European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2033

29.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2033

tal-21 ta’ Settembru 2023

dwar il-miżura SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Italja għal Banca Tercas

(notifikata bid-dokument C(2024) 6281)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Il-Kummissjoni saret taf mill-istampa u mis-siti web tal-bank Tercas-Cassa di Risparmio della Provincia di Teramo S.p.A (“Tercas”) u tal-iskema Taljana ta’ garanzija tad-depożiti (“SGD”), il-Fondo interbancario di tutela dei depositi (“FITD”), li l-FITD kien intervjena b’appoġġ għal dak il-bank (“l-intervent ta’ appoġġ tal-FITD”).

(2)

Fit-8 ta’ Awwissu u fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Italja. L-Italja wieġbet għal dik it-talba fis-16 ta’ Settembru u fl-14 ta’ Novembru 2014.

(3)

Permezz tal-ittra ddatata s-27 ta’ Frar 2015 (“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lill-Italja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-miżuri kkonċernati.

(4)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri kkonċernati.

(5)

Fit-2 ta’ April 2015, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mill-Italja.

(6)

Fit-22 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati, jiġifieri Tercas u Banca Popolare di Bari S.C.p.A. (“BPB”).

(7)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Bank tal-Italja (“BOI”) u mill-FITD.

(8)

Fid-9 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti msemmija fil-premessi (6) u (7) lill-Italja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. L-Italja infurmat lill-Kummissjoni li ma kellhiex osservazzjonijiet x'tagħmel dwar dawk il-kummenti.

(9)

Fit-13 ta’ Awwissu u fis-17 ta’ Settembru 2015, saru żewġ laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-Italja u l-partijiet interessati. F'dawn il-laqgħat, l-Italja spjegat fid-dettall l-argumenti li kienet ressqeti fil-komunikazzjonijiet uffiċjali preċedenti tagħha.

(10)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 (3), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew adottati mill-FITD favur Tercas kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru ta’ dik l-għajnuna.

(11)

Fl-4 ta’ Marzu, fid-29 ta’ April u fl-1 ta’ Mejju 2016, l-Italja, il-BPB u l-FITD, appoġġati mill-BOI, ippreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208.

(12)

Bis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2019 fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16 (4), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208.

(13)

Saru aktar skambji bejn il-Kummissjoni u l-Italja fl-20 ta’ Diċembru 2019, fit-30 ta’ Jannar 2020 u fid-19 ta’ Frar 2020.

(14)

Bis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża C-425/19 P (5), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet appell li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16.

2.   SFOND U DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI

2.1.   Tercas

(15)

Tercas kien il-kumpanija azzjonarja fi grupp bankarju li jopera prinċipalment fir-reġjun ta’ Abruzzo. Fi tmiem l-2011, l-azzjonist prinċipali tal-kumpanija azzjonarja kien Fondazione Tercas, li f’dak iż-żmien kellu sehem ta’ 65 % fil-kumpanija azzjonarja.

(16)

Fi tmiem l-2011, il-grupp kien jinkludi l-kumpanija azzjonarja u l-Banca Caripe S.p.A. (“Caripe”), bank reġjonali attiv prinċipalment fir-reġjun ta’ Abruzzo li kien ġie akkwistat minn Tercas fi tmiem l-2010 (b’sehem ta’ 90 %) u li kien ġie kkonsolidat fir-rapporti finanzjarji ta’ Tercas.

(17)

Fi tmiem l-2011, Tercas kellu karta tal-bilanċ totali ta’ EUR 5,3 biljun, self nett lill-klijenti ta’ EUR 4,5 biljun, depożiti tal-klijenti ta' EUR 2,7 biljun, 165 fergħa u 1 225 impjegat.

(18)

Fis-17 ta’ April 2012, wara li pproċeda għal spezzjoni ta’ Tercas (6), il-BOI ppropona lill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi Taljan li jpoġġi lill-bank taħt amministrazzjoni speċjali f’konformità mal-Artikolu 70 tal-Att Bankarju Taljan (7) (Testo Unico Bancario, “TUB”).

(19)

Fit-30 ta’ April 2012, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi Taljan ħareġ digriet biex Tercas jitpoġġa taħt amministrazzjoni speċjali (8). Il-BOI ħatar amministratur speċjali biex jaċċerta s-sitwazzjoni, jikkoreġi l-irregolaritajiet, u jippromwovi soluzzjonijiet utli fl-interess tad-depożitanti. L-amministratur speċjali ħa l-kariga fl-4 ta’ Mejju 2012.

(20)

L-amministratur speċjali ta’ Tercas ivvaluta għażliet differenti sabiex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet ta’ Tercas. Inizjalment, l-amministratur speċjali ikkunsidra żewġ għażliet għar-rikapitalizzazzjoni ta’ Tercas, jew permezz tal-intervent ta’ Fondazione Tercas (l-azzjonist prinċipali ta’ Tercas) jew ta’ Credito Valtellinese (azzjonist b’sehem ta’ 7.8 %), iżda mbagħad warrab dawk l-għażliet.

(21)

F’Ottubru 2013, l-amministratur speċjali ta’ Tercas, bi ftehim mal-BOI, kellu kuntatti mal-BPB, li wera l-interess tiegħu li jinjetta kapital f’Tercas, bil-kundizzjoni li tiġi eżegwita diliġenza dovuta fuq l-assi ta’ Tercas u ta’ Caripe u fuq il-kopertura sħiħa tal-ekwità negattiva ta’ Tercas mill-FITD.

(22)

Fil-25 ta’ Ottubru 2013, l-amministratur speċjali ta’ Tercas ressaq quddiem l-FITD, abbażi tal-Artikolu 29 tal-istatuti tal-FITD (9), talba għal intervent ta’ appoġġ sa EUR 280 miljun li kien jinvolvi rikapitalizzazzjoni biex tiġi koperta l-ekwità negattiva ta’ Tercas mit-30 ta’ Settembru 2013 u impenn tal-FITD li jakkwista assi danneġġati.

(23)

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-FITD iddeċieda, fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Ottubru 2013, li jintervjeni biex jappoġġa lil Tercas f’konformità mal-Artikolu 96-ter, il-paragrafu (1)(d) tat-TUB, għal ammont sa EUR 280 miljun. Dan l-intervent ġie rratifikat mill-Bord tal-FITD fid-29 ta’ Ottubru 2013.

