20.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 290/1


Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-ħatra ta’ esperti esterni bħala membru jew supplenti tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main, il-Ġermanja)

(2021/C 290 A/01)

 

1.   Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1) jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) abbażi tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-MSU huwa magħmul mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bil-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament ġenerali tal-MSU.

Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE stabbilixxa Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (il-“Bord Amministrattiv”) għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċitar tas-setgħat mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara talba għal rieżami. Il-BĊE qed ifittex li jimla l-postijiet battala attwali u dawk antiċipati għal membru wieħed tal-Bord Amministrattiv u żewġ supplenti u għalhekk qed jorganizza din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-ħatra ta’ membru wieħed tal-Bord Amministrattiv u ta’ żewġ supplenti f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2).

2.   Il-BĊE u l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tiegħu

Il-Bord Amministrattiv huwa parti integrali mill-MSU. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE meħuda skont dak ir-Regolament u indirizzata lil dik il-persuna, jew li direttament u individwalment tikkonċerna lil dik il-persuna, barra minn deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE meħuda skont l-Artikolu 24(7) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv

F’konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Amministrattiv huwa magħmul minn ħames individwi u żewġ supplenti ta’ reputazzjoni għolja. Għandu riżorsi u ħiliet suffiċjenti biex jivvaluta l-eżerċitar tas-setgħat tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-Membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti jinħatru mill-BĊE għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż darba, u jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

Iż-żewġ supplenti jissostitwixxu temporanjament lill-membri tal-Bord Amministrattiv f’każ ta’ inkapaċità temporanja jew jekk, fil-kuntest ta’ talba partikolari għal rieżami, ikun hemm raġunijiet iġġustifikati għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess, eż. meta membru tal-Bord Amministrattiv ikollu interess privat jew personali li jista’ jinfluwenza, jew jidher li jinfluwenza, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet tiegħu. Supplent jissostitwixxi b’mod permanenti lil membru tal-Bord Amministrattiv f’każ ta’ inkapaċità permanenti, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti tagħhom jiġu nnominati mill-Bord Eżekuttiv, wara konsultazzjoni mal-Bord Superviżorju, u jinħatru mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv.

4.   Kwalifiki u esperjenza tal-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv

F’konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv jintgħażlu fuq il-bażi tar-reputazzjoni għolja tagħhom u ta’ imgħoddi ta’ għarfien u esperjenza professjonali ppruvati rilevanti, inkluża esperjenza superviżorja, sa livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn. Membri u supplenti tal-Bord Amministrattiv ma jistgħux ikunu fl-istess ħin membri tal-persunal tal-BĊE jew persunal tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn li huma involuti fit-twettiq ta’ kompiti kkonferiti lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Huma għandhom ikunu disponibbli fi żmien qasir biex jisimgħu talbiet għal rieżami kontra deċiżjonijiet tal-BĊE.

Il-ħatra tal-membru u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv se ssir b’mod li, kemm jista’ jkun, jiġi żgurat bilanċ xieraq ġeografiku u bejn il-ġeneri fl-Istati Membri kollha. Il-BĊE huwa istituzzjoni inklużiva li tistinka biex tirrifletti d-diversità tal-popolazzjoni li jaqdi. L-applikazzjonijiet huma mħeġġa irrispettivament mill-età, id-diżabilità, l-etniċità, is-sess, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, it-twemmin reliġjuż, l-orjentazzjoni sesswali jew karatteristiċi oħra.

L-applikazzjonijiet jiġu soġġetti għal evalwazzjoni komparattiva mill-BĊE. B’mod partikolari, se jitqiesu dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

Kriterji tal-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom dawn il-ħiliet u l-kompetenzi li ġejjin:

—

jafu u jifhmu tajjeb ħafna l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn, inkluż il-kompiti u l-funzjonament tal-BĊE, u tal-MSU b’mod partikolari;

—

jafu u jifhmu tajjeb ħafna kif jiffunzjona s-settur bankarju, b’mod partikolari fl-unjoni bankarja;

—

esperjenza fl-iżvilupp ta’ oqfsa superviżorji u proċeduri u prattiċi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet superviżorji.

(b)

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin:

—

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u jkunu intitolati għad-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini;

—

ikollhom ħakma tajba ħafna tal-Ingliż b’evidenza ta’ abbiltà fl-abbozzar u ħiliet ta’ preżentazzjoni, u jkunu jafu sew mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Għarfien tajjeb ħafna jew tajjeb ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni jkun ta’ vantaġġ.

5.   Remunerazzjoni

Il-kandidati magħżula jingħataw remunerazzjoni skont il-kompiti assenjati lilhom.

6.   Ħatra

Il-proċedura tal-għażla se ssir f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regoli Operattivi tal-Bord Amministrattiv. Il-membru tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti jinħatru mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE f’kapaċità personali u għalhekk ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew lil terzi.

7.   Lista ta’ Riżerva

Il-Kumitat tal-Għażla jista’ jpoġġi kandidati xierqa f’lista ta’ riżerva, li minnha jistgħu jinħatru kandidati għal pożizzjonijiet simili fil-futur. Il-kandidati jiġu infurmati b’dan jekk ikun il-każ. Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida għal ħames snin mill-ħatra tal-membru jew tas-supplenti tal-Bord Amministrattiv u tista’ tintuża biex jiġi maħtur membru alternattiv f’każ li jinħoloq post battal.

