SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw fiċ-Ċina – Regolament provviżorju (UE) Nru 1071/2012 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 430/2013 – Validità – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 5 – Ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni – Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali”
Fil-Kawża C‑719/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura kriminali kontra
Profitt Europe NV,
Gosselin Forwarding Services NV,
fil-preżenza ta’:
Openbaar Ministerie,
Federale Overheidsdienst Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President ta’ Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Profit Europe NV, minn P. Diaz Gavier, advocaat, |
|
– |
għal Gosselin Forwarding Services NV, minn A. Poelmans, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.-J. Loewenthal, G. Luengo u J. Zieliński, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1071/2012 tal‑14 ta’ Novembru 2012 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajl[andja] (ĠU 2012, L 318, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU 2013, L 129, p. 1) iktar ’il quddiem ir-“Regolament definittiv”) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“Regolamenti antidumping”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Profit Europe NV u Gosselin Forwarding Services NV (li kienet Crosstainer NV) (iktar ’il quddiem “Gosselin”), li huma akkużati li wettqu diversi ksur doganali waqt l-importazzjoni ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw miċ-Ċina. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni dwar il‑klassifikazzjoni tariffarja
Il‑Kodiċi Doganali tal‑Komunità
|
3 |
L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”) kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 6 tiegħu: “1. Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej. 2. Il-miżuri l-oħra stipulati mid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċ ta’ merkanzija għandhom, fejn hu xieraq, jiġu applikati skond il-klassifikazzjoni tat-tariffa ta’ dik il-merkanzija. 3. It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:
[…] 6. Il-klassifika tat-tariffa tal-merkanzija għandha tkun il-fattur determinanti, skond ir-regoli fis-seħħ, ta’:
li taħtha għandha tkun klassifikata l-merkanzija msemmija qabel.” |
– In-NM
|
4 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi n-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tissodisfa kemm ir-rekwiżiti tat-Tariffa Doganali Komuni, l-istatistika tal-kummerċ estern tal-Unjoni Ewropea kif ukoll politiki oħra tal-Unjoni relatati mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni tal-merkanzija. |
|
5 |
In-NM, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija, imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). Konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM għandha tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra biss jiffurmaw is-subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
6 |
In-NM, kemm fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas‑27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1), kif ukoll f’dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1), kienet tinkludi intestatura 7307, li kienet hekk strutturata:
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta noti ta’ spjega għan-NM. |
|
8 |
In-Noti ta’ Spjega tan-NM, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑6 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, C 137, p. 1), dwar is-subintestaturi 73071110 u 73 07 11 90 kienu jipprovdu: “L-espressjoni ‘mhux malleabbli’ tinkludi ħadid fondut tal-grafit lamellari Dawn is-subintestatura jkopru fitjaturi tal-ħadid fondut, bħal liwjiet minkeb, liwjiet, sleeves, ties, collars u tees. Huma magħqudin ma’ tubi jew pajpijiet ta’ ħadid fondut jew azzar permezz ta’ kamin, kuntatt jew permezz ta’ mmuntar mekkaniku.” |
|
9 |
Skont in-Noti ta’ Spjega relatati mas-subintestatura 73071910: “Ħadid fondut malleabbli huwa prodott intermedju bejn ħadid tal-grafit lamellari (ħadid griż) u azzar fondut. Dan jista’ jkun fondut faċilment u jsir iebes u malleabbli wara trattament xieraq bis-sħana. Matul it-trattament bis-sħana, il-karbonju jisparixxi parzjalment jew jibdel il-kompożizzjoni tiegħu; huwa fl-aħħar jiddepożita fil-forom ta’ noduli li ma joħolqux koeżjoni metallika sa tali punt li l-grafit jitqaxxar fil-ħadid fondut griż. Fejn il-kontenut ta’ karbonju ikun 2 % jew inqas mill-piż, il-prodotti jitqiesu li huma ta’ azzar fondut u jaqgħu f’subtitlu 73071990 (ara Nota 1 għal dan il-kapitlu). L-espressjoni malleabbli tinkludi grafit ta’ ħadid fondut sferojdali. […]” |
|
10 |
Permezz tan-Noti ta’ Spjega tan-NM ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑4 ta’ Jannar 2019 (ĠU 2019, C 2, p. 2), minn naħa, it-tielet paragrafu tan-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 73071910 tħassar. Min-naħa l-oħra, in-Nota ta’ Spjega l-ġdida dwar is-subintestatura 73071990 ġiet miżjuda, filwaqt li tippreċiża li din tinkludi l-fittings magħmula mill-ħadid fondut bil-grafit sferojdali. |
– It‑TARIC
|
11 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87 jipprovdi li: “Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ‘l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjponi. It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-[NM] u jkun fiha:
[…]” |
|
12 |
Fost il-miżuri tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, fil-punt 5 tal-Anness II tiegħu jinsabu, fost oħrajn, id-dazji antidumping. |
