European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2950

3.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2950

tad-29 ta' Novembru 2024

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

In-N,N-dietil-meta-toluammid ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, in-N,N-dietil-meta-toluammid tqies li kien ġie approvat skont dak ir-Regolament fid-data tal-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dik l-approvazzjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Lulju 2022.

(3)

Fis-26 ta’ Jannar 2021, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 (“l-applikazzjoni”).

(4)

Fl-4 ta’ Ġunju 2021, l-awtorità kompetenti li tevalwa ta’ Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(5)

L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(6)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2146 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 għall-31 ta’ Jannar 2025, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżaminar tal-applikazzjoni.

(8)

Fis-26 ta’ Ġunju 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa infurmat lill-Kummissjoni li tistenna li tippreżenta r-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fit-tielet trimestru tal-2025.

(9)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni terġa’ tiġi posposta għal perjodu ta’ żmien li jkun biżżejjed biex jiġi finalizzat l-eżaminar tal-applikazzjoni. Wara li jitqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, biex l-Aġenzija tħejji u tippreżenta l-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Jannar 2027.

(10)

Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, in-N,N-dietil-meta-toluammid jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, hija posposta għall-31 ta’ Jannar 2027.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2146 tat-3 ta’ Diċembru 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tan-N,N-dietil-meta-toluammid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 (ĠU L 433, 6.12.2021, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2146/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2950/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)