52011DC0284

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Is-Seba' Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Mejju sa Diċembru 2010 /* KUMM/2011/0284 finali */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Is-Seba' Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Mejju sa Diċembru 2010

Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra, GLR) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi min-naħa għall-oħra tal-Linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma għandux kontroll effettiv u ż-żoni li fihom għandu kontroll effettiv. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn ir-regoli, l-applikazzjoni tagħhom ġiet estiża għall-fruntiera bejn dawn iż-żoni u ż-Żona tal-Bażi Sovrana tar-Renju Unit fil-Lvant (ESBA)[2].

Il-perjodu ta' rappurtar tas-soltu fis-snin preċedenti kopra l-perjodu mill-1 ta' Mejju ta' sena partikolari sat-30 ta' April tas-sena ta' wara. Għal raġunijiet prattiċi, ġie deċiż li l-perjodu ta' rappurtar jiġi allinjat mas-sena kalendarja (fost raġunijiet oħra, sabiex tintuża l-istatistika annwali). Dan ir-rapport għalhekk ikopri l-perjodu mill-1 ta' Mejju 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010 minflok mill-1 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' April 2011. Għall-finijiet tat-tqabbil, intużaw iċ-ċifri preċedenti mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2009.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda emendi għar-Regolament u ma ħaditx Deċiżjonijiet ġodda dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni.

Fl-14 ta' Ottubru 2010, punt ta' qsim ġdid bejn Kato Pyrgos u Karovostasi[3] (magħruf ukoll bħala l-punt ta' qsim ta' Limnitis/Yesilirmak) infetaħ mill-mexxejja taż-żewġ komunitajiet bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Füle u rappreżentanti tan-NU. Il-kontribuzzjoni tal-UE għat-titjib tat-triq bejn dawn iż-żewġ irħula kienet tammonta għal EUR 2,5 miljun.

Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet relevanti tar-Repubblika ta' Ċipru u l-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana (SBA), fuq livell ta' ħidma, fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament.

QSIM MILL-PERSUNI

Il-qsim fil-punti ta’ qsim awtorizzati

Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles taċ-Ċiprijotti, ta' ċittadini oħrajn tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja l-Ħadra (minn hawn 'il quddiem "il-linja") fil-punti tal-qsim awtorizzati. Kien hemm tnaqqis żgħir fin-numru ta' Ċiprijotti Griegi u Ċiprijotti Torok li qasmu, u b'hekk tkompliet ix-xejra osservata matul il-perjodu ta' rappurtar preċedenti. Skont id-dejta mir-Repubblika ta' Ċipru, kien hemm 415 155 (qabel: 489 487) qsim minn Ċiprijotti Griegi f'120 673 vettura (qabel: 126 029) li ġew innutati miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru u 738 337 (qabel: 825,824) qsim minn Ċiprijotti Torok f'254 070 vettura (qabel: 300 132) mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar[4].

Madankollu, in-numru ta' ċittadini tal-UE mhux Ċiprijotti u ċittadini ta' pajjiżi terzi li qasmu l-linja żdied b'56%, li jirrappreżenta treġġigħ lura qawwi fix-xejra osservata fir-rapport preċedenti. Skont id-dejta mill-Pulizija tar-Repubblika ta' Ċipru (minn hawn 'il quddiem: CYPOL), matul il-perjodu ta' rappurtar, kien hemm 449 861 qsim minn ċittadini tal-UE li mhumiex Ċiprijotti u ċittadini ta' pajjiżi terzi (qabel dawn kienu 1 014 275). 68% minn dan il-qsim (303 820) seħħ fil-punt tal-qsim pedonali ta' Ledra Street li fetaħ f'April 2008. Il-punt ta' qsim ta' Ledra Street kompla jirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-qsim minn persuni mhux Ċiprjotti (l-aktar turisti) matul il-perjodu.

Iċ-ċifri tas-CYPOL imsemmija aktar 'il fuq, madankollu, ma jinkludux dejta dwar persuni u vetturi li qasmu fil-punti tal-qsim ta' Pergamos u Strovilia , min-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn l-ESBA[5]. L-ebda statistika dettaljata mhija miżmuma mill-amministrazzjoni tal-ESBA għal dawn iż-żewġ punti ta’ qsim. Madankollu, l-estimi tal-ESBA, ibbażat fuq l-informazzjoni minn sorsi Ċiprijotti Torok, jirrappurtaw li madwar 66 000 Ċiprijott Grieg qasmu lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru u 416 000 Ċiprijott Tork qasmu lejn l-SBA. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar jekk dawn iċ-Ċiprijotti Torok komplewx jivvjaġġaw mill-SBA lejn iż-żona kkontrollata mill-gvern.