(24)

Fit-30 ta’ Ottubru 2013, l-FITD talab l-awtorizzazzjoni mill-BOI biex jimplimenta dan l-intervent ta’ appoġġ. Fl-4 ta’ Novembru 2013, il-BOI ta l-awtorizzazzjoni lill-FITD. Madankollu, l-FITD fl-aħħar mill-aħħar ma wettaqx dak l-intervent ta’ appoġġ.

(25)

Fit-18 ta’ Marzu 2014, id-diliġenza dovuta fuq l-assi ta’ Tercas u ta’ Caripe ġiet konkluża b’nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti tal-FITD u dawk tal-grupp bankarju kkontrollat mill-kumpanija azzjonarja BPB. Il-kwistjoni ġiet solvuta minn arbitru li ntgħażel fuq proposta mill-BOI. Id-diliġenza dovuta żvelat indebolimenti ulterjuri tal-assi.

(26)

Fl-1 ta’ Lulju 2014, l-FITD ressaq quddiem il-BOI t-tieni talba għal awtorizzazzjoni biex jagħti intervent ta’ appoġġ lil Tercas fuq termini modifikati.

(27)

Fis-7 ta’ Lulju 2014, il-BOI awtorizza dak l-intervent ta’ appoġġ fuq termini modifikati (10).

(28)

L-amministratur speċjali ta’ Tercas ġie awtorizzat mill-BOI biex isejjaħ laqgħa straordinarja tal-azzjonisti fis-27 ta’ Lulju 2014, bl-għan li jiddeċiedu dwar il-miżuri biex jiġi kopert it-telf li kien seħħ matul l-amministrazzjoni speċjali u dwar żieda simultanja ta’ kapital ta’ EUR 230 miljun, riżervata għall-BPB.

(29)

It-telf ta’ Tercas fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Marzu 2014 kien jammonta għal EUR 603 miljun. Wara l-valwazzjoni negattiva sħiħa tal-pożizzjoni kapitali li kien fadal ta’ EUR 337 miljun, fil-31 ta’ Marzu 2014, l-ekwità netta ta’ Tercas kienet negattiva u kienet tammonta għal EUR -266 miljun.

(30)

Fis-27 ta’ Lulju 2014, il-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Tercas iddeċidiet (11):

(a)

li tkopri parzjalment it-telf, fost oħrajn, billi tnaqqas il-kapital għal żero permezz tal-kanċellazzjoni tal-ishma ordinarji kollha li jkunu qed jiċċirkolaw;

(b)

li żżid il-kapital għal EUR 230 miljun billi toħroġ ishma ordinarji ġodda li ġew offruti esklużivament lill-BPB. Din iż-żieda tal-kapital saret fis-27 ta’ Lulju 2014 u tħallset, b’kumpens parzjali ta’ kreditu ta’ EUR 480 miljun mill-BPB lejn Tercas (li jikkorrispondi għal self li ngħata mill-BPB fil-5 ta’ Novembru 2013).

(31)

F’Settembru 2014, Tercas irrikapitalizza lis-sussidjarja tiegħu Caripe b’injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 75 miljun.

(32)

Fl-1 ta’ Ottubru 2014, tneħħiet l-amministrazzjoni speċjali ta’ Tercas u l-BPB ħatar ġestjoni ġdida.

(33)

Fi tmiem l-amministrazzjoni speċjali fit-30 ta’ Settembru 2014, Tercas kellu assi totali ta’ EUR 2 994 miljun, depożiti tal-klijenti ta’ EUR 2 198, self li jrendi nett ta’ EUR 1 766 miljun, provvedimenti għal self li ma jrendix ta’ EUR 716-il miljun u kapital totali tal-Grad 1 ta’ EUR 182 miljun.

(34)

F’Marzu 2015, il-BPB issottoskriva żieda ġdida fil-kapital ta’ Tercas għal ammont ta’ EUR 135,4 miljun (li minnhom EUR 40,4 miljun għas-sussidjarja Caripe), biex ilaħħaq ma’ telf addizzjonali li ġġarrab fir-raba’ kwart tal-2014, biex ikopri l-ispejjeż ta’ ristrutturar fl-2015 u fl-2016 u biex itejjeb il-proporzjonijiet tal-kapital ta’ Tercas.

2.2.   BPB

(35)

Il-BPB kien il-kumpanija azzjonarja ta’ grupp bankarju li jopera prinċipalment fin-Nofsinhar tal-Italja. Fi tmiem l-2013, il-BPB kellu daqs tal-karta tal-bilanċ totali ta’ EUR 10,3 biljun, self lill-klijenti ta' EUR 6,9 biljun, depożiti tal-klijenti ta' EUR 6,6 biljun, 247 fergħa u 2 206 impjegat, proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ 8.1 % u proporzjon tal-kapital totali ta’ 11 %.

(36)

F’Diċembru 2014, il-BPB wettaq żieda fil-kapital ta’ EUR 500 miljun, li kienet tinkludi l-ħruġ ta’ ishma ġodda sa EUR 300 miljun, u l-ħruġ ta’ self subordinat tal-Grad 2 sa EUR 200 miljun. Iż-żieda fil-kapital serviet biex issaħħaħ il-proporzjonijiet tal-kapital tal-BPB, li kienu ġew affettwati mill-akkwist ta’ Tercas.

2.3.   Il-qafas tal-SGD Taljana u l-FITD

(37)

Skont id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li kienet applikabbli fiż-żmien tal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD, istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax tieħu depożiti sakemm ma tkunx membru ta’ SGD uffiċjalment rikonoxxuta (13). Skont l-Artikolu 96, il-paragrafu 1, tat-TUB, “Il-banek Taljani għandhom ikunu membri ta’ waħda mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti stabbiliti u rikonoxxuti fl-Italja. L-assoċjazzjonijiet ta’ kreditu kooperattiv [banche di credito cooperativo] għandhom ikunu membri tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti stabbilita fil-qasam tagħhom” (14) .

