitajiet oħra
Hemm madwar 123 000 lukanda madwar l-EU-27. 46 % taż-żoni ta’ parkeġġ ċċertifikati mill-UE għandhom mill-inqas faċilità waħda ta’ waqfa matul il-lejl f’distanza ta’ 3 kilometri. Fil-kategoriji kollha ta’ parkeġġ, madwar nofs iż-żoni ta’ parkeġġ għandhom mill-inqas faċilità waħda f’din id-distanza. L-aktar faxex ta’ distanza rilevanti huma kilometru wieħed, meqjusa bħala distanza ta’ mixi, u 3 kilometri, li jistgħu jiġu koperti minn servizz ta’ shuttle. Madankollu, peress li dawn id-distanzi tkejlu b’linja dritta, faċilità ta’ akkomodazzjoni kkunsidrata li tinsab qrib parkeġġ tista’ fil-fatt teħtieġ distanzi itwal li jridu jiġu vvjaġġati.
B’riżultat ta’ dan, ħafna parkeġġi ma għandhomx akkomodazzjonijiet xierqa fil-qrib. Filwaqt li jistgħu jeżistu għażliet f’distanzi akbar, dawn ma humiex vijabbli għas-sewwieqa tat-trakkijiet, peress li tipikament ma jkollhomx trasport (motorizzat) ladarba t-trakk tagħhom ikun ipparkjat f’parkeġġ sigur.
Ħafna lukandi identifikati qrib SSPAs jaqdu primarjament lit-turisti u lill-vjaġġaturi fuq negozju u ma humiex affordabbli għas-sewwieqa tat-trakkijiet. Tabilħaqq, is-sejbiet jikkonfermaw li l-biċċa l-kbira tar-rati tal-lukandi huma projbittivi għas-sewwieqa tat-trakkijiet.
2.2.Ċifri ewlenin dwar l-SSPAs
Il-provvista totali kurrenti ta’ parkeġġi għat-trakkijiet fl-UE tammonta għal madwar 380 000 (siguri u mhux siguri), li minnhom, 60 816 huma ta’ livell aktar minn bażiku (jiġifieri ma humiex iċċertifikati iżda b’xi elementi ta’ sigurtà), 23 651 parkeġġ huma ċċertifikati siguri taħt metodi ta’ ċertifikazzjoni differenti, u 4 943 parkeġġ huma ċċertifikati f’konformità mal-istandards tal-UE (li ħafna minnhom huma ta’ livell tad-deheb, li jipprovdu livell relattivament għoli ta’ sigurtà). Id-distribuzzjoni tas-siti ċċertifikati, li huma miġbura fi ftit pajjiżi/reġjuni biss (il-Belġju, ir-reġjun tal-Pirinej, it-Tramuntana tal-Italja u l-Ungerija), tħalli lakuni sinifikanti fin-network ewlieni tat-TEN-T, pereżempju fl-Awstrija, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fil-Polonja u fis-Slovakkja() .
Il-parkeġġi kollha, kemm jekk iċċertifikati kif ukoll jekk le, jinkludu wkoll żoni ta’ servizz u faċilitajiet bażiċi. Il-livell ta’ sigurtà u l-amenitajiet disponibbli jistgħu jvarjaw ħafna f’dawn il-postijiet. Iż-żoni ta’ servizz tul it-toroq ewlenin, inklużi l-awtostradi u l-karreġġati doppji, jipprovdu kumditajiet essenzjali għas-sewwieqa. Bħala minimu, dawn iż-żoni jinkludu pompi tal-petrol, għażliet ta’ ristoranti u toilets pubbliċi. Ħafna joffru wkoll konvenjenzi addizzjonali bħal doċċi u ħwienet, u b’hekk huma adatti kemm għal pawżi qosra kif ukoll għal perjodi ta’ mistrieħ estiżi waqt vjaġġi twal.
Attwalment qed jinbnew SSPAs ġodda, jew il-kostruzzjoni tagħhom hija skedata li tibda dalwaqt. Dan jinkludi 49 proġett tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF, Connecting Europe Facility)() li għaddejjin bħalissa, li mistennija jżidu 4 614-il parkeġġ tal-SSPA għat-trakkijiet, b’hekk kważi jirdoppjaw il-provvista kurrenti.