|
13 |
Il-kodiċi TARIC 7307191010 kien japplika għall-fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, magħmula minn ħadid fondut malleabbli. |
Il‑leġiżlazzjoni antidumping
– Ir‑Regolament bażiku
|
14 |
L-Artikolu 1(1), (2) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), kien jipprovdi li: “1. Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara. 2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur. […] 4. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘prodott simili’ għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-bidu tal-proċeduri”: “1. Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. […] 2. Ilment taħt paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz, ħsara u rabta każwali bejn l-importazzjonijiet allegatament li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara allegata. L-ilment għandu jkun fih informazzjoni bħal din kif disponibbli b’mod raġjonevoli lil min qiegħed jagħmel l-ilment wara:
3. Il-Kummissjoni għandha, sakemm ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni ta’ l-evidenza mogħtija fl-ilment biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni. […] 9. Fejn, wara konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata minn meta jkun sar l-ilment u għandha tippubblika notifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. […] 10. In-notifikazzjoni tal-bidu tal-proċeduri għandha tħabbar il-bidu ta’ investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor ta’ l-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni; għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu informazzjoni jekk opinjonijiet u informazzjoni bħal dawn għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni; għandha wkoll tistqarr il-perjodu li matulu partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skond l-Artikolu 6(5). […]” |
|
16 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-investigazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu: “1. Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id-dumping kif ukollil-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. […] […] 5. Il-partijiet interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa taħt l-Artikolu 5(10) għandhom jiġu mismugħa jekk huma, fi żmien il-perjodu stabbilit fin-notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal udjenza li turi li huma parti interessata li x’aktarx tiġi affettwata mir-riżultat tal-proċediment u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jiġu mismugħa.” |
|
17 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Miżuri proviżorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dazji proviżorji jistgħu jiġu imposti jekk ikunu inbdew proċeduri skond l-Artikolu 5, jekk notifikazzjoni ġiet mogħtija b’dak l-effett u l-partijiet interessati ġew mogħtija biżżejjed opportunitajiet biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skond l-Artikolu 5(10), jekk jiġi determinat proviżorjament b’mod affermattiv dumping u tkun saret ħsara konsegwenti lill-industrija Komunitarja, u jekk l-interess Komunitarju jirrikjedi intervenzjoni biex tiġi pprevenuta ħsara bħal din. Id-dazji proviżorji għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċeduri imma mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-bidu tal-proċeduri.” |
|
18 |
L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Meta jkunu fis-seħħ dazji provviżorji, proposta dwar azzjoni definittiva għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.” |
– Ir‑Regolament provviżorju
|
19 |
Il-premessi 1, 2, 16, 19 u 28 tar-Regolament provviżorju huma redatti kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
|
20 |
L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi: “Għaldaqstant, qiegħed jiġi impost dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 73071910 (kodiċi TARIC 7307191010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja.” |
– Ir‑Regolament definittiv
|
21 |
Il-premessi 12 u 13 tar-Regolament definittiv kienu fformulati kif ġej:
|
|
22 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament definittiv kien jipprovdi: “Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li jeskludi korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-ħajta metrika ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li attwalment jaqa’ fil-kodiċi NM ex 73071910 (kodiċi TARIC 7307191010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina […] u t-Tajlandja.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
23 |
Profitt Europe u Gosselin huma żewġ kumpanniji Belġjani. L-ewwel waħda timporta fittings ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut, filwaqt li t-tieni waħda tipprovdi servizzi ta’ dikjarazzjoni doganali. It-tnejn li huma huma mfittxija b’mod partikolari talli evadew, waqt l-importazzjoni ta’ fittings ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali li joriġinaw miċ-Ċina matul il-perijodu bejn id‑19 ta’ Novembru 2012 u t‑30 ta’ Ġunju 2015, il-ħlas ta’ dazji antidumping fl-ammont ta’ EUR 651 954.11 billi ddikjaraw dawn il-fittings taħt intestatura tariffarja u denominazzjoni żbaljata, jiġifieri s-subintestatura 73071110 tan-NM, li tikkorrispondi għall-fittings tal-ħadid fondut mhux malleabbli. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, is-Centrale Administratie der Douane en Accijnzen (l-Amministrazzjoni Ċentrali tad-Dwana u tas-Sisa, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Marzu 2015 u tad‑9 ta’ April 2015, ikkunsidrat li dawn il-prodotti kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 73071910 tan-NM u taħt il-kodiċi TARIC 7307191090 (“fittings ta’ tubi jew pajpijiet minn forma, ta’ ħadid fondut malleabbli, mingħajr kamin”). Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jirreferu għan-Nota ta’ Spjega tan-NM dwar l-intestatura 73071910, li tindika li t-terminu “ħadid fondut malleabbli” ikopri wkoll il-ħadid fondut bil-grafit sferojdali, kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-140 laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, li nżammet mit‑30 ta’ Settembru sat‑3 ta’ Ottubru 2014, li jikkonfermaw, essenzjalment, li dan it-terminu għandu jinftiehem b’mod wiesa’. |
