15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1472

tal-20 ta’ Marzu 2020

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 — 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S

(notifikata bid-dokument C(2020) 1683)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni ċċitata (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-13 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għall-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt (“id-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar”) (2).

(2)

Wara fażi ta’ qabel in-notifika, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Diċembru 2014, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dwar il-mudell ta’ finanzjament tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt.

(3)

Fil-5 ta’ Ġunju 2014, fil-5 ta’ Settembru 2014, fis-26 ta’ Novembru 2014, fid-19 ta’ Jannar 2015 u fit-22 ta’ April 2015, il-Kummissjoni rċeviet ħames ilmenti (3) li jallegaw li d-Danimarka kienet tat għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt favur Femern A/S u A/S Femern Landanlæg (4).

(4)

Fit-23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri mogħtija mid-Danimarka lil A/S Femern Landanlæg u Femern A/S (“id-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni”) (5). Il-parti operattiva ta’ dik id-deċiżjoni hija maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri mogħtija lil A/S Femern Landanlæg għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija mat-territorju intern fid-Danimarka ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fit-tieni parti, il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki kieku l-miżuri mogħtija lil Femern A/S għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Fis-16 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet id-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni lill-ilmentaturi.

(5)

Wara rikorsi għal annullament minn żewġ ilmentaturi (6), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni bis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2018 (7) għax il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri mogħtija mid-Danimarka lil Femern A/S għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa (l-infrastruttura minn kosta għal kosta).

(6)

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors. B’mod partikolari, hija ċaħdet l-argumenti tal-applikanti dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri mogħtija lil A/S Femern Landanlæg għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija mat-territorju intern fid-Danimarka ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(7)

Is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018 ġew appellati miż-żewġ ilmentaturi (8).

(8)

Fl-24 ta’ Jannar u fit-22 ta’ Mejju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa mal-awtoritajiet Daniżi. Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom konferenzi bit-telefon mal-awtoritajiet Daniżi fit-12 ta’ April u fl-20 ta’ Ġunju 2019. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu aktar talbiet għal informazzjoni fis-26 ta’ Marzu, fit-18 ta’ April u fl-24 ta’ April 2019. L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew informazzjoni addizzjonali fit-18 ta’ Jannar, fl-4 ta’ Frar, fil-25 ta’ Frar, fit-28 ta’ Marzu, fil-5 ta’ April, fis-7 ta’ Mejju, fit-8 ta’ Mejju, fis-16 ta’ Mejju, fl-20 ta’ Mejju, fit-28 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ġunju 2019.

(9)

Fit-18 u fil-25 ta’ Marzu 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa ma’ Stena Line Scandinavia AB (“Stena Line”) u ma’ Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH (“Scandlines”), rispettivament. Fl-4 ta’ April u fit-13 ta’ Mejju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa man-Naturschutzbund Deutschland e.V. (“NABU”) u mal-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti Żvediżi (Föreningen för Svensk Sjöfart (“FSS”), rispettivament. Il-Kummissjoni rċeviet aktar informazzjoni mingħand il-partijiet interessati fid-29 ta’ Jannar, fl-14 ta’ Frar, fit-18 ta’ Frar, fis-26 ta’ Marzu, fil-15 ta’ April, fis-16 ta’ April, fl-24 ta’ April, fl-24 ta’ Mejju, fid-29 ta’ Mejju, fis-6 ta’ Ġunju u fis-7 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Scandlines fid-29 ta’ Jannar 2019, li għaliha wieġbet fit-8 ta’ Frar 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra oħra mingħand Scandlines fl-20 ta’ Frar 2019, li għaliha wieġbet fit-13 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Stena Line fis-7 ta’ Frar 2019, li għaliha wieġbet fit-28 ta’ Frar 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand NABU fit-18 ta’ Frar 2019, li għaliha wieġbet fit-18 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand FSS fid-19 ta’ Frar 2019, li għaliha wieġbet fit-8 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Verband Deutscher Reeder (“VDR”) fit-12 ta’ Marzu 2019, li għaliha wieġbet fil-21 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Grimaldi Group fit-28 ta’ Marzu 2019, li għaliha wieġbet fis-16 ta’ April 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Trelleborg Port fit-8 ta’ April 2019, li għaliha wieġbet fid-9 ta’ April 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Trelleborg Port fil-15 ta’ April 2019, li għaliha wieġbet fit-2 ta’ Mejju 2019. Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung e.V. fil-15 ta’ April 2019, li għaliha wieġbet fit-2 ta’ Mejju 2019.

(10)

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Daniżi li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-finanzjament pubbliku tal-Konnessjoni Fissa (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”).

(11)

Fil-5 ta’ Lulju 2019, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9). Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar.

(12)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu l-kummenti preċedenti minn Scandlines tas-7 ta’ Ġunju 2019 lill-awtoritajiet Daniżi. Fit-23 ta’ Lulju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu lill-awtoritajiet Daniżi kummenti u osservazzjonijiet preċedenti oħrajn minn Scandlines tat-28 ta’ Jannar 2019 u tad-29 ta’ Mejju 2019.

(13)

Permezz ta’ talbiet suċċessivi, Scandlines talbet għal estensjoni tal-iskadenza sabiex tkun tista’ tibgħat kummenti għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ sal-aħħar ta’ Awwissu jew sal-bidu ta’ Settembru. Fit-22 ta’ Lulju 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni qablu ma’ estensjoni ta’ 10 ijiem tax-xogħol għall-iskadenza sal-20 ta’ Awwissu 2019, li s-servizzi tal-Kummissjoni sussegwentement taw ukoll lil partijiet interessati oħrajn.

(14)

Fis-17 ta’ Awwissu 2019, Scandlines ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li jiġi estiż il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħhom sal-20 ta’ Awwissu 2019, u mhux sal-aħħar tax-xahar kif kienu talbu. Permezz ta’ applikazzjoni separata ppreżentata fl-istess jum, Scandlines talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali biex jordna lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura interim, tissospendi l-investigazzjoni formali u/jew tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni finali, jew tagħti kwalunkwe forma oħra ta’ provvediment provviżorju xieraq.

(15)

Il-President tal-Qorti Ġenerali ma laqax l-applikazzjoni għal provvediment provviżorju permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Settembru 2019 (10). Sussegwentement, Scandlines irtirat ir-rikors relatat għal annullament (11).

(16)

Kien hemm ħdax-il parti interessata li bagħtu l-kummenti tagħhom. L-Assoċjazzjoni Daniża tal-Vapuri bagħtet il-kummenti tagħha fis-16 ta’ Awwissu 2019. Il-European Community Shipowners’ Associations (“ECSA”) issottomettew kummenti fid-19 ta’ Awwissu 2019. FSS bagħtet il-kummenti tagħha fl-20 ta’ Awwissu 2019. Scandlines, Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung e.V., NABU, Rederi Aktiebolaget Nordö-Link, Stena Line, Trelleborg Hamn AB, Rostock Port GmbH u VDR kollha bagħtu l-kummenti tagħhom fil-21 ta’ Awwissu 2019. Il-partijiet interessati huma involuti fl-industrija tat-trasport bil-baħar (operaturi ta' vapuri, portijiet u assoċjazzjonijiet) jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jallegaw interess fl-infrastruttura minn kosta għal kosta. Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Settembru 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tal-ħdax-il parti interessata lill-awtoritajiet Daniżi, li ngħataw l-opportunità li jirreaġixxu. L-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawk il-kummenti fl-4 ta’ Ottubru 2019, liema osservazzjonijiet jikkomplementaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tas-26 ta’ Awwissu 2019.

(17)

Fis-27 ta’ Ġunju, fit-2, fil-5 u fid-9 ta’ Lulju, fit-3 ta’ Ottubru, fl-4, fit-12, fil-15, fid-19, fit-22 u fil-25 ta’ Novembru 2019 u mbagħad fis-7 u fl-14 ta’ Jannar u fis-6 ta’ Frar 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom konferenza bit-telefon mal-awtoritajiet Daniżi. Fit-18 ta’ Diċembru 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa fi Brussell mal-awtoritajiet Daniżi. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu aktar talbiet għal informazzjoni fit-8, fit-12 u fis-17 ta’ Lulju, fit-3 u fit-12 ta’ Settembru, fl-4, fis-17, fit-18 u fl-24 ta’ Ottubru, fil-5, fit-13, fil-25 u fis-27 ta’ Novembru 2019 u mbagħad fis-7 u fid-9 ta’ Jannar u fit-3, fl-4, fl-14, fit-18, fid-19 u fit-28 ta’ Frar 2020. Fl-2019, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu informazzjoni addizzjonali fis-27 ta’ Ġunju, fl-1, fl-4, fil-5, fl-10, fit-12 u fil-15 ta’ Lulju, fil-21 u fis-27 ta’ Awwissu, fit-13 u fis-26 ta’ Settembru, fl-1, fid-9, fil-11, fit-23, fis-27 u fid-29 ta’ Ottubru, fis-6, fis-7, fil-11, fl-14, fit-18, fit-22 u fil-25 ta’ Novembru u fl-10 u fl-20 ta’ Diċembru. Fl-2020, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu informazzjoni addizzjonali fit-3, fis-7, fit-13, fil-15, fil-21 ta’ Jannar, fl-4, fis-6, fil-11, fit-12, fl-14, fl-20 u fil-21 ta’ Frar u fit-3 ta’ Marzu 2020. Permezz tal-komunikazzjoni tagħhom tal-5 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet Daniżi rrevedew in-notifika inizjali.

(18)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet kummenti addizzjonali mingħand Scandlines u Stena Line li fid-dawl tas-Sentenza ta’ Mytilinaios Anonymos Etairia - Omilos Epicheiriseon, (12) il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa li tikkunsidra, billi dawk il-kummenti ntbagħtu tard. Il-Kummissjoni rċeviet dawn il-kummenti addizzjonali mingħand Scandlines fis-26 ta’ Ottubru 2019 u mill-ġdid fl-20 ta’ Frar 2020, li ntbagħtu lill-awtoritajiet Daniżi fl-4 ta’ Novembru 2019 u fit-28 ta’ Frar 2020, rispettivament. L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom għal dawk il-kummenti fis-6 ta’ Novembru 2019 u fit-3 ta’ Marzu 2020, rispettivament. Scandlines kellha konferenza bit-telefon mas-servizzi tal-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2020 u ssottomettiet informazzjoni addizzjonali fil-5 ta’ Marzu 2020. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti addizzjonali mingħand Stena Line fit-13 ta’ Diċembru 2019, li ntbagħtu lill-awtoritajiet Daniżi fit-23 ta’ Diċembru 2019. L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom għal dawk il-kummenti fit-8 ta’ Jannar 2020.

(19)

Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand l-awtoritajiet Daniżi fid-9 ta’ Settembru 2019, li għaliha wieġbet fit-30 ta’ Settembru 2019.

(20)

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet Daniżi qablu li d-deċiżjoni preżenti tiġi adottata u nnotifikata bil-lingwa Ingliża.

Kjarifika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni

(21)

Fit-2 ta’ Awwissu 2016, Scandlines bagħtet ittra ta’ avviż formali lill-Kummissjoni, fejn talbitha tieħu passi fir-rigward ta’ ċerti allegati miżuri ta’ għajnuna favur Femern A/S, li, fil-fehma tagħhom, ma kinux ġew indirizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni tagħha, minkejja li dawk il-miżuri ssemmew fl-ilment tagħhom.

(22)

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni wieġbu għal dik l-ittra. L-ittra indikat li d-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni ttrattat żewġ allegati miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri t-tariffi ferrovjarji mhux kummerċjali u l-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat matul il-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett. Fir-rigward tal-allegati miżuri ta’ għajnuna l-oħrajn, il-Kummissjoni kienet tal-fehma, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (“Regolament Proċedurali”) (13), li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa minn Scandlines ma pprovdewx raġunijiet suffiċjenti biex hija turi, abbażi ta’ investigazzjoni prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali. Għalhekk, hija stiednet lil Scandlines biex tibgħat kwalunkwe kumment li jista’ jkollha fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet dawk il-kummenti fit-30 ta’ Ottubru 2016.

(23)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, Scandlines iddepożitat rikors għall-annullament tal-ittra tat-30 ta’ Settembru 2016 (14). Fl-istess jum, huma ressqu wkoll rikors kontra l-Kummissjoni talli naqset milli taġixxi fuq l-ilment tagħhom (15).

(24)

Fit-30 ta’ Lulju 2018, Scandlines bagħtet it-tieni ittra ta’ avviż formali (16), fejn stiednet lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna l-oħrajn wara l-kummenti tagħha tat-30 ta’ Settembru 2016. Fit-28 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (id-“deċiżjoni tal-2018”) (17) li tikkonferma li l-garanziji tal-Istat favur A/S Femern Landanlæg u s-self tal-Istat favur Femern A/S u A/S Femern Landanlæg, kif ukoll l-allegata għajnuna illegali mogħtija lil hinn mid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar u fil-forma ta’ vantaġġi fiskali, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat. Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-allegata għajnuna illegali lil Femern A/S fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, għax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mhux koperta mid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar. Fl-4 ta’ Jannar 2019, Scandlines ressqet rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (18).

(25)

Permezz ta’ digrieti tat-13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali ddikjarat kemm ir-rikors għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2016 kif ukoll ir-rikors għan-nuqqas ta’ azzjoni bħala inammissibbli (19). Scandlines ressqet appell kontra l-ordni li tiċħad ir-rikors tagħha għal annullament (20).

(26)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni rtirat id-deċiżjoni tal-2018 safejn tirrigwardja l-miżuri mogħtija lil Femern A/S għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa. Għalhekk, dawk il-miżuri huma parti mill-valutazzjoni f’din id-deċiżjoni.

(27)

Kif innotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, din il-proċedura tkopri wkoll il-miżuri kollha rilevanti għall-fażi tal-ippjanar tal-proġett li jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa.

(28)

Din id-deċiżjoni ma tikkonċernax il-miżuri favur A/S Femern Landanlæg rilevanti għall-finanzjament tal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż, kif ikkjarifikat ukoll fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Barra minn hekk, hija ma tkoprix miżuri possibbli oħrajn minbarra dawk imsemmija fit-taqsima 2.4 mogħtija jew allegatament mogħtija mid-Danimarka lil Femern A/S, A/S Femern Landanlæg, Sund & Bælt Holding A/S jew lil kwalunkwe kumpanija relatata oħra.

(29)

Fis-6 ta’ Novembru 2017, Scandlines ressqu ilment addizzjonali dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli użati biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ Femern A/S li allegatament huma relatati mal-promozzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni tal-Konnessjoni Fissa (“attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni”). Il-miżuri msemmija f’dik l-ittra ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u, għalhekk, huma vvalutati f’din id-deċiżjoni.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-PROĠETT U TAL-MIŻURI

2.1.   Il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt

(30)

Il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt jikkonsisti f’infrastruttura minn kosta għal kosta (“Konnessjoni Fissa”) u konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija mat-territorju intern tal-pajjiż.

(31)

Il-Konnessjoni Fissa se tinbena bħala mina fl-ilma bejn Rødby fuq il-gżira ta’ Lolland fid-Danimarka u Puttgarden fil-Ġermanja. Din se tkun twila madwar 19-il kilometru u se tkun tikkonsisti minn linja ferrovjarja elettrifikata u b’żewġ binarji u awtostrada b’erba’ karreġġjati u b’karreġġjati ta’ emerġenza.

(32)

Il-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż jinkludu l-konnessjoni ferrovjarja eżistenti bejn Ringsted u Rødby ta’ madwar 120 kilometru, li hija proprjetà ta’ Banedanmark (“Rail Net Denmark”), il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat. Is-sezzjoni ferrovjarja kollha minn Ringsted sa Rødby se tkun elettrifikata u mgħammra b’sistemi ta’ sinjalazzjoni ġodda skont il-livell 2 (21) tal-ERTMS. Il-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż se jinkludu wkoll it-titjib ambjentali meħtieġ u l-ammeljorament tal-infrastruttura eżistenti tal-awtostrada ta’ Lolland, jiġifieri l-awtostrada E47 eżistenti bejn Rødbyhavn u Sakskøbing. Fl-aħħar nett, is-sezzjoni ferrovjarja eżistenti b’binarju wieħed bejn Vordingborg u Rødby se tiġi estiża għal sezzjoni ferrovjarja b’żewġ binarji.