Fl-aħħar sejħa għal proposti għal għotjiet ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tat-trasport taħt is-CEF, ippubblikata fl-2024 u magħluqa fl-2025, ġew approvati total ta’ 14-il proposta għal proġetti tal-SSPAs għall-finanzjament (12 taħt il-pakkett Ġenerali u 2 taħt il-pakkett ta’ Koeżjoni), għal finanzjament kumulattiv ta’ aktar minn EUR 91 miljun ().
Il-proġetti għandhom l-għan li jiżviluppaw SSPAs madwar diversi Stati Membri tal-UE taħt l-inizjattiva TEN-T. Dawn l-iżviluppi għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza fit-toroq, is-sigurtà, u joffru kundizzjonijiet aħjar għas-sewwieqa professjonali billi jespandu u jtejbu l-faċilitajiet tal-parkeġġ biex jissodisfaw l-istandards stabbiliti fir-Regolament tal-UE.
Filwaqt li dawn il-postijiet ġodda se jtejbu l-kopertura ġeografika tal-SSPAs madwar l-Ewropa, hemm riskju li jippersistu lakuni sinifikanti, minħabba d-domanda dejjem tiżdied u l-ħin meħtieġ għall-provvista ta’ parkeġġi ġodda.
3.SFIDI KURRENTI F’ŻONI TA’ PARKEĠĠ SIKURI U SIGURI
Is-settur tat-trasport bit-Triq tal-UE qed jiffaċċja diversi sfidi kritiċi relatati mad-disponibbiltà u l-funzjonalità tal-SSPAs. Dawn l-isfidi jaffettwaw mhux biss is-sigurtà, is-sikurezza u l-benesseri tas-sewwieqa, u jaggravaw in-nuqqas ta’ sewwieqa professjonali, iżda wkoll l-effiċjenza tal-ktajjen loġistiċi u s-sikurezza ġenerali fit-toroq. Fatturi ewlenin li jinfluwenzaw l-użu tal-SSPAs huma (i) is-sigurtà, is-sikurezza, l-indafa u l-kumdità tal-faċilitajiet; u (ii) id-disponibbiltà tal-parkeġġ. Ir-rispondenti jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal ġestjoni mtejba tad-data u aċċess għal aġġornamenti f’ħin reali dwar id-disponibbiltà tal-parkeġġ. Barra minn hekk, il-kost tal-aċċess għall-faċilitajiet jista’ jikkostitwixxi fattur sinifikanti fil-preferenza għal żoni ta’ parkeġġ b’livell aktar baxx ta’ sigurtà u servizz.
3.1.Serq tal-merkanzija u tħassib dwar is-sigurtà
Is-sigurtà hija tħassib ewlieni għall-operaturi u għas-sewwieqa ta’ trasport bit-triq. Proporzjon impressjonanti ta’ 85 % tal-operaturi ta’ trasport irrapportaw li esperjenzaw serq jew vandaliżmu meta l-vetturi tagħhom kienu pparkjati f’żoni mhux siguri. Filwaqt li ċ-ċifra tinżel għal 41 % f’’żoni ta’ parkeġġ siguri, il-livell ta’ inċidenti jibqa’ għoli u jenfasizza l-ħtieġa kritika għal aktar miżuri ta’ sigurtà. Barra minn hekk, 79 % tas-sewwieqa rrapportaw li ffaċċjaw theddida għas-sigurtà u/jew sitwazzjoni perikoluża waqt li l-vettura tagħhom kienet ipparkjata, u 9 % biss tas-sewwieqa rrapportaw li ħassewhom sikuri f’żoni ta’ parkeġġ fl-Ewropa. Is-serq tal-merkanzija għadu problema, b’inċidenti li jinkludu serq ta’ fjuwil, sgass illegali fil-kabini, u imbark mhux awtorizzat ta’ passiġġieri għal skopijiet ta’ immigrazzjoni irregolari. Huma rrapportati wkoll serqiet vjolenti, li jipperikolaw il-ħajjiet tas-sewwieqa.
3.2.Nuqqasijiet u lakuni fid-distribuzzjoni
Kemm l-operaturi ta’ trasport kif ukoll is-sewwieqa rrapportaw nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ disponibbli. Barra minn hekk, l-SSPAs huma distribwiti b’mod mhux uniformi madwar l-UE, speċjalment fir-reġjuni tat-trasport tal-merkanzija b’densità għolja. Ħafna reġjuni fl-UE ma jissodisfawx id-densità meħtieġa ta’ SSPAs iċċertifikati, u dan iħalli lis-sewwieqa b’għażliet limitati biex jistrieħu b’mod sikur. Din l-iskarsezza taggrava l-kwistjoni tal-parkeġġ illegali, li żżid ir-riskji tas-sigurtà għas-sewwieqa. Iż-żoni li s-sewwieqa jqisuhom l-inqas moqdija mill-SSPAs huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja.