8.   Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess

Il-membru tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dak l-għan, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom, jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess ta’ dan it-tip. Kull wieħed minnhom għandu jiddikjara wkoll il-konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u jiffirma Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika kif previst fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (3).

9.   Dikjarazzjoni ta’ privatezza

Il-BĊE jipproċessa kull informazzjoni personali dwar il-kandidati skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data. Id-Direttur Ġenerali għall-Governanza u l-Operazzjonijiet tal-MSU tal-BĊE se jiġi identifikat bħala l-kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-involviment tal-BĊE fil-proċedura tal-għażla fuq il-bażi ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-iskop tal-ipproċessar tad-data huwa li tiġi organizzata l-għażla u l-ħatra tal-membru jew tas-supplenti tal-Bord Amministrattiv. Id-data personali kollha tiġi pproċessata esklussivament għal dan l-iskop. Il-kandidati jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta’ data personali billi jipprovdu d-data personali tagħhom bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom. Kandidat jista’ jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin billi jinnotifika lis-Segretarjat tal-Bord Amministrattiv (ABoRvacancy@ecb.europa.eu), u wara l-wasla ta’ din in-notifika l-ipproċessar tal-informazzjoni personali jitwaqqaf u l-kandidat jiġi eskluż mill-proċedura tal-għażla, iżda kwalunkwe pproċessar preċedenti jibqa’ leċitu.

Dawk li jirċievu d-data personali tal-kandidati se jkunu l-membri tal-Kumitat tal-Għażla, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Bord Superviżorju tal-BĊE u l-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Il-BĊE jista’ jżomm id-data tal-kandidati magħżula għal perjodu ta’ ħames snin mit-tmiem tat-terminu tal-kariga. Fil-każ ta’ kandidati li ma jintgħażlux, id-data tinżamm għal sentejn wara li tintemm il-proċedura tal-għażla. Fil-każ ta’ tilwim legali, il-perjodi ta’ żamma msemmija hawn fuq jiġu estiżi għal sentejn wara li jitlestew il-proċedimenti rilevanti kollha.

Il-kandidati għandhom id-dritt li jaċċessaw id-data tagħhom u li jaġġornaw jew jikkoreġu d-data li tidentifikahom. Data li turi konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u mal-kriterji tal-għażla, madankollu, ma tistax tiġi aġġornata jew ikkoreġuta wara d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta’ aċċess ugwali u nondiskriminazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-għażla tkun robusta, trasparenti u ġusta għall-kandidati kollha.

Il-kandidati għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-data ta’ evalwazzjoni tagħhom matul il-proċedura. Sabiex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Għażla, tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tal-Bord Superviżorju u tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, u sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-kandidati l-oħrajn, l-aċċess tal-kandidati għandu jkun ristrett għas-sottomissjonijiet tagħhom stess u għall-partijiet tal-evalwazzjoni li jkunu relatati magħhom.

Il-kandidati għandhom id-dritt li jitolbu t-tħassir tad-data personali tagħhom. Talba bħal din twassal għall-esklużjoni mill-proċedura tal-għażla.

Il-kandidati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif imsemmi f’din it-Taqsima 9 billi jikkuntattjaw lis-Segretarjat tal-Bord Amministrattiv (ABoRvacancy@ecb.europa.eu). Il-kandidati jistgħu jikkuntattjaw ukoll lill-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-BĊE direttament fuq dpo@ecb.europa.eu rigward kull mistoqsija relatata mad-data personali b’rabta mal-applikazzjoni tagħhom.

Il-kandidati huma intitolati li jirrikorru għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin.

Ladarba jintgħażlu, l-ismijiet tas-supplenti u tal-membru tal-Bord Amministrattiv jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

10.   Proċedura tal-applikazzjoni

Sabiex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati skont il-proċeduri u r-rekwiżiti stipulati hawn taħt.

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu Curriculum Vitae aġġornat (il-mudell ta’ CV Ewropew (rakkomandat) jista’ jitniżżel minn https://europa.eu/europass/en).

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Awwissu 2021.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-email lil dan l-indirizz ABoRvacancy@ecb.europa.eu

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati ukoll bil-posta rreġistrata jew b’servizz ta’ kurrier privat lill-indirizz li ġej:

European Central Bank

Director General SSM Governance & Operations

Kaiserstraße 29

60640 Frankfurt am Main

Germany

It-timbru tal-uffiċju tal-posta jew id-data fuq l-irċevuta maħruġa mis-servizz tal-kurrier jikkostitwixxu prova tal-konformità mat-terminu msemmi hawn fuq għall-preżentazzjoni. Madankollu, il-BĊE mhux se jikkunsidra applikazzjonijiet li jaslu għand il-BĊE għaxart ijiem kalendarji jew iktar wara l-iskadenza tat-terminu msemmi hawn fuq.

Konferma ta’ riċevuta għandha tintbagħat għal kull applikazzjoni.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, kull komunikazzjoni mal-kandidati dwar din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess issir bl-Ingliż.

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jiġu infurmati dwar l-eżitu tal-proċess tal-għażla u tal-ħatra.

Mistoqsijiet u talbiet għal kjarifika dwar din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jistgħu jintbagħtu lil:

Pedro Gustavo Teixeira

Director General SSM Governance & Operations

European Central Bank

Kaiserstraße 29

60640 Frankfurt am Main

Germany

Tel. + 49 6913440

Email: ABoRvacancy@ecb.europa.eu


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(2)  Deċiżjoni 2014/360/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2014/16) (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).

(3)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).