10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/122


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1002

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ injam tal-fraxxnu li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1203 (2) tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3) fir-rigward ta’ rekwiżiti speċjali li jikkonċernaw l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ injam tal-fraxxnu (Fraxinus L.) li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti.

(2)

Id-Direttiva 2000/29/KE tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4) li jistabbilixxi r-regoli u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ssostitwixxa l-Annessi I sa V ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/2072 flimkien mal-punt 87 tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ injam tal-fraxxnu li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti (“l-injam speċifikat”) huwa soġġett għal ċerti rekwiżiti speċjali biex jiġi evitat ir-riskju ta’ infestazzjoni fl-Unjoni mill-pesti Agrilus planipennis Fairmaire. Dawk ir-rekwiżiti huma sa ċertu punt differenti mir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1203, fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam speċifikat, kif ukoll l-ispezzjoni u s-superviżjoni tiegħu.

(4)

Abbażi tal-awditi reċenti tal-Kummissjoni li twettqu fl-2018 u fl-2019, kien ġie konkluż li bl-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1203 taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, l-Istati Uniti jiżguraw livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li huwa ekwivalenti għal dak ipprovdut bir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 87(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2019/2072.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1203 tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2020. Fis-16 ta’ Jannar 2020, l-Istati Uniti talbu estensjoni ta’ dik id-deroga wara t-30 ta’ Ġunju 2020.

(6)

Sabiex tiġi ggarantita l-kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet tal-injam tal-fraxxnu li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti, jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 8(1) u mill-punti 87(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 sabiex tippermetti l-introduzzjoni tal-injam speċifikat fl-Unjoni soġġett għall-konformità ma’ rekwiżiti speċjali li jirriflettu, bi ftit adattamenti, dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1203.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2020, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet tal-injam speċifikat.

(8)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023, sabiex jippermetti li jsir ir-rieżami tal-applikazzjoni tiegħu sa dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rekwiżiti speċjali għal deroga temporanja

B’deroga mill-Artikolu 8(1) u mill-punti 87(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu (Fraxinus L.) li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti (“l-injam speċifikat”) għandha tkun soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 u fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ċertifikat fitosanitarju

1.   L-injam speċifikat għandu jkollu miegħu ċertifikat fitosanitarju maħruġ fl-Istati Uniti, li jiċċertifika li huwa ħieles mill-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni u mill-pesti mhux elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, soġġett għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 wara l-ispezzjoni.

2.   Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjoni “F’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1002 (*);

(*)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1002 tad-9 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ injam tal-fraxxnu li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 122.).”;

(b)

in-numru/i tal-lott(ijiet) li jikkorrispondi/u għal kull lott speċifiku li jiġi esportat;

(c)

l-isem tal-faċilità/ajiet approvata/i fl-Istati Uniti.

Artikolu 3

Data tal-iskadenza

Dan ir-Regolament għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1203 tal-21 ta’ Awwissu 2018 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam tal-fraxxnu li joriġina jew li ġie pproċessat fl-Istati Uniti tal-Amerka, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/204 (ĠU L 217, 27.8.2018, p. 7).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).


ANNESS

Parti A

1.   Rekwiżiti tal-ipproċessar

L-ipproċessar tal-injam speċifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 1, irid jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

Tqaxxir

L-injam speċifikat jitqaxxar, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe numru ta’ biċċiet tal-qoxra żgħar, li jidhru b’mod separat u li huma distinti b’mod ċar, li jikkonformaw ma’ wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

ikollhom wisa’ ta’ inqas minn 3 cm (irrispettivament mit-tul) jew

(2)

jekk ikunu wesgħin iktar minn 3 cm, l-erja totali tas-superfiċe ta’ kull biċċa tal-qoxra individwali tkun inqas minn 50 cm2.

(b)

Isserrar

L-injam isserrat speċifikat ikun prodott minn injam tond imqaxxar.

(c)

Trattament bis-sħana

L-injam speċifikat jissaħħan fuq il-profil tiegħu f’temperatura ta’ minn tal-inqas 71 °C għal 1 200 minuta f’kompartiment tat-tisħin approvat mis-Servizz ta’ Spezzjoni tas-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti (APHIS), jew minn aġenzija approvata mill-APHIS.