In-numru ta' persunal tas-CYPOL li jaħdem direttament fil-punti tal-qsim naqas minn 67 fl-2008 għal 63 fl-2009 u għal 59 fl-2010. Minħabba l-ftuħ tal-punt tal-qsim il-ġdid ta' Limnitis (14/10/2010) dan in-numru ġie miżjud għal 73. Ma ġie rrappurtat l-ebda inċident serju fir-rigward tal-qsim ta' kuljum.

Migrazzjoni irregolari fuq il-Linja l-Ħadra u l-ażil

Iċ-ċifri tas-CYPOL minn Mejju sa Diċembru 2010 jindikaw tnaqqis ulterjuri ta' migrazzjoni irregolari fuq il-Linja mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern. Matul dawn it-tmien xhur, nqabdu 1 196 migrant irregolari fiż-żoni kkontrollati mill-gvern (bl-esklużjoni ta' dawk li ma tħallewx jaqsmu mill-punti ta' qsim tal-Linja l-Ħadra). Matul il-perjodu ta' rappurtar ta' 12-il xahar preċedenti, inqabdu 2 546 immigrant irregolari[6]. L-ebda immigrant irregolari ma daħal direttament fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u 13-il persuna daħlu permezz tal-SBA tal-Lvant, u dan tella' n-numru ta' migranti irregolari maqbuda għal 1 209. CYPOL indikat bħala raġuni probabbli t-tnaqqis fil-prospetti ta' impjieg minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f'Ċipru. Il-maġġoranza tal-immigranti irregolari maqbuda kienu fost l-oħrajn ċittadini tas-Sirja, it-territorju Palestinjan okkupat u l-Iran (Anness VIII). Il-migranti irregolari normalment jinqabdu waqt kontrolli fuq il-Linja l-Ħadra u fl-ajruporti meta jkunu qed jippruvaw iħallu Ċipru. Ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali normalment jiġu identifikati fi stazzjonijiet tal-pulizija meta japplikaw għall-ażil.

Il-valutazzjoni ta' CYPOL dwar ir-rotta tad-dħul tal-migranti irregolari fiż-żoni kkontrollati mill-gvern hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta' qabel, primarjament permezz tad-dokumenti (viżi, timbri ta' dħul/ħruġ mit-Turkija jew "viża" jew "permess tar-residenza" mir-“Repubblika Torka ta' Ċipru tat-Tramuntana” (“TRNC”) dikjarazzjonijiet magħmula mill-immigranti iżda wkoll evidenza oħra bħan-nuqqas ta' dokumenti tal-identifikazzjoni, gazzetti Ċiprijotti Torok u karti tal-flus Torok.

617–il persuna (59,6%) applikaw għall-ażil fir-Repubblika ta' Ċipru. Il-proċeduri tal-ażil stabbiliti matul il-perjodu preċedenti ta' rappurtar ippermettew li l-proċess jitnaqqas minn sitt xhur għal tliet xhur. L-ebda persuna li qasmet lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar ma ngħatat status ta' refuġjati[7].

Il-biċċa l-kbira tal-migranti irregolari jaslu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern mit-Turkija u l-parti tat-tramuntana ta' Ċipru. CYPOL irrappurtat ukoll każijiet ta' migranti irregolari jew li waslu irregolament fir-Repubblika ta' Ċipru fuq vapuri tas-sajd u speedboats li normalment jidħlu fir-reġjuni kostali miftuħa aktar lejn it-tramuntana minn Famagusta.

Il-vapur ta' bejn Latakia (is-Sirja) – u Famagusta ħadem b'intervalli irregolari, jiġifieri 14-il darba bejn is-7 ta' Ġunju u s-16 ta' Settembru 2010. Matul dan il-perjodu madwar 491 persuna (il-maġġoranza l-kbira ċittadini tas-Sirja) użawh sabiex imorru fil-parti tat-tramuntana ta' Ċipru. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru jissuspettaw li numru kbir ta' immigranti irregolari użaw din ir-rotta. L-awtoritajiet qed ikomplu jħeġġu lill-Gvern Sirjan sabiex jagħlaq il-konnessjoni bil-vapur ladarba l-port ta' Famagusta ġie ddikjarat bħala magħluq mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru.