(38)

Fiż-żmien tal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD, fl-Italja ġew stabbiliti żewġ SGD:

(a)

l-FITD, konsorzju obbligatorju li ġie msawwar taħt id-dritt privat, l-unika SGD Taljana stabbilita u rikonoxxuta li s-sħubija tagħha kienet miftuħa għal banek li ma kinux assoċjazzjonijiet ta’ kreditu kooperattiv. Skont l-Artikolu 2 tal-istatuti tal-FITD, li ġie approvat mill-BOI, “il-banek Taljani għandhom ikunu membri tal-Fond bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ kreditu kooperattivi”;

(b)

Fondo di Garanzia dei Depositanti del Credito Cooperativo, SGD statutorja li s-sħubija tagħha kienet miftuħa biss għall-assoċjazzjonijiet ta’ kreditu kooperattivi, u kienet obbligatorja għalihom.

(39)

Skont l-Artikolu 96-bis tat-TUB u l-Artikolu 29 tal-istatuti tal-FITD, l-FITD seta’ jwettaq interventi ta’ appoġġ favur membri li kienu soġġetti għal amministrazzjoni speċjali taħt ċerti kundizzjonijiet.

(40)

Dawn l-interventi ġew iffinanzjati ex post mill-kontribuzzjonijiet tal-banek membri. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali ġie ddeterminat f’konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti (15) fi proporzjon mal-ammont ta’ depożiti koperti miżmuma minn kull bank. Il-kontribuzzjonijiet ma ġewx irreġistrati direttament fil-karta tal-bilanċ tal-FITD, iżda ġew irreġistrati f’kontijiet separati għal kull intervent ikkonċernat.

(41)

Id-deċiżjonijiet biex jitwettqu interventi ta’ appoġġ ittieħdu miż-żewġ korpi ta’ governanza tal-FITD:

(a)

il-Bord (16), li ddeċieda b’maġġoranza assoluta tal-membri preżenti fil-laqgħa fejn ittieħdet id-deċiżjoni. Il-President tal-Bord inħatar mill-membri tal-Bord. Il-membri ordinarji tal-Bord intgħażlu fi proporzjon mal-ammont ta’ depożiti koperti miżmuma minn kull bank, u għalhekk iffavorixxew kontributuri akbar, iżda żguraw li banek iżgħar kienu wkoll irrappreżentati (17). Il-membri ordinarji tal-Bord, li f’dak iż-żmien kienu 23, kienu fil-biċċa l-kbira rappreżentanti tal-akbar banek membri (18) b’żewġ rappreżentanti minn Unicredit, Intesa Sanpaolo u Monte dei Paschi di Siena. Il-President tal-Associazione Bancaria Italiana (ABI) kien ukoll membru tal-Bord;

(b)

il-Kumitat Eżekuttiv (19), li ddeċieda b’maġġoranza tal-membri preżenti fil-laqgħa fejn ittieħdet id-deċiżjoni. Il-membri tiegħu kienu l-President tal-Bord, il-Viċi President tal-Bord li aġixxa wkoll bħala Viċi President tal-Kumitat u sitt membri oħra tal-Bord.

(42)

Għal interventi ta’ appoġġ fil-forma ta’ finanzjament u garanziji, il-Kumitat Eżekuttiv ingħata s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet (20), filwaqt li għall-akkwist ta’ interessi ta’ ekwità u appoġġ tekniku ieħor il-Bord iddeċieda fuq proposta tal-Kumitat Eżekuttiv (21).

2.4.   Il-miżuri investigati

(43)

L-intervent ta’ appoġġ tal-FITD, li ġie awtorizzat mill-BOI fis-7 ta’ Lulju 2014 kien jinvolvi l-miżuri li ġejjin (“miżuri meħuda mill-FITD”):

(a)

miżura 1: EUR 265 miljun bħala kontribuzzjoni mhux ripagabbli biex tkopri l-ekwità negattiva ta’ Tercas;

(b)

miżura 2: EUR 35 miljun bħala garanzija (sa tliet snin) biex tkopri r-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas. Dawk l-iskoperturi (żewġ bullet loans li mmaturaw fil-31 ta’ Marzu 2015) tħallsu lura kompletament mid-debituri fil-maturità u għalhekk il-garanzija skadiet mingħajr ma ġiet skattata;

(c)

miżura 3: sa EUR 30 miljun bħala garanzija biex tkopri l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-pagamenti tat-taxxa fuq il-Miżura 1. Dawn il-pagamenti tat-taxxa kienu jkunu meħtieġa li kieku l-Miżura 1 ma kinitx ġiet eżentata mit-taxxa skont il-liġi Taljana. Dik l-eżenzjoni mit-taxxa speċifika għall-miżuri ta’ intervent mill-FITD, skont il-liġi Taljana rilevanti, kienet tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (22). L-FITD ħallas l-ammont sħiħ ta’ EUR 30 miljun lil Tercas f'punt fiż-żmien meta l-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet dwar dik l-eżenzjoni.

2.5.   Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208

(44)

Fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri meħuda mill-FITD kienu jinvolvu għajnuna illegali mill-Istat lil Tercas u ordnat l-irkupru immedjat u effettiv ta’ dik l-għajnuna.

(45)

Meta vvalutat, b’mod partikolari, fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208, l-imputabbiltà lill-Italja tal-miżuri meħuda mill-FITD, il-Kummissjoni fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iċċarat fis-sentenza (23)tagħha ta’ Stardust Marine li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn korp indipendenti prima facie, li fih innifsu mhuwiex parti mill-Istat, tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ. Indikatur bħal dan huwa li l-korp inkwistjoni ma jistax jieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jikkunsidra r-rekwiżiti jew id-direttivi tal-awtoritajiet pubbliċi qabel ma jieħu d-deċiżjoni li allegatament tinvolvi għajnuna mill-Istat. Indikaturi oħra jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, ikunu rilevanti biex jiġi konkluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika hija imputabbli lill-Istat (il-premessi (115) u (116) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

(46)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkunsidrat li seta’ jiġi dedott, fost oħrajn, mill-elementi li ġejjin, meħuda flimkien, li l-miżuri meħuda mill-FITD kienu imputabbli lill-Italja:

(a)

l-FITD ġie fdat bil-liġi b’mandat pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-iffrankar u tad-depożitanti, li kien rifless f’diversi forom ta’ intervent. Id-dispożizzjonijiet tat-TUB, li ppermettew lill-FITD juża r-riżorsi miġbura mill-banek membri għal tipi differenti ta’ interventi ta’ appoġġ, bħal fil-każ inkwistjoni, kellhom jinqraw bħala espressjoni ta’ dak il-mandat pubbliku (il-premessi (117) sa (121) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

