Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mill-Belġju b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 /* COM/2013/0381 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda
azzjoni effettiva mill-Belġju b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Skont l-Artikolu 126
tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits
eċċessivi tal-gvern. (2) Il-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala
mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà
tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal
għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi
r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97
tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi
ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit
eċċessiv[1],
li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits
eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika. (3) Il-Kunsill, huwa u
jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
fit-2 ta’ Diċembru 2009 iddeċieda, skont
l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li fil-Belġju kien hemm defiċit
eċċessiv[2].
Fl-istess jum, kif ukoll abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 126(7) fejn talab
lill-awtoritajiet Belġjani jieħdu azzjoni f'qafas ta’ terminu medju
sabiex iġibu d-defiċit taħt it-3 % tal-PDG sa mhux aktar tard
mill-2012. (4) B'mod iktar speċifiku,
sabiex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitniżżel
għal taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli,
l-awtoritajiet Belġjani kienu rakkomandati li a) jimplimentaw miżuri
ta' tnaqqis tad-defiċit fl-2010 kif ippjanat fl-abbozz tal-baġit
għall-2010 u jsaħħu l-isforz fiskali ppjanat fl-2011 u l-2012;
(b) jiżguraw sforz fiskali annwali medju ta' ¾ % tal-PDG matul
il-perjodu 2010-2012, li għandu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon
tad-dejn gross jinġieb lura lejn tnaqqis b'mod li jqarreb il-valur
referenzjarju b'pass sodisfaċenti billi jinkiseb livell xieraq ta'
bilanċ favorevoli primarju; (c) jispeċifikaw il-miżuri li huma
neċessarji għall-ksib ta' korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv sal-2012, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi
jippermettu u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk
il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk
mistennija meta ħarġu r-rakkomandazzjonijiet tal-PDE; u (d)
isaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jiżguraw
li l-miri fiskali jkunu rrispettati. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu,
il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza
tat-2 ta' Ġunju 2010 għal azzjoni effettiva biex
tittieħed b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4)
tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. (5) Skont it-Tbassir
tal-Ħarifa 2009 mis-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi
tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE
tat-2 ta' Diċembru 2009, l-ekonomija Belġjana kienet
mistennija tikber b'0,6 % fl-2010 u b'1,5 % fl-2011. Is-sena 2012
kienet lil hinn mit-tbassir, iżda taħt l-ipotesi tal-għeluq
gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, għall-2012
kien mistenni tkabbir ogħla minn dak tal-2011. It-tkabbir fil-PDG fl-2010
kien sostanzjalment ogħla milli mistenni fit-Tbassir tal-Ħarifa
tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, fl-2011 kien kemm kemm ogħla
t-tbassir ta' 1,5 %, filwaqt li fl-2012 l-ekonomija Belġjana
għaddiet minn tnaqqis ta' 0,2 %. (6) Fil-15 ta' Ġunju 2010,
il-Kummissjoni kkonkludiet li abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2010
tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Belġju ħa azzjoni effettiva dwar
il-konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tat-2 ta' Diċembru 2009 biex id-defiċit tal-gvern
jinġieb taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG u qies li
għalhekk ma kien hemm bżonn tal-ebda pass addizzjonali
fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv dak iż-żmien. (7) Abbażi tat-Tbassir
tal-Ħarifa 2011 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, kien hemm evidenza
ċara ta' riskji ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjoni tal-PDE
tal-2009, minħabba d-distakk, li għadu sinifikanti, mal-limitu
massimu tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG qrib l-iskadenza fin-nuqqas ta'
baġit tal-2012 u l-fatt li l-isforz fiskali milħuq sa dakinhar kien
inqas minn dak rakkomandat. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib
tagħha u saħqet mal-Belġju biex jieħu l-miżuri
neċessarji fil-ħin biex jevita li tkompli l-PDE tiegħu.
