KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑22 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑416/24 u C‑417/24

On Air Media Professionals SRL

vs

Agenţia pentru Întreprinderi Mici şi Mijlocii (C‑416/24)

u

Different Media SRL

vs

Ministerul Antreprenoriatului şi Turismului - Agenţia pentru Întreprinderi Mici și Mijlocii, Atragere de Investiţii şi Promovarea Exportului Iaşi (C‑417/24)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Żball ta’ traduzzjoni fil-verżjoni Rumena – Effetti legali tar-regolament li jirrettifika dan l-iżball – Possibbiltà ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija qabel ir-rettifika abbażi tal-verżjoni tar-regolament li tinkludi l-imsemmi żball”

I. Introduzzjoni

1.

X’inhu d-destin ta’ miżuri ta’ għajnuna mogħtija minn Stat Membru abbażi ta’ verżjoni lingwistika żbaljata ta’ regolament tal-Kummissjoni Ewropea, iżda li ġiet ippubblikata regolarment f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea? Din hija d-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, essenzjalment, tirrispondi f’din il-kawża, peress li r-Rumanija tat, abbażi tal-verżjoni Rumena tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“RĠEK”), ċerta għajnuna lil impriżi li ma kellhomx jibbenefikaw minnha.

2.

Mistoqsija jekk, f’tali sitwazzjoni, Stat Membru huwiex obbligat jipproċedi għall-irkupru ta’ tali għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tispeċifika l-portata ta’ diversi prinċipji relatati mal-pubblikazzjoni u mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-sistema lingwistika tal-Unjoni Ewropea.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-RĠEK

3.

Il-premessa 14 tar-RĠEK tiddikjara:

“Għajnuna mogħtija lil intrapriżi f’diffikultà għandha tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, billi din l-għajnuna għandha tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ intrapriżi f’diffikultà tal‑1 ta’ Ottubru 2004 kif estiżi mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà tal‑1 ta’ Ottubru 2004 jew il-Linji Gwida suċċessivi, biex dawn ma jkunx hemm min idur magħhom, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ċerti diżastri naturali jikkawżaw. Biex ikun hemm ċertezza legali, ikun xieraq li jkunu stabbiliti kriterji ċari li ma jeħtiġux valutazzjoni tal-partikularitajiet kollha tas-sitwazzjoni ta’ impriża biex ikun determinat jekk impriża hix ikkunsidrata li tinsab f’diffikultà għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”

4.

L-Artikolu 1(4)(c) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(c)

għajnuna lil impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali.”

5.

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-punt 18(a) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

18.

‘intrapriża f’diffikultà’ tfisser intrapriża li sseħħ fir-rigward tagħha mill-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)

Fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata (minbarra [impriża żgħira jew ta’ daqs medju (SME)] li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin jew, għall-għanijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ finanzjament ta’ riskju, SME li fi żmien 7 snin minn meta l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha jikkwalifika għal investimenti ta’ finanzjamenti ta’ riskju wara diliġenza dovuta mill-intermedjarju finanzjarju magħżul), fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa bħala riżultat ta’ telf akkumulat […]” ( 3 )

6.

F’dak li jirrigwarda din id-dispożizzjoni, it-termini “li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin” ġew tradotti, fil-verżjoni Rumena, bi “li tkun ilha teżisti għal tal-inqas tliet snin” ( 4 ).

2. Ir-Regolament (UE) 2021/452

7.

Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament (UE) 2021/452 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ rettifika”) jiddikjaraw:

“(1)

Il-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-[RĠEK] fiha żbalji fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(18)(a) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(18)(b) li jbiddlu t-tifsira tad-dispożizzjonijiet.

(2)

Għalhekk, il-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-[RĠEK] jenħtieġ li tiġi kkoreġuta skont dan. Il-verżjonijiet bil-lingwi l-oħra mhumiex affettwati.”

8.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Ir-[RĠEK] huwa rrettifikat kif ġej:

1

L-ewwel sentenza tal-punt 18(a) tal-Artikolu 2 hija ssostitwita b’dan li ġej: ‘Fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata (minbarra SME li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin jew, għall-għanijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ finanzjament ta’ riskju, SME li fi żmien 7 snin minn meta l-ewwel bejgħ kummerċjali tagħha jikkwalifika għal investimenti ta’ finanzjamenti ta’ riskju wara diliġenza dovuta mill-intermedjarju finanzjarju magħżul), fejn aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa bħala riżultat ta’ telf akkumulat.’

[…]”

9.

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu [fil-Ġurnal Uffiċjali].”

3. Id-Deċiżjoni C(2020) 5949 final

10.

Permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 5949 final ( 6 ), il-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat intitolata “Appoġġ għas-SME u għall-impriżi l-kbar sabiex jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19” (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), li r-Rumanija kkomunikatilha fl‑20 ta’ Awwissu 2020.

11.

Il-premessi 16 u 47 ta’ din id-deċiżjoni jiddikjaraw:

“16.

Ma tista’ tingħata ebda għajnuna abbażi tal-miżura lil impriżi f’diffikultà fis-sens tar-Regolament ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija (‘RĠEK’), tar-Regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija fis-settur agrikolu (‘REKA’) [ ( 7 )] jew tar-Regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (‘REKS’) [ ( 8 )] fil‑31 ta’ Diċembru 2019.

[…]

47.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Qafas Temporanju. B’mod partikolari:

[…]

•

Ma tista’ tingħata ebda għajnuna abbażi tal-miżura lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà fil‑31 ta’ Diċembru 2019 (ara l-premessa 16). Għalhekk il-miżura hija konformi mal-punt 22(c) tal-Qafas Temporanju; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

B.   Id-dritt Rumen

1. L-OUG Nru 130/2020

12.