Mhix disponibbli dejta preċiża għal persuni mibgħuta lura minn punti ta' qsim.

Ma teżisti l-ebda koperazzjoni diretta dwar il-pulizija u l-immigrazzjoni bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka. Madankollu, rappreżentanti miż-żewġ komunitajiet jiltaqgħu fil-qafas ta' kumitat tekniku bikomunali dwar il-kriminalità u l-materji kriminali taħt l-awspiċju tan-NU, li l-uffiċċju tiegħu jinsab fiż-żona ta' separazzjoni f'dak li qabel kien l-ajruport ta' Nicosia. Il-Kumitat Tekniku dwar il-Kriminalità u l-Materji Kriminali huwa wieħed minn seba' kumitati speċjalizzati li twaqqfu bħala miżuri ta' bini ta' kunfidenza bejn iż-żewġ Komunitajiet bl-appoġġ tan-NU u huwa riżultat dirett tal-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ mexxejja Ċiprijotti fil-21 ta' Mejju 2008. Huwa mekkaniżmu għall-qsim tal-informazzjoni u inizjattivi konġunti dwar il-kriminalità u l-materji kriminali.

CYPOL iddeskriviet il-koperazzjoni ma' dipartimenti tal-gvern oħra relevanti u l-amministrazzjoni tal-ESBA bħala tajba ħafna.

Iż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant (ESBA)

B'mod ġenerali, l-immigrazzjoni irregolari li tgħaddi mill-ESBA naqset matul il-perjodu. L-uffiċjali tal-SBA għadhom jiddeskrivu l-koperazzjoni bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u d-Dwana u l-Immigrazzjoni tal-SBA f'din iż-żona bħala eċċellenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, 953 persuna ma tħallewx jaqsmu, li l-maġġoranza tagħhom kienu ċittadini Torok li qed jgħixu fiż-żona li mhix ikkontrollata mill-gvern. Barranin oħra kienu turisti mill-Kanada, l-Ukraina, l-Istati Uniti, l-Awstralja, ir-Russja, l-Iran u l-Ġordan li daħlu mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru. Dawn il-persuni ġew diretti lejn il-punt tal-qsim ta' Nicosia 'Agios Dometios' għall-ipproċessar tal-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Repubblika ta' Ċipru[8].

Total ta' 13-il immigrant irregolari nqabdu fl-ESBA[9], li minnhom tmienja kienu daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern legalment iżda baqgħu hemm wara li l-viżi tagħhom kienu skadew. Il-ħamsa l-oħra daħlu fil-gżira mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru u qasmu l-linja b'mod irregolari.

F'postijiet oħra għajr il-punti ta' qsim, il-Pulizija tal-SBA twettaq rondi irregolari, ibbażati fuq ir-riskju u ggwidati mill-intelligence kontra l-immigrazzjoni irregolari. Dawn ir-rondi huma ssupplimentati minn rondi mid-Dwana u assi militari tal-SBA.

Bosta “punti ta’ qsim” mhux awtorizzati fil-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsab parzjalment fl-SBA u parzjalment fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru) jew qrib tiegħu, li għadhom qed jintużaw minn residenti lokali u bdiewa, huma partikolarment diffiċli li jiġu kkontrollati. Kif imsemmi fir-rapport preċedenti tal-Linja l-Ħadra, dawn il-"punti ta' qsim mhux awtorizzati" għadhom kawża għal tħassib. Din il-kwistjoni jenħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti mill-SBA f'konformità mal-obbligi tal-Artikolu 5 (2) tal-Protokoll Nru 3 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003[10].

QSIM TAL-MERKANZIJA

Il-valur tal-kummerċ

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[11], il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: TCCoC) u wkoll l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru rrappurtaw fuq bażi mensili dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-oġġetti li għalihom inħarġu d-dokumenti ta' akkumpanjament. Dawk ir-rapporti t-tnejn jinkludu oġġetti li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-punti ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia , li huma taħt l-awtorità tal-Amministrazzjoni tal-SBA.

Skont ir-rapporti tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (TCCoC), il-valur totali tal-prodotti li nħarġulhom dokumenti ta' akkumpanjament fil-perjodu ta' rappurtar ammonta għal EUR 5 312 798 filwaqt li l-valur tal-prodotti li fil-fatt ġew ikkumerċjati kien ta’ EUR 4 503 793[12].