(33)

L-għan tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali. Il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt se jwassal għal għadd ta’ impatti pożittivi oħrajn f’termini tal-impatt ambjentali, l-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozjar u tisħiħ ġenerali tas-settur tat-trasport. Flimkien mal-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund bejn id-Danimarka u l-Iżvezja, li ilha topera minn Lulju 2000, il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt se jġib miegħu titjib konsiderevoli fuq wieħed mill-aktar kurituri tat-trasport bl-art importanti li jgħaqqdu l-Iskandinavja mal-Ewropa Ċentrali. Il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt kien rikonoxxut ukoll mill-Kummissjoni bħala proġett prijoritarju fil-qafas tat-TEN-T. Barra minn hekk, huwa “proġett identifikat minn qabel” imsemmi bħala tali fl-Anness I, il-parti I, il-punt 2 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

(34)

Fit-tweġiba tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi żiedu li l-ippjanar formali tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt kien diġà beda fl-1991 meta l-Gvern Daniż daħal fit-Trattat mal-Gvern Żvediż dwar l-istabbiliment ta’ konnessjoni fissa li taqsam Øresund (“il-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund”) (23). Skont l-Artikolu 21 tat-trattat Daniż-Żvediż dwar il-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund, il-Gvern Daniż iddikjara li huwa lest li jaħdem fuq it-twettiq ta’ konnessjoni fissa tul il-Fehmarn Belt, diment li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u finanzjarji. Fil-perjodu bejn l-1991 u l-iffirmar bejn id-Danimarka u l-Ġermanja fl-2008, il-Gvernijiet Daniżi u Ġermaniżi wettqu għadd ta’ valutazzjonijiet preparatorji rigward proġett ta’ Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt.

(35)

Skont l-Artikolu 1 tat-“Trattat bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-Konnessjoni Fissa tul il-Fehmarn Belt” (“it-Trattat dwar il-Fehmarn Belt”) (24), id-Danimarka għandha r-responsabbiltà unika u ġġorr ir-riskju sħiħ għall-finanzjament tal-Konnessjoni Fissa tul l-istrett ta’ Fehmarn Belt, kif ukoll għall-ammeljorament tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż. Il-Ġermanja hija responsabbli għall-finanzjament u l-ammeljorament tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Ġermaniż.

(36)

Fiż-żmien tan-notifika tal-2014, l-awtoritajiet Daniżi stmaw li l-ispejjeż totali għall-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa jikkorrespondu għal DKK 54,9 biljun fi prezzijiet tal-2014 (EUR 7,4 biljun (25)). L-ispejjeż relatati mal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-ammeljorament tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż kienu jikkorrespondu għal DKK 9,5 biljun fi prezzijiet tal-2014 (EUR 1,3 biljun). B’kollox, dan kien jammonta għal DKK 64,4 biljun (EUR 8,6 biljun) għall-proġett kollu (attivitajiet ta’ ppjanar, spejjeż tal-kostruzzjoni, riżervi u xogħlijiet oħrajn kemm tal-Konnessjoni Fissa kif ukoll tal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż). Bħala tweġiba għad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi rrevedew in-notifika tagħhom u aġġornaw dawk l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni stmati tal-Konnessjoni Fissa. It-Taqsima 5 ta’ din id-deċiżjoni telabora dwar dan l-aġġornament.

(37)

Il-Kummissjoni tat għotjiet ta’ kofinanzjament totali ta’ EUR 205 miljun mill-2007 sal-2013 għall-attivitajiet tal-ippjanar tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt. Aktar tard il-perjodu ġie estiż għall-2015. Il-proġett kien inkluż ukoll fil-lista ta’ proposti magħżula biex jirċievu assistenza finanzjarja mill-UE fil-qasam tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (“FNE”) – is-Settur tat-Trasport (26). L-awtoritajiet Daniżi speċifikaw li, fil-perjodu 2007-2015, il-proġett fil-fatt irċieva EUR 181 miljun għall-Konnessjoni Fissa. Femern A/S irċeviet impenji għall-appoġġ tal-FNE fil-perjodu 2017-2020 għal ammont ta’ EUR 589 miljun. L-awtoritajiet Daniżi kkjarifikaw li Femern A/S attwalment utilizzat ammonti ta’ madwar EUR 7 miljun.

(38)

F’Settembru 2005, il-kumpanija tal-Istat Sund & Bælt Holding A/S stabbilixxiet il-kumpanija Femern A/S bħala sussidjarja totalment tagħha. Sussegwentement, Femern A/S saret sussidjarja ta’ A/S Femern Landanlæg (27), li hija wkoll sussidjarja ta’ Sund & Bælt Holding A/S.

(39)

Abbażi tal-Att dwar l-Ippjanar (28), il-Ministru Daniż għat-Trasport ħatar lil Femern A/S bħala responsabbli għall-ippjanar tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt. Konsegwentement, Femern A/S wettqet diversi studji u tħejjijiet għall-kostruzzjoni tagħha, b’mod partikolari analiżijiet u evalwazzjonijiet rigward l-aspetti ambjentali, tekniċi u ta’ sikurezza u t-tħejjijiet għall-proċessi ta’ sejħiet għall-offerti biex jitlesta l-proġett. Femern A/S wettqet ukoll l-investigazzjonijiet u l-attivitajiet ta’ tħejjija meħtieġa rigward l-istabbiliment tas-sit ta’ kostruzzjoni futur f’Rødbyhavn. Fl-aħħar nett, Femern A/S hija responsabbli għall-attivitajiet ta’ informazzjoni, li hija jenħtieġ li twettaq f’kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet lokali (29).

(40)

Il-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat fis-16 ta’ Marzu 2009 għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt. Fit-13 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar (30), billi kkonkludiet li, fil-fażi tal-ippjanar, Femern A/S aġixxiet bħala awtorità pubblika u li, għalhekk, kwalunkwe appoġġ kien jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, billi l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-appoġġ pubbliku għall-fażi tal-ippjanar jista’ jinkludi għajnuna mill-Istat favur l-operatur futur tal-Konnessjoni Fissa, hija vvalutat ukoll il-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati u kkonkludiet li dawn jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli.

(41)

Fit-28 ta’ April 2015, il-Parlament Daniż għadda l-abbozz ta’ liġi dwar il-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa u tal-konnessjonijiet mat-territorju intern fid-Danimarka (l-“Att dwar il-Kostruzzjoni”) (31). L-Att dwar il-Kostruzzjoni fih ukoll il-bażi ġuridika għall-operat futur tal-Konnessjoni Fissa. L-Att dwar il-Kostruzzjoni daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2015.

(42)

Fis-6 ta’ Frar 2019, Femern A/S irċeviet l-Approvazzjoni ffirmata tal-Pjan amministrattiv Ġermaniż tal-Konnessjoni Fissa mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Wara l-approvazzjoni tal-Pjan amministrattiv Ġermaniż, fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Parlament Daniż awtorizza lil Femern A/S biex tibda l-ewwel xogħlijiet ta’ kostruzzjoni speċifikati għall-Konnessjoni Fissa fuq in-naħa Daniża. B’mod aktar speċifiku, Femern A/S intalbet tinnegozja l-ftehimiet meħtieġa mal-kuntratturi sabiex tibda l-attivitajiet li ġejjin: il-kostruzzjoni tal-fabbrika tal-elementi tal-mina, l-istabbiliment ta’ port tax-xogħol, l-istabbiliment tal-portal tal-mina fuq in-naħa Daniża, l-istabbiliment tal-kamp u tal-faċilitajiet tal-amministrazzjoni, l-iżgurar li l-kuntrattur rilevanti jibda l-akkwist ta’ tagħmir marittimu speċjali u attivitajiet preparatorji minuri.

2.2.   Il-Konnessjoni Fissa

(43)

Bl-Att dwar il-Kostruzzjoni, Femern A/S inħatret bħala l-proprjetarja tal-Konnessjoni Fissa (32), bl-iskop uniku li ġġestixxi l-kostruzzjoni, l-operat u l-finanzjament tagħha (33). F’din il-kapaċità, hija se tkun ukoll il-maniġer tal-infrastruttura tal-link ferrovjarju fil-Konnessjoni Fissa. L-Att dwar il-Kostruzzjoni jippermetti lil Femern A/S tikseb self u tuża strumenti finanzjarji oħrajn għal skopijiet relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa.

(44)

Femern A/S tista’ tiffinanzja l-Konnessjoni Fissa b’self miksub mis-suq finanzjarju internazzjonali. Il-Gvern Daniż jista’ jipprovdi garanzija tal-gvern għal dak is-self. B’mod alternattiv, Femern A/S tista’ tiffinanzja l-proġett permezz ta’ self mill-Istat.

(45)

Femern A/S se tkun intitolata tiġbor pedaġġi mingħand l-utenti tal-infrastruttura tat-toroq tal-Konnessjoni Fissa. Il-Ministru għat-Trasport se jiddetermina l-livell ta’ dawk it-tariffi u l-prinċipji għall-aġġustament ta’ dawk it-tariffi (34). Femern A/S tista’ tbiddel l-iskemi ta’ skontijiet ġenerali eżistenti u tintroduċi skemi ta’ skontijiet ġodda biss sal-punt li dan ma jaffettwax materjalment il-livell ta’ ħlas iddeterminat mill-Ministru għat-Trasport. Hija se tkun intitolata wkoll għal tariffi ferrovjarji għall-użu tal-link ferrovjarju fil-Konnessjoni Fissa. Il-Ministru għat-Trasport se jiffissa dawk it-tariffi wkoll (35). L-istruttura magħżula tinvolvi li l-pedaġġi u t-tariffi ferrovjarji se jkopru kemm l-ispejjeż operatorji u tal-manutenzjoni tal-Konnessjoni Fissa u tal-konnessjonijiet ferrovjarji mat-territorju intern Daniż, kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-pagamenti tal-imgħax u mal-pagamenti parzjali tas-self rilevanti għad-dejn maħluq mill-ippjanar u mill-kostruzzjoni tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt.

(46)

It-twettiq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa huwa miftuħ għall-impriżi potenzjali kollha fuq termini ugwali u mhux diskriminatorji, billi Femern A/S applikat proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’konformità mal-liġi dwar l-akkwist pubbliku għall-attribuzzjoni tal-kuntratti kollha tal-kostruzzjoni.

2.3.   Il-konnessjonijiet tat-triq u tal-ferrovija mat-territorju intern (36) Daniż

(47)

A/S Femern Landanlæg inħatret biex iġġestixxi l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż (37). Il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet ferrovjarji mat-territorju intern tal-pajjiż se jsiru minn Rail Net Denmark f’isem l-Istat Daniż u jiġu ffinanzjati minn A/S Femern Landanlæg. Rail Net Denmark, bħala l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja Daniża, hija responsabbli għall-ispejjeż kollha relatati mal-operat tal-infrastruttura ferrovjarja Daniża, inklużi l-konnessjonijiet ferrovjarji mat-territorju intern tal-pajjiż. Il-kostruzzjoni tal-ameljorament neċessarju tal-konnessjonijiet tat-toroq mat-territorju intern tal-pajjiż se ssir mid-Direttorat tat-Toroq Daniż f’isem l-Istat Daniż u tiġi ffinanzjata minn A/S Femern Landanlæg. Il-konnessjonijiet tat-toroq mat-territorju intern tal-pajjiż se jkunu parti min-netwerk ġenerali tal-infrastruttura tat-toroq tad-Danimarka, li huwa ffinanzjat, operat u miżmum f’kundizzjoni tajba mid-Direttorat tat-Toroq Daniż.

(48)

Il-linja ferrovjarja b’żewġ binarji eżistenti minn Ringsted sa Vordingborg u l-linja ferrovjarja b’binarju wieħed eżistenti minn Vordingborg sa Rødby, inkluża s-sistema ta’ sinjalazzjoni ġdida installata fuq din is-sezzjoni, huma proprjetà ta’ Rail Net Denmark. A/S Femern Landanlæg se jkollha s-sjieda tas-sezzjoni l-ġdida tal-binarji minn Vordingborg sa Rødby, inkluża s-sistema ta’ sinjalazzjoni ġdida installata fuq il-binarju l-ġdid, u l-installazzjonijiet għall-elettrifikazzjoni tas-sezzjoni kollha minn Ringsted sa Rødby.

(49)

A/S Femern Landanlæg u Rail Net Denmark jikkondividu s-sjieda tal-konnessjonijiet ferrovjarji mat-territorju intern Daniż (38). Ladarba l-kostruzzjoni titlesta, u minħabba l-fatt li se jkun teknikament diffiċli li tiġi sseparata s-sjieda tal-installazzjonijiet ferrovjarji fuq il-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż, se jsir skambju ta’ proprjetà bejn Rail Net Denmark u A/S Femern Landanlæg (39).

(50)

Is-sjieda tal-konnessjonijiet bit-triq mat-territorju intern Daniż se tibqa’ f’idejn l-Istat.

(51)

A/S Femern Landanlæg tista’ tiffinanzja l-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż b’self miksub fis-suq finanzjarju internazzjonali. Il-Gvern Daniż jista’ jipprovdi garanzija tal-gvern għal dak is-self. B’mod alternattiv, A/S Femern Landanlæg tista’ tiffinanzja l-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż bl-użu ta’ self mill-Istat.

(52)

Femern A/S se tħallas id-dividendi lil A/S Femern Landanlæg. B’dawk id-dividendi, A/S Femern Landanlæg se tħallas lura d-dejn tagħha relatat mas-self meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni, tal-manutenzjoni u tal-investimenti mill-ġdid relatati mal-konnessjonijiet ferrovjarji mat-territorju intern tal-pajjiż u l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni tal-konnessjoni bit-triq mat-territorju intern tal-pajjiż.

(53)

F’konformità mal-prinċipji ġenerali fid-Danimarka, mhux se jkun hemm tariffi biex l-utenti jużaw il-konnessjonijiet bit-triq fit-territorju intern Daniż.

2.4.   Il-miżuri mogħtija jew allegatament mogħtija lil Femern A/S

(54)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ qajmet dubji dwar in-natura tal-għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà ta’ diversi miżuri ta’ għajnuna nnotifikati u allegati kif deskritt hawn taħt.

2.4.1.   Injezzjonijiet ta’ kapital

(55)

L-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw injezzjonijiet ta’ kapital li jammontaw għal DKK 500 miljun (EUR 67,0 miljun) mill-kumpanija tal-Istat Sund & Bælt Holding A/S f’Femern A/S li saru fl-2005 u fl-2009. L-iskop ta’ dawk l-injezzjonijiet ta’ kapital kien li titwaqqaf Femern A/S biex twettaq il-parti Daniża tax-xogħol ta’ tħejjija u l-istudji relatati mal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt (40). Kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Scandlines hija tal-fehma li Sund & Bælt Holding A/S ipproċediet għal injezzjonijiet ta’ kapital addizzjonali għall-istess perjodu, li possibbilment jaqbżu l-ammont awtorizzat mid-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni b’mill-inqas DKK 10 miljun (EUR 1,3 miljun).

2.4.2.   Garanziji tal-gvern

(56)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ kopriet ukoll il-mudell ta’ garanzija tal-gvern kif innotifikat mill-awtoritajiet Daniżi. Hija tkopri l-garanziji tal-gvern għas-self jew għal strumenti finanzjarji oħrajn miġbura minn Femern A/S mis-swieq finanzjarji internazzjonali għall-finanzjament tal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa (41).

(57)

Skont it-Taqsima 7(3) u (5) tal-Att dwar l-Ippjanar, Femern A/S tibbenefika minn garanzija tal-gvern li tkopri l-obbligi ta’ Femern A/S b’rabta mas-self u ma’ strumenti finanzjarji oħrajn użati biex jiffinanzjaw it-tħejjija, l-investigazzjoni, l-ippjanar u miżuri neċessarji oħrajn li jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa.

(58)

Skont it-Taqsima 4(2) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni, Femern A/S tibbenefika minn garanzija tal-gvern li tkopri l-obbligi ta’ Femern A/S b’rabta mas-self u ma’ strumenti finanzjarji oħrajn użati biex jiffinanzjaw u jiffinanzjaw mill-ġdid l-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat u arranġamenti neċessarji oħrajn għall-finijiet tal-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa.

(59)

Femern A/S, b’mod simili għal impriżi pubbliċi oħrajn li jiksbu self kopert minn garanzija tal-gvern, se tkun meħtieġa tħallas primjum ta’ garanzija lill-Istat Daniż, kif innotifikat fl-2014 li jammonta għal 0,15 % fis-sena fuq id-dejn pendenti kopert mill-garanzija.

(60)

Il-garanzija tal-gvern tkopri l-obbligi ta’ Femern A/S b’rabta mas-self u ma’ strumenti finanzjarji oħrajn użati biex jiffinanzjaw u jiffinanzjaw mill-ġdid l-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat u arranġamenti neċessarji oħrajn għall-finijiet tal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa.