F’Diċembru 2011, il-Gvern Belġjan li kien għadu kif
ġie kostitwit qabel fuq abbozz ta’ baġit. Fil-11 ta' Jannar 2012
il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tax-xenarju makroekonomiku
prevalenti dak iż-żmien (tbassir ta’ tkabbir ta’ 0,9 % skont
it-Tbassir tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni), il-miżuri
ta’ konsolidazzjoni fil-baġit u l-iffriżar addizzjonali,
id-defiċit kellu jilħaq 2,9 % tal-PDG fl-2012. Għalhekk il-Kummissjoni
kkunsidrat li l-ebda passi oħra fil-proċedura ta' defiċit
eċċessiv tal-Belġju ma kienu meħtieġa sa dak
il-mument. (8) Valutazzjoni ġdida
tal-azzjoni meħuda mill-Belġju biex jikkoreġi d-defiċit
eċċessiv sal-2012 b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill
skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, twassal għal dawn
il-konklużjonijiet li ġejjin: –
Wara n-notifika ta’ PDE tad-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika tal-2012 u l-validazzjoni tagħha
mill-Kummissjoni (Eurostat), id-defiċit tal-2012 spiċċa kien ta'
3,9 % tal-PDG. Dan kien parzjalment minħabba l-ħtieġa
urġenti biex jiġi rikapitalizzat il-grupp bankarju Dexia fi tmiem
l-2012, li ħalla impatt negattiv ta’ 0,8 % tal-PDG fuq
id-defiċit tal-gvern. Madankollu, anke mingħajr din l-operazzjoni
l-iskadenza kienet tinqabeż, b'defiċit ta’ 3,2 % tal-PDG li
jeskludi l-impatt negattiv ta’ darba ta’ dik l-operazzjoni. Barra minn hekk,
il-baġit tal-2012 kellu miżuri sostanzjali ta’ darba li jnaqqsu
d-defiċit, stmati għal madwar 0,4 % tal-PDG. –
Il-bilanċ primarju tjieb minn defiċit ta’
1,9 % tal-PDG fl-2009 għal 0,4 % tal-PDG fl-2010, filwaqt li
baqa’ ġeneralment stabbli fl-2011. Fl-2012, id-defiċit primarju
ddeterjora għal 0,5 % minħabba l-impatt tar-rikapitalizzazzjoni
tad-Dexia, li mingħajru l-bilanċ primarju kien juri bilanċ
pożittiv ta’ 0,3 % tal-PDG. –
L-isforz fiskali annwali medju mill-2010 'l hawn
huwa stmat li hu 0,3 % tal-PDG, sew taħt it-¾ % tal-PDG
irrakkomandat mill-Kunsill. Hekk ukoll wara korrezzjoni għall-effetti
riveduti tat-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali u żviluppi fid-dħul,
l-isforz fiskali medju aġġustat huwa inqas minn nofs l-isforz
rakkomandat. Kalkolu minn isfel għal fuq jistima l-impatt nett kumulattiv
ta’ miżuri diskrezzjonarji ta’ natura permanenti għal madwar 2 %
tal-PDG tul l-2010-2012. Dan il-kalkolu jinkludi kemm miżuri
għat-tnaqqis tad-defiċit kif ukoll żidiet fl-infiq sa ċertu
punt minħabba deċiżjonijiet ta’ politika tal-passat (pereż.
adattamenti tal-benefiċċji soċjali għall-benessri, sussidji
ta’ pagi li jogħlew malajr lill-kumpaniji) li parzjalment ipaċu l-isforzi
ta’ konsolidazzjoni. Barra minn hekk, l-impatt ta’ dawn it-2 % tal-PDG ta’
miżuri diskrezzjonarji ma kienx biżżejjed biex ipaċi
x-xejra dejjem tiżdied b'mod awtonomu fin-nefqa pubblika minħabba
t-tixjiħ tal-popolazzjoni u fl-istess ħin jinkiseb it-titjib
rakkomandat tal-bilanċ strutturali fuq il-perjodu ta' konsolidazzjoni. –
Fl-2010, il-Belġju, fil-biċċa
l-kbira, implimenta l-miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit kif
ippjanat, li wassal għal titjib strutturali ta’ ½ % tal-PDG, li minni
¼ pp. kien grazzi għal tnaqqis qawwi fin-nefqa fuq l-imgħax.
Id-defiċit nominali niżel minn 5,6 % tal-PDG fl-2009 (li inkluda
0,6 pp. ta' fatturi negattivi ta’ darba) sa 3,8 % tal-PDG,
sostanzjalment inqas mill-mira ta’ 4,8 % tal-PDG ippjanat
mill-awtoritajiet Belġjani fil-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Jannar 2010,
bis-saħħa tar-riżultat makroekonimiku aħjar milli kien
mistenni. Fl-2010, il-PDG kiber bi 2,4 %, meta mqabbel ma’ rata ta’
tkabbir ta’ 0,6 % mistenni fi żmien ir-rakkomandazzjoni tal-PDE. –
Minkejja kundizzjonijiet makroekonomiċi
relattivament favorevoli fl-ewwel nofs tal-2011 (tkabbir annwali tal-PDG ta’
1,8 %), il-bilanċ nominali naqas biss marġinalment dik is-sena,
għal 3,7 % tal-PDG, meta mqabbel ma’ mira ta’ 3,6 % tal-PDG
fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2011. Il-bilanċ strutturali mar lura
b'0,1 % fl-2011. Għalhekk, il-Belġju naqas milli jieħu
vantaġġ minn żminijiet ekonomiċi relattivament favorevoli
biex inaqqas id-defiċit tiegħu, parzjalment minħabba l-imblokk politiku
fil-livell federali bejn l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2010 u
Diċembru 2011. –
F’Diċembru 2011, il-Gvern Belġjan li
kien għadu kif ġie kostitwit inkluda fil-baġit tal-2012 sensiela
ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw, skont il-baġit u
l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2012, għal madwar 3 % tal-PDG.