Huwa stmat li attwalment hemm bżonn ta’ madwar 395 000 parkeġġ. Jekk wieħed jassumi li d-domanda totali jenħtieġ li tiġi ssodisfata minn SSPAs iċċertifikati, id-distakk huwa ta’ 390 057 parkeġġ(), li huwa ekwivalenti għal 3 250 żona ta’ parkeġġ() . Sal-2040, id-domanda hija prevista li tiżdied ulterjorment, u meta wieħed iqis ix-xejra kurrenti tal-investiment, id-differenza stmata se tkun ta’ 483 000 parkeġġ, jew 4 025 parkeġġ iċċertifikati f’konformità mal-istandards tal-UE() . Id-diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista hija preżenti madwar l-UE, għalkemm l-iskala tagħha tvarja skont ir-reġjun u l-Istat Membru. L-aktar lakuni sinifikanti huma osservati fl-Ewropa tal-Lbiċ u ċentrali() .
3.3.Kwalità tal-faċilitajiet ta’ parkeġġ disponibbli
Fost is-sewwieqa, 52 % tar-rispondenti ħassew li l-faċilitajiet taż-żoni ta’ parkeġġ ma kinux nodfa filwaqt li 46 % qiesu li l-faċilitajiet kienu aċċettabbli. 2 % biss tar-rispondenti tas-sewwieqa kollha qiesu li l-faċilitajiet taż-żona ta’ parkeġġ huma nodfa (dan jinkludi t-tipi kollha ta’ żoni ta’ parkeġġ). Dwar l-SSPAs, kemm dawk iċċertifikati mill-UE kif ukoll dawk li ma humiex, madwar 55 % tar-rispondenti jgħidu li l-faċilitajiet huma “nodfa” jew “aċċettabbli”.
3.4.Kost għall-użu tal-faċilitajiet tal-parkeġġ
Is-sewwieqa u l-operaturi ta’ trasport jaqblu li s-sewwieqa ma għandhomx iġarrbu l-kostijiet tal-parkeġġ. L-analiżi dwar iż-żoni ta’ parkeġġ b’sigurtà ogħla, jiġifieri livelli ta’ platinu u deheb, turi li l-prezzijiet kurrenti jvarjaw minn madwar EUR 15 sa madwar EUR 35 kull lejl. Iż-żoni ta’ parkeġġ ta’ sigurtà aktar baxxa, jiġifieri l-livelli tal-fidda u tal-bronż, jitolbu bejn EUR 5 u 15. Jidher li EUR 15 għal kull lejl għal kull parkeġġ huwa prezz għoli għall-kumpaniji tat-trasport. Abbażi ta’ tali rieda baxxa li wieħed iħallas għall-parkeġġ, mhux probabbli li l-operaturi ta’ trasport ikunu lesti li jħallsu għall-akkomodazzjoni f’lukanda.
3.5.Sfidi teknoloġiċi
Hemm nuqqas notevoli ta’ data komprensiva għall-ippjanar tar-rotta u s-sistemi ta’ riżervazzjoni tal-parkeġġ. Ġestjoni ħażina tad-data tipprevjeni lis-sewwieqa milli jaċċessaw informazzjoni f’ħin reali dwar parkeġġi siguri disponibbli. Ħafna faċilitajiet tal-parkeġġ eżistenti ma għandhomx l-infrastruttura meħtieġa għal sistemi tat-trasport intelliġenti (). Jekk jiġu implimentati, dawn is-sistemi jistgħu jtaffu b’mod sinifikanti l-istress li wieħed isib parkeġġ sikur f’żoni konġestjonati billi joffru aġġornamenti u riżervazzjonijiet f’ħin reali permezz ta’ pjattaformi diġitali.