(61)

L-Istat jista’ jiddeċiedi wkoll li jiggarantixxi kuntratti finanzjarji oħrajn ta’ Femern A/S użati b’konnessjoni mal-finanzjament tal-proġett (bħal swaps) (42). L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-Istat Daniż jista’ jipprovdi garanziji għat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi. Dawk il-garanziji jippermettu lil Femern A/S tikseb rati orħos għad-derivattivi tagħha, billi l-kontroparti ma tiffaċċjax ir-riskju li Femern A/S tonqos mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt tad-derivattivi. Bl-istess mod, jekk Femern A/S tkun meħtieġa tiddepożita kollateral għal dawk id-derivattivi, hija tista’ wkoll tiġbed minn dawk il-garanziji.

(62)

Fl-aħħar nett, il-garanzija tkopri obbligi finanzjarji oħrajn li assumiet Femern A/S b’konnessjoni mal-fażi tal-kostruzzjoni (43).

(63)

Il-garanzija tal-gvern tista’ tintuża biss biex tkopri s-self li tikseb Femern A/S sabiex tiffinanzja l-Konnessjoni Fissa. Bħala kumpanija bi skop speċjali, Femern A/S ma tistax tikseb self għal jew tinvolvi ruħha fi kwalunkwe attività oħra għajr il-finanzjament, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa.

(64)

Kif issemma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ilmentaturi sostnew li minħabba l-garanzija tal-gvern, Femern A/S tgawdi l-istess klassifikazzjoni ta’ kreditu bħall-Istat Daniż (AAA), li tippermettilha tikseb termini finanzjarji għas-self tagħha li huma ferm aħjar minn dawk li altrimenti jkunu disponibbli fis-suq finanzjarju. Barra minn hekk, huma jsostnu li mill-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni jidher li l-garanziji tal-gvern huma bla limitu fiż-żmien u fl-ammont u fil-fatt jipprevjenu l-possibbiltà li Femern A/S tfalli. Barra minn hekk, huma ma jissodisfaw l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Avviż dwar il-Garanziji (44) li jistgħu jeskludu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

(65)

L-ilmentaturi sostnew ukoll li kull darba li Femern A/S tidħol fi ftehim finanzjarju ġdid, tingħata garanzija ġdida, li tkun tinvolvi miżura ta’ għajnuna ad hoc ġdida.

2.4.3.   Self mill-Istat

(66)

Fir-rigward tal-mudell ta’ finanzjament innotifikat, Femern A/S hija intitolata wkoll li tikseb self mill-Istat bħala mod alternattiv ta’ kif tiġbor il-fondi (45). L-awtoritajiet Daniżi indikaw li r-rata tal-imgħax fuq is-self mill-Istat tikkorrespondi għat-termini tas-self tal-Istat stess (46) b’marġini ta’ self addizzjonali ta’ 0,15 %, kif innotifikat fl-2014.

(67)

Kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-ilmentaturi sostnew li d-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar ma awtorizzatx l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ self mill-Istat. Skont dawn, il-Ministru tal-Finanzi pproċeda għall-għoti ta’ self mill-Istat u ta din il-forma ta’ għajnuna għal ammont ferm ogħla minn dak awtorizzat mid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar. Skont l-ilmentaturi, matul il-fażi tal-ippjanar tal-proġett, l-Istat ta self lil Femern A/S u A/S Femern Landanlæg, li b’kollox jammonta għal EUR 533 miljun (47). L-awtoritajiet Daniżi sostnew li l-baġit tal-ippjanar inizjali ta’ EUR 194 miljun żdied fl-2010, fl-2011 u fl-2013 għal baġit totali ta’ EUR 684 miljun (il-prezzijiet tal-2008), li minnhom EUR 534 miljun kienu jikkonċernaw il-fażi tal-ippjanar tal-Konnessjoni Fissa (il-bqija kienu jikkonċernaw il-konnessjonijiet fit-territorju intern tal-pajjiż). Femern A/S ikkuntrattat self mill-Istat biex tkopri dawk l-ispejjeż. Dawk l-aġġustamenti baġitarji ġew approvati mill-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament Daniż.

(68)

L-ilmentaturi sostnew ukoll li s-self mill-Istat kif maħsub ma għandu l-ebda perjodu fiss ta’ ħlas lura u, għalhekk, huwa mingħajr limitu fiż-żmien. Fin-nuqqas ta’ tali perjodu, Femern A/S tista’ tittardja kontinwament il-ħlas lura tas-self inizjali billi tikseb b’mod suċċessiv self ġdid biex tiffinanzja mill-ġdid dawk inizjali.

(69)

F’Novembru u Diċembru 2018, meta d-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni kienet għadha valida, Femern A/S kisbet self mill-Istat għal valur nominali ta’ DKK 7,4 biljun (EUR 1,0 biljun) sabiex tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-bidu tal-fażi tal-kostruzzjoni. Dak is-self kien żborżat fil-perjodu Novembru 2018 – April 2019.

(70)

L-ilmentaturi sostnew ukoll li kull darba li Femern A/S tiġbor self ġdid mill-Istat, tingħata miżura ġdida, li tinvolvi miżura ġdida ta’ għajnuna ad hoc.

Self għal attivitajiet ta’ promozzjoni/kummerċjalizzazzjoni/informazzjoni

(71)

Kif issemma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Scandlines sostniet li Femern A/S kienet wettqet firxa wiesgħa ta’ attivitajiet promozzjonali u ta’ kummerċjalizzazzjoni (48) weħidha, jew bl-użu ta’ kuntratturi, konsulenti (49) u fornituri diretti. Scandlines indikat ukoll li, billi Femern A/S għalissa ma għandha l-ebda sors ta’ introjtu lil hinn mill-finanzjament tal-UE, il-finanzjament ta’ dan it-tip ta’ attivitajiet kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li tkun illegali u inkompatibbli. B’mod alternattiv, l-allegata għajnuna inkwistjoni jenħtieġ li titqies bħala użu ħażin tal-għajnuna awtorizzata skont id-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar.

(72)

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li l-attivitajiet ta’ informazzjoni ta’ Femern A/S jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti tagħha kif definiti fil-qafas ġuridiku li jirregola l-attivitajiet tagħha bħala kumpanija bi sjieda pubblika, f’isem il-Ministeru tat-Trasport. Meta l-Istat jimplimenta proġetti infrastrutturali kbar bħal dawn, l-entitajiet pubbliċi rilevanti għandhom l-obbligu li jinformaw lill-pubbliku bl-aktar mod wiesa’, sabiex iċ-ċittadini jkunu jafu dwar xiex inhu l-proġett infrastrutturali, kemm se ddum il-fażi tal-kostruzzjoni, kif ukoll il-benefiċċji li joħorġu mid-deċiżjoni tal-Istat li jibni din l-infrastruttura. B’hekk, fil-fehma tagħhom, dawk l-attivitajiet jifformaw parti mill-kompitu pubbliku tal-Istat li jinforma liċ-ċittadini tiegħu u ma jikkostitwixxux attivitajiet promozzjonali u ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba li f’dan l-istadju l-operat tal-Konnessjoni Fissa jinsab fil-futur imbiegħed. Għalhekk, il-finanzjament tagħhom ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw fid-dettall ukoll li għas-snin 2014 u 2015, l-attivitajiet ta’ informazzjoni kienu parzjalment iffinanzjati minn finanzjament tal-UE permezz tal-programm TEN-T tal-Kummissjoni u parzjalment permezz ta’ self mill-Istat. Fl-2014, l-attivitajiet irċevew finanzjament sħiħ mill-UE (50 % tal-ispejjeż) u fl-2015, l-attivitajiet irċevew ammont limitat ta’ finanzjament mill-UE. Femern A/S ma rċevitx finanzjament mill-UE għall-attivitajiet ta’ informazzjoni fl-2016. B’hekk, fl-2016, dawk l-attivitajiet – bħall-attivitajiet l-oħrajn ta’ Femern A/S – kienu ffinanzjati permezz tal-kisba ta’ self mill-Istat. Fl-2017, Femern A/S irċeviet finanzjament mill-UE mill-programm FNE u, b’hekk, l-attivitajiet ta’ informazzjoni ġew iffinanzjati parzjalment mill-UE u parzjalment minn self mill-Istat.

2.4.4.   Miżuri ta’ tassazzjoni speċjali

(73)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ innotat ukoll it-tħassib ta’ Scandlines li Femern A/S hija soġġetta għal sistema ta’ tassazzjoni speċjali skont il-liġi Daniża dwar it-tassazzjoni, li oriġinarjament kienet ġiet introdotta mill-Att dwar l-Ippjanar.

2.4.4.1.   Riport tat-telf

(74)

It-Taqsima 9 tal-Att dwar l-Ippjanar ippermettiet lil Femern A/S tagħmel riport tat-telf sena b’sena mingħajr l-ebda restrizzjoni. Fil-bidu, dan kien konsistenti mar-regoli li japplikaw għall-impriżi b’mod ġenerali fid-Danimarka. Madankollu, fl-1 ta’ Jannar 2013, il-liġi Daniża dwar it-tassazzjoni introduċiet (50) limitazzjoni fuq l-ammonti ta’ telf storiku (51) riportati li jistgħu jitnaqqsu f’sena waħda. Skont din id-dispożizzjoni, għalkemm id-dritt għar-riport tat-telf ma kienx limitat fiż-żmien, l-ammont ta’ telf li jista’ jiġi riportat u mnaqqas mill-profitti tas-snin sussegwenti huwa limitat kull sena għal DKK 7,5 miljun (52) (EUR 1,0 miljun). Jekk jibqa’ xi telf, dan jista’ jitnaqqas biss sa 60 % tal-introjtu taxxabbli pożittiv ta’ aktar minn DKK 7,5 miljun. Madankollu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet speċjali tal-Att dwar l-Ippjanar, din il-limitazzjoni ma kinitx tapplika għal Femern A/S, li żammet id-dritt għal riport mingħajr limitu tat-telf storiku. Dan id-dritt ġie abolit fl-aħħar tal-2015 (53).

(75)

L-awtoritajiet Daniżi sostnew, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, li matul il-perjodu 2013-2015, Femern A/S ma kellha l-ebda vantaġġ finanzjarju attwali, billi fil-prattika tali miżura tista’ tintuża biss f’fażijiet aktar tard tal-proġett, jiġifieri meta l-proġett jiġġenera profitt taxxabbli. L-awtoritajiet Daniżi kkjarifikaw ukoll li f’dan il-perjodu, Femern A/S użat it-telf kollu mġarrab biex tnaqqas l-introjtu taxxabbli fil-livell tal-grupp fl-istess sena finanzjarja. Kumpaniji Daniżi oħrajn fi ħdan grupp setgħu għamlu l-istess skont ir-regoli ġenerali tat-tassazzjoni.

2.4.4.2.   Deprezzament tal-assi

(76)

Skont it-taqsimiet 12 u 13 tal-Att dwar Sund & Bælt (54), ir-rata ta’ deprezzament annwali għall-assi tal-kumpaniji li jappartjenu għal Sund & Bælt, bħal Femern A/S, ġiet stabbilita għal 6 % tal-ispejjeż inizjali tal-akkwiżizzjoni. L-ispejjeż totali tal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa jistgħu jitqiesu bħala spejjeż inizjali tal-akkwiżizzjoni. Dan ifisser li tiġi applikata regola ġenerali waħda dwar id-deprezzament għall-assi kollha ta’ Femern A/S. Ir-rata ta’ deprezzament ta’ 6 % għal Femern A/S tapplika sas-sena tal-introjtu li fiha s-somma totali tad-deprezzament taqbeż is-60 % tal-ispejjeż inizjali tal-akkwiżizzjoni (jiġifieri perjodu ta’ 10 snin), minn liema punt ir-rata ta’ deprezzament annwali titnaqqas għal 2 %.

(77)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, ir-regoli speċjali ta’ deprezzament tħassru wkoll mill-1 ta’ Jannar 2016 permezz ta’ emenda tal-Att dwar Sund & Bælt (55).

2.4.4.3.   Ir-reġim tat-tassazzjoni konġunta

(78)

Femern A/S hija soġġetta għal tassazzjoni konġunta obbligatorja ma’ Sund & Bælt Holding, f’konformità mas-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni konġunta applikabbli għall-impriżi Daniżi kollha fi ħdan grupp. Skont l-artikolu 31 tal-Att Daniż dwar it-Taxxa Korporattiva, “grupp” li l-kumpaniji kollha tiegħu huma stabbiliti fid-Danimarka jridu jiġu ntaxxati f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni obbligatorja tal-gruppi. Ma tapplika l-ebda regola speċifika għal Femern A/S f’dak ir-rigward.

(79)

L-ilmentaturi sostnew li l-miżuri ta’ tassazzjoni msemmija hawn fuq favur Femern A/S jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli li, sal-punt li tħassru d-dispożizzjonijiet rilevanti, kienet maħsuba biex tkun mingħajr limitu fiż-żmien u fl-ammont, u li pprovdiet vantaġġ lill-kumpanija separatament mill-miżuri l-oħrajn tal-Istat u li, għalhekk, trid tiġi vvalutata fuq il-merti tagħha stess.

2.4.5.   L-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat

(80)

Skont it-Taqsima 8 tat-Trattat dwar il-Fehmarn Belt, il-Ġermanja u d-Danimarka jenħtieġ li jagħmlu disponibbli ż-żoni ta’ art meħtieġa għall-kostruzzjoni u l-operat tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt (it-Taqsima 8, is-subtaqsima 1), inklużi ż-żoni tal-ilma meħtieġa u qiegħ il-baħar, mingħajr ħlas (it-Taqsima 8, is-subtaqsima 2).

(81)

L-Istat Daniż se jagħmel disponibbli għal Femern A/S, mingħajr ħlas, iż-żoni tal-ilma u qiegħ il-baħar, li huma meħtieġa għat-tħejjija, l-eżami u l-ippjanar (56), kif ukoll għall-kostruzzjoni u l-operat (57) tal-Konnessjoni Fissa.

(82)

Kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Scandlines sostniet li permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, Femern A/S tibbenefika minn vantaġġ finanzjarju billi, fin-nuqqas tagħhom, hija normalment ikollha tħallas tariffa tas-suq għall-użu taż-żoni tal-ilma u ta’ qiegħ il-baħar.

(83)

Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li ma hemm l-ebda regola jew prinċipju ġenerali fil-liġi Daniża li jesiġu li l-kumpaniji f’sitwazzjoni fattwali u legali simili bħal Femern A/S iħallsu tariffi lill-Istat biex jagħmlu użu minn qiegħ il-baħar u żoni tal-ilma. B’hekk, l-istess prinċipju ta’ aċċess mingħajr ħlas japplika għal infrastrutturi tat-trasport oħrajn iffinanzjati mill-pedaġġ fid-Danimarka (bħall-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund u l-Konnessjoni Fissa tal-Great Belt). Bl-istess mod, għalkemm mhux f’sitwazzjoni direttament komparabbli, ma titħallas l-ebda tariffa lill-Istat Daniż mill-operaturi tal-vapuri jew minn kumpaniji oħrajn tat-trasport tal-merkanzija bil-bastimenti biex jaqsmu ż-żoni tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni Daniża. Barra minn hekk, il-portijiet ma jħallsu l-ebda tariffa għall-użu ta’ qiegħ il-baħar.

2.4.6.   Tariffi ferrovjarji

(84)

Femern A/S hija awtorizzata tiddebita lill-operaturi ferrovjarji għall-użu tal-konnessjoni ferrovjarja fil-Konnessjoni Fissa. Il-Ministeru tat-Trasport se jistabbilixxi l-livell u l-prinċipji għar-regolamentazzjoni tal-ħlas tal-kumpaniji ferrovjarji lil Femern A/S għall-użu tal-linja ferrovjarja tal-Konnessjoni Fissa (58).

(85)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ innotat it-tħassib ta’ Scandlines li l-Istat, permezz tal-operatur ferrovjarju tiegħu stess, Danske Statsbaner (“DSB”) (59), se jħallas kull sena lil Femern A/S sehem mit-tariffi kumplessivi ta’ DKK 350 miljun (EUR 46,9 miljun) għal perjodu ta’ żmien mhux definit. Minħabba li jidher li din it-tariffa tapplika irrispettivament mill-għadd ta’ ferroviji li jużaw il-Konnessjoni Fissa, mingħajr mekkaniżmu ta’ aġġustament u għal perjodu mhux definit, l-ilmentatur indika li din tinvolvi vantaġġ ekonomiku għal Femern A/S.