Ittieħdu miżuri addizzjonali f’Marzu 2012 u f'Ottubru 2012
sabiex jittaffa l-impatt negattiv tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq
il-baġit. Fl-aħħar tal-2012, il-Gvern Belġjan u dak
Franċiż kellhom bżonn iżidu l-kapital tal-grupp bankarju
Dexia, sabiex jirremedjaw il-pożizzjoni tal-assi netti negattivi u biex
ir-riżoluzzjoni ordinata tal-grupp tkun tista' tibqa' għaddejja.
Għall-Belġju, dan kellu impatt negattiv ta' darba fuq id-defiċit
ta’ 0,8 % tal-PDG. Barra minn hekk, minkejja mekkaniżmu ta’
monitoraġġ imsaħħaħ, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku
ħalla impatt fuq id-dħul tal-gvern aktar milli kien mistenni, u
rriżulta f'defiċit fil-livell federali ta’ 2,7 % tal-PDG
eskluż l-impatt tal-operazzjoni tad-Dexia meta mqabbel ma’ mira ta’ 2,4 %.
Barra minn hekk, fin-notifika għal PDE f'April 2013, irriżulta
li l-livell tal-gvern lokali ma żammx mal-mira tad-defiċit
(-0,3 % tal-PDG minflok -0,2 %), li kien biss parzjalment ikkumpensat
minn riżultat aħjar milli mistenni mir-reġjuni u komunitajiet
(-0,1 % tal-PDG minflok -0,2 %). Il-bilanċ tal-baġit
strutturali huwa stmat li tjieb b’½ pp tal-PDG fl-2012. Miżuri
mdaqqsa tal-gvern ġew parzjalment ikkumpensati bi nfiq ogħla fuq
l-imgħax, impatt negattiv tal-indiċjar awtomatiku tal-pagi u tal-benefiċċji
soċjali marbuta mal-inflazzjoni fl-imgħoddi, u żieda qawwija
fl-infiq għall-pensjonijiet. –
Id-dejn pubbliku tela’ minn 84,0 % tal-PDG
fl-2007 għal 99,6 % tal-PDG fl-2012. Id-dinamika tad-defiċit u
tal-PDG jammontaw għal madwar 6,5 pp. miż-żieda, filwaqt li
fatturi eżoġeni jammontaw għal madwar 9 pp., l-iktar
minħabba l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-settur finanzjarju
fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital. (9) Il-Belġju ħadet xi
miżuri biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ
biex jiżguraw li l-miri fiskali jkunu rispettati, bħat-twaqqif ta’
kumitat ta’ monitoraġġ fl-2010 u monitoraġġ
imsaħħaħ tal-eżekuzzjoni tal-baġit fl-2012.
Madankollu, ma sar l-ebda progress sinifikanti biex jiġi
aġġustat il-qafas fiskali sabiex jiġi żgurat li l-miri
baġitarji jkunu vinkolanti fuq livelli federali u sottofederali, u
tiżdied it-trasparenza tal-qsim tal-piżijiet u r-responsabbiltà
fil-livelli kollha tal-gvern. (10) Dan iwassal
għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Belġju
għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat
tat-2 ta' Diċembru 2009 kienet insuffiċenti,
Il-Belġju ma temmx id-defiċit eċċessiv tiegħu
sal-2012. L-isforz fiskali huwa sostanzjalment inqas minn dak li kien ġie
rrakkomandat mill-Kunsill, u kien saħansitra kompletament nieqes fl-2011, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Belġju ma ħax azzjoni
effikaċi b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont
l-Artikolu 126(7) tat-Trattat tat-2 ta’ Diċembru 2009
. Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Belġju. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. [2] ĠU L 125, 21,5.2010, p. 34. Id-dokumenti
kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv
tal-Belġju jinsabu f':
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/belgium_en.htm