Skont ir-rapporti pprovduti mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-oġġetti li fil-fatt qasmu l-Linja kompla jonqos aktar b'1,5% minn EUR 3 920 930 fil-perjodu preċedenti għal EUR 3 861 834[13], l-aktar minħabba t-tmiem kważi totali tal-kummerċ tal-patata. Fil-perjodi ta' rappurtar preċedenti sa mill-2007, il-patata kienet l-ikbar komponent waħdieni fil-kummerċ tal-Linja l-Ħadra (sa 30% tal-kummerċ kollu). Madankollu, minħabba temp b'ħafna xita fir-rebbiegħa tal-2010 u n-nuqqas ta' disponibilità ta' patata b'żerriegħa ċċertifikata għat-tieni wiċċ, kunsinja żgħira ta' patata (EUR 166 320) ġiet innegozjata f'Novembru. Għaldaqstant, il-kummerċ tal-patata rrappreżenta biss 4% tal-volum kollu tal-kummerċ matul dan il-perjodu ta' rappurtar.

Għalkemm ma kienx jaqa' fl-ambitu tal-GLR, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-tramuntana ta' Ċipru żdied b'mod sinifikanti għal EUR 728 578 fil-perjodu ta' rappurtar (minn EUR 408 414) matul l-istess perjodu fl-2009, skont figuri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Ċipru. Kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn it-tramuntana ta' Ċipru għalhekk jirrappreżenta 19% tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (10% fil-perjodu preċedenti).

Il-komunità Ċiprijotta Torka tkompli tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti” r-restrizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Madankollu, din is-sistema mhix dejjem applikata b’mod konsistenti, u dan iwassal għal diffikultà fit-twaqqif ta' relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli. In-naħa Ċiprijotta Torka tiddikjara apertament li r-raġuni prinċipali għal dan hija l-ħarsien tal-impriżi lokali.

It-tip ta’ prodotti

Minn Mejju 2010 sa Diċembru 2010 artikli tal-ġebel bħal irħam, brikks u ġebel kienu l-aktar artikli nnegozjati segwiti mill-ħut frisk u l-materjal tal-bini[14].

96% tal-volum tal-kummerċ li jaqsam il-Linja kien kummerċ limitat għall-gżira nnifisha. L-4% l-oħra nbiegħu lir-Renju Unit fil-forma ta' skart tal-metall (ram, aluminju, azzar) li kien jiswa EUR 17 693 u lill-Indja fil-forma ta' skart tal-azzar b'valur kummerċjali ta' EUR 123 788. Dawn it-tranżazzjonijiet kienu jitolbu l-involviment ta' kumpanija rreġistrata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-formalitajiet tat-tranżazzjonijiet intra-UE u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

Irregolaritajiet

Matul il-perjodu ta' rappurtar, disa’ każijiet ta' irregolaritajiet li jinvolvu valur kummerċjali totali ta' EUR 15 900 ġew irrappurtati mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru. L-oġġetti kkonċernati ma tħallewx jaqsmu l-Linja għal diversi raġunijiet amministrattivi (il-kwantità jew in-natura tal-oġġetti ma kinux skont id-dokumenti jew kien hemm dokumenti nieqsa).

F'żewġ każijiet, kwantitajiet konsiderevoli ta' pestiċidi nstabu fi ħxejjex li kellhom jgħaddu minn fuq il-linja. Il-Kummissjoni Ewropea immedjatament infurmat lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka dwar dawn l-inċidenti. Skont din tal-aħħar, se jittieħdu miżuri sabiex inċidenti bħal dawn ikunu evitati fil-futur.

Ostakli u diffikultajiet li għadhom jippersistu fil-moviment tal-prodotti

L-ostakli għall-kummerċ li jaqsam il-Linja l-Ħadra għadhom hemm. Kif irrappurtat fir-rapport ta' qabel dan, il-kwistjoni tal-qsim tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok għaż-żoni kkontrollati mill-gvern għadha mhix solvuta b'mod sodisfaċenti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-liberalizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok tkun tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru esprimew tħassib fost l-oħrajn dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq, iżda indikaw ukoll li huma lesti li jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni vijabbli.