(86)

L-awtoritajiet Daniżi sostnew li n-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni (60) (“noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni”) jistabbilixxu li l-livell tat-tariffi ferrovjarji se jirrifletti wkoll parti mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa fuq bażi fit-tul u mhux biss l-ispejjeż imġarrba direttament mill-operat tal-link ferrovjarju. Barra minn hekk, dawn se jiġu ddeterminati f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (61) li tiżgura li jiġi evitat kumpens żejjed.

(87)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jistennew li d-dħul mill-użu ferrovjarju se jkun jikkostitwixxi madwar 15 % tal-introjtu operatorju totali, filwaqt li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni għall-parti ferrovjarja tal-Konnessjoni Fissa jikkostitwixxu 51 %, li jfisser li l-utenti tal-konnessjoni tat-toroq fl-aħħar mill-aħħar se jħallsu għal parti mill-konnessjoni ferrovjarja.

(88)

Billi l-operaturi ferrovjarji kollha li jużaw il-Konnessjoni Fissa huma mistennija jħallsu t-tariffi ferrovjarji, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li t-tariffi ferrovjarji mhumiex se jikkostitwixxu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat mogħtija lil Femern A/S, minħabba li t-trasferiment tal-fondi minn operaturi ferrovjarji lil Femern A/S ma jkollu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Istat.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(89)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-14 ta’ Ġunju 2019. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ adottata f’dik id-data, hija pprovdiet il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-miżuri u qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

(90)

F’dak l-istadju, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk Femern A/S tistax titqies bħala impriża. B’mod aktar speċifiku, minħabba s-sitwazzjoni partikolari li fiha topera Femern A/S, l-argumentazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Daniżi u mill-ilmentaturi u l-ġurisprudenza msemmija, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk Femern A/S tistax titqies bħala li hija involuta f’attività ekonomika (matul il-fażi tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-proġett) u allura jekk tikkwalifikax bħala impriża. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk l-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala kompitu pubbliku jew bħala attività ekonomika. Barra minn hekk, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għal uħud mill-miżuri ta’ għajnuna.

(91)

Il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar jekk il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat jenħtieġ li ma jitqisux bħala skema ta’ għajnuna jew jekk jenħtieġx li jitqiesu bħala għajnuniet individwali, mogħtija meta daħlu fis-seħħ l-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, jew bħala għajnuna individwali mogħtija kull darba li tiġi implimentata tranżazzjoni finanzjarja ta’ Femern A/S mill-awtoritajiet nazzjonali.

(92)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà u fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni preliminari li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa kien jikkostitwixxi proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni. Madankollu, il-Kummissjoni qajmet mistoqsijiet dwar jekk l-għajnuna jenħtieġx li titqies parzjalment bħala għajnuna operatorja. Il-Kummissjoni kellha wkoll diffikultajiet biex tistabbilixxi n-neċessità tal-għajnuna. Minħabba l-inċertezzi dwar il-perjodu xieraq għall-kalkolu tar-rata ta’ redditu interna (“IRR”) tal-proġett u ż-żmien li għadda min-notifika tal-2014, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li hija se jkollha tivvaluta fid-dettall il-kost medju ponderat tal-kapital (WACC) ta’ referenza u l-livell ta’ IRR tal-proġett proposti mill-awtoritajiet Daniżi fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet aġġornati u xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha mistoqsijiet rigward il-proporzjonalità tal-miżuri eżaminati minħabba l-kumplessità biex tiġi stabbilita d-diskrepanza tal-likwidità u n-nuqqas tal-elementi li jippermettu metodu xieraq ta’ kwantifikazzjoni tal-għajnuna involuta jew għall-inqas metodoloġija xierqa u limitazzjonijiet rilevanti. Għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna addizzjonali, hija kkonkludiet tentattivament li l-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati jenħtieġ li jkollhom biss effett negattiv limitat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li ma jistax jissupera l-effetti pożittivi ovvji tal-proġett għall-Unjoni kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-kundizzjoni speċifika tal-kompatibbiltà relatata mal-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji tal-gvern u ma setgħetx tikkonkludi li d-Danimarka kienet konformi mal-kundizzjoni tat-trasparenza prevista fil-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (“Komunikazzjoni tal-IPCEI”) (62).

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(93)

Il-partijiet interessati kollha li ssottomettew kummenti għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ esprimew tħassib dwar l-allegata għajnuna mill-Istat lil Femern A/S. Il-kummenti li waslu mingħand l-Assoċjazzjoni Daniża tal-vapuri u l-ECSA huma ta’ natura ġenerali.

(94)

VDR enfasizzat b’mod partikolari li Femern A/S jenħtieġ li titqies bħala impriża, involuta f’attività ekonomika. Billi Femern A/S ġiet inkarigata bil-kostruzzjoni u bl-operat tal-Konnessjoni Fissa fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, hija qed tirċievi vantaġġ. Barra minn hekk, VDR għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv, tqis li kien hemm alternattivi inqas għaljin oħrajn disponibbli, titlob lill-Kummissjoni biex tillimita l-għajnuna u tqis li hemm riskju għoli li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa se joħloq distorsjoni inġusta fil-kompetizzjoni.

(95)

Rostock Port l-ewwel issostni li l-kundizzjonijiet kollha għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati. Rostock Port tqis ukoll li l-effetti u l-impatt tal-proġett ma ġewx ivvalutati kif suppost u li l-impatt fuq l-attivitajiet tagħhom stess kien sottovalutat. It-tbassir tat-traffiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Ġermaniż, ikun inkomplet, mhux plawżibbli u kontradittorju. Barra minn hekk, l-effetti tal-kontroll fil-fruntieri u tar-rilokazzjonijiet (għall-benefiċċju tal-konnessjonijiet tal-Great Belt jew ta’ Øresund) jiġu injorati. Għalhekk, għall-portijiet kollha ħdejn il-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt, fuq iż-żewġ naħat tal-Baħar Baltiku, l-effetti negattivi tal-proġett ma jiġux ivvalutati sew.

(96)

Il-kummenti minn Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung e.V., Rederi Aktiebolaget Nordö-Link, Stena Line, Trelleborg Hamn AB, FSS u Scandlines huma simili għal xulxin u jirriflettu b’mod ġenerali l-argumenti ġenerali li għamlet Scandlines. Għalhekk, sabiex jitħaffef il-qari, dawk il-kummenti se ssir referenza għalihom hawn taħt bħala kummenti minn “Scandlines et al.”. It-tweġiba minn NABU tiffoka fuq l-analiżi tal-kompatibbiltà, u fil-biċċa l-kbira hija konformi mal-kummenti ta’ Scandlines, ikkomplementati b’perspettiva ambjentali.

4.1.   Kummenti dwar l-eżistenza tal-għajnuna

4.1.1.   Il-kunċett ta’ impriża

(97)

Scandlines et al. jiddikjaraw li Femern A/S jenħtieġ li titqies bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, billi Femern A/S hija involuta f’attività ekonomika billi toffri servizzi ta’ trasport bi ħlas. Għal dan l-għan, Scandlines et al. jirreferu għad-deċiżjoni tal-2014 tal-Kummissjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-kostruzzjoni tal-Pont ta’ Øresund (“id-Deċiżjoni tal-2014 dwar Øresund”) (63), fejn il-Kummissjoni sabet li l-istess attivitajiet imwettqa mill-Konsorzju tal-Pont ta’ Øresund jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi.

(98)

Barra minn hekk, Scandlines et al. isostnu li Femern A/S ma tipprovdix servizzi konnessi mal-eżerċitar tal-poteri pubbliċi. Skont ġurisprudenza stabbilita, attività tkun konnessa mal-eżerċitar ta’ poteri pubbliċi biss meta l-attività sservi objettiv ta’ interess pubbliku, li huwa tipikament dak ta’ awtorità pubblika (64). Dan mhuwa l-każ għall-ebda attività imwettqa minn Femern A/S.

(99)

Barra minn hekk, Scandlines et al. jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej u għall-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, billi jsostnu li huwa irrilevanti jekk Femern A/S tistax tiddetermina l-prezzijiet tagħha stess jew jekk hijiex soġġetta għal prezzijiet irregolati mill-Istat. Barra minn hekk, Femern A/S iżżomm diskrezzjoni wiesgħa biex tagħti skontijiet qawwija bl-effett li l-Ministru għat-Trasport ma jiddeterminax il-korrispettiv eżatt, iżda jistabbilixxi biss il-prezzijiet massimi.

(100)

Billi l-attivitajiet ta’ Femern A/S huma meqjusa bħala ekonomiċi fin-natura tagħhom, Scandlines et al. iqisu li minbarra l-finanzjament għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat, anki l-finanzjament għall-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Scandlines et al. jenfasizzaw ukoll li Femern A/S wettqet attivitajiet ċari ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jmorru lil hinn sewwa mill-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar proġett ta’ infrastruttura.

4.1.2.   Vantaġġ selettiv

(101)

Scandlines et al. jinnotaw li skont il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, il-ħatra diretta ta’ Femern A/S bħala l-uniku kostruttur u operatur tal-Konnessjoni Fissa, mingħajr sejħa għall-offerti, minnha nnifisha tinvolvi vantaġġ ekonomiku. Scandlines et al. isostnu li kull miżura ta’ għajnuna elenkata fit-taqsima 2.4 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħti vantaġġ selettiv lil Femern A/S.

(102)

Fir-rigward tal-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat, Scandlines et al. isostnu li l-element ta’ għajnuna jikkonsisti fl-ammont sħiħ garantit jew misluf mill-Istat, minflok id-differenza bejn il-primjum jew ir-rata tal-imgħax imħallsa minn Femern A/S u l-primjum jew ir-rata tal-imgħax konformi mas-suq. Dan l-argument huwa bbażat fuq ir-raġunament li Femern A/S tkun f’pożizzjoni finanzjarja tant dgħajfa li l-ebda sellief privat jew garanti ma joffri self jew garanziji. Scandlines et al. jiddeduċu din il-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa mill-interpretazzjoni tagħhom tal-Inkjesta tal-interess kummerċjali minħabba li kieku l-ebda operatur tas-suq ma jagħti garanziji jew self lil Femern A/S. Fuq din il-bażi, Scandlines et al. jikkonkludu li ma teżisti l-ebda rata tas-suq u li l-element ta’ għajnuna huwa għalhekk t-totalità tal-garanzija kollha u tal-ammont kollu tas-self.

(103)

Fir-rigward tat-tariffi ferrovjarji, Scandlines et al. isostnu li l-uniku parametru rilevanti għall-iffissar tal-prezzijiet huwa l-ispejjeż, minħabba li l-ebda kompetitur ma qed joffri servizz simili wara t-tneħħija tal-binarji ferrovjarji għal-vapuri ta’ Scandlines. Billi l-Istat Daniż se jħallas lil Femern A/S tariffa ferrovjarja annwali ta’ DKK 350 miljun (EUR 46,9 miljun) permezz tal-operatur ferrovjarju tal-Istat DSB, mingħajr l-ebda mekkaniżmu ta’ aġġustament ’l isfel rigward l-għadd ta’ ferroviji li effettivament jużaw il-Konnessjoni Fissa, il-prezz mhuwiex ibbażat fuq l-ispejjeż. FSS iżżid li l-ammont ta’ DKK 350 miljun jikkostitwixxi sehem speċifiku mid-dħul annwali globali ġġenerat mit-tariffi ferrovjarji u li l-applikazzjoni ta’ din it-tariffa mhijiex limitata fiż-żmien.

(104)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ tassazzjoni, Scandlines et al. isostnu li l-miżuri kollha jinvolvu vantaġġ. Huma jinnotaw ukoll li l-miżuri ta’ tassazzjoni ġew applikati kemm għall-attivitajiet tal-ippjanar kif ukoll għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

(105)

Fir-rigward tal-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat, Scandlines et al. isostnu li Femern A/S tibbenefika mill-użu mingħajr ħlas taż-żoni tal-ilma u ta’ parti minn qiegħ il-baħar, kif previst b’mod espliċitu fl-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni. Huma jqisu l-affermazzjoni tad-Danimarka li b’mod ġenerali ma jridux jitħallsu tariffi lill-Istat Daniż minn operaturi tal-vapuri jew kumpaniji oħrajn tat-trasport tal-merkanzija bil-vapuri biex jaqsmu kwalunkwe żona tal-baħar, bħala kontradittorja għall-inklużjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fl-Atti. FSS tqis irrilevanti l-fatt li l-kumpaniji mhumiex qed iħallsu imposti għat-tranżitu miż-żoni marittimi nazzjonali.

4.2.   Kummenti dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna

(106)

Scandlines et al. ma jaqblux mar-raġunament fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, li ssemmi tliet klassifikazzjonijiet possibbli tal-għajnuna relatata mal-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat: jiġifieri (i) skema ta’ għajnuna, (ii) għajnuniet individwali, li ngħataw meta daħlu fis-seħħ l-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, jew (iii) għajnuna individwali mogħtija kull darba li tiġi implimentata tranżazzjoni finanzjarja ta’ Femern A/S mill-awtoritajiet nazzjonali.

(107)

Scandlines et al. isostnu li l-għajnuna tingħata esklussivament lil Femern A/S għal proġett speċifiku u, għalhekk, ma tistax titqies bħala skema, iżda jenħtieġ li titqies bħala għajnuna individwali (jiġifieri għajnuna ad hoc).

(108)

Fl-interpretazzjoni ta’ Scandlines et al., l-argument li għamlet il-Kummissjoni fil-premessa (132) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar l-obbligu tal-Istat li jiżgura l-finanzjament tal-proġett kien argument favur il-klassifikazzjoni bħala skema ta’ għajnuna. Scandlines et al. iqisu li dan imur kontra r-Regolament proċedurali u s-sentenza ta’ Øresund (65).

(109)

Scandlines et al. jikkonkludu li, billi l-għajnuna ma tistax tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna, hija trid bilfors tikkostitwixxi serje ta’ għajnuna ad hoc, mogħtija kull darba li Femern A/S tikkonkludi tranżazzjoni finanzjarja għall-finanzjament tal-proġett (jiġifieri l-għażla (iii)). Scandlines et al. ma ressqux argumenti jew evidenza ulterjuri dwar għaliex l-għajnuna ad hoc tingħata kull darba li tiġi konkluża tranżazzjoni individwali, u mhux fiż-żmien meta daħlu fis-seħħ l-Atti dwar l-Ippjanar jew il-Kostruzzjoni (jiġifieri l-għażla (ii)).

(110)

FSS tqis li l-għajnuna ma tistax titqies bħala skema ta’ għajnuna, iżda ma tikkumentax dwar il-mument(i) tal-għoti tal-għajnuna.

4.3.   Kummenti dwar il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

4.3.1.   Il-kwalifika tal-proġett fid-dawl tar-regoli tal-IPCEI

(111)

Scandlines et al. isostnu li l-Kummissjoni aċċettat b’mod żbaljat li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt huwa proġett ta’ interess Ewropew komuni. NABU ssostni li l-fatt li l-proġett huwa magħżul bħala proġett tan-Netwerk TEN-T (għall-parti ferrovjarja) u huwa intitolat għal finanzjament mill-UE mhuwiex biżżejjed biex juri interess Ewropew komuni. Scandlines et al. iqisu li r-ritorn soċjoekonomiku pożittiv tal-Konnessjoni Fissa li fuqu kienet ibbażata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ huwa bbażat fuq studji inkonsistenti u skaduti mill-2015 (66). B’mod partikolari, Scandlines et al. jenfasizzaw li l-analiżi li fuqha kienet ibbażata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma tqisx b’mod adegwat l-impatt tal-kompetizzjoni tal-vapuri, u huma tal-fehma li l-previżjonijiet tat-traffiku li fuqhom huwa bbażat ir-ritorn soċjoekonomiku kkalkolat huma skaduti. Għal dan l-għan, Scandlines et al. jirreferu għal studji ġodda minn PWC (67) (“rapport ta’ PWC”) u Knud Erik Andersen (“studju ta’ Knud Erik Andersen”) (68) ta’ Jannar u Awwissu 2019, rispettivament. Ir-rapport ta’ PWC tħejja għall-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ approvazzjoni tal-pjan Ġermaniż għall-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt. Huwa ffoka fuq il-kompetittività tal-vapuri wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa. Abbażi tal-istudju ta’ Knud Erik Andersen, Scandlines u Stena Line jsostnu li l-ispejjeż ta’ Scandlines huma sopravvalutati ferm fl-istudji tal-2015, minħabba li jimplikaw li Scandlines kienet qed topera b’telf enormi. Jekk l-ispejjeż jiġu ddeterminati kif suppost, ir-ritorn soċjoekonomiku tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt ikun negattiv. Barra minn hekk, Scandlines u Stena Line iqisu li l-istudji tal-2015 huma żbaljati minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tat-territorju intern Ġermaniż li jkompli jnaqqas ir-ritorn soċjoekonomiku. NABU żiedet li l-istudji ma jqisux kif xieraq l-impatt fuq l-ambjent.