Għalkemm l-FITD kien konsorzju rregolat mid-dritt privat, is-sempliċi fatt li kien ikkostitwit fil-forma ta’ korp tad-dritt komuni ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura meħuda minn dan il-korp tista’ tkun imputabbli lill-Istat. L-awtonomija li impriża tgawdi, fil-prinċipju ma tipprevenix l-involviment tal-Istat fil-prattika (il-premessa (122) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali taw lill-BOI l-awtorità u l-mezzi biex jiżgura li l-interventi kollha tal-FITD li jaġixxi bħala SGD rikonoxxuta taħt it-TUB kienu jikkonformaw mal-mandat pubbliku tiegħu u kienu jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-depożitanti. Għalhekk, il-BOI kellu japprova kwalunkwe intervent bħal dan tal-FITD fuq il-merti tiegħu, filwaqt li jivvaluta jekk kienx konformi mal-mandat pubbliku tiegħu taħt it-TUB (il-premessi (123) u (124) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208);

(b)

il-BOI kellu setgħat wiesgħa fuq i-FITD taħt it-TUB u l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kellhom diversi setgħat fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk inkwistjoni, li setgħu jseħħu biss għall-banek taħt amministrazzjoni speċjali. Huma kellhom is-setgħa li jibdew dawk il-miżuri, permezz tat-talba ta’ amministratur speċjali (uffiċjal pubbliku maħtur u ssorveljat mill-BOI), u li jinfluwenzawhom, fid-dawl tas-setgħa tal-BOI li jawtorizzahom fis-sustanza u l-preżenza tal-awtoritajiet pubbliċi fil-laqgħat deċiżjonali rilevanti kollha, fejn setgħu jesprimu tħassib (il-premessi (127) sa (130) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208);

(c)

l-awtoritajiet pubbliċi Taljani eżerċitaw is-setgħat li kellhom fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Id-dokumenti rilevanti li ġew ippreżentati mill-Italja wrew li l-BOI kien awtorizza l-miżuri meħuda mill-FITD fir-rigward tal-interessi tad-depożitanti u tal-klijenti skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TUB u, għalhekk, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ordni pubbliku nazzjonali. In-negozjati bejn l-amministratur speċjali ta’ Tercas u l-BPB tmexxew “f’koordinazzjoni mal-BOI” . Il-BOI stieden ukoll lill-FITD biex jilħaq ftehim ibbilanċjat mal-BPB (il-premessa (131) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kif ukoll ta’ dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), il-Kummissjoni osservat li l-għanijiet u l-finijiet tal-intervent inkwistjoni kienu stabbiliti fid-dettall mill-mandat pubbliku tal-FITD taħt-TUB u kienu kkontrollati fis-sustanza mill-awtoritajiet pubbliċi (il-premessa (132) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

(47)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fuq dik il-bażi li l-kontenut, l-ambitu u l-għan tal-miżuri inkwistjoni kienu tali li l-elementi msemmija hawn fuq urew li nuqqas ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tagħhom kien improbabbli u kien hemm indikaturi suffiċjenti li juru li dawk il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat u ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Anke jekk fil-prinċipju kien possibbli li, meħuda individwalment, xi wħud mill-elementi msemmija hawn fuq jistgħu fihom infushom ma jkunux suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-miżuri kienu imputabbli lill-Istat, meħuda b’mod ġenerali, dak is-sett ta’ indikaturi wera l-imputabbiltà tal-miżuri lill-Italja (il-premessi (143), (144) u (145) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208).

2.6.   Sommarju tal-proċedimenti rilevanti tal-Qorti

2.6.1.   Annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1208 mill-Qorti Ġenerali: is-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16

(48)

Bis-sentenza tagħha fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208 għar-raġuni li l-ewwel kundizzjoni li kellha tiġi ssodisfata sabiex l-għajnuna tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jiġifieri li dik l-għajnuna tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ma ġietx issodisfata.

(49)

Fir-rigward, speċifikament, tal-imputabbiltà lill-Italja tal-miżuri meħuda mill-FITD, wara li analizzat il-provi li fuqhom iddependiet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif meħtieġ mill-istandard legali li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kienu involuti fl-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri u lanqas li kienu imputabbli lill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (24).

(50)

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat pubbliku mogħti lill-FITD u l-awtonomija tiegħu fl-adozzjoni tal-miżuri.

(51)

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-miżuri meħuda mill-FITD kienu prinċipalment immirati lejn it-tkomplija tal-interessi privati tal-banek membri tal-FITD u li, filwaqt li dawk l-interessi privati jistgħu jikkoinċidu mal-interess pubbliku, dan ma kienx fih innifsu jindika l-involviment possibbli tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ miżura (25). Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li l-miżuri meħuda mill-FITD ma kinux jagħu effett lil mandat pubbliku mogħti mil-liġi Taljana, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208. Il-mandat pubbliku mogħti lill-FITD kien jikkonsisti biss fir-rimborż tad-depożitanti, bħala SGD, f’każijiet fejn bank membru tal-FITD kien is-suġġett ta’ stralċ obbligatorju (26).

(52)

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ebda fattur dwar l-organizzazzjoni tal-FITD ma kien jorbot lill-FITD mal-awtoritajiet pubbliċi Taljani u li l-Kummissjoni ma kinitx tat prova tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni (27).