Speċifikament, il-biċċa l-kbira tal-operaturi ta’ trasport iqisu l-aċċess f’ħin reali għad-disponibbiltà tal-parkeġġ bħala kruċjali għall-ippjanar tar-rotta, għalkemm 27 % biss isibu l-informazzjoni kurrenti tal-parkeġġ affidabbli. Barra minn hekk, 75 % tal-operaturi jemmnu li data akkurata dwar l-SSPAs disponibbli ttejjeb l-ippjanar tar-rotta u tgħin biex tikkonforma mar-regolamenti dwar il-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ. Dwar id-disponibbiltà u l-ġestjoni tad-data għall-ippjanar u r-riżervazzjonijiet tar-rotta, l-operaturi ta’ trasport jiddikjaraw li ma għandhomx sistema ta’ rotta jew pjan fiss għall-waqfiet, b’aktar minn 50 % jindikaw li ma jagħmlu l-ebda riżervazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ.
3.6.Kwistjonijiet speċifiċi għall-ġeneru
L-iżbilanċ ċar bejn il-ġeneri fl-industrija, b’6 % biss tas-sewwieqa li huma nisa, jenfasizza l-ħtieġa għal faċilitajiet sensittivi għall-ġeneru. Is-sewwieqa nisa jiffaċċjaw sfidi addizzjonali bħas-sigurtà personali u l-ħtiġijiet tal-iġjene li ma humiex qed jiġu ssodisfati kif suppost mill-faċilitajiet kurrenti.
4.KONKLUŻJONIJIET
L-isfidi ppreżentati fil-Parti 3 ta’ dan ir-rapport jeħtieġ li jiġu indirizzati b’investimenti strateġiċi u b’aġġustamenti tal-politika. Dan huwa vitali biex tittejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà tas-settur tat-trasport bit-triq tal-UE u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u għalhekk l-attraenza tal-professjoni għas-sewwieqa.
Id-domanda dejjem tikber għat-trasport tal-merkanzija bit-triq tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar infrastruttura tal-parkeġġi, speċjalment SSPAs iċċertifikati. Il-provvista kurrenti ma hijiex kapaċi tissodisfa d-domanda, u billi d-domanda mistennija tikber ulterjorment, hemm bżonn ta’ investiment immedjat u ta’ ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ eżistenti b’karatteristiċi ta’ sikurezza u sigurtà. Din l-urġenza hija enfasizzata ulterjorment mir-rekwiżit li sal-31 ta’ Diċembru 2040 l-Istati Membri jiżguraw l-iżvilupp ta’ SSPAs iċċertifikati tul in-network ewlieni u n-network ewlieni estiż tat-TEN-T, jew f’distanza ta’ sewqan ta’ 3 km mill-eqreb ħruġ tat-triq tan-network trans-Ewropew, b’distanza massima medja ta’ 150 km bejniethom. Jistgħu jiġu identifikati diversi azzjonijiet ta’ segwitu leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.
L-inizjattivi possibbli li ġejjin huma bbażati fuq l-analiżi u s-sejbiet tal-istudju u għalhekk jenħtieġ li jinftiehmu bħala kontribuzzjonijiet għal diskussjoni usa’. L-iskop tagħhom huwa li jinfurmaw u jappoġġjaw aktar riflessjoni, mingħajr ma jantiċipaw jew jinfluwenzaw xi deċiżjonijiet relatati ma’ azzjonijiet futuri.
4.1.Inizjattivi mhux relatati ma’ atti legali
4.1.1.
Inċentivar għal titjib ta’ gwadann rapidu
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aktar mod effiċjenti biex jitnaqqas id-distakk bejn l-għadd ta’ SSPAs meħtieġa u l-għadd kurrenti ta’ SSPAs huwa li jiġu aġġornati l-faċilitajiet ta’ parkeġġ mhux siguri tul l-awtostradi. Dan jista’ jsir permezz ta’ xogħlijiet u investimenti biex jgħinu lil tali faċilitajiet jiksbu ċertifikazzjoni fil-livell ta’ bronż jew ogħla.
Jenħtieġ li jkun hemm enfasi fuq il-miżuri essenzjali ta’ sigurtà bħad-dawl madwar il-perimetru, deterrenzi viżiv, verifiki ta’ sorveljanza ta’ rutina, monitoraġġ fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ, u sinjali ċari biex jirrestrinġu l-aċċess għal vetturi awtorizzati. Jista’ jkun ukoll neċessarju li jsiru investimenti f’faċilitajiet ta’ mistrieħ tul l-awtostradi li oriġinarjament kienu ddisinjati primarjament għall-passiġġieri ta’ karozzi privati.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jivvalutaw din l-għażla bir-reqqa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament TEN-T. L-operaturi ta’ faċilitajiet ta’ mistrieħ tul l-awtostradi huma mħeġġa jevalwaw ir-rilevanza ta’ tali investimenti għall-mudelli tan-negozju tagħhom. Meta l-investiment privat waħdu ma jippreżentax każ ta’ negozju vijabbli, jistgħu jkunu meħtieġa mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku u ppjanar ikkoordinat biex jiġi żgurat t-twassil f’waqtu tal-infrastruttura meħtieġa.