(112)

Scandlines et al. isostnu wkoll li l-benefiċċju nett Ewropew reali tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt huwa negattiv u li r-rata ta’ redditu tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt hija evidentement ħafna aktar baxxa minn 4 %, li huma jqisu bħala r-redditu minimu stabbilit sabiex ikun jista’ jitwettaq proġett tal-infrastruttura fid-Danimarka.

(113)

FSS ma kkummentatx dwar dan l-element.

(114)

NABU tqis li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt ma jagħtix il-benefiċċji affermati mill-awtoritajiet Daniżi, minħabba li ma jtejjibx il-kundizzjonijiet tat-traffiku u ma jwassalx għall-iffrankar tal-ħin affermat u, b’hekk, ma jikkontribwixxix b’mod pożittiv għat-trasportazzjoni bejn il-Ġermanja u l-Iskandinavja.

4.3.2.   L-għoti ta’ għajnuna operatorja

(115)

Fil-fehma ta’ Scandlines et al., l-għajnuna operatorja hija pprojbita u ma tistax tiġi awtorizzata. Scandlines et al. iqisu li l-għajnuna operatorja mhijiex relatata ma’ fażi partikolari tal-proġett (bħall-fażi operattiva) iżda man-natura tal-ispejjeż. Kwalunkwe għajnuna li tkopri l-ispejjeż operatorji tikkostitwixxi għajnuna operatorja. Għalhekk, l-ispejjeż operatorji rilevanti kollha jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. FSS iżżid li, fl-interpretazzjoni tagħhom tas-sentenza ta’ Øresund, kwalunkwe self meħud biex jiffinanzja mill-ġdid self preċedenti awtomatikament isir spejjeż operatorji u li, għalhekk, l-għajnuna għal tali finanzjament mill-ġdid hija pprojbita. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna lil Femern A/S ma tistax tkopri l-ispejjeż għas-self ta’ finanzjament mill-ġdid. Fil-fehma ta’ FSS, il-prezzijiet tal-pedaġġ jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-ispejjeż u d-dumping tal-prezzijiet jenħtieġ li jiġi eskluż. NABU ma kkummentatx dwar l-element tal-għajnuna operatorja.

4.3.3.   Kummenti dwar id-diskrepanza tal-likwidità

(116)

Scandlines et al. jaffermaw li d-diskrepanza tal-likwidità kif deskritta fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija żbaljata għal tliet raġunijiet: 1) hija tinkludi spejjeż minfuħa u ineliġibbli li jirrigwardjaw (i) id-dividendi mħallsa lil A/S Femern Landanlæg għall-konnessjonijiet fit-territorju intern tal-pajjiż u (ii) l-ispejjeż operatorji; 2) hija tinkludi dħul artifiċjalment baxx billi (i) teskludi s-sussidji tat-TEN-T u (ii) taċċetta li Femern A/S tistabbilixxi l-pedaġġi taħt l-ispejjeż; u 3) il-ħajja tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa hija qasira wisq. Scandlines et al. iqisu li dawk l-elementi kollha jwasslu għal diskrepanza tal-likwidità artifiċjalment għolja u, b’hekk, għal ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna li huwa wkoll għoli wisq.

(117)

Fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli, Scandlines et al. ifakkru li l-Kummissjoni preċedentement kienet sostniet li, fejn proġett megħjun jinvolvi attivitajiet kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, jistgħu jiġu inklużi biss l-ispejjeż marbuta mal-attività ekonomika, meta tiġi kkalkolata d-diskrepanza tal-likwidità. Fuq din il-bażi, huma jsostnu li l-ispejjeż tat-territorju intern u l-ispejjeż operatorji ma jistgħux jiġu inklużi fid-diskrepanza tal-likwidità, minħabba li dawk l-ispejjeż ma jifformawx parti mill-proġett tal-Konnessjoni Fissa. Barra minn hekk, billi l-pagamenti tad-dividendi mhumiex element ta’ spiża iżda distribuzzjoni tal-profitti, huma ma jistgħux jiġu inklużi fl-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità. FSS iżżid li x-xogħlijiet ta’ tħejjija li bdew fl-2013 huma spejjeż tal-kostruzzjoni u, għalhekk, ma jistgħux jiġu awtorizzati bħala spejjeż eliġibbli għall-finijiet tal-ippjanar. Barra minn hekk, fil-fehma ta’ FSS, l-ispejjeż tal-ippjanar mhumiex parti mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni kif murija fit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(118)

Fir-rigward tad-dħul, Scandlines et al. jaffermaw li s-sussidji tat-TEN-T mhumiex inklużi fl-analiżi tal-2014 tad-diskrepanza tal-likwidità. L-inklużjoni ta’ dawk is-sussidji se tirriżulta f’diskrepanza tal-likwidità ferm aktar baxxa. Barra minn hekk, id-dħul huwa artifiċjalment baxx minħabba l-fatt li l-prezzijiet tal-pedaġġ ta’ Femern A/S mhumiex ibbażati fuq l-ispejjeż, iżda huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-vapuri ta’ Scandlines. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tesiġi li matul il-perjodu li fih Femern A/S se tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat, il-prezzijiet tal-Konnessjoni Fissa jiġu stabbiliti f’livell li jkun jirrifletti l-ispejjeż kollha tagħha, inkluż li tħallas id-dejn tagħha. Dan l-aħħar element ma ssemmiex minn FSS. Fir-rigward tal-ħajja tal-proġett, Scandlines et al. ifakkru li d-diskrepanza tal-likwidità u l-analiżi tal-IRR jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-ħajja kollha tal-investiment u mhux fuq il-perjodu ta’ ħlas lura ta’ 55 sena, kif ikkonfermat ukoll mill-Qorti Ġenerali. Mis-sit web ta’ Femern A/S jidher li l-ħajja tal-mina huwa ta’ 120 sena.

4.3.4.   L-ammont ta’ għajnuna u t-tul tal-għajnuna

(119)

Skont Scandlines et al., l-ammont ta’ għajnuna huwa sottovalutat minħabba li jirreferi biss għad-differenza bejn ir-rati tal-imgħax/primjum imħallsa minn Femern A/S għas-self mill-Istat u għall-garanziji tal-gvern u r-rati tas-suq korrispondenti.

(120)

Scandlines et al. isostnu wkoll li t-tul tal-għajnuna jrid ikun ħafna iqsar minn 55 sena. Barra minn hekk, kull garanzija tal-gvern u self mill-Istat iridu jkunu limitati fiż-żmien. L-għajnuna għal Femern A/S trid tiskadi meta d-dħul ikun jista’ jkopri l-ispejjeż tal-operazzjonijiet u l-ispejjeż relatati mad-dejn fuq termini bbażati fuq is-suq. Scandlines et al. jirreferu għar-rapporti annwali tal-konnessjonijiet fissi tal-Great Belt u ta’ Øresund biex jissuġġerixxu li kull garanzija tal-gvern u self mill-Istat individwali jenħtieġ li jkunu limitati fit-tul tagħhom għal bejn 4 u 5 snin wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa u li l-possibbiltà li jinkisbu l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat jenħtieġ li tkun limitata wkoll għal bejn 4 u 5 snin wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa.

4.3.5.   Effett ta’ inċentiv

(121)

Scandlines et al. jaffermaw li Femern A/S bdiet ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-Konnessjoni Fissa fl-2013, għalkemm l-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna mhux qabel l-2015 bl-adozzjoni tal-Att dwar il-Kostruzzjoni. Għalhekk, l-għajnuna lil Femern A/S ma jkollhiex l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Scandlines et al. jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni talli sabet li l-kumpaniji pubbliċi jenħtieġ li jkunu eżentati biss mir-rekwiżit li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv u jallegaw li dan l-approċċ huwa eżempju ta’ diskriminazzjoni favur il-kumpaniji pubbliċi, għall-kuntrarju tal-Artikolu 345 tat-Trattat.

4.3.6.   Ix-xenarju kontrofattwali

(122)

Scandlines et al. jaffermaw li kienu jeżistu diversi proġetti alternattivi. Għalhekk, l-analiżi kontrofattwali tal-Kummissjoni ma tistax tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ proġett alternattiv. Il-fatt li Femern A/S ma tistax tiddeċiedi hija stess dwar proġetti alternattivi huwa irrilevanti. Scandlines et al. iqisu li r-referenza għall-Inkjesta tal-2001 hija żbaljata, minħabba li ma turix li ma hemmx proġetti alternattivi mingħajr l-għajnuna. Barra minn hekk, l-istudju huwa skadut minħabba li għandu 17-il sena u jikkonċerna proġett differenti. NABU kompliet telabora dwar l-eżistenza ta’ proġetti alternattivi mingħajr għajnuna. NABU rreferiet għal studju minn Hanseatic Transport Consultancy (“ir-Rapport ta’ HTC”) (69) mill-2019 u nnotat li t-traffiku stmat bħalissa huwa ferm taħt il-livell tat-traffiku stmat meta ġie ffirmat it-Trattat dwar il-Fehmarn Belt fl-2008. B’mod speċifiku, ir-rapport ta’ HTC jiddikjara li mhuwiex possibbli li jintwera fejn jista’ jiġi ġġenerat it-tkabbir tat-traffiku għal użu ekonomikament vijabbli tal-Konnessjoni Fissa abbażi tad-data attwali tas-suq. Barra minn hekk, NABU rreferiet għar-Rapport ta’ HTC meta ddikjarat li lanqas l-livell tat-traffiku attwali mhu se jintlaħaq minħabba problemi strutturali tat-traffiku transfruntier. F’dan il-kuntest, NABU tafferma li l-Kummissjoni trid tikkunsidra l-alternattiva tal-kostruzzjoni ta’ link ferrovjarju pur flimkien ma’ soluzzjoni bil-vapuri. Din tkun l-inqas soluzzjoni għalja u l-aħjar waħda mil-lat ambjentali, f’konformità mal-għan tat-TEN-T li t-traffiku jiċċaqlaq mit-triq għall-ferrovija. Barra minn hekk, NABU tqis li l-alternattiva ta’ mina mħaffra jenħtieġ li titqies bħala alternattiva għal soluzzjoni ta’ mina fl-ilma. Barra minn hekk, l-impatt ambjentali tas-soluzzjoni magħżula jenħtieġ li jkun parti mill-kalkoli tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-analiżi tal-proġetti alternattivi mill-Kummissjoni.

4.3.7.   Ir-Rata ta’ Redditu Interna u l-Kost Medju Ponderat tal-Kapital

(123)

Scandlines et al. iqisu l-kalkoli tal-IRR u tal-WACC bħala żbaljati. L-IRR jenħtieġ li tiġi kkalkolata matul il-ħajja tal-proġett, mhux fuq 55 sena, u l-ispejjeż mhux eliġibbli jenħtieġ li jiġu esklużi. Il-WACC ta’ 11 % huwa għoli wisq. Skont Scandlines et al., il-WACC jenħtieġ li jvarja bejn 5,68 % u 6,71 %. Scandlines et al. ipprovdew żewġ studji li jiddokumentaw aktar il-fehma tagħhom dwar il-kalkolu tal-WACC, minn naħa studju li jmur lura għal Frar 2018 u min-naħa l-oħra referenzi minn Damodaran mill-2014.

4.3.8.   Il-prevenzjoni ta’ distorsjoni żejda fil-kompetizzjoni u t-test tal-ibbilanċjar

(124)

Scandlines et al. jaffermaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kemm hija serja d-distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din l-analiżi jenħtieġ li tmur lil hinn milli tistabbilixxi l-fatt li l-għajnuna toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, minħabba li din hija diġà inerenti fil-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat. Mir-rapport soċjoekonomiku u mit-tbassir tat-traffiku tal-2014, jidher li Femern A/S x’aktarx li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq u li saħansitra jkollha monopolju. Barra minn hekk, Femern A/S x’aktarx li tabbuża mis-saħħa tagħha fis-suq. Skont Scandlines, ir-rifjut tal-gvern Daniż li jappoġġja applikazzjoni minn Scandlines (70) għal finanzjament mill-UE u allegat użu ta’ għajnuna mill-Istat biex jitnaqqas il-grad tat-toroq tal-aċċess għall-port f’Puttgarden ifisser li l-għajnuna lil Femern A/S tikkawża distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni. Scandlines et al. jaffermaw ukoll li hemm riskju ta’ kapaċità żejda u li r-ritorn soċjoekonomiku meta jkompli s-servizz tal-vapuri se jkun aktar baxx mil-limitu Daniż ta’ 4 %.

(125)

NABU żiedet li l-impatt fuq l-ambjent jenħtieġ li jkun parti mit-test tal-ibbilanċjar. L-effetti negattivi tal-għajnuna jenħtieġ li jkunux limitati għad-distorsjoni fil-kompetizzjoni.

4.3.9.   Il-kundizzjonijiet tal-mobilizzazzjoni tal-garanziji tal-gvern

(126)

B’referenza għall-Avviż dwar il-Garanziji, Scandlines et al. fakkru lill-Kummissjoni li hija mhijiex intitolata tawtorizza l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji tal-gvern, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx taf minn qabel x’inhuma l-kundizzjonijiet għall-iskattar ta’ dawk il-garanziji. FSS tesiġi li l-awtoritajiet Daniżi jimpenjaw ruħhom li l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji tal-gvern ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Avviż dwar il-Garanziji.

5.   KUMMENTI MID-DANIMARKA

(127)

Din it-taqsima tinkludi l-kummenti tal-awtoritajiet Daniżi għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u l-kummenti tal-awtoritajiet Daniżi dwar is-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati li ġew sottomessi lill-awtoritajiet Daniżi f’format mhux kunfidenzjali.

(128)

B’mod ġenerali, l-awtoritajiet Daniżi ma jaqblux ma’ dak li jiġi sostnut mill-partijiet interessati. Huma pprovdew aktar informazzjoni u kontroargumenti li huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

5.1.   Kummenti supplimentari għad-deskrizzjoni tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt u l-miżuri ta’ finanzjament

(129)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew kjarifiki fattwali għall-parti deskrittiva fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Huma speċifikaw ukoll li dak li kien ittikkettjat bħala “spejjeż tal-kostruzzjoni” fit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ jinkludi l-ispejjeż tal-ippjanar.

(130)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew kjarifiki dwar il-miżura ta’ injezzjoni tal-kapital. Fl-2005, Femern A/S ġiet stabbilita skont it-Taqsima 6 tal-Att dwar Sund & Bælt. Fil-mument tal-inkorporazzjoni, il-kapital azzjonarju rreġistrat ta’ Femern Bælt A/S (issa Femern A/S) kien ta’ DKK 10 miljun (EUR 1,3 miljun). Il-kapital azzjonarju rreġistrat tħallas bi primjum ta’ DKK 40 miljun (EUR 5,4 miljun), li jammonta għal total ta’ DKK 50 miljun (EUR 6,7 miljun). Il-kontribuzzjoni kapitali saret minn Sund & Bælt Holding A/S f’konformità mat-Taqsima 6 tal-Att dwar Sund & Bælt Holding A/S. Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-kapital azzjonarju rreġistrat ta’ Femern Bælt A/S żdied minn DKK 10 miljun għal DKK 500 miljun (EUR 67,0 miljun) b’injezzjoni ta’ kapital fi flus ta’ DKK 460 miljun (EUR 61,7 miljun) magħmula minn Sund & Bælt Holding A/S lil Femern Bælt A/S u “ħruġ ta’ stokks” (bid-Daniż: “Fondsemission”) ta’ DKK 30 miljun (EUR 4,0 miljun). Il-ħruġ ta’ stokks jikkostitwixxi konverżjoni tar-riżervi ta’ ekwità ta’ Femern A/S f’kapital azzjonarju u, b’hekk, jinvolvi żieda fil-kapital iżda mhux injezzjoni ta’ kapital. Il-kontribuzzjoni kapitali fi flus saret skont it-Taqsima 7(2) tal-Att dwar l-Ippjanar. B’hekk, l-ammont totali ta’ kapital injettat f’Femern A/S huwa ta’ DKK 510 miljun (EUR 68,4 miljun), li DKK 500 miljun minnhom ġew injettati (u rreġistrati) bħala kapital azzjonarju. Ma saret l-ebda injezzjoni ta’ kapital mill-2009.