L-Artikolu 4(1) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 130/2020 privind unele măsuri pentru acordarea de sprijin financiar din fonduri externe nerambursabile, aferente Programului operațional Competitivitate 2014‑2020, în contextul crizei provocate de COVID‑19, precum și alte măsuri în domeniul fondurilor europene (id-Digriet Governattiv ta’ Emerġenza Nru 130 dwar Ċerti Miżuri Intiżi li Jagħtu Għajnuna Finanzjarja minn Sussidju Estern, b’Rabta mal-Programm Operattiv fil-Qasam tal-Kompetittività 2014‑2020 (POC 2014‑2020), fil-Kuntest tal-Kriżi Kkawżata mill-COVID‑19, kif ukoll Miżuri Oħra fil-Qasam tal-Fondi Ewropej), tal‑31 ta’ Lulju 2020 ( 9 ) (iktar ’il quddiem id-“DGE Nru 130/2020”), jistabbilixxi:

“Il-mikrosussidji għandhom jammontaw għal EUR 2000 u għandhom jingħataw darba waħda biss, fil-forma ta’ ammont f’daqqa, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 [ĠU 2013, L 347, p. 289, rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 25], kif emendat, u skont l-Artikolu 67(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 [ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155].”

13.

Skont l-Artikolu 6 tad-DGE Nru 130/2020, il-mikrosussidji previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan id-digriet governattiv ta’ emerġenza għandhom jingħataw, abbażi ta’ kuntratt ta’ għajnuna mill-Istat, lill-benefiċjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin b’mod kumulattiv: a) ikunu eżerċitaw attività kurrenti/operattiva matul tal-inqas sena kalendarja qabel id-data li fiha titressaq it-talba ta’ finanzjament, b’eċċezzjoni tal-PFA/CMI li għaliha l-bidu tal-attività jista’ jseħħ mhux iktar tard mill‑1 ta’ Frar 2020; b) ikunu kisbu dħul mill-bejgħ matul is-sena finanzjarja preċedenti għat-tressiq tat-talba ta’ finanzjament tal-inqas tal-ekwivalenti f’lei Rumeni (RON) ta’ EUR 5000 fid-data li fiha titressaq it-talba ta’ finanzjament, b’eċċezzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 5(1)(a), benefiċjarji li nħolqu fl‑2019, bi dħul mill-bejgħ ta’ inqas minn EUR 5000, li għalihom il-limitu minimu ta’ dħul mill-bejgħ jiġi kkalkolat billi n-numru ta’ xhur sħaħ ta’ attività tal‑2019 jiġi mmultiplikat bl-ammont ta’ EUR 415, u tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat previsti fl-Artikolu 5(1)(b) u (c); c) iżommu l-attività tagħhom matul perijodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur mill-għoti ta’ appoġġ fil-forma ta’ mikrosussidji.

14.

L-Artikolu 32 tad-DGE Nru 130/2020 jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-regoli dwar l-għoti tal-għajnuna mill-Istat huma previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME, ippreżentata għall-opinjoni tal-Kummissjoni u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-emenda u/jew iż-żieda tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME tieħu effett mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni.

2. Id-Digriet Nru 1060/2857/2020

15.

L-Artikolu 3 tal-Anness tal-Ordinul nr. 1060/2857/2020 pentru aprobarea Schemei de ajutor de stat – Sprijin pentru IMM-uri în vederea depășirii crizei economice generate de pandemia de COVID‑19 (id-Digriet Nru 1060/2857/2020 għall-Approvazzjoni tal-Iskema ta’ Għajnuna mill-Istat – Appoġġ għas-SME sabiex Jegħlbu l-Kriżi Ekonomika u Finanzjarja Kkawżata mill-Pandemija tal-COVID‑19), tat‑8 ta’ Settembru 2020 ( 10 ) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1060/2857/2020”), maħruġ mill-Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Enerġija u għall-Qasam tan-Negozju, ir-Rumanija) u mill-Ministerul Fondurilor Europene (il-Ministeru tal-Fondi Ewropej, ir-Rumanija), jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“[…]

3.6

‘impriżi f’diffikultà’ – skont il-punt 18(a) tal-Artikolu 2 tar-[RĠEK], impriża titqies li tinsab f’diffikultà fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: i) fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (minbarra SME li tkun ilha teżisti għal tal-inqas tliet snin), fejn iktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa b’riżultat ta’ telf akkumulat. Dan huwa l-każ meta t-tnaqqis tat-telf akkumulat mir-riżervi (u mill-elementi kollha l-oħra ġeneralment meqjusa li jagħmlu parti mill-fondi proprji tal-kumpannija) iwassal għal ammont akkumulat negattiv li jaqbeż nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni,‘kumpannija b’responsabbiltà limitata’ tirreferi b’mod partikolari għat-tipi ta’ impriżi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ ( 11 )] u l-‘kapital azzjonarju’ jinkludi, jekk ikun il-każ, il-primjums ta’ ishma […]”.

16.

Skont il-punt 6.19 ta’ dan l-anness, il-kriterji ġenerali ta’ eliġibbiltà sabiex wieħed jibbenefika minn finanzjament taħt il-miżuri ta’ din l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat huma dawn li ġejjin: a) il-benefiċjarji ma jkunux jinsabu, fil‑31 ta’ Diċembru 2019, fi stat ta’ diffikultà fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK; b) ebda deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat ma tkun inħarġet jew ġiet eżegwita fil-konfront tagħhom; c) ma jkunux suġġetti għal arranġament mal-kredituri, għal proċeduri ta’ stralċ, ta’ insolvenza jew ta’ falliment.