Jenħtieġ ukoll li f’reġjuni b’inċidenti ogħla ta’ serq tal-merkanzija, l-Istati Membri jipprijoritizzaw il-kostruzzjoni ta’ SSPAs iċċertifikati bil-platinu u l-aġġornament tagħhom sabiex jiżguraw sigurtà u protezzjoni massimi għas-sewwieqa u l-merkanzija. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku jenħtieġ li jingħataw prijorità f’dawn ir-reġjuni.
4.1.2. Promozzjoni tal-kollaborazzjoni u tal-għarfien tal-partijiet ikkonċernati
L-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu l-iżvilupp tal-SSPAs bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali tat-trasport tagħhom() . Il-Koordinaturi Ewropej maħtura skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2024/1679 jappoġġaw l-implimentazzjoni koordinata tal-Kurituri tat-Trasport Ewropew. Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2024/1679, kull Koordinatur Ewropew għandu jfassal, mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2026 u kull 4 snin wara dan, pjan ta’ ħidma li jipprovdi analiżi dettaljata tal-istat tal-implimentazzjoni tal-kuritur u l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1679, inkluż fir-rigward tal-varar ta’ żoni ta’ mistrieħ u SSPAs, kif ukoll il-prijoritajiet għall-iżvilupp futur tiegħu.
Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-operaturi għal distanzi twal jenħtieġ li jħeġġu lis-sewwieqa tagħhom biex jistrieħu fl-SSPAs. Jenħtieġ li l-SSPAs jiġu integrati bħala suġġett fil-Grupp Ewropew għall-Mobilità Urbana (EGUM, European Group for Urban Mobility) u l-Forum dwar it-Trasport u l-Loġistika Diġitali (DTLF, Digital Transport and Logistics Forum)(). Is-suġġett tal-SSPAs jista’ jiġi inkluż ukoll fit-taħriġ inizjali u perjodiku tas-sewwieqa bħala element ġdid iddisinjat speċifikament għall-benesseri tas-sewwieqa, flimkien mad-diġitalizzazzjoni u l-aġġornamenti teknoloġiċi.
4.1.3. Titjib tal-konnettività tal-SSPAs
L-operaturi tal-SSPA jistgħu jistabbilixxu pjattaforma diġitali komuni madwar l-UE kollha (osservatorju), disponibbli wkoll bħala applikazzjoni għas-smartphone, li tippermetti lis-sewwieqa u lill-kumpaniji tat-trasport jaċċessaw data f’ħin reali dwar id-disponibbiltà tal-parkeġġ, jagħmlu riżervazzjonijiet u jikkomunikaw mal-faċilitajiet tal-parkeġġ. Il-Kummissjoni nediet ukoll proġett biex tiżviluppa applikazzjoni li tiġbor il-feedback u l-klassifikazzjonijiet tas-sewwieqa dwar punti ewlenin ta’ interess tul ir-rotot tat-trakkijiet, inklużi punti ta’ servizz u żoni ta’ mistrieħ() .
4.1.4. Titjib tas-sikurezza, is-sigurtà, il-benesseri u l-inklużività
L-attraenza taż-żoni ta’ parkeġġ għas-sewwieqa tiżdied meta:
·ikunu sikuri, fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni kemm tat-trakkijiet kif ukoll tal-persuni bil-mixi;
·ikunu nodfa, filwaqt li jirrispettaw standards stretti ta’ iġjene fil-faċilità kollha;
·jippromwovu programmi ta’ benesseri li jiffokaw fuq l-appoġġ tas-saħħa mentali tas-sewwieqa għal distanzi twal u li jipprovdu faċilitajiet rikreattivi u spazji soċjali;
·joffru miżuri inklużivi għall-ġeneru, bħal parkeġġi riservati ħdejn l-uffiċċji tas-sigurtà għal sewwieqa nisa biex jipprevjenu milli n-nisa jkollhom jimxu waħedhom fiż-żona ta’ parkeġġ, partikolarment billejl;
·jipprovdu servizzi mfassla skont bżonnijiet kulturali u reliġjużi differenti, bħal għażliet ta’ ikel diversi u sistemi ta’ informazzjoni multilingwi.