(53)

F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-ewwel nett, li l-awtorizzazzjoni mill-BOI tal-miżuri meħuda mill-FITD għall-benefiċċju ta’ Tercas ma kinitx tikkostitwixxi indikatur li kien jippermetti l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Italja, peress li, f’dak ir-rigward, l-Istat kien sempliċiment qed jimmonitorja l-konformità tal-miżuri mal-qafas regolatorju għall-finijiet tas-superviżjoni prudenzjali (28). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-preżenza tar-rappreżentanti tal-BOI fil-laqgħat tal-korpi ta’ governanza tal-FITD ma kinitx tikkostitwixxi provi suffiċjenti tal-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat, peress li dawk ir-rappreżentanti kienu sempliċiment osservaturi mingħajr drittijiet tal-vot u ma setgħux joffru pariri (29). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet provi li juru li l-BOI kien influwenza b’mod deċiżiv in-negozjati li kienu saru bejn, min-naħa waħda, l-FITD u, min-naħa l-oħra, il-BPB u l-amministratur speċjali, u li l-BOI kien uża l-kuntatti tiegħu mal-FITD sabiex jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-miżuri inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali sabet li dawk il-kuntatti kienu sempliċiment ippermettew li l-BOI jiġi infurmat dwar l-iżviluppi fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità superviżorja kompetenti u ma kellhomx impatt fuq id-deċiżjoni tal-FITD li jadotta miżuri għall-benefiċċju ta’ Tercas (30). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rwol tal-amministratur speċjali f’dak il-proċess ma setax ipoġġi f’dubju l-awtonomija tal-FITD sabiex jiddeċiedi jekk jintervjenix. Barra minn hekk, il-provi prodotti ma wrewx li t-talba mressqa mill-amministratur speċjali sabiex l-FITD jintervjeni kienet ir-riżultat ta’ struzzjonijiet mogħtija mill-BOI (31).

(54)

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif meħtieġ mill-istandard legali li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kienu involuti fl-adozzjoni tal-miżuri meħuda mill-FITD, jew, konsegwentement, li dawk il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(55)

Is-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16, li annullat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208, ġiet appellata mill-Kummissjoni.

2.6.2.   Id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell tal-Kummissjoni

(56)

Bis-sentenza tagħha fil-kawża C-425/19 P, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16.

(57)

Fir-rigward speċifikament tal-imputabbiltà lill-Italja tal-miżuri meħuda mill-FITD, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball meta ddeċidiet li l-provi mressqa mill-Kummissjoni sabiex turi l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fuq l-FITD ma kinux jippermettu li l-miżuri inkwistjoni jiġu imputati lill-Italja.

(58)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx irrikjediet li l-Kummissjoni tissodisfa standard ogħla ta’ prova, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, unikament minħabba l-fatt li l-FITD kien entità privata, iżda kienet siltet il-konklużjonijiet xierqa mid-differenzi oġġettivi bejn sitwazzjoni fejn l-entità li tipprovdi l-għajnuna hija impriża pubblika u dik li fiha dik l-entità hija entità privata. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat f’dan ir-rigward li l-evidenza xierqa biex turi li l-imputabbiltà ta’ miżura tirriżulta miċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kuntest li fih tkun ittieħdet dik il-miżura u li n-nuqqas ta’ rabta ta’ natura kapitali bejn l-entità kkonċernata u l-Istat huwa rilevanti f’dak ir-rigward (32).

(59)

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ “emanazzjoni tal-Istat”, li ġiet żviluppata bl-għan li tippermetti lill-individwi jiddependu fuq dispożizzjonijiet bla kundizjonijiet u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva li mhijiex trasposta jew hija trasposta b’mod skorrett, kontra organizzazzjonijiet jew korpi li huma soġġetti għall-awtorità jew il-kontroll tal-Istat, ma tistax tiġi applikata għall-kwistjoni dwar jekk miżuri ta’ għajnuna humiex imputabbli lill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (33).

(60)

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx naqset milli twettaq analiżi kumplessiva tal-provi prodotti mill-Kummissjoni. Kien fuq il-bażi tal-analiżi tal-provi kollha li fuqhom kienet iddependiet il-Kummissjoni, meħuda fil-kuntest xieraq tagħha, li l-Qorti Ġenerali kienet sabet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fil-liġi meta qieset li hija kienet uriet li l-awtoritajiet Taljani kienu eżerċitaw kontroll pubbliku sostanzjali sabiex jistabbilixxu l-miżuri meħuda mill-FITD għall-benefiċċju ta’ Tercas (34).

3.   KUMMENTI RILEVANTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(61)

Il-partijiet interessati bagħtu kummenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor biss il-kummenti relatati mal-valutazzjoni tal-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri inkwistjoni u għalhekk ma tirriflettix il-kummenti kollha riċevuti.

3.1.   Kummenti mill-Italja

(62)

Fir-rigward tal-imputabbiltà lill-Italja tal-miżuri meħuda mill-FITD, l-Italja bbażat l-analiżi tagħha fuq it-test tal-imputabbiltà kif ġie żviluppat fis-sentenza ta’ Stardust Marine, li hija argumentat li mhijiex sodisfatta fil-każ preżenti għar-raġunijiet li ġejjin.

(63)

L-ewwel nett, l-FITD huwa entità rregolata mid-dritt privat u jieħu d-deċiżjonijiet kollha tiegħu permezz tal-korpi ta’ governanza tiegħu, li l-membri tagħhom huma rappreżentanti tal-banek membri tiegħu u huma kompletament awtonomi. Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għal dawn il-miżuri ta’ appoġġ kien kompletament indipendenti u ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni għall-involviment attiv tal-BOI jew ta’ kwalunkwe korp pubbliku ieħor. Il-fatt li rappreżentant tal-BOI pparteċipa fil-laqgħat tal-korpi ta’ governanza tal-FITD ma setax jitqies bħala indikatur tal-parteċipazzjoni attiva tal-BOI fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, peress li r-rwol tar-rappreżentant kien kompletament limitat għal dak ta’ osservatur passiv.

(64)

L-Italja sostniet ukoll li s-setgħa tal-BOI li japprova l-istatuti tal-FITD u l-emendi għalihom kif ukoll li jawtorizza interventi individwali ma affettwatx il-proċess awtonomu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-FITD, peress li kienet limitata għal sempliċi awtorizzazzjoni ex post mill-BOI fil-kapaċità tiegħu bħala l-awtorità li tissorvelja u tidderieġi l-ġestjoni tal-kriżijiet, skont it-TUB. Id-deċiżjoni tal-BOI kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ ratifika, li kienet limitata għal verifika retrospettiva formali tal-legalità ta’ deċiżjoni “privata” kompletament iffinalizzata. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-fatti u b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mogħtija fid-digriet li permezz tiegħu l-BOI awtorizza l-miżuri meħuda mill-FITD, fejn il-BOI rrikonoxxa li ma kien wettaq l-ebda investigazzjoni dwar il-merti tal-għażliet tal-FITD. Biex issaħħaħ dak l-argument, l-Italja ddikjarat li l-każ preżenti għandu analoġiji ċari mal-każ ta’ Sicilcassa (35), fejn il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-intervent ikkonċernat ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-parteċipazzjoni deċiżiva ta’ entitajiet privati.