3. Id-Digriet Nru 2989/2020

17.

Il-punt 8.11 tal-Ordinul nr. 2989/2020 privind aprobarea Procedurii de implementare a măsurii “Microgranturi acordate din fonduri externe nerambursabile” din cadrul schemei de ajutor de stat instituite prin Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 130/2020 privind unele măsuri pentru acordarea de sprijin financiar din fonduri externe nerambursabile, aferente Programului operațional Competitivitate 2014 – 2020, în contextul crizei provocate de COVID‑19, precum și alte măsuri în domeniul fondurilor europene (id-Digriet Nru 2989/2020 dwar l-Approvazzjoni tal-Proċedura tal-Implimentazzjoni tal-Miżura “Mikrosussidji Mogħtija minn Fondi Esterni li Ma Jistgħux Jiġu Rrimborsati” fil-Kuntest tal-Iskema ta’ Għajnuna mill-Istat Stabbilita mid-DGE Nru 130/2020), tat‑30 ta’ Settembru 2020 ( 12 ), jistabbilixxi, essenzjalment, li għajnuna mill-Istat għandha tiġi rkuprata kollha kemm hi jekk, wara l-verifiki mwettqa wara l-iffirmar tal-kuntratti ta’ finanzjament, jiġi kkonstatat li l-benefiċjarju ma jaqax taħt il-kategorija tal-benefiċjarji eliġibbli previsti fid-DGE Nru 130/2020.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Fl‑20 ta’ Awwissu 2020, ir-Rumanija kkomunikat l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema ta’ għajnuna permezz tad-Deċiżjoni C (2020) 5949 final.

19.

Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni, ma setgħet tingħata ebda għajnuna, abbażi tal-iskema awtorizzata, lil impriżi li kienu f’diffikultà, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK, fil‑31 ta’ Diċembru 2019. Kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-imsemmija deċiżjoni, din kienet waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna, neċessarja, xierqa u proporzjonata u għalhekk kompatibbli mas-suq intern.

20.

Wara l-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni C(2020) 5949 final, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet implimentata permezz tad-Digriet Nru 1060/2857/2020.

21.

L-Artikolu 4(1) ta’ dan id-digriet kien jipprevedi l-għoti ta’ għajnuna f’ammont massimu ekwivalenti għal EUR 2000 għal kull benefiċjarju għal ċerti kategoriji ta’ SME.

22.

Skont id-Deċiżjoni C(2020) 5949 final, wieħed mill-kriterji ġenerali ta’ eliġibbiltà li kellhom jiġu ssodisfatti mill-benefiċjarji li jitolbu finanzjament kien, skont il-punt 6.19 tal-Anness tal-imsemmi digriet, li ma jkunux f’diffikultà fil‑31 ta’ Diċembru 2019, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK. Id-definizzjoni ta’ “intrapiża f’diffikultà”, mogħtija f’dan l-artikolu, kienet imfakkra fil-punt 3.6(i) ta’ dan l-anness tal-istess digriet, u kienet teskludi mill-kamp tiegħu s-SME “li [jkunu ilhom jeżistu] għal tal-inqas 3 snin”.

23.

Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, On Air Media Professionals u Different Media, kumpanniji b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt Rumen, ikkonkludew, fl‑10 ta’ Diċembru 2020, kuntratti ta’ finanzjament li permezz tagħhom kull waħda minnhom ibbenefikat minn mikrosussidju fl-ammont ta’ RON 9679 (madwar EUR 1945), intiż sabiex jgħinhom jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID‑19.

24.

Sussegwentement, kull waħda minn dawn il-mikrosussidji kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat, tat‑8 ta’ Novembru u tat‑18 ta’ Ottubru 2022. L-awtoritajiet Rumeni qiesu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet legali sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, minħabba li, fil‑31 ta’ Diċembru 2019, kienu “impriżi f’diffikultà”, fis-sens tal-punt 3.6(i) tal-Anness tad-Digriet Nru 1060/2857/2020, peress li t-telf ta’ kapital irreġistrat minn dawn il-kumpanniji f’din id-data kien jaqbeż sewwa l-kapital sottoskritt tagħhom.

25.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tribunalul Neamț (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț, ir-Rumanija). Huma sostnew li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti għall-kisba tal-mikrosussidji u, b’mod partikolari, li ma kellhomx il-karatteristiċi ta’ impriżi f’diffikultà, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK. Fil-fatt, skonthom, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu mill-kategorija tal-“impriżi f’diffikultà” is-“SME li [jkunu ilhom jeżistu] għal tal-inqas tliet snin”. Issa, ir-rikorrenti kienu ilhom jeżistu għal tlettax u tmintax-il sena, rispettivament, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament tagħhom.

26.

It-Tribunalul Neamț (il-Qorti tal-Kontea ta’ Neamț) ċaħad dawn ir-rikorsi. Dik il-qorti bbażat ruħha fuq il-fatt li l-verżjoni Rumena tar-RĠEK kienet ġiet irrettifikata permezz tar-Regolament ta’ rettifika, wara l-għoti tal-għajnuna, li għaldaqstant kien jistabbilixxi li huma biss SME li jkunu ilhom jeżistu għal inqas minn tliet snin, u mhux, bħal fil-verżjoni inizjali, SME li jkunu ilhom jeżistu għal tal-inqas tliet snin, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà” u għaldaqstant huma eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni.

27.