Is-sewwieqa tat-trakkijiet japprezzaw ħafna wkoll il-preżenza tas-sigurtà fuq il-post.
Is-sewwieqa tat-trakkijiet jibbenefikaw ukoll minn akkomodazzjoni affordabbli u aċċessibbli, bħal motels ħdejn l-SSPAs, jekk dawn jiġu żviluppati f’reġjuni ta’ trasport tal-merkanzija b’densità għolja; dan jiżgura għażliet konsistenti u affidabbli ta’ soġġorn matul il-lejl għas-sewwieqa.
4.1.5.
Finanzjament
Il-finanzjament tal-SSPAs, inkluż permezz ta’ fondi tal-UE, wera li huwa strument importanti u effettiv ħafna. Biex tkompli b’din l-għodda importanti ta’ appoġġ, fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 3, b’baġit tat-trasport ta’ 51,5 biljun euro fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (“QFP”) għall-2028 sal-2034() .
4.2.Inizjattivi relatati ma’ atti legali
4.2.1.
Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012
Meta tivvaluta jekk ir-Regolament (UE) 2022/1012 għandux jiġi rivedut fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi eżistenti() , il-Kummissjoni tista’, abbażi tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, tikkunsidra wkoll jekk għandhiex:
·tintroduċi ċertifikazzjonijiet ta’ kategorija ta’ livell intermedju biex jiġu ffaċilitati, u b’riżultat ta’ hekk, inċentivati l-aġġornamenti rapidi għall-SSPAs eżistenti. Pereżempju, żona ta’ parkeġġ tal-fidda li tinvesti f’servizzi ta’ livell għoli tista’ tirċievi ċertifikazzjoni tal-fidda+;
·tinkludi l-obbligu ta’ persunal tas-sigurtà fuq il-post f’SSPAs ta’ livell platinu sabiex jespandu l-istandards tas-sigurtà fiżika;
·tiżviluppa sistema ta’ sinjalazzjoni għall-SSPAs li tinforma dwar parkeġġi riżervati għal sewwieqa nisa;
·iżżid kunsiderazzjonijiet tad-dieta u l-ġbir ta’ data diżaggregata skont il-ġeneru dwar is-sewwieqa fil-kmamar tal-banju.
4.2.2. Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006
Jekk u meta ssir reviżjoni usa’ tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, il-Kummissjoni tista’ tipproponi, fir-rigward tal-SSPAs, l-emendi li ġejjin għar-Regolament (KE) Nru 561/2006:
·l-inklużjoni ta’ kriterji addizzjonali relatati mal-benesseri tas-sewwieqa fl-istandards dwar il-livell ta’ servizz tal-SSPAs. Dan jista’ jikkonsisti, pereżempju, f’miżuri biex jakkomodaw sewwieqa minn sfondi kulturali jew lingwistiċi diversi.
·tippermetti lis-sewwieqa jieħdu l-mistrieħ regolari tagħhom fil-kabini tal-vetturi jekk ikunu mgħammra bil-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-kumdità u pparkjati f’SSPAs ta’ kwalità għolja. Dan joffri lis-sewwieqa l-opportunità li jissoċjalizzaw u jistrieħu f’postijiet b’livelli għoljin ta’ sikurezza u servizzi.
Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp ta’ faċilitajiet xierqa ta’ mistrieħ u ta’ parkeġġ għal sewwieqa professjonali, speċjalment SSPAs iċċertifikati skont standards stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012. Il-Kummissjoni se tiddetermina wkoll l-aktar mod xieraq biex tappoġġa r-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li tqis il-prijoritajiet tal-politika, il-fattibbiltà u l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-miżuri li se jtejbu l-kwalità tal-faċilitajiet tal-parkeġġ u ż-żieda fin-numru ta’ SSPAs.
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżgurar tal-iżvilupp xieraq tan-network tal-SSPAs. Anke jekk it-tkomplija tal-finanzjament tas-CEF hija importanti, din hija limitata fin-natura tagħha. Għalhekk, l-appoġġ nazzjonali privat u pubbliku huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-lakuni u ż-żoni bojod fin-network TEN-T jiġu indirizzati b’mod effettiv, sabiex tinżamm disponibbiltà adegwata tal-SSPAs.