(65)

Fir-rigward tal-provi msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-Italja ddikjarat li ma wrietx interferenza mill-BOI fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-FITD. Skont l-Italja, l-amministratur speċjali, minkejja li nħatar mill-BOI, ma kellu l-ebda setgħa li jinfluwenza direttament id-deċiżjoni tal-FITD li jagħti finanzjament lil bank f’diffikultà. Minflok, huwa aġixxa bħala maniġer u rappreżentant legali tal-bank f’amministrazzjoni speċjali u mhux f’isem il-BOI, jiġifieri huwa ħa f’idejh is-setgħat kollha tad-dritt privat tal-korpi ta’ governanza xolti. Barra minn hekk, l-Italja kkontestat li kien hemm indikazzjoni ta’ interferenza mill-BOI. Is-silta f’memo tad-Direttur Ġenerali tal-FITD ddatat it-28 ta’ Mejju 2014 li ssemmi li r-rappreżentant tal-BOI kien stieden lill-FITD biex ifittex ftehim ibbilanċjat mal-BPB sabiex ikopri l-ekwità negattiva kellha tiġi interpretata bħala tama u fl-ebda każ bħala l-iistabbiliment ta’ obbligu. Barra minn hekk, l-Italja nnutat li l-ebda waħda mill-minuti tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi ta’ governanza tal-FITD fir-rigward tal-intervent għall-benefiċċju ta’ Tercas ma jirreġistra xi pożizzjonijiet imressqa mill-BOI li jistgħu jimplikaw eżerċizzju ta’ influwenza fuq l-FITD.

3.2.   Kummenti mill-BOI (36)

(66)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-BOI kkontesta li l-intervent ta’ appoġġ tal-FITD kien imputabbli lill-Istat peress li:

(a)

l-FITD ma wettaqx mandat ta’ ordni pubbliku meta appoġġa lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-uniku mandat ta’ ordni pubbliku tal-SGD kien li jirrimborżaw lid-depożitanti. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 96-bis, il-paragrafu 1 tat-TUB, li ppermettiet lill-FITD jintervjeni b’modi oħra għajr li jħallas direttament lid-depożitanti koperti fi stralċ, ma tistax titqies bħala indikatur tal-imputabbiltà lill-Istat tal-interventi tal-FITD minbarra r-rimborżi tad-depożitanti jew bħala assenjar ta’ mandat ta’ ordni pubbliku lill-FITD. Dik id-dispożizzjoni kienet sempliċiment tippermetti l-użu ta’ forom oħra ta’ interventi;

(b)

il-BOI ma ddeċidiex, la b’mod ġenerali u lanqas fil-każ inkwistjoni, flimkien mal-FITD li jintervjeni b’appoġġ għal impriża partikolari u ma kienx ikkontrolla li l-FITD jaġixxi b’mod konsistenti ma’ kwalunkwe mandat ta’ ordni pubbliku mogħti lilu. Il-BOI eżerċita biss setgħat ta’ superviżjoni fir-rigward tal-objettivi tal-protezzjoni tad-depożitanti, l-istabbiltà tas-sistema bankarja u l-ġestjoni soda u prudenti tal-bank. Barra minn hekk, il-BOI sostna li ma kkontribwiex għat-tfassil jew l-implimentazzjoni tal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD u li kull kuntatt bejnu u l-FITD qabel il-preżentazzjoni formali tal-applikazzjoni għal approvazzjoni tal-BOI mill-FITD ma setax jiġi kklassifikat bħala kontribut tal-BOI għal dawk il-miżuri. Il-BOI sempliċiment ipprovda gwida inizjali, fid-dawl biss tal-parametri leġiżlattivi li kienu jirregolaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti. Il-fatt li l-BOI kien ħatar u ssorvelja l-amministratur speċjali kien irrilevanti fil-każ inkwistjoni, peress li l-kompiti u l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ amministratur speċjali mhumiex differenti ħafna minn dawk ta’ direttur “normali” ta’ impriża privata fi stat ta’ kriżi. L-amministratur speċjali ma aġixxiex f’isem il-BOI. Ir-rappreżentant tal-BOI li attenda l-laqgħat tal-bord u tal-kumitat eżekuttiv tal-FITD kien biss osservatur u ma kellu l-ebda dritt tal-vot. Il-fatt li tilwima bejn i-FITD u l-BPB fir-rigward tal-ammont tal-ekwità negattiva ta’ Tercas ġiet riżolta minn arbitru maħtur mill-BOI huwa irrilevanti peress li kienu l-partijiet, fuq bażi kompletament indipendenti u bi ftehim reċiproku, li kienu talbu lill-BOI jindika individwu, li mbagħad ipproċedew biex jaħtru bħala arbitru;

(c)

il-każ inkwistjoni kien sinifikattivament differenti mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mid-Danimarka, Spanja u l-Polonja, imsemmija fin-nota 28 f’qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet sabet li r-riżorsi użati fl-interventi tal-SGD kienu disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi u għalhekk l-interventi kienu imputabbli lill-Istat.

3.3.   Kummenti minn partijiet interessati oħra

(67)

Il-partijiet interessati l-oħra, jiġifieri l-FITD, il-BPB u Tercas, sostnew li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta ddikjarat li l-SGD kienu estremament probabbli li jagħtu għajnuna mill-Istat peress li huma jaġixxu taħt mandat pubbliku u jibqgħu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi. Huma kkunsidraw li l-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri meħuda mill-FITD kienu imputabbli lill-Istat sempliċiment minħabba l-fatt li dawn l-interventi kienu imposti mil-liġi. Huma rreferew għall-Artikolu 96-bis tat-TUB, li kien jipprevedi li l-SGD “tista’ tipprevedi tipi u forom oħra ta’ intervent”, u sostnew, fost oħrajn , li n-natura mhux obbligatorja tal-interventi tal-FITD kienet tneħħi r-rabta bejn l-azzjoni tal-FITD u l-missjoni statutorja tiegħu.