Ma jista' jiġi rrapurtat l-ebda progress l-anqas fir-rigward ta' kummerċ ieħor. Kif ġara fis-snin preċedenti, il-kummerċjanti Ċiprijotti Torok komplew jirrapurtaw diffikultajiet sabiex iqiegħdu l-prodotti tagħhom fil-ħwienet u jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fl-istampa fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Dawn id-diffikultajiet jirriflettu nuqqas imxerred ta' rieda fost iċ-Ċiprijotti Griegi sabiex jixtru prodotti bil-marka Ċiprijotta Torka u għalhekk dan qed ikompli jikkostitwixxi ostaklu psikoloġiku għall-kummerċ. Madankollu, il-kummerċ bejn iż-żewġ komunitajiet li ma jgħaddix minn fuq il-Linja l-Ħadra huwa bosta drabi akbar iżda ċifri attendibbli ma kinux disponibbli għall-perjodu ta' rappurtar. Il-kuntrabandu tal-oġġetti minn fuq il-Linja l-Ħadra naqas iżda għadu mifrux u dan jirrifletti n-natura ġeografika tal-Linja li tagħti opportunitajiet sabiex isseħħ attività klandestina mat-tul kollu tagħha. L-operazzjonijiet ta' kontroll iseħħu fiż-żoni qrib il-Linja l-aktar sabiex jiġu trattati kwistjonijiet staġjonali bħat-trasport ta' għasafar tal-kaċċa/slavaġ jew trikkitrakki (ukoll permezz tal-ESBA) lejn żoni kkontrollati mill-gvern. Oġġetti oħra maqbuda jinkludu sigaretti, alkoħol, kwantitajiet kummerċjali ta' ħut frisk u bebbux u wkoll prodotti ffalsifikati tat-tessuti. Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru, il-volum tal-kuntrabandu qed jonqos minħabba tnaqqis fid-differenzi bejn il-prezzijiet. Rondi tas-CYPOL u tal-ESBA fuq il-Linja għandhom funzjoni doppja: il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-kontroll tal-immigrazzjoni irregolari. In-numru ta' każijiet kriminali rreġistrati fil-qrati distrettwali għall-kuntrabandu kien ta' 12 fl-2008, ta' 11 fl-2009 u ta' 9 fl-2010 (matul il-perjodu ta' rappurtar kurrenti). Ġie nnutat li l-kuntrabandu tas-sigarretti żdied f'Diċembru 2010 meta l-prezzijiet tas-sigarretti fiż-żoni kkontrollati mill-gvern naqsu b'50 Ċenteżmu ta' Euro.

Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti nstabu f'punti ta' qsim awtorizzati: Pyla, SBA, iż-żona ta' separazzjoni qrib Zodia u Potamia.

Fir-rigward tal-forniment tradizzjonali tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fir-raħal ta' Pyla, li jinsab fiż-Żona ta' Separazzjoni (Art 4 (10) GLR), il-kwantitajiet ta' materjali ta' kostruzzjoni, ħut, sigarretti, eċċ huma mmonitorjati u rreġistrati mill-amministrazzjoni tal-SBA.

L-iffaċilitar tal-kummerċ

Il-Kummissjoni qed tkompli tfittex modi sabiex jiżdied il-kummerċ li jaqsam il-Linja l-Ħadra. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-projbizzjoni tar-regolament tal-Linja l-Ħadra sabiex tippermetti l-kummerċ fi prodotti agrikoli ġodda addizzjonali, bl-enfasi prinċipali tkun fuq il-prodotti tal-ħalib (il-ħalib u l-ġobon, il-jogurt u x-xorrox), tista' tiġi kkontemplata ladarba l-kundizzjonijiet neċessarji stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' valutazzjoni mwettqa minn esperti indipendenti jkunu ġew sodisfatti. Prodotti oħra li l-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka indikat interess fihom huma r-rummien, il-ħut minn stabbilimenti tal-akkwakultura u l-bebbux.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-Kummissjoni bdiet ukoll proċedura għal emendar tar-regoli ta' implimentazzjoni[15] tal-GLR sabiex jitneħħa l-obbligu li l-patata għandha titkabbar direttament minn patata taż-żerriegħa ċċertifikata. Dan jippermetti kummerċ f'patata prodotta minn żerriegħa li tinżamm mir-razzett innifsu mkabbra bħala l-ewwel żerriegħa li toħroġ minn patata taż-żerriegħa ċċertifikata taħt il-kontroll ta' esperti fitosanitarji indipendenti appuntati mill-Kummissjoni sabiex tiġi pprovduta l-assigurazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-identità u l-istat ta' saħħa.