Dik il-qorti ddeċidiet li r-Regolament ta’ rettifika ma kienx emenda r-RĠEK iżda rrettifika l-verżjoni Rumena tiegħu, peress li l-verżjoni oriġinali, bl-Ingliż, kienet tirreferi, sa mill-adozzjoni tiegħu, għall-impriżi “li jkunu ilhom jeżistu inqas minn tliet snin”. Konsegwentement, hija applikat il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-RĠEK, irrettifikat permezz tar-Regolament ta’ rettifika, u kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà fid-data tat-talbiet tagħhom.

28.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appelli ta’ kassazzjoni quddiem il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju.

29.

Huma jsostnu, fl-ewwel lok, li hija l-emenda introdotta permezz tar-Regolament ta’ rettifika, li seħħet f’Marzu 2021, iktar minn tliet xhur wara l-iffirmar tal-kuntratt u iktar minn xahrejn wara l-użu tas-sussidji għax-xiri ta’ tagħmir neċessarju għall-impriżi, li hija l-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru. Konsegwentement, huma jikkritikaw lill-qorti tal-ewwel istanza li għamlet applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni.

30.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kunċett ta’ “verżjoni oriġinali tar-Regolament”, li jinsab fil-motivi tas-sentenza tal-ewwel istanza. Huma jqisu li dan il-kunċett ma għandux bażi legali, peress li l-lingwa Rumena hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bl-istess mod bħal kwalunkwe waħda mit‑23 lingwa l-oħra.

31.

Fit-tielet lok, huma jirrilevaw li, fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ finanzjament, il-verżjoni Rumena tar-RĠEK kienet ilha fis-seħħ mingħajr emenda għal iktar minn sitt snin u li t-test ta’ dan ir-regolament kien perfettament konformi mal-atti normattivi inċidentali l-oħra kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari d-Digriet Nru 1060/2857/2020, li kien fih test identiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma jsostnu li ppreżentaw it-talba tagħhom għal għajnuna mill-Istat, iffirmaw il-kuntratt ta’ finanzjament u eżegwewh b’bona fides sħiħa.

32.

Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha taqta’ l-kwistjoni jekk l-effett tal-adozzjoni ta’ regolament, jiġifieri r-Regolament ta’ rettifika, li jirrettifika l-verżjoni uffiċjali ta’ regolament tal-Unjoni b’lingwa waħda huwiex l-applikazzjoni retroattiva tal-verżjoni rrettifikata mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament inizjali, jew jekk din tipproduċix effetti biss mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ rettifika.

33.

Hija tistaqsi wkoll jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija b’osservanza tal-kundizzjonijiet li kienu jinsabu inizjalment fil-verżjoni Rumena, f’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża.

34.

Fl-aħħar nett, hija tosserva li l-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi fuq dawn il-kwistjonijiet.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-adozzjoni ta’ regolament li jikkoreġi l-verżjoni uffiċjali bir-Rumen ta’ regolament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-[Regolament ta’ rettifika], għandha bħala effett l-applikazzjoni retroattiva tal-verżjoni kkorreġuta, mid-dħul fis-seħħ tar-regolament inizjali, jew tipproduċi effetti esklużivament għall-futur, wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament li jikkoreġi, fil-każ li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu taw għajnuna mill-Istat konformement mal-kundizzjonijiet previsti mill-verżjoni inizjali bir-Rumen tar-[RĠEK], u jkunu talbu, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [ta’ rettifika], l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija?

2)

L-ekwivalenza tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ regolament tal-Unjoni tfisser li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat membru jistgħu jinvokaw, fir-rigward ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija konformement mal-verżjoni inizjali bir-Rumen tar-[RĠEK], id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [ta’ rettifika] li jikkoreġi l-verżjoni bir-Rumen tar-Regolament Nru 651/2014 sabiex jitolbu l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, fl-assenza ta’ kull ħtija min-naħa tal-benefiċjarju tal-għajnuna?

3)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija b’konformità mal-kundizzjonijiet inizjalment eżistenti fil-verżjoni bir-Rumen, kundizzjonijiet li iżda ma kinux jeżistu fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-[RĠEK], bil-korrezzjoni sseħħ permezz tar-Regolament [ta’ rettifika] fil-verżjoni bir-Rumen wara l-għoti tal-għajnuna mill-Istat?”

36.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Lulju 2024, il-Kawżi C‑416/24 u C‑417/24 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u kif ukoll tas-sentenza.

37.

Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta.

IV. Analiżi

A.   Rimarki preliminari

38.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ta’ rettifika jwassalx għall-applikazzjoni tal-verżjoni lingwistika kkoreġuta b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-RĠEK li huwa jikkoreġi jew jekk jipproduċix effetti biss għall-futur.

39.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-verżjonijiet lingwistiċi jippermettix lil Stat Membru jinvoka, kontra l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija abbażi tal-verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK, il-verżjoni tar-RĠEK ikkoreġuta permezz tar-Regolament ta’ rettifika sabiex jitlob l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

40.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, hija tfittex, essenzjalment, li tistabbilixxi jekk il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija abbażi ta’ verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK li jevita l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

41.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel domanda għandha aspett ta’ prinċipju u tfittex li tidentifika l-effetti ratione temporis ta’ regolament ta’ rettifika li jikkoreġi żball ta’ traduzzjoni fir-RĠEK. Min-naħa tagħhom, it-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw, fuq livell prattiku, l-implikazzjonijiet ta’ tali regolament ta’ rettifika fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna li ngħataw abbażi tal-verżjoni żbaljata li huwa jikkoreġi. Fi kliem ieħor, it-tnejn li huma għandhom bħala suġġett il-kwistjoni tal-portata ta’ tali regolament ta’ rettifika, li tista’ tiġi ddeterminata kompletament biss billi tiġi eżaminata l-possibbiltà, kemm għall-Istat Membru li l-lingwa uffiċjali tiegħu kienet dik tal-verżjoni żbaljata tar-RĠEK kif ukoll għall-individwi, li jinvokaw il-korrezzjoni prevista minn dan ir-regolament ta’ rettifika, u minn liema mument.