(68)

L-FITD sostna li huwa kien entità rregolata mid-dritt privat, ikkontrollata u mmaniġġjata mill-banek membri tiegħu, u li aġixxa bħala mezz għall-implimentazzjoni ta’ interventi li kienu direttament attribwibbli lilhom. Il-korp ta’ governanza tal-FITD iddeċieda, fid-diskrezzjoni sħiħa tiegħu, jekk, meta u kif għandu jagħmel interventi ta’ appoġġ, l-uniku rekwiżit li l-intervent ikun irħas mir-rimborż tad-depożitanti. L-FITD ma aġixxa taħt l-ebda mandat pubbliku meta ħa miżuri ta’ appoġġ u l-ebda korp pubbliku ma seta’ jobbligah jintervjeni. L-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-BOI ngħatat biss sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-intervent mill-perspettiva tas-superviżjoni prudenzjali, filwaqt li jiġi żgurat li dan kien kompatibbli mal-ħtieġa li jiġu protetti d-depożitanti u mal-istabbiltà tas-sistema bankarja.

(69)

Barra minn hekk, il-partijiet interessati l-oħra eindikaw li s-sħubija tal-FITD ma kinitx obbligatorja u ma kien hemm l-ebda interferenza mill-Istat la fil-ħatra tal-membri tal-korpi ta’ governanza tal-FITD u lanqas fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu. Il-fatt li l-BOI pparteċipa bħala osservatur, mingħajr drittijiet tal-vot, ma affettwax il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet indipendenti tal-FITD. B’referenza għas-sentenza ta’ EARL Salvat père et fils (37), huma kkunsidraw li sabiex l-għajnuna mill-Istat tkun preżenti, l-Istat għandu jkun irrappreżentat fil-korp deċiżjonali ta’ organizzazzjoni u jkun jista’ jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu.

(70)

Barra minn hekk, il-partijiet interessati l-oħra sostnew li l-FITD kien korp li jirrappreżenta l-interessi tal-banek membri tiegħu u li s-setgħat mogħtija lill-BOI fir-rigward tal-azzjonijiet tal-FITD kienu jippermettulu biss li jsegwi l-għanijiet ta’ sorveljanza ġenerali tiegħu, u b’mod iktar speċifiku s-sorveljanza tal-ġestjoni tajba u prudenti tal-entitajiet sorveljati u l-protezzjoni tal-interessi tad-depożitanti. Il-fatt li l-BOI kien ħatar amministratur speċjali tal-banek fi kriżi ma indikax rabta mal-Istat. L-FITD irndika wkoll li l-amministratur speċjali, minkejja l-ħatra tiegħu mill-BOI, ma kienx rappreżentant tal-awtorità superviżorja. L-amministratur speċjali eżerċita setgħa diskrezzjonali wiesgħa u fuq inizjattiva tiegħu stess, u seta’ jressaq sempliċi talba għal intervent lill-FITD, li baqa’ liberu li jiddeċiedi li jagħmel interventi alternattivi fl-aħjar interess tal-banek membri tiegħu. Fil-każ inkwistjoni, l-amministratur speċjali ma kienx ħa post il-laqgħa ġenerali tal-bank, li kien l-uniku korp awtorizzat li japprova operazzjonijiet ta’ natura eċċezzjonali. Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-intervent tal-FITD mill-BOI, l-FITD sostna li din l-awtorizzazzjoni kienet inħarġet biss wara li l-FITD kien ħa deċiżjoni indipendenti biex jintervjeni u kien jagħmel parti mir-rwol normali ta’ sorveljanza tal-BOI. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-BOI li attenda l-laqgħat tal-bord u tal-kumitat eżekuttiv tal-FITD kien biss osservatur mingħajr drittijiet tal-vot. Barra minn hekk, bħall-Italja, il-partijiet interessati l-oħra sostnew li l-każijiet imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ rigward l-SGD ma kinux komparabbli mal-każ inkwistjoni.

4.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

4.1.   Eżistenza ta’ għajnuna

(71)

Sabiex jiġi aċċertat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina: (i) jekk il-miżura tingħatax mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) jekk il-miżura tipprovdix vantaġġ ekonomiku; (iii) jekk il-miżura tistax tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi b’mod selettiv ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti; (iv) jekk il-miżura taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati sabiex miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(72)

Bis-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208. Notevolment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-miżuri meħuda mill-FITD ma kinux jagħtu effett lil mandat pubbliku mogħti mil-liġi Taljana, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208. Hija evalwat ukoll il-provi li ddependiet fuqhom il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208, u ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dawk il-provi, il-Kummissjoni ma kinitx uriet kif meħtieġ mill-istandard legali li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kienu involuti fl-adozzjoni tal-miżuri meħuda mill-FITD u lanqas li dawk il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(73)

Dik is-sentenza ġiet ikkonfermata fuq appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, bid-deċiżjoni tagħha, bħala Awla Manja, ikkjarifikat il-ġurisprudenza tagħha dwar l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri mogħtija minn entità rregolata mid-dritt privat li la hija organizzazzjoni tal-Istat u lanqas impriża pubblika.

(74)

B’mod partikolari, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni li fiha l-entità li pprovdiet l-għajnuna tkun entità privata, il-provi xierqa sabiex jintwera li miżura hija imputabbli lill-Istat huma differenti minn dawk meħtieġa f’sitwazzjoni fejn l-entità li tipprovdi l-għajnuna tkun impriża pubblika, u l-assenza ta’ rabta ta’ natura kapitali bejn l-entità kkonċernata u l-Istat hija rilevanti b’ mod ċar f’dan ir-rigward. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn ir-rabtiet huma neqsin f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, il-Kummissjoni ma tistax ttiddependi fuq l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ natura kapitali bejn din l-entità u l-Istat. Għalhekk, f’dawn is-sitwazzjonijiet hemm rekwiżit iktar strett biex il-Kummissjoni tippreżenta provi li jistgħu jistabbilixxu li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi.

(75)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li kien fuq il-bażi tal-analiżi tal-provi kollha li fuqhom iddependiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1208, meħuda fil-kuntest tagħha, li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif meħtieġ li l-miżuri meħuda mill-FITD kienu imputabbli lill-Italja.