KONKLUżJONIJIET

Kif diġà ddikjarat fir-rapporti preċedenti, il-kontroll tal-Linja l-Ħadra fil-punti ta' qsim awtorizzati huwa sodisfaċenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, in-numru ta' immigranti irregolari maqbuda jidher li jikkonferma xejra ta' tnaqqis iżda l-qsim irregolari minn persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi għadu kwistjoni ta' tħassib. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li iktar tisħiħ tas-sorveljanza tal-Linja bejn il-punti ta’ qsim mir-Repubblika ta' Ċipru u l-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana jkun importanti biex tiġi indirizzata l-problema ta’ migrazzjoni irregolari. Ir-Repubblika ta' Ċipru tibqa' attenta sabiex tevita kwalunkwe miżura li tista' twassal sabiex il-Linja tieħu d-dehra ta' fruntiera esterna.

Il-punti ta' qsim mhux awtorizzati fiż-żoni tal-SBA għadhom qasam li jikkawża tħassib. Kif diġà kien enfasizzat fir-rapporti preċedenti, din il-kwistjoni jenħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti mill-SBA.

Matul il-perjodu ta' rappurtar preżenti, il-valur tal-kummerċ li jaqsam il-Linja naqas bi ftit għat-tieni darba konsekuttiva sa mid-dħul fis-seħħ tal-GLR fl-2004 (b'1,5%, għal EUR 3 861 834 meta mqabbel ma' EUR 3 920 930 fil-perjodu ekwivalenti preċedenti) billi l-kriżi ekonomika globali għadha qed taffettwa wkoll l-ekonomija Ċiprijotta. Raġuni oħra għal dan it-tnaqqis hija l-waqa' fil-kummerċ tal-patata. Minbarra fil-kummerċ fil-patata, il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra kien stabbli. Il-prodotti li kienu l-aktar negozjati kienu l-artikli tal-ġebel, il-ħut frisk u l-materjal tal-bini. Il-livell ġenerali tal-kummerċ li jaqsam il-Linja l-Ħadra baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament innifsu.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien għad hemm ċerti ostakli għall-kummerċ. Vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok, b'mod partikolari trakkijiet ta' aktar minn 7,5 tunellati u xarabankijiet, jistgħu biss jivvjaġġaw liberament fil-gżira kollha jekk jinkisbu liċenzji tas-sewqan u tal-karozzi fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Sa issa ma jista' jiġi rrappurtat l-ebda progress ulterjuri fir-rigward ta' ostakli oħra mhux tarrifarji għall-kummerċ.

Fl-aħħar nett, jidher li l-kuntrabandu tal-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja naqas iżda għadu mifrux.

Il-konklużjoni ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru kkontrollati mill-gvern. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ ssegwi l-implimentazzjoni tar-Regolament.

[1] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1) – magħruf bħala r-Regolament "tal-Linja l-Ħadra".

[2] Ara t-tielet premessa tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra

[3] Il-punti tal-qsim kif indikati fl-anness 1 tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra.

[4] L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ma jżommux rekords għar-ritorn ta' Ċiprijotti Griegi lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern jew ir-ritorn ta' Ċiprijotti Torok lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru (ara l-Anness VII).

[5] Il-GLR ma fihx obbligi ta' rappurtar għal dan it-traffiku.

[6] Ma hemm l-ebda ċifri disponibbli fuq bażi ta' tmien xhur għal Mejju sa Diċembru 2009.

[7] Bosta persuni li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar preċedenti ngħataw status ta' refuġjati matul il-perjodu ta' rappurtar preżenti.

[8] i.a.: it-Turkija: 721, il-Kanada: 51, l-Ukraina: 24, l-Istati Uniti: 23, l-Awstralja: 12, ir-Russja: 10, l-Iran: 7, il-Ġordan: 7.

[9] Iċ-Ċina: 3, in-Niġerja: 3, l-Indja: 2, il-Pakistan: 1, il-Bangladexx: 1, in-Nepal: 1, l-Iran: 1, it-Turkija: 1

[10] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 940

[11] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3.

[12] Ara l-Annessi I, II, u III ta' dan ir-rapport

[13] 0,06% tal-importazzjonijiet totali tar-Repubblika ta' Ċipru (6 461 miljun fl-2010, sors, Statistical Service of Cyprus)

[14] Ara l-Annessi IV u V ta' dan ir-rapport

[15] L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004 tal-10 ta' Awwissu 2004.