42.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa opportun li qabelxejn neżamina l-ewwel domanda preliminari, qabel ma nanalizza, flimkien, it-tieni u t-tielet domanda preliminari.

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

43.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ta’ rettifika għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika, b’mod retroattiv, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-RĠEK.

44.

Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li r-Regolament ta’ rettifika jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, li huwa jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. L-imsemmi regolament għalhekk jipproduċi effetti biss għall-futur. Madankollu, dan ma jfissirx li, għall-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tal-att inizjali u d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ rettifika, għandhom japplikaw regoli differenti skont il-verżjoni lingwistika inkwistjoni, sa fejn dan jippreġudika l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

45.

Għalkemm il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tidher, prima facie, pjuttost kumplessa, fil-fehma tiegħi, dan huwa dovut għall-fatt li ma huwiex faċli li tingħata risposta univoka għall-kwistjoni tal-effetti ratione temporis ta’ regolament ta’ rettifika intiż li jikkoreġi żball ta’ traduzzjoni f’verżjoni lingwistika tar-RĠEK mingħajr analiżi iktar iddettaljata tal-prinċipji li jirregolaw il-pubblikazzjoni tal-atti tad-dritt sekondarju fl-Unjoni u l-applikazzjoni li tirriżulta minnhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-sistema lingwistika tal-Unjoni ( 13 ).

46.

Għalhekk inqis li jkun utli li nfakkar fil-qosor dawn il-prinċipji ( 14 ) kif ukoll il-ġurisprudenza relatata magħhom, qabel ma neżamina l-kwistjoni tal-effetti ratione temporis ta’ regolament, bħar-Regolament ta’ rettifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiż li jirrettifika żball ta’ traduzzjoni f’regolament inizjali.

1. Prinċipji dwar il-pubblikazzjoni tal-atti tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu

47.

Qabelxejn, in-neċessità ta’ pubblikazzjoni tal-atti tad-dritt tal-Unjoni tirriżulta mill-kliem stess tat-Trattat FUE. Kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 297 TFUE jirriżulta li regolament jista’ jkollu effetti legali biss jekk ikun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ( 15 ).

48.

Barra mill-kliem stess tat-Trattati, dan ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni jirriżulta, loġikament, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom ( 16 ).

49.

Barra minn hekk, għalkemm in-neċessità ta’ pubblikazzjoni ta’ att għal raġunijiet ta’ ċertezza legali hija rekwiżit komuni għas-sistemi ġuridiċi kollha tal-Istati Membri, hija timmanifesta ruħha b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, minħabba l-kuntest lingwistiku li fih dan tal-aħħar huwa intiż li japplika.

50.

Għaldaqstant, it-Trattati jipprovdu li t-testi mfassla f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali huma ugwalment awtentiċi, filwaqt li r-Regolament Nru 1 jistabbilixxi li r-regolamenti għandhom jiġu fformulati fil-lingwi uffiċjali. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ test tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur ( 17 ). Dan il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-verżjonijiet lingwistiċi, b’rabta maċ-ċertezza legali, għalhekk jippreżupponi li l-pubblikazzjoni regolari ta’ regolament fir-rigward ta’ Stat Membru li l-lingwa tiegħu hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni għandha tinftiehem bħala l-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, f’din il-lingwa, fil-Ġurnal Uffiċjali ( 18 ) u li, barra minn hekk, tali pubblikazzjoni regolari hija kundizzjoni għall-infurzabbiltà tat-test inkwistjoni fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridici ( 19 ).

51.

Barra milli jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, tali prinċipju jippermetti li jiġu żgurati l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn minnu jirriżulta li kull verżjoni lingwistika tal-istess test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tirċievi l-istess tifsira f’kull Stat Membru u li verżjoni lingwistika ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tingħata prijorità fuq verżjoni lingwistika oħra ( 20 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ekwivalenza tal-verżjonijiet lingwistiċi, sa fejn tippermetti applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, tippreżupponi wkoll li, fil-każ ta’ diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni, din tal-aħħar għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element ( 21 ).

52.

Fl-aħħar nett, sa fejn, kif enfasizzajt, il-pubblikazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni tikkundizzjona li dan l-att jipproduċi effetti legali, hija tippermetti wkoll, bħala regola ġenerali, li jiġi ddeterminat il-mument li fih dawn l-effetti jidħlu fis-seħħ. Fil-fatt, l-Artikolu 297 TFUE jipprovdi li l-atti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu taċċetta ċerta flessibbiltà f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ effett ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-pubblikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li r-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-iskopijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett ( 22 ).

54.

Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ retroattività ta’ att tad-dritt tal-Unjoni jibqa’ l-prinċipju, peress li l-effetti tiegħu huma kkundizzjonati mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Jibqa’ l-fatt li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali u taħt kundizzjonijiet iddefiniti strettament mill-ġurisprudenza, jista’ jiġi aċċettat li att tad-dritt tal-Unjoni jipproduċi effetti legali f’mument qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.