(76)

F’dan l-isfond, peress li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova rilevanti oħra li tista’ turi kif meħtieġ mill-istandard legali li l-miżuri inkwistjoni kienu ttieħdu mill-FITD taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet Taljani, għandu jiġi konkluż li, fuq il-bażi tal-provi disponibbli għall-Kummissjoni, dawk il-miżuri mhumiex imputabbli lill-Italja.

4.2.   Konklużjoni

(77)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-provi fli hija għandha mhumiex suffiċjenti biex juru li l-miżuri meħuda mill-FITD jinvolvu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

5.   KONKLUŻJONI

(78)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri meħuda mill-FITD għall-benefiċċju ta’ Tercas fl-2014 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tal-Italja, Fondo interbancario di tutela dei depositi, għall-benefiċċju ta’ Tercas fl-2014 ma jikkostitwixxux għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Didier REYNDERS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 136, 24.4.2015, p. 17.

(2)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat-23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-bank Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU L 203, 28.7.2016, p. 1).

(4)  Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni, T-98/16, T-196/16 u T-198/16, ECLI: EU:T:2019:167.

(5)  Is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et, C-425/19 P, ECLI: EU:C:2021:154.

(6)  Bejn il-5 ta’ Diċembru 2011 u t-23 ta’ Marzu 2012, il-BOI wettaq spezzjoni fuq Tercas. Matul l-ispezzjoni, il-BOI sab għadd kbir ta’ irregolaritajiet u kwistjonijiet mifruxa rigward: i) il-ġestjoni u l-governanza tal-bank; ii) il-funzjoni tal-awditjar intern; iii) il-proċess tal-kreditu; iv) id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-korpi ta’ governanza u lill-korp ta’ sorveljanza.

(7)   Decreto legislativo 1° settembre 1993, n. 385 — “Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia” (Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana, Serie generale n. 230, 30.9.1993 — Supplimento ordinario n. 92). Ir-referenzi għat-TUB għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD.

(8)  Għal raġunijiet ta’ irregolaritajiet amministrattivi serji u ksur serju tal-liġijiet.

(9)  Ir-referenzi għall-istatuti tal-FITD għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD.

(10)  Ara l-premessa (43).

(11)  Il-minuti tal-laqgħa tal-azzjonisti, repertorio n. 125.149, raccolta n. 28.024 del 29 luglio 2014 , in-Nutar Dr. Vincenzo Galeota.

(12)  Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5).

(13)  L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19/KE.

(14)   “Le banche italiane aderiscono a uno dei sistemi di garanzia dei depositanti istituiti e riconosciuti in Italia. Le banche di credito cooperativo aderiscono al sistema di garanzia dei depositanti costituito nel loro ambito”.

(15)  L-Artikolu 25 tal-istatuti tal-FITD u l-Artikoli 9 sa 14 tal-Anness tal-istatuti tal-FITD.

(16)  L-Artikoli 3 sa 15 tal-istatuti tal-FITD.

(17)  L-Artikolu 12(3) tal-istatuti tal-FITD.

(18)  L-Artikolu 13(10) tal-istatuti tal-FITD. F'dak iż-żmien, Unicredit, Intesa Sanpaolo u Monte dei Paschi di Siena kienu rrappreżentati minn żewġ membri kull wieħed. Credem, Credito Valtellinese, BNL, Deutsche Bank, Cariparma, Veneto Banca, CheBanca, BPM, Banco Desio e della Brianza, UBI, Banca di Credito Popolare Torre del Greco, Cassa di Risparmio di Rimini, Banca Popolare Pugliese, Unipol Banca, Banco Popolare, Banca Popolare dell’Emilia-Romagna u banca del Piemonte kienu rrappreżentati minn membru wieħed kull wieħed.

(19)  Ara l-Artikoli 16, 17 u 18 tal-istatuti tal-FITD.

(20)  L-Artikolu 17(1), il-punt (a), tal-istatuti tal-FITD.

(21)  L-Artikolu 14(1), il-punt (e), tal-istatuti tal-FITD.

(22)  Skont l-Artikolu 1(627) ta’ “Legge 7 dicembre 2013, n. 147 — “Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (Legge di stabilità 2014)” (“Liġi 147/2013”), “Ai fini del riassetto economico e finanziario dei soggetti in amministrazione straordinaria, gli interventi di sostegno disposti dal Fondo interbancario di tutela dei depositi non concorrono alla formazione del reddito dei medesimi soggetti”. Skont l-Artikolu 1(628) tal-Liġi 147/2013, “L’efficacia delle disposizioni del comma 627 è subordinata all’autorizzazione della Commissione europea”.

(23)  Is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, ECLI: EU:C:2002:294.

(24)  Is-sentenza fil-kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16, il-punt 132.

(25)   Ibid, il-paragrafi 96 sa 99.

(26)   Ibid, il-paragrafi 100 sa 106.

(27)   Ibid, il-paragrafi 113 u 132.

(28)   Ibid, il-paragrafi 115 sa 120.

(29)   Ibid, il-paragrafi 121 sa 124.

(30)   Ibid, il-paragrafi 125, 126 u 127.

(31)   Ibid, il-paragrafi 128 sa 131.

(32)  Is-sentenza fil-kawża C-425/19 P, il-punti 69 sa 73.

(33)   Ibid, il-paragrafu 77.

(34)   Ibid, il-paragrafi 80 sa 85.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/600/KE tal-10 ta’ Novembru 1999 li tapprova b’mod kundizzjonali l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-banek pubbliċi Banco di Sicilia u Sicilcassa (notifikata bid-dokument numru C(1999) 3865) (ĠU L 256, 10.10.2000, p. 21).

(36)  Il-BOI bagħat il-kummenti tiegħu bħala parti terza, u, bħala tali, mhumiex ippreżentati flimkien mal-kummenti tal-Italja f’din it-taqsima. Madankollu, peress li l-BOI huwa istituzzjoni pubblika li l-imġiba tagħha bħala tali hija dik tal-Istat Membru u ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-TFUE fuq il-bażi li huwa korp indipendenti, huwa msemmi wkoll bħala “l-Italja” fit-taqsima rigward il-valutazzjoni tal-miżuri.

(37)  Is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, EARL Salvat père & fils u oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-136/05, ECLI: EU:T:2007:295, il-punt 154.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2033/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)