|
25 |
Peress li dawn ir-rikorsi amministrattivi baqgħu mingħajr suċċess, Profit Europe ppreżentat, fl‑10 ta’ Mejju 2016, quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) rikors kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. |
|
26 |
Barra minn hekk, fl‑24 ta’ Frar 2017, inbdew proċeduri kriminali kontra Profit Europe u Gosselin quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju), b’mod partikolari talli ddikjarat merkanzija taħt kodiċi tariffarju u denominazzjoni żbaljata. |
|
27 |
Filwaqt li din il-proċedura kienet pendenti n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża), fis‑16 ta’ Ġunju 2017, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’żewġ kawżi li taw lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe (C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564). |
|
28 |
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura residwa 73071990 tan-NM (“fittings oħra ta’ tubi u pajpijiet, ta’ ħadid fondut, ħadid jew azzar minn forma”). |
|
29 |
Wara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe (C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564), l-Istat Belġjan irrinunzja milli jsostni l-pożizzjoni li kien iddefenda sa dak iż-żmien quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) u Profit Europe ngħatat kumpens proċedurali. |
|
30 |
Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju), minn naħa, ħelset lil Profit Europe u lil Gosselin mill-fatti relatati mad-dikjarazzjoni taħt intestatura tariffarja u denominazzjoni żbaljati u, min-naħa l-oħra, iddikjarat l-azzjoni fiskali tal-Amministrazzjoni Doganali ammissibbli iżda infondata. |
|
31 |
Fis‑16 ta’ April 2019, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Belġju) u l-Federale Overheidsdienst Financiën (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi, il-Belġju) appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju). |
|
32 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2020, din il-qorti, skont l-Artikolu 267 TFUE, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regolamenti antidumping. |
|
33 |
Fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services (C‑362/20, EU:C:2021:612), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ir-regolamenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dazji antidumping provviżorji u definittivi stabbiliti mill-imsemmija regolamenti japplikaw għall-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw miċ-Ċina. |
|
34 |
Quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, Profit Europe u Gosselin isostnu li dawn l-istess regolamenti, sa fejn jimponu dazji antidumping fuq fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, filwaqt li jirreferu esklużivament għal dawk tal-ħadid fondut “malleabbli”, huma invalidi minħabba li jiksru l-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament bażiku. |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-riferiment fir-Regolament provviżorju, taħt it-titolu “Prodott simili”, għall-prodotti ta’ “ħadid fondut duttili”, espressjoni li sservi wkoll sabiex jikklassifikat il-ħadid fondut bil-grafit sferojdali, la ġej mill-ilment ippreżentat fit‑3 ta’ Jannar 2012 mill-Kumitat tal-protezzjoni tal-industrija tal-fittings fonduti ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut malleabbli tal-Unjoni, u lanqas min-notifika ta’ bidu, iżda minn kumment espress minn Stat Membru wara l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
36 |
Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li l-aċċessorji tal-ħadid fondut duttili, li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe (C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564), huma differenti mill-ħadid fondut malleabbli minħabba l-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni tiegħu, ma kinux is-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda data f’ċifri li tippermettilha tiddetermina jekk l-importazzjonijiet ta’ fittings ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili kinux is-suġġett ta’ dumping fl-Unjoni, jekk dan id-dumping kienx jikkawża dannu u jekk kienx fl-interess tal-Unjoni li dawn l-importazzjonijiet jiġu suġġetti għal miżuri antidumping. B’mod partikolari, mir-Regolament provviżorju ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddetermina l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, kif ukoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. |
|
37 |