2. L-effetti ratione temporis tar-Regolament ta’ rettifika

55.

Infakkar li, f’dan il-każ, ir-Regolament ta’ rettifika jfittex li jikkoreġi żball ta’ traduzzjoni fil-verżjoni Rumena tar-RĠEK, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kamp tal-benefiċjarji potenzjali ta’ ċerta għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, l-iżball ta’ traduzzjoni wassal għal żball fis-sustanza tad-dispożizzjoni inkwistjoni, mingħajr madankollu ma dan l-iżball iwassal, prima facie, għal diffikultà ta’ interpretazzjoni tat-test peress li l-formulazzjoni tiegħu, għalkemm żbaljata, hija ċara.

56.

Ir-Regolament ta’ rettifika għalhekk jippermetti li l-verżjoni Rumena tar-RĠEK tiġi allinjata mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra u li jiġi kkoreġut l-iżball sostanzjali li kien jirriżulta minnha.

57.

Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk din il-korrezzjoni għandhiex titqies li tipproduċi effetti biss għall-futur, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jew jekk tistax tiġi interpretata fis-sens li l-verżjoni Rumena tar-RĠEK għandha tinqara fil-verżjoni kkoreġuta tagħha mid-dħul fis-seħħ tar-RĠEK u, għalhekk, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ rettifika.

58.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-Regolament ta’ rettifika jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, li huwa jistabbilixxi għall-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, kif enfasizzajt ( 23 ), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ att ma jikkoinċidix neċessarjament ma’ dak tat-teħid ta’ effett tiegħu, peress li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jiġi rrikonoxxut li dan l-att għandu effett retroattiv.

59.

Jidhirli li dan għandu jkun il-każ fil-każ inkwistjoni. Għaldaqstant, minn naħa, ma hemmx dubju li, bil-korrezzjoni tal-iżball ta’ traduzzjoni eżistenti fil-verżjoni Rumena tar-RĠEK permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ rettifika, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jippermetti li s-sustanza tal-verżjoni Rumena ma tibqax differenti b’mod żbaljat mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fi kliem ieħor, ir-Regolament ta’ rettifika jfittex li jilħaq għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-koerenza tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, li jiġġustifika li dan jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effetti retroattivi, jew, b’mod iktar speċifiku, mid-dħul fis-seħħ tar-RĠEK li huwa jikkoreġi. Bl-istess mod, min-naħa l-oħra, l-effett retroattiv tar-Regolament ta’ rettifika jirriżulta b’mod ċar mill-iskop tiegħu, peress li l-għan tiegħu huwa preċiżament li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tar-RĠEK ikunu jaqblu billi jitneħħa żball ta’ traduzzjoni mill-verżjoni Rumena. Għalhekk la jkun effikaċi u lanqas koerenti li jitqies li din il-korrezzjoni tapplika biss għall-futur, u b’hekk jitħallew jeżistu diverġenzi għall-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-RĠEK u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ rettifika.

60.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li r-Regolament ta’ rettifika għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett retroattiv, billi l-iżball fil-verżjoni Rumena li huwa jindika fir-RĠEK għandu jitqies li huwa kkoreġut mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-test tal-aħħar.

C.   Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

61.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ta’ rettifika li jikkoreġi l-verżjoni lingwistika Rumena tar-RĠEK għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna mogħtija abbażi tal-verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK għandha tiġi rkuprata.

62.

B’mod iktar ġenerali, dawn iż-żewġ domandi jqajmu l-kwistjoni tal-possibbiltà, kemm għall-Istat Membru kif ukoll għall-individwi, li jinvokaw ir-Regolament ta’ rettifika, u, fl-affermattiv, minn liema data.

63.

Issa, ma naħsibx li mis-sempliċi effett retroattiv tista’ tiġi dedotta l-possibbiltà li l-Istat Membru jinvoka r-Regolament ta’ rettifika sabiex jeżiġi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-verżjoni żbaljata tar-RĠEK. Kif spjegajt, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex l-uniku prinċipju li jirregola l-kwistjoni tal-pubblikazzjoni u tal-applikazzjoni tal-atti tad-dritt tal-Unjoni. Dan għandu jiġi rrikkonċiljat ma’ prinċipji oħra, fosthom il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

1. Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

a) Id-diversi implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

64.

Għandi nenfasizza li l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta ċara għall-kwistjoni tal-portata tar-Regolament ta’ rettifika, mingħajr ma jiġu speċifikati minn qabel il-limiti ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, jidhirli li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’, skont il-każijiet u skont il-persuna li tinvokah, iwassal għal soluzzjonijiet differenti ( 24 ).

65.

B’mod iktar speċifiku, sa fejn kemm il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-verżjonijiet lingwistiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni joriġinaw, fil-kuntest tal-Unjoni, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-invokazzjoni ta’ dan tal-aħħar tista’ twassal, f’dan il-każ, għal żewġ konklużjonijiet opposti. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jagħtu prijorità lin-neċessità tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu li r-RĠEK bir-Rumen għandu jinqara, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu skont il-verżjoni kkoreġuta permezz tar-Regolament ta’ rettifika.

66.

Bil-maqlub, l-individwi f’dan l-Istat Membru jinvokaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jinvokaw il-verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK, qabel il-korrezzjoni tiegħu permezz tar-Regolament ta’ rettifika. Fil-fehma tiegħi, huwa dan il-kunċett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li wieħed għandu jibbaża ruħu fuqu sabiex tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari, minn naħa, sa fejn dawn ifittxu preċiżament li jiddeterminaw l-effetti tar-Regolament ta’ rettifika fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi fir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, għaliex il-prinċipju ta’ ċertezza legali bħala garanti ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni għandu, f’dan il-każ, il-limiti tiegħu, għar-raġunijiet li ser nispjega.

b) Iċ-ċertezza legali għall-benefiċċju tal-individwi

67.

Mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li huwa biss att ippubblikat b’mod regolari fil-Ġurnal Uffiċjali li jista’ jiġi infurzat fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi ta’ Stat Membru u li l-pubblikazzjoni regolari ta’ dan l-att fir-rigward ta’ Stat Membru għandha tinftiehem bħala l-pubblikazzjoni tiegħu fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru ( 25 ).

68.

Fil-fehma tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jistgħu jinsiltu żewġ konklużjonijiet f’dan il-każ.

69.

Minn naħa, minnha jirriżulta li r-RĠEK, fil-verżjoni Rumena tiegħu vvizzjata bi żball ta’ traduzzjoni, kien ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u għalhekk kien awtentiku, bl-istess mod bħall-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha fl-Istati Membri l-oħra.

70.

Min-naħa l-oħra, u a contrario, minnha jirriżulta wkoll, fil-fehma tiegħi, li l-emenda li tirriżulta mir-Regolament ta’ rettifika, minkejja li tipproduċi effetti retroattivi, ma tistax, f’din is-sitwazzjoni, tiġi infurzata fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li bbażaw ruħhom fuq il-verżjoni żbaljata, iżda ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u li kienet awtentika, tar-RĠEK ( 26 ).

c) L-impossibbiltà li tintuża interpretazzjoni sistematika u teleoloġika għall-finijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni

71.

Il-fatt li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ rettifika, kienet teżisti diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ma jistax jibdel din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza timponi, fil-każ ta’ diverġenzi bejn diversi verżjonijiet lingwistiċi, li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata “skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element” ( 27 ), ma naħsibx li tali interpretazzjoni hija possibbli f’dan il-każ. Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ma huwiex mingħajr limiti, minkejja li din għandha l-għan li tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72.

Għaldaqstant, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat din il-ġurisprudenza f’każijiet ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni, li jiġġustifikaw li jiġu kkunsidrati diversi verżjonijiet lingwistiċi u li, fil-każ ta’ diverġenzi, tintuża interpretazzjoni teleoloġika u sistematika. Dan ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni. Kif enfasizzajt, id-dispożizzjoni żbaljata fil-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-RĠEK kienet ċara, u ma kienet tinvolvi ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni. Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm tali interpretazzjoni hija bħala prinċipju possibbli sabiex tiġi riżolta ambigwità fil-formulazzjoni, hija ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dispożizzjoni ( 28 ). Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ma tistax twassal sabiex tinbidel jew tiġi injorata it-tifsira univoka ta’ dispożizzjoni li tirriżulta b’mod ċar mit-test tagħha.

73.

Huwa minnu li jista’ jiġi sostnut li, f’dak li jirrigwarda Stat Membru li jkun applika dispożizzjoni żbaljata ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, l-istatus tiegħu jagħtih ċertu livell ta’ għarfien tal-leġiżlazzjoni li jagħtih x’jifhem li dispożizzjoni ċara tista’ madankollu tkun żbaljata fil-verżjoni lingwistika tiegħu fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tagħha. Min-naħa l-oħra, tali għarfien ma jistax jiġi preżunt f’dak li jirrigwarda l-individwi, u għalhekk ma jistax jiġi impost fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-obbligu li jivverifikaw il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dispożizzjoni b’formulazzjoni ċara, u li jfittxu l-iskop tagħha u l-kuntest li hija tagħmel parti minnu, minkejja li xejn, fit-test innifsu tad-dispożizzjoni, ma jinvolvi kwalunkwe diffikultà ta’ interpretazzjoni.

74.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni fil-verżjoni Rumena, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali qabel il-korrezzjoni tagħha permezz tar-Regolament ta’ rettifika, li għandha tiġi infurzata fil-konfront ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi ta’ dan l-Istat Membru. B’mod korrelattiv, minn dan jirriżulta li r-Regolament ta’ rettifika ma għandux, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, ikun infurzabbli fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-Istat Membru li jkunu bbenefikaw minn miżuri ta’ għajnuna mogħtija abbażi tal-verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK.

75.

Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2. Fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna interessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni ( 29 ). Fil-fatt, dan id-dritt huwa miftuħ għal kull parti f’kawża li jkollha tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi jkunu tawha assigurazzjonijiet preċiżi. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata ( 30 ).

77.

F’dak li jirrigwarda d-dritt tal-għajnuna mill-Istat, il-ġurisprudenza hija madankollu restrittiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li, fid-dawl tan-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu ( 31 ). B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni, b’mod li tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi li l-għoti ta’ din l-għajnuna huwa regolari ( 32 ).

78.

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan operatur ekonomiku li jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni ( 33 ).

79.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ħin taċċetta l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom seta’ leġittimament jibbaża l-aspettattivi tiegħu fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna u li, konsegwentement, jopponi l-irkupru tagħha ( 34 ).

80.