(131)

Fir-rigward tal-garanziji, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew aktar sfond għat-tifsira tat-Taqsima 4(4) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-garanzija tal-gvern tkopri wkoll obbligi finanzjarji oħrajn imġarrba minn Femern A/S b’konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li din id-dispożizzjoni tfisser li, pereżempju, każijiet ta’ arbitraġġ li jikkonċernaw xogħlijiet b’konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa huma koperti mill-garanzija tal-gvern. Din id-dispożizzjoni ma testendix għall-fażi tal-operazzjonijiet. Hija tiffunzjona bħala garanzija li l-kostrutturi jitħallsu f’każ li Femern A/S tonqos milli tħallas. Minħabba li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni huma diġà koperti minn self mill-Istat jew self b’garanzija tal-gvern, hija ma tipprovdix vantaġġ addizzjonali lil Femern A/S.

(132)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew ukoll lill-Kummissjoni b’ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta’ finanzjament diġà fis-seħħ.

(133)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Ministru għat-Trasport awtorizza lil Femern A/S, għall-ewwel darba, biex tikseb self mill-Istat bl-għan li tiffinanzja l-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Sussegwentement, dan is-self ġie konkluż f’Novembru u Diċembru 2018.

5.2.   Kummenti dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(134)

L-awtoritajiet Daniżi qajmu żewġ argumenti ewlenin biex jappoġġjaw l-opinjoni ġenerali tagħhom li l-finanzjament pubbliku tal-Konnessjoni Fissa ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(135)

B’mod speċifiku, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li 1) l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa mhumiex “attivitajiet ekonomiċi”, iżda eżerċizzju ta’ awtorità pubblika; 2) l-effetti ekonomiċi pożittivi u negattivi, li tista’ tipproduċi l-Konnessjoni Fissa fi swieq kontigwi u fl-UE b’mod ġenerali, mhumiex “distorsjoni tal-kompetizzjoni”.

(136)

L-awtoritajiet Daniżi jikkunsidraw ukoll li, fi kwalunkwe każ, Femern A/S ma twettaqx attività ekonomika qabel ma tibda topera, minħabba li ma toffri l-ebda servizz fis-suq.

5.2.1.   Femern A/S teżerċita poter pubbliku

(137)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa huma eżempji klassiċi ta’ eżerċizzju ta’ poter tal-ippjanar pubbliku, li mhumiex, u ma jistgħux ikunu, koperti mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Konsegwentement, il-miżuri tal-Istat, inklużi, b’mod partikolari, il-garanzija tal-gvern u s-self mill-Istat mogħtija favur Femern A/S, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

(138)

Kuntrarju għall-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li valutazzjoni ġenerali – fid-dawl tan-natura, l-għan u r-regoli applikabbli – tal-attivitajiet ta’ Femern A/S jenħtieġ li twassal għall-konklużjoni li Femern A/S teżerċita poter pubbliku – jew mill-inqas li Femern A/S teżerċita poter pubbliku sakemm tibda topera.

(139)

L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-għan tal-konnessjoni tal-infrastrutturi tal-Istat tat-toroq u tal-ferroviji Daniżi u Ġermaniżi huwa ferm usa’ minn investimenti pubbliċi oħrajn, pereżempju, fis-settur tal-utilitajiet. Bl-istess mod, in-natura ta’ Femern A/S u l-attivitajiet tagħha huma wkoll fundamentalment differenti minn, pereżempju, l-operaturi tal-vapuri u l-attivitajiet tal-vapuri, billi Femern A/S hija maħluqa bl-iskop uniku li timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Istat Daniż fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ infrastruttura partikolari (il-Konnessjoni Fissa). Femern A/S hija b’hekk Veikolu bi Skop Speċjali (“SPV”) li mhuwiex soġġett għal standard ta’ massimizzazzjoni tal-profitti u li ma jistax iwettaq attivitajiet mhux relatati skont ir-regoli applikabbli.

(140)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, apprezzament ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika usa’ li fuqhom huwa bbażat it-twaqqif ta’ Femern A/S jappoġġja l-kunċett li Femern A/S ma twettaqx attivitajiet ekonomiċi, iżda pjuttost teżerċita poter pubbliku.

(141)

Il-fatt li tiġi imposta tariffa fuq l-utenti ma jbiddilx, minnu nnifsu, in-natura ta’ dik l-attività, billi jrid jiġi eżaminat jekk l-impożizzjoni ta’ tariffa tistax tiġi sseparata mill-eżerċitar ta’ awtorità pubblika. Huwa biss meta dawk iż-żewġ attivitajiet jistgħu jiġu sseparati li l-impożizzjoni ta’ tariffa bi skambju għal servizz titqies bħala attività ekonomika (71).

(142)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, huwa ċar li l-ġbir tal-imposti minn Femern A/S, li skont il-liġi jiġu ddeterminati mill-Ministru għat-Trasport, ma jistax jiġi sseparat mill-eżerċitar ta’ attivitajiet konnessi mal-awtorità pubblika, bħall-għoti ta’ aċċess għall-infrastruttura ġenerali tat-toroq u tal-ferroviji tal-Istat u l-manutenzjoni tagħha. B’hekk, l-attivitajiet kollha minn Femern A/S jenħtieġ li jitqiesu flimkien bħala eżerċitar ta’ awtorità pubblika.

(143)

L-awtoritajiet Daniżi jiċċaraw ukoll li l-Ministru għat-Trasport għadu ma ddeċidiex kif se jiġu stabbiliti t-tariffi tal-utenti jew x’jenħtieġ li jkun il-livell ta’ dawk it-tariffi. It-tariffi msemmija fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u fil-kummenti tal-partijiet interessati huma sempliċiment riflessjoni tas-suppożizzjonijiet baġitarji. Huwa nnotat ukoll li l-għan u l-funzjoni ewlenin tat-tariffi tal-utenti huma li jibbilanċjaw il-baġits pubbliċi.

(144)

F’każ li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ taċċetta li l-attivitajiet kollha ta’ Femern A/S jenħtieġ li jitqiesu flimkien bħala eżerċitar ta’ poter pubbliku, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li hija biss l-operazzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala attività ekonomika. Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, il-motiv fis-Sentenza ta’ Leipzig-Halle (72) ma japplikax f’dan il-każ, inter alia, minħabba li kien jikkonċerna ż-żieda tal-kapaċità ta’ attività ekonomika diġà eżistenti f’suq liberalizzat.

(145)

L-awtoritajiet Daniżi jitolbu wkoll lill-Kummissjoni biex tivvaluta bir-reqqa meta jibda l-perjodu tal-attivitajiet ekonomiċi potenzjali u jirreferu għall-ġurisprudenza, fejn isostnu li kull meta jkun possibbli li jiġu sseparati l-attivitajiet, kull waħda minn dawk l-attivitajiet jenħtieġ li tkun soġġetta għal analiżi separata tal-għajnuna mill-Istat.

(146)

Barra minn hekk, huma jsostnu li ftit jagħmel sens li wieħed jassumi li meta l-Att dwar il-Kostruzzjoni daħal fis-seħħ u awtorizza lil Femern A/S tibni u tħaddem il-Konnessjoni Fissa, l-appoġġ finanzjarju kollu mogħti lil Femern A/S qabel dik id-data sar għajnuna mill-Istat b’mod retroattiv.

(147)

L-awtoritajiet Daniżi komplew jirrifjutaw l-argument ta’ Scandlines et al. li l-libertà għal Femern A/S li toffri ċerti skontijiet turi li l-Ministru ma jiffissax il-livell eżatt tat-tariffi tal-utenti. L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li Femern A/S ma għandha l-ebda libertà li tistabbilixxi t-tariffi kif tixtieq, iżda għandha biss libertà limitata li taġġusta ċerti tariffi ’l isfel sal-punt li dan ma jaffettwax il-livell tat-tariffi b’mod sinifikanti. Huma jinnotaw ukoll li l-libertà ta’ Femern A/S li temenda u tintroduċi skemi ġodda ta’ skontijiet hija limitata wkoll mid-direttiva tal-Eurovignette (73).

5.2.2.   Attivitajiet ta’ informazzjoni ta’ Femern A/S

(148)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, ma hemm l-ebda dubju li l-attivitajiet ta’ informazzjoni ta’ Femern A/S huma kompitu pubbliku u mhux attività ekonomika. Wieħed mill-kompiti imposti fuq Femern A/S fl-Att dwar l-Ippjanar huwa “attivitajiet ta’ informazzjoni” li jenħtieġ li jitwettqu b’kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet lokali. Dan huwa kompitu li l-ebda operatur privat tal-infrastruttura kummerċjali ma għandu. Huwa parti inseparabbli mill-kompiti pubbliċi konnessi mal-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura pubblika li jaffettwaw lill-komunità lokali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jinnotaw li jekk dawk l-attivitajiet ta’ informazzjoni ma jitqisux bħala kompitu pubbliku, dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala li huma marbuta b’mod li ma jistax jinfired mat-twettiq tal-proġett u, għalhekk, eliġibbli skont il-Komunikazzjoni tal-IPCEI.

5.2.3.   L-attivitajiet ta’ Femern A/S ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni

(149)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni speċifika ta’ jekk il-kompetizzjoni hijiex qed tiġi distorta jew le. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tinkludi analiżi bir-reqqa tal-organizzazzjoni tal-infrastruttura tat-toroq tal-Istat fid-Danimarka sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk it-toroq tal-Istat humiex f’relazzjoni kompetittiva reali ma’ modi oħrajn ta’ trasport, bħal vapuri, linji tal-ajru, operaturi tal-ferroviji, eċċ.

(150)

L-awtoritajiet Daniżi ma jqisux li l-Konnessjoni Fissa hija f’kompetizzjoni diretta ma’, pereżempju, il-vapuri, bl-istess mod li l-infrastruttura ferrovjarja mhijiex f’kompetizzjoni diretta mat-toroq, mal-karozzi tal-linja jew mal-ajruporti. L-awtoritajiet Daniżi jirreferu speċifikament għall-paragrafu 220 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat”) (74) u l-Grilja Analitika tal-Infrastruttura għat-Toroq, il-Pontijiet, il-Mini u l-Passaġġi tal-Ilma Interni (75). Huma jinnotaw ukoll li l-Konnessjoni Fissa hija disponibbli għall-utenti kollha b’termini mhux diskriminatorji u li din mhijiex mibnija biex tiffavorixxi impriża speċifika jew settur speċifiku.

(151)

Fuq din il-bażi, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li kwalunkwe effett ekonomiku possibbli, li l-attivitajiet ta’ Femern A/S jista’ jkollhom fuq operaturi kummerċjali oħrajn, ma jistax jitqies bħala distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Huwa partikolarment ċar li Femern A/S ma toħloq l-ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni fl-ebda suq, dwaqt li qed tippjana u tibni l-Konnessjoni Fissa.

(152)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Daniżi jinnotaw fuq dan il-punt li l-każ għal Femern A/S huwa differenti ħafna miċ-ċirkostanzi fattwali relatati mal-kostruzzjoni ta’ runway addizzjonali fl-Ajruport ta’ Leipzig-Halle (76), billi Femern A/S ma tipprovdix servizzi fis-suq sakemm l-infrastruttura ma tkunx miftuħa għat-traffiku. L-Ajruport ta’ Leipzig-Halle kkompeta fis-suq tal-ajruporti reġjonali kontra ajruporti oħrajn biex jattira l-klijenti u meta nqalgħet il-ħtieġa ta’ espansjoni, huwa rċieva għajnuna mill-Istat biex jibni infrastruttura ġdida.

5.3.   Kummenti dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna

(153)

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li Femern A/S kisbet dritt legali biex tiffinanzja l-attivitajiet tagħha bl-adozzjoni tal-Att dwar il-Kostruzzjoni fl-4 ta’ Mejju 2015, billi l-att jassumi b’mod ċar li Femern A/S se tiffinanzja l-obbligi tad-dejn tagħha b’self garantit mill-Istat u self mill-Istat. Għalhekk, l-għajnuna ngħatat f’dan il-mument. Madankollu, huma jinnotaw li l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat ma setgħux jintużaw u, b’hekk, ma setgħu jipproduċu l-ebda vantaġġ ekonomiku għal Femern A/S qabel ma l-Ministru għat-Trasport ta struzzjonijiet lil Femern A/S biex tagħmel dan.

(154)

B’hekk, l-awtoritajiet Daniżi ma jaqblux ma’ Scandlines et al., li jsostnu li l-għajnuna relatata mal-garanziji tal-gvern u mas-self mill-Istat tikkostitwixxi serje ta’ għotjiet ad hoc. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi jinnotaw li, anki kieku l-għajnuna kellha titqies bħala serje ta’ għotjiet ad hoc, ma hemm xejn li jżomm lill-Kummissjoni milli twettaq valutazzjoni tal-kompatibbiltà u tapprova dawk l-għotjiet futuri kollha f’daqqa u fuq bażi ex ante. L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew ukoll informazzjoni aktar dettaljata dwar in-nuqqas ta’ diskrezzjoni tal-Ministru tal-Finanzi fir-rigward tal-ftehimiet speċifiċi tas-self.

(155)

Huma jinnotaw ukoll li l-pożizzjoni ta’ Scandlines et al. tidher li tgħid li Femern A/S jenħtieġ li minflok, mill-bidu nett, tieħu self kbir wieħed b’garanzija tal-gvern sal-limitu massimu permess. Skont l-awtoritajiet Daniżi, dan ma jkunx mod xieraq ta’ kif tiġi minimizzata l-għajnuna u, b’hekk, imur kontra r-rekwiżiti ġenerali tal-valutazzjonijiet tal-kompatibbiltà tal-Kummissjoni kif previst mill-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI.

(156)

L-awtoritajiet Daniżi jqisu wkoll li l-obbligu ta’ waqfien totali ġie rrispettat. Huma jqisu li l-bażi ġuridika tal-attivitajiet kollha mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Kostruzzjoni kienet it-Taqsima 2 tal-Att dwar l-Ippjanar. Minn mindu ġie adottat l-Att dwar l-Ippjanar, il-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament Daniż sussegwentement ta l-kunsens tiegħu tliet darbiet biex jiżdied il-baġit għall-fażi tal-ippjanar. Kull darba, il-kunsens kien relatat mal-attivitajiet tal-ippjanar speċifiċi koperti mit-Taqsima 2 tal-Att dwar l-Ippjanar (l-hekk imsejħa “xogħlijiet ta’ tħejjija”).

(157)

Meta ġie adottat l-Att dwar il-Kostruzzjoni, il-Ministru għat-Trasport ta struzzjonijiet lil Femern A/S biex ma tibdiex il-fażi tal-kostruzzjoni u, b’hekk, ma tiffirmax kuntratti ta’ kostruzzjoni qabel ma tkun awtorizzata tagħmel dan mill-Ministru. F’Novembru u f’Diċembru 2018, Femern A/S ġabret self mill-Istat biex tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-bidu tal-fażi tal-kostruzzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi spjegaw li kien biss fis-26 ta’ Marzu 2019 li Femern A/S kienet awtorizzata tibda l-ewwel xogħlijiet ta’ kostruzzjoni speċifikati li jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa. Femern A/S għadha s’issa ma bdiet l-ebda wieħed minn dawn ix-xogħlijiet.

5.4.   Kummenti dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna

5.4.1.   Tariffi ferrovjarji

(158)

L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li t-tariffi ferrovjarji ma jinvolvu l-ebda għajnuna mill-Istat lil Femern A/S u, b’hekk, jirrifjutaw l-argumenti mressqa minn Scandlines et al. It-tariffi ferrovjarji jikkostitwixxu sors futur ta’ introjtu għal Femern A/S, li – bħall-pedaġġi tat-triq – se jkunu rregolati mill-Ministru għat-Trasport. Speċifikament, il-Ministru jistabbilixxi regoli rigward il-livell u l-prinċipji għar-regolamentazzjoni tat-tariffi li se jiġu ddebitati l-utenti tal-Konnessjoni Fissa (jiġifieri l-operaturi ferrovjarji). Dawn it-tariffi se jiġu ddeterminati f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea. L-awtoritajiet Daniżi jenfasizzaw li t-tariffi ferrovjarji għal Femern A/S se jinġabru f’isem Femern A/S minn Rail Net Denmark (77) u mhux – kif inhu preżunt fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ – minn Femern A/S innifisha. Rail Net Denmark tiġbor dawk it-tariffi fuq l-infrastruttura ferrovjarja kollha tal-Istat Daniż. Għalhekk, tqies li huwa aktar espedjenti li Rail Net Denmark tintalab tagħmel l-istess fuq il-Konnessjoni Fissa. Il-fondi huma ttrasferiti direttament lil Femern A/S u Rail Net Denmark ma tistax tiddisponi mill-fondi għal skopijiet proprji. It-tariffi miġbura għall-użu tal-Konnessjoni Fissa u ttrasferiti lil Femern A/S se jiġu ddokumentati fil-baġits annwali tal-Istat. It-tariffi miġbura minn Rail Net Denmark huma ħlas għal servizz u mhux imposta. Rail Net Denmark hija l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja Daniża responsabbli għall-ispejjeż kollha relatati mal-operat tal-infrastruttura ferrovjarja Daniża.