L-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fl-assenza ta’ din id-data, il-Kummissjoni setgħetx sempliċement testendi għall-fittings ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping imwettqa esklużivament abbażi tal-fittings ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut malleabbli. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss: “Ir-Regolamenti [provviżorju] u [definittiv] jiksru l-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament […] meta jagħmlu importazzjonijiet ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw […] [miċ-]Ċina suġġetti għad-dazji antidumping fuq l-importazzjoni, meta la l-ilment qabel il-bidu ta’ proċedura antidumping u lanqas l-avviż tal-bidu tal-miżura antidumping ma identifikaw din il-merkanzija mal-prodott ikkonċernat, li l-ebda prova ta’ dumping, dannu u rabta kawżali ma ġiet prodotta u li l-Kummissjoni Ewropea bl-ebda mod ma eżaminat il-valur normali tagħhom, il-prezz tal-esportazzjoni tagħhom, il-marġni ta’ dumping eventwali tagħhom, id-dannu eventwali tagħhom, il-firxa tad-dannu, l-impatt ta’ fatturi oħra magħrufa fuq id-dannu, ir-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu u l-ħtieġa li din il-merkanzija (fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin) jiġu suġġetti għal dazji antidumping fl-interess tal-Unjoni?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
39 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament provviżorju u r-Regolament definittiv humiex invalidi fid-dawl tal-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament bażiku sa fejn jissuġġettaw l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali li joriġinaw miċ-Ċina għal dazji antidumping filwaqt li l-ilment, in-notifika ta’ bidu u l-investigazzjoni sussegwenti kienu jirrigwardaw biss il-fittings ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin tal-ħadid fondut malleabbli. |
|
40 |
Abbażi tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping jista’ jiġi suġġett għal dazju antidumping meta r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tiegħu fl-Unjoni jikkawża dannu. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping meta l-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni jkun inqas minn prezz paragunabbli, applikat matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, għal prodott simili fil-pajjiż esportatur. |
|
41 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament bażiku jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom tinfetaħ l-investigazzjoni intiża sabiex jiġu ddeterminati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ dumping eventwali. Meta tinfetaħ l-investigazzjoni wara lment, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li din għandha tinkludi, b’mod partikolari, deskrizzjoni kompleta tal-prodott li allegatament huwa s-suġġett ta’ dumping kif ukoll provi dwar l-eżistenza ta’ dumping fuq dan il-prodott u ta’ dannu li jirriżulta minnu lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 5(10) tal-istess regolament, in-notifika ta’ bidu tal-proċedura, li tħabbar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni, tindika, b’mod partikolari, il-prodott ikkonċernat u tipprovdi sunt tal-informazzjoni rċevuta. |
|
42 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku jiddefinixxi r-regoli u l-proċeduri applikabbli matul l-investigazzjoni. |
|
43 |
Skont l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament, meta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti jirriżulta li hemm dumping u dannu li jirriżulta minnu u li l-interess tal-Unjoni jkun jeħtieġ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv. |
|
44 |
B’hekk mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jirriżulta li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri antidumping biss prodotti li kienu suġġetti għal investigazzjoni antidumping u li għalihom ġie kkonstatat li huma esportati lejn l-Unjoni bi prezz inferjuri għall-prezz ta’ prodotti simili fil-pajjiż esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services, C‑362/20, EU:C:2021:612, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, kinux jaqgħu, kif meħtieġ mir-Regolament bażiku, taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, kif kien jidher fil-punt 2 tan-notifika ta’ bidu. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, wara l-ilment dwar il-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, fis‑16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppubblikat in-notifika ta’ bidu li l-punt 2 tagħha tiddefinixxi l-prodott suġġett għall-investigazzjoni bħala “fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli”. Il-punt 3 ta’ din in-notifika kien jippreċiża li l-prodott li allegatament huwa s-suġġett ta’ dumping kien għalhekk jaqa’ taħt is-subintestatura 73071910 tan-NM, filwaqt li kien jindika li din is-subintestatura kienet imsemmija “b’mod purament indikattiv”. |
|
47 |
Issa, fl-ewwel lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punti 73 u 74 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services (C‑362/20, EU:C:2021:612), mill-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jirriżulta li l-miżuri stabbiliti minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni speċifiċi, applikabbli fil-kuntest tal-kummerċ ta’ merkanzija, minbarra d-dazji legalment dovuti fil-każ ta’ tnissil ta’ dejn doganali, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dazji antidumping, huma biss, “jekk ikun il-każ”, applikati skont il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija. Għaldaqstant, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħalma huwa l-każ fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe (C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564), tirrigwarda biss il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, barra minn hekk imsemmi fir-Regolamenti antidumping, ma tistax, bħala tali, ikollha effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Din l-aħħar sentenza għalhekk ma tistax tippermetti li jitqies li l-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali ma kienx suġġett għall-investigazzjoni antidumping ikkonċernata. |