Kif issostni l-Kummissjoni, jidhirli li dan huwa l-każ fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-verżjoni Rumena tar-RĠEK li tinkludi żball sostanzjali kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, b’mod li kienet awtentika f’dan l-Istat Membru u għalhekk setgħet tnissel fi ħdan il-benefiċjarji tal-għajnuna aspettattivi fil-fatt li huma kienu effettivament jagħmlu parti mill-kamp tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, nirrileva li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, li abbażi tagħhom ingħataw il-miżuri ta’ għajnuna, mhux biss jirriproduċu l-formulazzjoni eżatta tar-RĠEK fil-verżjoni Rumena żbaljata tiegħu, iżda ġew ukoll approvati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, nenfasizza li r-responsabbiltà għall-pubblikazzjoni regolari tat-testi fil-Ġurnal Uffiċjali taqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-iżball li abbażi tiegħu l-għajnuna tħallset lill-benefiċjarji ma kienx imputabbli biss lill-awtoritajiet Rumeni li l-aġir tagħhom kellu jitqies li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll lill-Kummissjoni. Għalhekk l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet, permezz ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, tamiet fondati li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija kienu legali.

81.

Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija abbażi ta’ verżjoni lingwistika żbaljata tar-RĠEK ikkoreġuta permezz tar-Regolament ta’ rettifika.

3. Konklużjoni dwar it-tieni u t-tielet domanda preliminari

82.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li r-Regolament ta’ rettifika li jikkoreġi l-verżjoni lingwistika Rumena tar-RĠEK, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dan jista’ jiġi infurzat fil-konfront ta’ individwi ta’ dan l-Istat Membru li bbenefikaw minn miżuri ta’ għajnuna mogħtija abbażi tal-verżjoni żbaljata tar-RĠEK qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, b’mod li l-Istat Membru ma jistax jinvokah sabiex jeżiġi l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

V. Konklużjoni

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija):

1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/452 tal‑15 ta’ Marzu 2021 li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandu effett retroattiv, billi l-iżball fil-verżjoni bil-lingwa Rumena li huwa jindika fir-Regolament Nru 651/2014 għandu jitqies li huwa kkoreġut mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar.

2)

Ir-Regolament 2021/452, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jistax jiġi infurzat fil-konfront ta’ individwi li, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, ibbenefikaw minn miżuri ta’ għajnuna mogħtija mir-Rumanija abbażi tal-verżjoni bil-lingwa Rumena żbaljata tar-Regolament Nru 651/2014, b’mod li dan l-Istat Membru ma jistax jinvokah sabiex jeżiġi l-irkupru ta’ din l-għajnuna.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71).

( 3 ) Korsiv miżjud minni.

( 4 ) Korsiv miżjud minni.

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Marzu 2021 li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Rumena tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2021, L 89, p. 1).

( 6 ) Deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.58166 (2020/N) – ir-Rumanija – COVID‑19: Appoġġ għas-SME u għall-impriżi l-kbar sabiex jegħlbu l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 (ĠU 2020, C 302, p. 1).

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal‑25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 193, p. 1).

( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas‑16 ta’ Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 369, p. 37).

( 9 ) Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 705, tas‑6 ta’ Awwissu 2020.

( 10 ) Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 835 tal‑11 ta’ Settembru 2020.

( 11 ) Direttiva tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19).

( 12 ) Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 902 tal‑5 ta’ Ottubru 2020.

( 13 ) Infakkar li l-Unjoni għandha 24 lingwa uffiċjali u s-sistema lingwistika tagħha hija ddefinita permezz tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).

( 14 ) Għal analiżi ddettaljata ta’ dawn il-prinċipji, ara Bobek, M., “The Binding Force of Babel: the Enforcement of EC Law Unpublished in the Languages of the New Member States”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, Vol. 9, 2006‑2007, kif ukoll Kalėda S. L., Przejęcie prawa wspólnotowego przez nowe państwo członkowskie: zagadnienia przejściowe i międzyczasowe, WPiPG, Varsavja, 2003.

( 15 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 33).

( 16 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 38).

( 17 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2003, Kyocera (C‑152/01, EU:C:2003:623, punt 32), u tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Saint-Louis Sucre (Rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi) (C‑183/22, EU:C:2023:486, punt 28).

( 18 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 34).

( 19 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 37).

( 20 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 42), kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Rivière et vs Il‑Parlament (C‑767/21 P, EU:C:2023:987, punt 47).

( 21 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2025, Verbraucherzentrale Berlin (Kunċett ta’ perijodu inizjali ta’ impenn) (C‑612/23, EU:C:2025:82, punt 31), u tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 42).

( 22 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 31), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura tal-assigurazzjoni tal-karozzi) (C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 33). Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106).

( 23 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Għaldaqstant, M. Bobek jiddeskrivi l-prinċipju ta’ ċertezza legali bħala “qoxra vojta” li l-kontenut tiegħu jvarja skont il-valuri li fuqhom ikun ibbażat fl-applikazzjoni tiegħu. Ara, Bobek, M., “The Binding Force of Babel: the Enforcement of EC Law Unpublished in the Languages of the New Member States”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, op. cit., p. 14.

( 25 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773, punti 34 u 37).

( 26 ) Dwar dan il-punt, ara Kowalik-Bańczyk, K., “Artikolu 297”, f’Kornobis-Romanowska, D., Łacny, J., Wróbel, A., Traktat o funkcjonowaniu Unii Europejskiej. Komentarz. Tom III (Artikoli 223‑358), 2012, Varsavja.

( 27 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2025, Verbraucherzentrale Berlin (Kunċett ta’ perijodu inizjali ta’ impenn) (C‑612/23, EU:C:2025:82, punt 31), u tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 42).

( 28 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Deterjorament ta’ mergħat ta’ ħuxlief) (C‑47/23, EU:C:2024:954, punt 141), u tal‑21 ta’ Marzu 2024, Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2024:252, punt 58).

( 29 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112), u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97).

( 30 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97).

( 31 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98).

( 32 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98).

( 33 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 104).

( 34 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑5/89, EU:C:1990:320, punt 16).