European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1216

27.6.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1216

tat-26 ta’ Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1055 fir-rigward tad-diviżjoni u d-distribuzzjoni tat-tokens fl-ambitu tal-GOVSATCOM

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013, u (UE) Nru 377/2014, u d-Deċiżjoni 541/2014/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(2) tagħha,

Billi:

(1)

Iċ-Ċentru tal-GOVSATCOM huwa parti essenzjali mis-sistema tal-GOVSATCOM. Is-servizzi tiegħu jsostnu l-ġestjoni tas-sistema tal-GOVSATCOM, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla, il-prenotazzjoni, l-istabbiliment, u l-forniment tas-servizzi tal-GOVSATCOM u fir-rigward tal-allokazzjoni u d-deallokazzjoni tar-riżorsi kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055 (2). Sabiex tittejjeb l-effettività tas-sistema, huwa importanti li l-parteċipanti jkunu jistgħu jixtru tokens addizzjonali direttament permezz taċ-ċentru tal-GOVSATCOM.

(2)

Il-proċess għad-donazzjoni u t-trasferiment tat-tokens jenħtieġ li jiġi ssimplifikat biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni operazzjonali.

(3)

Minħabba r-rwol tal-Kummissjoni, li tissorvelja l-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/696, kwalunkwe xiri addizzjonali ta’ tokens minn parteċipant jew donazzjoni ta’ tokens bejn il-parteċipanti jenħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni miċ-Ċentru tal-GOVSATCOM.

(4)

Sabiex tiġi akkomodata l-konfigurazzjoni inizjali tal-GOVSATCOM u sabiex jiġi żgurat li l-GOVSATCOM tipprovdi servizzi malajr kemm jista’ jkun, il-mekkaniżmu għad-distribuzzjoni tat-tokens u għall-allokazzjoni tar-riżorsi għall-ewwel terminu ta’ programmazzjoni tal-ġabra (PPT – pool programmatic term) jenħtieġ li jippermetti skadenzi qosra u jsir aktar flessibbli.

(5)

Sabiex tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi u tiġi evitata l-ħela ta’ tokens mhux użati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment id-distribuzzjoni tat-tokens. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-parteċipanti jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-bżonnijiet tagħhom u dwar kemm ikunu lesti jagħtu tokens mhux użati u jenħtieġ li l-Kummissjoni tqassam it-tokens kif meħtieġ.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1055 tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex l-implimentazzjoni tal-GOVSATCOM tibda mill-aktar fis possibbli sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li tirriżulta mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġeopolitika.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat tal-Programm stabbilit bl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2021/696,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1055 hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 4, il-paragrafi (4) u (5) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(4)   Parteċipant jista’ jixtri tokens addizzjonali permezz taċ-ċentru tal-GOVSATCOM fil-proporzjon ta’ konverżjoni tat-tokens definit għal dak il-PPT f’konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn ix-xiri ta’ tokens ikun irid jiżdied mal-allokazzjoni fissa tal-kont tal-parteċipant, il-parteċipant għandu jibgħat it-talba tiegħu biex jixtri tokens addizzjonali liċ-ċentru tal-GOVSATCOM bil-pjan imsemmi fl-Artikolu 6(1);

(b)

fejn ix-xiri ta’ tokens ikun irid jiżdied mal-parti tal-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel tal-kont tal-parteċipant, il-parteċipant għandu jibgħat it-talba tiegħu biex jixtri tokens addizzjonali liċ-ċentru tal-GOVSATCOM bl-informazzjoni dwar il-qsim tat-tokens li jifdal tiegħu msemmi fl-Artikolu 7(1);

(c)

fejn ix-xiri ta’ tokens ikun irid jiżdied mal-parti tal-allokazzjoni dinamika fuq talba tal-kont tal-parteċipant, il-parteċipant jista’ jibgħat it-talba tiegħu biex jixtri tokens addizzjonali liċ-ċentru tal-GOVSATCOM fi kwalunkwe waqt matul PPT.

Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar ix-xiri ta’ tokens addizzjonali minn parteċipant.

(5)   Parteċipant jista’ jagħti tokens mill-kont tiegħu lil parteċipant ieħor biss bi qbil mal-parteċipant li jirċievi t-tokens.

Ladarba jkun sar il-ftehim bejn il-parteċipant li jagħti b’donazzjoni t-tokens u dak li jirċevihom, il-parteċipant li jagħti t-tokens għandu jitlob it-trasferiment tat-tokens liċ-ċentru tal-GOVSATCOM. Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jwettaq it-trasferiment fil-kontijiet tal-parteċipanti riċeventi. Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment meta t-trasferiment ikun seħħ.

It-tokens għandhom jiġu ttrasferiti mill-istess parti tal-kont tal-parteċipant li jagħti t-tokens (il-parti tal-allokazzjoni dinamika mħallsa minn qabel jew tal-allokazzjoni dinamika fuq talba) għall-istess parti tal-kont tal-parteċipant li jirċievi t-tokens.”