|
48 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, matul il-perijodu kollu bejn il-preżentata tal-ilment u l-adozzjoni tar-regolament definittiv, in-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 73071910, li taħtha jaqgħu l-aċċessorji minn forma magħmula minn ħadid fondut malleabbli, jindikaw li l-kliem “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens ta’ din is-subintestatura, kien ikopri wkoll il-ħadid fondut bil-grafit sferojdali. |
|
49 |
Minn dawn in-noti ta’ spjega jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tagħhom, għandu jinftiehem b’paragun mal-ħadid fondut mhux malleabbli. |
|
50 |
Issa, għandu jitfakkar li l-malleabbiltà tindika, fix-xjenza tal-materjali, il-kapaċità ta’ materjal li jibdel il-forma taħt sforz ta’ kompressjoni u li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali, jista’, sa ċertu punt, jibdel il-forma taħt tali sforz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe (C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564, punti 40 u 43). Għalhekk, il-ħadid fondut bil-grafit sferojdali jista’ jiġi kklassifikat bħala “malleabbli”. |
|
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, fis-sens tal-ilment u tal-punt 2 tan-notifika ta’ bidu, kien jinkludi l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali, b’tali mod li l-aċċessorji ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, magħmula mill-ħadid fondut bil-grafit sferojdali kienu jikkostitwixxu sempliċement varjant tal-“prodott” ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) u tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “prodott […] kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, ma jirreferix neċessarjament għal prodott ikkunsidrat bħala assjem omoġenju. Min-naħa l-oħra, huwa relevanti, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan il-kunċett f’każ konkret, il-fatt li l-prodott ikkunsidrat jirreferi għal żewġ prodotti li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group,C‑232/14, EU:C:2016:180, punti 38 sa 42 u 48). |
|
53 |
Issa, il-fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, kemm jekk magħmula minn “ħadid fondut malleabbli” jew minn “ħadid fondut bil-grafit sferojdali”, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services, C‑362/20, EU:C:2021:612, punt 63), b’tali mod li, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, dawn huma fundamentalment intiżi għall-istess użu u huma interkambjabbli. |
|
54 |
Għaldaqstant, l-aċċessorji ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, magħmula mill-ħadid fondut bil-grafit sferojdali kienu jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott li kien allegat fl-ilment li kien is-suġġett ta’ dumping kif ukoll tal-prodott suġġett għall-investigazzjoni. Minn dan isegwi li d-data miġbura fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet dwar id-dumping, id-dannu, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni li għalihom wasslet l-investigazzjoni inizjali fir-rigward ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, kienet tikkonċerna wkoll l-aċċessorji ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, magħmula mill-ħadid fondut bil-grafit sferojdali. |
|
55 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 28 tar-Regolament provviżorju, l-aċċessorji bil-kamin ta’ “ħadid fondut duttili” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura u tal-miżuri, peress li l-aċċessorji tal-ħadid fondut duttili għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi essenzjali bħall-fittings bil-kamin magħmula mill-ħadid fondut malleabbli. Issa, minn naħa, ġie ppreċiżat ukoll, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-premessa 28, li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali huwa identiku għall-ħadid fondut duttili. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 13 tar-regolament definittiv jirriżulta li ebda osservazzjoni relatata mal-prodott ikkonċernat ma kienet ġiet ifformulata, b’tali mod li l-konklużjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fl-imsemmija premessa 28 kienu kkonfermati. |
|
56 |
Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-premessa li fuqha hija bbażata d-domanda preliminari, jiġifieri dik li tgħid li l-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali ma kinux is-suġġett tal-proċedura antidumping ikkonċernata hija żbaljata, b’tali mod li d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tar-regolamenti antidumping fid-dawl tal-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament bażiku huma infondati. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolamenti antidumping fir-rigward tal-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament bażiku. |
Fuq l‑ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1071/2012 tal‑14 ta’ Novembru 2012 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajl[andja] (ĠU 2012, L 318, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja, fir-rigward tal-Artikoli 1, 5, 6 u 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.