5.4.2.   Miżuri tat-taxxa

(159)

L-awtoritajiet Daniżi jinnotaw li Femern A/S fl-ebda ħin ma użat ir-regoli li kienu applikabbli qabel rigward id-deprezzament tal-assi u r-riport tat-telf. B’hekk, irrispettivament minn jekk ir-regoli setgħux potenzjalment taw vantaġġ selettiv lil Femern A/S, fil-fatt ma seħħ l-ebda vantaġġ bħal dan fil-perjodu rilevanti.

5.4.3.   L-użu mingħajr ħlas ta’ qiegħ il-baħar

(160)

Fir-rimarki tagħhom għall-kummenti tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet Daniżi jispjegaw li l-Att dwar il-Kostruzzjoni sempliċiment jikkjarifika, sabiex jiġi evitat kull dubju, li Femern A/S jenħtieġ li ma tħallasx tariffa biex tuża qiegħ il-baħar. Huma jtennu li dawn id-dispożizzjonijiet ma jittrattawx lil Femern A/S b’mod differenti minn entitajiet f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli.

5.5.   Kummenti dwar il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

5.5.1.   Proġett ta’ interess komuni Ewropew

(161)

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-istudji l-ġodda ppreżentati minn Scandlines u Stena Line huma irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, skorretti. B’rabta mal-istudju ta’ Knud Erik Andersen, huma jinnotaw li l-awtur huwa magħruf li jopponi l-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt u li l-istudju huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta’ kalkolu żbaljati b’rabta mat-tbassir tat-traffiku u mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. L-awtoritajiet Daniżi jirrifjutaw ukoll l-argument imressaq minn Scandlines u Stena Line li l-istudji tal-2015 nefħu l-ispejjeż ta’ Scandlines b’mod esaġerat sal-punt li dan jirriżulta f’suppożizzjoni li Scandlines topera b’telf enormi. L-awtoritajiet Daniżi huma tal-fehma li din hija preżentazzjoni skorretta u distorta tal-kalkoli fl-“Istudju oriġinali” mill-2015 minħabba li l-istudju huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li d-dħul tal-vapuri huwa ogħla mill-ispejjeż operatorji (id-differenza bejn id-dħul u l-ispejjeż hija stmata għal madwar 15 % tal-ispejjeż). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-istudji ma jsirux difettużi minħabba li s-subkomponenti jew iċ-ċirkostanzi jinbidlu, u jinnotaw li mhumiex meħtieġa kalkoli ġodda tal-effetti soċjoekonomiċi kull darba li jinbidel subkomponent. Bħala tali, l-awtoritajiet Daniżi jirrifjutaw ukoll li l-istudji tal-2015 huma difettużi minħabba l-ispejjeż ogħla tat-territorju intern Ġermaniż.

(162)

L-awtoritajiet Daniżi jsostnu wkoll li l-kalkoli soċjoekonomiċi huma dejjem inklużi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi dwar proġetti infrastrutturali kbar. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ ritorn soċjoekonomiku ta’ 4 % kif affermat fir-rapport u mill-partijiet interessati. L-awtoritajiet Daniżi indikaw ukoll li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt kien meqjus bħala proġett transfruntier prijoritarju ta’ TEN-T fl-intier tiegħu u mhux biss għal dak li jikkonċerna l-parti ferrovjarja. Fir-rigward tat-tbassir tat-traffiku, l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw rapport addizzjonali minn Intraplan / TSS Trimode, fejn ikkummentaw dwar ir-Rapport ta’ HTC. B’mod ġenerali, il-konklużjoni minn Intraplan / TSS Trimode hija li r-rapport ta’ HTC huwa difettuż u żvijjanti u ma jiddubitax mit-tbassir tat-traffiku għall-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt speċifikament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jirreferu għal rapport ippubblikat mid-Direttorat Daniż tat-Toroq (78) li juri li t-traffiku fit-toroq lejn u mid-Danimarka qed jiżdied b’mod sinifikanti. B’mod speċifiku, ir-rapport juri li t-traffiku tat-trakkijiet żdied bi 38 % mill-2010 sal-2018 fuq il-fruntieri bejn id-Danimarka u l-Ġermanja, fuq il-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund u fuq ir-rotot tal-vapuri li jaqsmu Øresund u l-Fehmarn Belt, u dan ikompli jikkontradixxi r-Rapport ta’ HTC.

5.5.2.   Ma se tingħata l-ebda għajnuna operatorja

(163)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, l-għajnuna operatorja hija għajnuna relatata mal-operat tal-infrastruttura. L-ispejjeż kollha mġarrba fil-fażi tal-kostruzzjoni, inklużi l-ispejjeż li jikkonċernaw l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-proġett tal-kostruzzjoni, huma meqjusa bħala spejjeż tal-kostruzzjoni. Femern A/S mhux se jkollha bżonn tikseb self mill-Istat jew self b’garanzija mill-Istat biex tiffinanzja l-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħha fil-fażi tal-operazzjonijiet.

5.5.3.   Diskrepanza tal-likwidità

(164)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew suppożizzjonijiet aġġornati għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità u tal-element ta’ għajnuna (jew l-ekwivalenti tal-għotja grossa). Bħala punt tat-tluq, is-suppożizzjonijiet huma bbażati fuq l-aħħar analiżi finanzjarja riveduta kompletament tal-proġett: “Financial analysis of the Fehmarn Belt Fixed Link including Danish landworks” (79), ta’ Frar 2016 (“analiżi finanzjarja tal-2016”).

(165)

Fin-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni, issemma b’mod ċar li se ssir valutazzjoni ġdida tal-finanzi totali tal-proġett. Kellu jinbeda proċess biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni qabel ma setgħu jiġu ffirmati l-kuntratti tal-kostruzzjoni. Fit-28 ta’ April 2015, il-Ministru tal-Finanzi ta struzzjonijiet lil Femern A/S biex ma tiffirmax il-kuntratti ta’ kostruzzjoni ewlenin tal-proġett qabel ma tkun saret valutazzjoni ġdida tal-finanzi kumplessivi. Skont l-analiżi finanzjarja tal-2016, element ewlieni li jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni kien l-estensjoni tal-perjodu tal-kostruzzjoni minn sitt snin u nofs kif preżunt fl-analiżi finanzjarja tal-2014 għal tmien snin u nofs fl-analiżi finanzjarja tal-2016. L-analiżi finanzjarja tal-2016 tgħid li bħala riżultat tal-proċess tas-sejħa għall-offerti abbażi ta’ dan il-perjodu estiż tal-kostruzzjoni ta’ tmien snin u nofs, Femern A/S irċeviet l-offerti finali u vinkolanti (80) tal-kuntratturi. Femern A/S analizzat ukoll il-parametri l-oħrajn tal-kalkoli finanzjarji li wasslu għal għadd ta’ suppożizzjonijiet aġġornati meta mqabbla mal-analiżi li sawret il-bażi għall-Att dwar il-Kostruzzjoni. L-aġġornamenti rilevanti għall-Konnessjoni Fissa fl-analiżi finanzjarja tal-2016 jikkonċernaw b’mod partikolari: il-baġit aġġornat tal-kostruzzjoni, l-istima aġġornata tal-ispejjeż għall-operat, għall-manutenzjoni u għall-investiment mill-ġdid, ir-reviżjoni tal-iskeda taż-żmien, id-dħul mit-traffiku aġġustat minħabba l-iskeda ta’ żmien riveduta, l-aġġornament tal-finanzjament mill-UE, l-aġġornament ta’ xi suppożizzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tkun ibbażata fuq l-aktar suppożizzjonijiet finanzjarji preċiżi u aġġornati, l-awtoritajiet Daniżi għamlu xi aġġustamenti oħrajn fl-analiżi finanzjarja tal-2016, kif spjegat fid-dettall hawn taħt. Fejn xieraq, l-awtoritajiet Daniżi inkludew ukoll ċifri attwali, pereżempju, għas-self diġà ġġenerat jew b’rabta mal-inflazzjoni. Il-premessi ta’ hawn taħt fihom aktar dettalji dwar is-suppożizzjonijiet tal-mudell tad-diskrepanza tal-likwidità.

(166)

L-ispejjeż tal-kostruzzjoni fin-notifika tal-2014 kienu jammontaw għal DKK 54,9 biljun (EUR 7,4 biljun) fi prezzijiet fissi tal-2014. Dan l-ammont jikkorrespondi għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni msemmija fl-Att dwar il-Kostruzzjoni tal-2015: DKK 55,1 biljun (EUR 7,4 biljun) fi prezzijiet fissi tal-2015. Femern A/S irċeviet offerti f’Settembru 2015. Konsegwentement, Femern A/S ħejjiet aġġornament tal-baġit tal-kostruzzjoni u l-previżjoni tal-ispejjeż tal-ippjanar u l-kostruzzjoni għall-Konnessjoni Fissa tnaqqset għal DKK 52,6 biljun (EUR 7,1 biljun) fi prezzijiet tal-2015 jew DKK 62,2 biljun (EUR 8,3 biljun) fi prezzijiet nominali. Dan jinkludi rekwiżit ta’ riżerva ta’ DKK 7,3 biljun (EUR 1,0 biljun) bil-prezzijiet tal-2015. Ir-riżerva ġiet ikkalkolata abbażi tar-reġistru tar-riskju ta’ Femern A/S u tirrifletti l-ispejjeż li l-proġett x’aktarx li jġarrab. Intuża “valur P” ta’ P80. Kif spjegaw l-awtoritajiet Daniżi, dan ifisser li hemm probabbiltà ta’ 80 % li l-baġit ta’ riżerva jkun biżżejjed biex ikopri r-riskji identifikati. Il-kumpanija Ernst & Young wettqet assigurazzjoni tal-kwalità esterna tar-riżervi u r-riskji assoċjati mal-Konnessjoni Fissa.

(167)

Il-kalkoli finanzjarji jassumu li l-Konnessjoni Fissa se tirċievi finanzjament tal-UE li jkun jikkorrespondi għal 10 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni matul il-perjodu kollu tal-kostruzzjoni, li huwa l-istess livell kif kien preżunt fl-analiżi finanzjarja tal-2016. Il-finanzjament relatat mal-fażi tal-ippjanar kien ikkunsidrat ukoll fil-mudell finanzjarju.

(168)

It-tbassir tat-traffiku tħejja mid-ditti ta’ konsulenza Ġermaniżi Intraplan u BVU u kien kontrovverifikat ma’ mudelli oħrajn, bħall-mudell Trans Tools tal-Kummissjoni Ewropea. It-tbassir tat-traffiku ġie ppreżentat f’Novembru 2014. Kif ġie ddikjarat fl-analiżi finanzjarja tal-2016, il-grupp ta’ konsulenza COWI wettaq assigurazzjoni tal-kwalità esterna tat-tbassir u kkonkluda li s-suppożizzjonijiet huma raġonevoli u konformi mal-prattika professjonali tat-tbassir tat-traffiku. Is-suppożizzjoni bażika fit-tbassir tat-traffiku tal-2014 hija li s-servizz parallel eżistenti tal-vapuri ma jkomplix meta tinfetaħ il-Konnessjoni Fissa. Fl-istess ħin, it-tbassir tat-traffiku tal-2014 jinkludi analiżi separata ta’ xenarju, b’servizz kontinwu (parallel) ta' siegħa bil-'vapuri. Mill-2014, Scandlines ikkonfermat ripetutament l-intenzjoni tagħha li tkompli topera wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa. Għalhekk, l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw fil-mudell finanzjarju għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità servizz ta’ siegħa bil-vapuri bejn Rødby u Puttgarden. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li dan huwa konformi mal-istudju ta’ PWC imħejji għall-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċess ta’ approvazzjoni tal-pjan Ġermaniż għall-Konnessjoni Fissa, kif ipprovdut minn Scandlines et al. f’anness għall-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Barra minn hekk, l-istudju “Forretningsanalyse af færgefarten Rødby-Puttgarden” tal-24 ta’ Jannar 2016, imħejji minn konsulenti minn KPMG f’isem il-Ministeru Daniż tat-Trasport, ikkonferma li s-servizz bil-vapuri jista’ jkompli b’redditu marġinali żgħir ħafna. L-effett tas-servizz kontinwu ta’ siegħa bil-vapuri fuq il-volumi tat-traffiku, kif diġà stmati fit-tbassir tat-traffiku tal-2014, huwa tnaqqis ta’ 14 % fil-volum tal-karozzi fl-ewwel sena wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa, li jonqos għal tnaqqis ta’ 12 % 13-il sena wara l-ftuħ. Għat-traffiku tat-trakkijiet, is-sehem li juża s-servizz parallel tal-vapuri kien stmat għal 15 %. It-tieni aġġornament wara l-analiżi finanzjarja tal-2016 jikkonċerna l-effett tat-tnaqqis tal-pedaġġi fuq il-Konnessjoni tal-Great Belt b’25 % b’effett sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2023. Dan inaqqas bi ftit il-volumi tat-traffiku fuq il-Konnessjoni Fissa.

(169)

Fir-rigward tar-rati għat-traffiku fit-toroq, il-Ministru Daniż għat-Trasport se jiddetermina r-rati finali eżatt qabel il-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-prezzijiet tat-traffiku fit-toroq huma estrapolazzjoni tal-prezzijiet tal-vapuri tal-2007, meta r-rotta tal-vapuri ta’ Rødby-Puttgarden kienet għadha monopolju legali tal-Istat Daniż u tal-Istat Ġermaniż. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-prezzijiet tal-vapuri tqiesu bħala punt ta’ riferiment raġonevoli u trasparenti – filwaqt li jqisu wkoll xi jkunu lesti jħallsu l-utenti futuri tal-Konnessjoni Fissa mingħajr ma jipperikolaw l-għanijiet usa’ tal-Konnessjoni Fissa. Ir-rata preżunta u medja hija ta’ DKK 494 (EUR 66,2) għall-karozzi tal-passiġġieri u ta’ DKK 2 092 (EUR 280,4) għat-trakkijiet, fi prezzijiet tal-2015.

(170)

Fil-mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, id-dħul ferrovjarju huwa stmat għal madwar DKK 400 miljun (EUR 53,6 miljun) fis-sena (prezzijiet tal-2015). It-tariffi se jiġu determinati f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew rapport mill-Konsulenza TetraPlan “Analysis of Rail Infrastructure Payment on the Fehmarn Belt Fixed Link” minn Marzu 2003 u l-aġġornament tiegħu mill-2008. Id-dokument tal-2003 fih analiżi teknika dwar il-kapaċità tal-ferrovija li tħallas għall-użu ta’ Konnessjoni Fissa. L-iskop tal-analiżi kien li tissostanzja jekk il-ħlas stmat għall-użu tal-binarji ferrovjarji jistax ikun mistenni li jimmaterjalizza. L-analiżijiet ta’ TetraPlan jassumu li t-tariffa ferrovjarja totali għall-ferroviji li jitilqu minn/lejn Hamburg billi jgħaddu mill-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt jenħtieġ li tkun daqs it-tariffa ferrovjarja totali għall-ferroviji li jgħaddu mill-konnessjoni fissa tal-Great Belt.

(171)

L-ispejjeż għall-operat, il-manutenzjoni u l-investiment mill-ġdid tal-Konnessjoni Fissa jikkorrespondu għal DKK 468 miljun (EUR 62,7 miljun) fis-sena (fi prezzijiet tal-2015). Din l-istima hija konformi mal-analiżi finanzjarja tal-2016, billi l-awtoritajiet Daniżi ma qisux li huwa neċessarju li dawn iċ-ċifri jiġu aġġustati. L-awtoritajiet Daniżi evalwaw l-effett tal-volum imnaqqas tat-traffiku fuq l-ispejjeż għall-operat, il-manutenzjoni u l-investiment mill-ġdid. Huma kkonkludew li l-volum imnaqqas tat-traffiku għandu impatt żgħir biss fuq l-ispejjeż tal-operat u tal-manutenzjoni u ma għandu l-ebda effett notevoli fuq il-kalkoli tal-għajnuna mill-Istat u l-perjodu ta’ garanzija.