;

2.

fl-Artikolu 5, il-paragrafi 2 u 3 huma emendati kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

is-sehem totali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi, li huwa ffissat għal 75 % tal-għadd totali ta’ tokens;”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, matul l-ewwel PPT, il-marġni ta’ kriżi għandu jiġi stabbilit għal 0 u l-Kummissjoni għandha tiddistribwixxi b’mod ugwali t-tokens, li ġew diviżi f’marġni ta’ kriżi skont l-Artikolu 5, bejn l-Istati Membri li s-sehem tagħhom mis-sehem totali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi jkun inqas minn 5 %.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)    Is-sehem totali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi għandu jkompli jinqasam bejn il-parteċipanti. Stat Membru jew pajjiż parteċipant fil-programm f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2021/696 għandu jirċievi perċentwal (f’tokens) tas-sehem totali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għandha tuża l-formula li ġejja biex tikkalkula dak il-perċentwal:

Sehem ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz

Formula

Il-popolazzjoni ta’ Stat Membru għandha tkun dik stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (*1). Il-kontribuzzjoni finanzjarja u s-sors tal-informazzjoni dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-programm għandha tiġi stabbilita fil-ftehim li jirregola l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-GOVSATCOM u l-aċċess tagħhom għalih.

L-għadd ta’ tokens riċevuti minn parteċipant għandu jkun is-sehem tal-parteċipant għal dak il-parteċipant għall-PPT li jkun imiss.

Jekk Stat Membru jew pajjiż li jipparteċipa fil-GOVSATCOM ma jkunx innomina s-CGA tiegħu mill-inqas 32 ġimgħa qabel id-data tal-bidu tal-PPT, it-tokens tiegħu għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti fil-GOVSATCOM li jkunu nnominaw is-CGA tagħhom, fuq bażi pro rata.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/937/oj ”;"

3.

fl-Artikolu 6, jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“(4a)   Permezz ta’ deroga, matul l-ewwel PPT, il-paragrafi minn 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.”

;

4.

L-Artikolu 7 huwa emendat:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“(1a)   B’deroga mill-paragrafu 1, matul l-ewwel PPT, il-parteċipanti għandhom jallokaw it-tokens kollha tagħhom għall-allokazzjoni dinamika fuq talba tal-kont tagħhom.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“(3a)   B’deroga mill-paragrafu 3, matul l-ewwel PPT, il-kuntratti jew il-ftehimiet mal-fornituri msemmijin fl-Artikolu 3(2) m’għandhomx jinkludu riżorsi mqegħdin għall-użu komuni li huma riżervati f’każ ta’ kriżi.”

;

5.

jiddaħħal l-Artikolu 8 a li ġej:

“Artikolu 8a

L-ewwel Terminu Programmatiku tal-Ġabra

(1)   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-parteċipanti bid-data tal-bidu tal-ewwel PPT u bl-għadd ta’ tokens disponibbli għal kull parteċipant ġimgħa qabel id-dħul fis-servizz taċ-ċentru tal-GOVSATCOM. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika liċ-ċentru tal-GOVSATCOM dwar it-tokens disponibbli għal kull parteċipant.

(2)   Jekk Stat Membru jew pajjiż li jipparteċipa fil-GOVSATCOM ma jkunx innomina s-CGA tiegħu 12-il xahar wara d-data tal-bidu tal-ewwel PPT, it-tokens tiegħu għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti fil-GOVSATCOM li jkunu nnominaw is-CGA tagħhom, fuq bażi pro rata.”

;

6.

jiddaħħal l-Artikolu 11 a li ġej:

“Artikolu 11a

Notifika u ppjanar tad-distribuzzjoni

1.   Għaxar xhur wara d-data tal-bidu ta’ kull PPT skont l-Artikolu 3(5), il-parteċipanti b’tokens disponibbli għad-donazzjoni jew bi ħtiġijiet mhux issodisfati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Din in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd previst ta’ tokens li parteċipant ikun qed jippjana li ma jużax matul il-PPT;

(b)

l-għadd ta’ tokens li kull parteċipant ikun irid jagħti b’mod volontarju, jekk dan ikun il-każ;

(c)

il-volum previst ta’ tokens addizzjonali li jkunu meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-servizzi.

Abbażi ta’ dawk in-notifiki u filwaqt li tqis il-baġit ġenerali disponibbli għal dak il-PPT, l-għadd ta’ tokens disponibbli għad-donazzjoni u l-ħtiġijiet mhux issodisfati tal-parteċipanti, il-Kummissjoni għandha tħejji pjan tad-distribuzzjoni tat-tokens disponibbli għad-donazzjoni u ddawwarha mal-parteċipanti li jagħtu t-tokens fi żmien 6 ġimgħat minn mindu tirċievi n-notifiki mingħand il-parteċipanti. Il-parteċipanti li jagħtu d-donazzjoni għandhom jipprovdu r-rispons tagħhom fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievu l-pjan tad-distribuzzjoni. Fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi dak ir-rispons, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-pjan tad-distribuzzjoni lill-parteċipanti li jagħtu u jirċievu.

Il-Kummissjoni għandha minnufih tinnotifika liċ-ċentru tal-GOVSATCOM dwar il-pjan tad-distribuzzjoni.

Iċ-ċentru tal-GOVSATCOM għandu jiddistribwixxi t-tokens skont il-pjan tad-distribuzzjoni.

2.   Il-proċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għax-xiri ta’ tokens imsemmi fl-Artikolu 4(4) u għad-donazzjoni ta’ tokens imsemmija fl-Artikolu 4(5).”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-26 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055 tat-30 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kondiviżjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-kapaċitajiet tas-servizzi u tat-tagħmir tal-utenti ta’ komunikazzjoni bis-satellita biex tiġi ssodisfata l-funzjoni msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 141, 31.5.2023, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1055/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1216/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)