(d)

Tnixxif

L-injam speċifikat jitnixxef skont skedi ta’ tnixxif industrijali li jdumu minn tal-inqas ġimagħtejn u li jkunu rikonoxxuti mill-APHIS.

Il-kontenut ta’ ndewwa finali tal-injam ma għandux jaqbeż l-10 %, espress bħala persentaġġ ta’ materja niexfa.

2.   Rekwiżiti għall-faċilitajiet

L-injam speċifikat irid jiġi prodott, jitqandel jew jinħażen f’faċilità li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

tkun approvata uffiċjalment mill-APHIS, jew minn aġenzija approvata mill-APHIS, skont il-programm ta’ ċertifikazzjoni tagħha fir-rigward tal-pesti Agrilus planipennis Fairmaire;

(b)

tkun irreġistrata f’bażi tad-data li tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-APHIS;

(c)

tkun awditjata mill-APHIS, jew minn aġenzija approvata mill-APHIS, minn tal-inqas darba fix-xahar u jkun ġie konkluż li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness. Fil-każ li dawn l-awditi jitwettqu minn aġenzija approvata mill-APHIS, l-APHIS irid iwettaq awditi ta’ dan ix-xogħol kull sitt xhur. L-awditi kull sitt xhur għandhom jinkludu l-verifika tal-proċeduri u tad-dokumentazzjoni tal-aġenzija u l-awditi f’faċilitajiet approvati;

(d)

tkun tuża tagħmir għat-trattament tal-injam speċifikat li jkun ġie kkalibrat b’mod konsistenti mal-manwal tat-tħaddim tat-tagħmir;

(e)

tkun iżżomm rekords tal-proċeduri tagħha għall-verifika mill-APHIS jew minn aġenzija approvata mill-APHIS, inkluż it-tul ta’ żmien tat-trattament, it-temperaturi waqt it-trattament u, għal kull lott speċifiku li jrid jiġi esportat, il-kontroll tal-konformità u l-kontenut ta’ ndewwa finali.

3.   Tikkettar

Fuq kull lott tal-injam speċifikat iridu jidhru b’mod ċar kemm in-numru uniku tal-lott kif ukoll tikketta bl-ittri “HT-KD” jew bil-kliem “Ittrattat bis-Sħana – Imnixxef fil-Kalkara”. Dik it-tikketta trid tinħareġ minn uffiċjal maħtur mill-faċilità approvata jew taħt is-superviżjoni tiegħu, wara li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-ipproċessar stabbiliti fil-punt 1 u r-rekwiżiti għall-faċilitajiet stabbiliti fil-punt 2 ikunu ġew issodisfati.

4.   Spezzjonijiet ta’ qabel l-esportazzjoni

L-injam speċifikat destinat li jasal fl-Unjoni jrid jiġi spezzjonat mill-APHIS qabel l-esportazzjoni, jew minn aġenzija approvata mill-APHIS, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 u 3 ikunu ġew issodisfati.

Parti B

Injam speċifikat bil-kodiċijiet NM rispettivi

1.

Injam tal-Fraxinus L., għajr fil-forma ta’

—

laqx, partiċelli, serratura, ċana, fdal tal-injam u skrapp, miksub kollu jew parzjalment minn dawn is-siġar,

—

materjal tal-injam għall-imballaġġ, fil-forma ta’ kontenituri tal-imballaġġ, kaxxi, ċestuni, tankijiet u ppakkjar simili, palits, kaxxi tal-palits u twavel oħra għat-tagħbija, għenuq tal-palits, dunnage, kemm jekk fil-fatt jintużawx jew le fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kwalunkwe tip, minbarra dunnage li jsostni konsenji tal-injam, li jkun magħmul minn injam tal-istess tip u kwalità bħall-injam fil-konsenja u li jissodisfa l-istess rekwiżiti fitosanitarji tal-Unjoni bħall-injam fil-konsenja,

iżda li jinkludi l-injam li ma jkunx żamm il-wiċċ tond naturali tiegħu, u għamara u oġġetti oħra magħmula minn injam mhux ittrattat

ex 4401 12 00

ex 4403 12 00

ex 4403 99 00

ex 4404 20 00

ex 4406 12 00

ex 4406 92 00

4407 95 10

4407 95 91

4407 95 99

ex 4407 99 27

ex 4407 99 40

ex 4407 99 90

ex 4416 00 00

ex 9406 10 00