(172)

Sabiex tiġi kkomputata d-diskrepanza tal-likwidità, jeħtieġ li jiġu skontati l-flussi ta’ flus differenti (pereżempju, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, ir-redditi operatorji) li għalihom l-awtoritajiet Daniżi użaw il-WACC bħala rata ta’ skont xierqa. Bi tweġiba għat-tħassib espress mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li r-rata medja nominali tal-imgħax mingħajr riskju ta’ 5 %, bħala komponent importanti tal-WACC, tista’ tkun għolja wisq fiċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, l-awtoritajiet Daniżi pproponew li tintuża rata medja mingħajr riskju ta’ 3,5 % fis-sena. Din tkun ibbażata fuq il-projezzjoni uffiċjali aġġornata tal-Ministeru tal-Finanzi għall-2025 tal-ekonomija Daniża, inklużi l-finanzi pubbliċi (81). Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, is-suppożizzjoni bbażata fuq il-projezzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi hija l-aktar previżjoni oġġettiva tal-livelli tar-rati tal-imgħax futuri disponibbli fid-Danimarka u, għalhekk, hija punt ta’ riferiment kredibbli għall-użu. Din tikkunsidra wkoll li, fil-prattika, Femern A/S ma tistax tikseb self li jkopri l-finanzjament kollu tagħha f’daqqa u, b’hekk, li r-rata tal-imgħax attwali tas-suq ma tistax tintuża fuq perjodu ta’ żmien twil fejn Femern A/S tassumi dejn u tagħmel rifinanzjamenti frekwenti.

(173)

Bi tweġiba għat-tħassib espress mill-Kummissjoni li anki rata medja mingħajr riskju ta’ 3,5 % fis-sena tista’ tkun għolja wisq, l-awtoritajiet Daniżi spjegaw li, minħabba l-ħtieġa urġenti għal deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Daniżi huma lesti li jużaw rata mingħajr riskju ta’ 1,5 % bl-iskop li jiddeterminaw id-diskrepanza tal-likwidità li kieku l-Kummissjoni kellha tqis li dan huwa meħtieġ biex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern.

(174)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew żewġ mudelli għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. Wieħed minnhom kien ibbażat fuq rata medja mingħajr riskju ta’ 3,5 % (biż-żmien li jvarja minn livelli baxxi u li jiżdiedu maż-żmien) (“l-ewwel mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità”) u ieħor li assuma, bħala mudell alternattiv, rata mingħajr riskju ta’ 1,5 % (“mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità”).

(175)

Iċ-ċifra tal-WACC li tirriżulta hija għalhekk dipendenti fuq il-mudell applikabbli. Il-kalkoli bbażati fuq il-projezzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi jirriżultaw f’WACC li jvarja bejn 4,2 % u 8,3 % fl-ewwel mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, filwaqt li l-kalkoli bbażati fuq rata mingħajr riskju ta’ 1,5 % (fil-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità) jirriżultaw f’WACC fiss ta’ 5,59 %. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-livell tal-WACC kien stmat f’termini ta’ dak li jkun jeħtieġ investitur tipiku għal proġett b’karatteristiċi tar-riskju komparabbli. Huma pprovdew dettalji sħaħ dwar kif ġie stabbilit dan il-WACC.

(176)

L-awtoritajiet Daniżi kkalkolaw il-mudell tad-diskrepanza tal-likwidità abbażi ta’ perjodu operattiv ta’ 40 sena. Huma ma inkludewx il-ħlasijiet tad-dividendi relatati mat-territorju intern tal-pajjiż.

5.5.4.   L-ammont u t-tul ta’ żmien tal-għajnuna

(177)

Sabiex jiġu indirizzati d-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi rrevedew in-notifika u llimitaw l-użu tal-garanziji tal-gvern u tas-self mill-Istat. Il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat se jkunu limitati għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż imġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni. Femern A/S se tittermina s-self kollu b’garanzija mill-Istat u tħallas lura s-self kollu mill-Istat sa mhux aktar tard minn 16-il sena wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-Konnessjoni Fissa (“il-perjodu massimu garantit”). Il-bidu tal-operazzjonijiet tal-Konnessjoni Fissa huwa l-punt fiż-żmien meta l-Konnessjoni Fissa tinfetaħ għat-traffiku bit-toroq u ferrovjarju. Femern A/S mhux se tkun tista’ żżid is-self b’garanzija tal-gvern u s-self mill-Istat, li flimkien jaqbżu l-ammont massimu ta’ DKK 69,3 biljun (EUR 9,3 biljun) (“ammont massimu garantit”). L-ammont massimu huwa d-dejn nett totali mistenni tal-kostruzzjoni għal Femern A/S, inklużi l-ispejjeż tal-imgħax akkumulat matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni. Ma’ dan l-ammont żdiedu riżerva ta’ likwidità ta’ DKK 2,0 biljun (EUR 0,27 biljun) u “bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni” ta’ DKK 2,5 biljun (EUR 0,34 biljun) (prezzijiet tal-2015). Ir-riżerva ta’ likwidità żdiedet biex tkopri r-riskju ta’ varjazzjonijiet b’terminu qasir fil-pagamenti tal-proġetti. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li huwa meħtieġ bafer addizzjonali għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni minħabba li, jekk l-ispejjeż tal-kostruzzjoni jkunu ogħla milli mistenni (l-ispejjeż tal-kostruzzjoni mistennija ġew ikkalkolati bi probabbiltà ta’ riskju ta’ 80 %), Femern A/S ma tkunx tista’ – waqt li tkun għadha fil-fażi tal-kostruzzjoni – tikseb self fis-suq. Il-bafer jikkorrespondi għal żieda fil-probabbiltà tar-riskju ta’ 99 %. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom għal mekkaniżmu ta’ kalkolu mill-ġdid li jaġġusta l-ammont massimu garantit u l-perjodu massimu garantit ’l isfel jekk l-ispejjeż attwali mġarrba fil-kostruzzjoni jkunu jfissru li l-bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni mhuwiex meħtieġ u b’hekk jiġi żgurat li l-ammont totali tal-għajnuna ma jaqbiżx id-diskrepanza tal-likwidità. L-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jwettqu dan il-kalkolu mill-ġdid sa mhux aktar tard minn ħames snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet.

(178)

Femern A/S hija obbligata tħallas primjum b’konnessjoni mal-garanziji tal-Istat u mas-self mill-Istat. Kif iddikjarat fin-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni (it-taqsima 11.1), din it-tariffa tammonta għal 0,15 %. Dan jikkorrespondi għall-primjum li jrid jitħallas minn Femern A/S fir-rigward tal-ewwel mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità tan-notifika riveduta. Fil-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, dan il-primjum huwa ogħla u jammonta għal 2 %.

(179)

Barra minn hekk, Femern A/S mhijiex se tuża self mill-Istat u self b’garanzija tal-gvern biex tiffinanzja l-obbligu tagħha ta’ ħlas tad-dividendi lis-sid tagħha A/S Femern Landanlæg. B’hekk, huwa biss meta d-dejn ta’ Femern A/S jitħallas lura kompletament u meta tintemm il-possibbiltà tagħha li tadotta self ġdid mill-Istat u li tuża garanziji tal-gvern biex tiffinanzja dejn futur, li Femern A/S tkun tista’ tibda tħallas dividendi lil A/S Femern Landanlæg.

(180)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi informaw lill-Kummissjoni li l-kuntratti ta’ swaps/derivattivi ta’ Femern A/S se jitwettqu skont it-termini tas-suq. Għalhekk, Femern A/S se tħallas primjum tas-suq fuq l-ammont nozzjonali tat-tranżazzjonijiet individwali lill-Istat Daniż għall-garanzija tal-gvern u għall-kollateral li Femern A/S jista’ jkollha bżonn tiddepożita meta tidħol fi tranżazzjonijiet ta’ swaps/derivattivi.

(181)

L-awtoritajiet Daniżi sostnew ukoll li, billi l-ammont massimu garantit huwa limitat għall-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni (bi spejjeż finanzjarji relatati), huma jqisu li l-għajnuna operatorja hija eskluża. Sabiex ikomplu juru dan, l-awtoritajiet Daniżi se jiżguraw li Femern A/S tirrapporta kull sena rendikont tal-flussi tal-flus tagħha.

5.5.5.   Effett ta’ inċentiv

(182)

Fil-kummenti tagħhom għall-argumenti ta’ Scandlines et al., l-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-effett ta’ inċentiv formali, li kien aċċettat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, ma jiddiskriminax kontra impriżi privati u ma jiksirx ir-rekwiżit bażiku li l-għajnuna mill-Istat għandu jkollha effett ta’ inċentiv. Huma sostnew ukoll li effett ta’ inċentiv jista’ jintwera b’diversi modi (82). Il-ħtieġa ta’ SPV pubbliku biex tapplika mal-Istat Membru għall-għajnuna tkun artifiċjali ħafna. Dan minħabba li l-SPV neċessarjament ma jistax jibda l-proġett mingħajr l-għajnuna minħabba li ma għandu l-ebda introjtu ieħor. Dan huwa differenti mir-rekwiżit loġiku li l-impriżi privati jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna. Femern A/S ma tkunx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ impriża privata li tapplika għall-għajnuna għal proġett infrastrutturali speċifiku. Għalhekk, l-eżami mill-Kummissjoni tal-effett ta’ inċentiv ma jiddiskriminax bejn impriżi pubbliċi u privati. Fi kwalunkwe każ, minn prattika stabbilita tal-Kummissjoni jirriżulta li l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ inċentiv jekk proġett ma jkunx jista’ jitkompla/jitlesta mingħajr l-għajnuna, irrispettivament mill-applikazzjoni li tkun ġiet sottomessa wara l-bidu ta’ proġett (83).

5.5.6.   Ix-xenarju kontrofattwali

(183)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, ftit jagħmel sens li jiġi kkunsidrat xenarju kontrofattwali għal infrastruttura tat-trasport ġenerali bħall-Konnessjoni Fissa, għax dan jiġi deċiż minn żewġ Stati għal skopijiet pubbliċi usa’ u se jiġi implimentat minn SPV pubbliku stabbilit bil-liġi mingħajr attivitajiet jew interessi oħrajn. Bħala tali, kwalunkwe xenarju kontrofattwali għal dan l-SPV ikun spekulattiv għal kollox. Għalhekk, ix-xenarju kontrofattwali jeżisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv.

5.5.7.   Il-kompetizzjoni ma tkunx distorta bla bżonn

(184)

Fil-kummenti tagħhom għall-argumenti ta’ Scandlines et al., l-awtoritajiet Daniżi jirreferu għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018. Huma jsostnu wkoll li l-Konnessjoni Fissa tista’ toħloq kompetizzjoni ġdida minflok tirrestrinġiha, li l-abbuż potenzjali tad-dominanza tas-suq huwa ipotetiku biss, li huwa l-Istat Daniż / Ġermaniż li jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-aċċess ferrovjarju u dwar il-kapaċità tal-Konnessjoni Fissa u li huwa l-Ministru Daniż għat-Trasport li jiddeċiedi dwar it-tariffi. Dwar ir-rifjut tal-Gvern Daniż li jappoġġja applikazzjoni għal appoġġ mill-FNE minn Scandlines, l-awtoritajiet Daniżi kkjarifikaw li l-Ministeru tat-Trasport ma setax jappoġġja proġett li kellu l-għan li jesplora l-potenzjal għal investimenti ġodda sinifikanti f’operazzjonijiet tal-vapuri tul il-Fehmarn Belt, billi dan ma kienx konformi mal-politika tat-trasport ibbażata fuq l-anness 1 tar-regolament dwar l-FNE. L-awtoritajiet Daniżi nnotaw ukoll li r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ Scandlines mill-Kumitat tal-FNE fis-27 ta’ Settembru 2019 kien ibbażat ukoll fuq raġunijiet mhux relatati mar-rifjut tal-awtoritajiet Daniżi li jiffirmaw l-applikazzjoni b’mod konġunt. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Daniżi jirrifjutaw l-allegazzjoni li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Femern A/S tista’ tintuża biex tiffinanzja u b’hekk tnaqqas il-grad tal-aċċess għal Puttgarden, li huma jqisu li huma konnessjonijiet mat-territorju intern Ġermaniż. Dan għaliex il-Ġermanja hija responsabbli weħidha biex taġġorna u tiffinanzja l-konnessjonijiet tat-territorju intern tal-pajjiż mal-Konnessjoni Fissa.

5.5.8.   Il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji tal-gvern

(185)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew kundizzjonijiet minimi għall-mobilizzazzjoni.

5.5.9.   Trasparenza

(186)

L-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-obbligu ta’ trasparenza tal-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA/GĦAJNUNA

6.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(187)

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti jenħtieġ li sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tkun inkompatibbli mas-suq intern.

6.1.1.   Il-kunċett ta’ impriża

(188)

Il-Kummissjoni tinnota li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss meta l-benefiċjarju ta’ għajnuna jkun “impriża”. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, impriża hija entità li tinvolvi ruħha f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata (84). Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti u/jew servizzi f’suq partikolari hija attività ekonomika (85).

(189)

Fis-Sentenza Aéroports de Paris (86), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-operat ta’ ajruport kellu jitqies bħala attività ekonomika. Aktar reċenti, is-sentenzi ta’ Leipzig/Halle (87) kkonkludew li jekk runway ta’ ajruport tintuża għal attivitajiet ekonomiċi, il-kostruzzjoni tagħha tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika u, b’hekk, il-finanzjament tagħha jista’ jaqa’ fi ħdan l-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Filwaqt li dawn il-każijiet jirrigwardjaw speċifikament l-ajruporti, il-prinċipji żviluppati mill-Qrati tal-Unjoni huma applikabbli wkoll għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi oħrajn (88), (89) kif ikkonfermat aktar reċentement fis-sentenza tal-portijiet Belġjani (90).

(190)

Il-Kummissjoni diġà ddikjarat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li jista’ jitqies prima facie li Femern A/S hija involuta f’attività ekonomika u jenħtieġ li titqies bħala impriża. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi huma tal-fehma li valutazzjoni ġenerali – fid-dawl tan-natura, l-għan u r-regoli applikabbli – tal-attivitajiet ta’ Femern A/S jenħtieġ li twassal għall-konklużjoni li Femern A/S teżerċita poter pubbliku. Huwa veru li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma japplikax fejn l-Istat jaġixxi “billi jeżerċita poter pubbliku” (91) jew fejn l-entitajiet pubbliċi jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi (92). Entità tista’ titqies bħala li taġixxi billi teżerċita poter pubbliku meta l-attività inkwistjoni tkun tifforma parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat jew tkun konnessa ma’ dawk il-funzjonijiet permezz tan-natura tagħha, l-għan tagħha u r-regoli li għalihom hija soġġetta (93). F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li l-għanijiet tal-Konnessjoni Fissa huma ferm usa’ minn dawk li jipprovdu biss servizz pubbliku, bħalma jagħmlu l-utilitajiet, l-operaturi postali u l-fornituri tat-trasport pubbliku. Dan minħabba li, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Daniżi, il-Konnessjoni Fissa toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal kooperazzjoni kulturali u ekonomika aktar intensiva għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea, taż-żewġ Stati u tar-reġjuni li jmissu mal-fruntiera tal-Fehmarn Belt. Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, in-natura tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-Konnessjoni Fissa hija wkoll konnessa b’mod ċar mal-eżerċitar tal-poter pubbliku, billi hija l-implimentazzjoni mid-Danimarka ta’ ftehim intergovernattiv u ta’ deċiżjoni ewlenija tal-ippjanar pubbliku meħuda mill-Istat Daniż. Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, in-natura tal-attivitajiet hija aktar komparabbli mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tat-trasport nazzjonali u internazzjonali (bħall-Eurocontrol jew l-awtoritajiet Daniżi tat-toroq jew tal-ferroviji) milli hija mal-attivitajiet ta’ operatur tat-trasport privat. L-awtoritajiet Daniżi jqisu wkoll li Femern A/S hija soġġetta għal regoli speċifiċi, pereżempju mhux soġġetta għal standard ta’ massimizzazzjoni tal-profitti. Bħala SPV, ma hemm l-ebda riskju li l-finanzjament tiegħu jista’ jintuża għal sussidju trażversali ta’ attivitajiet li mhumiex relatati mal-attivitajiet speċifiċi li Femern A/S hija stabbilita biex tissodisfa.

(191)

Il-Kummissjoni tqis f’dan ir-rigward li hija meħtieġa valutazzjoni ġenerali u, biex tikkwalifika bħala li taġixxi billi teżerċita poter pubbliku, l-attività ta’ Femern A/S jenħtieġ li tkun konnessa mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat permezz tan-natura tagħha, l-għan tagħha u r-regoli li għalihom hija soġġetta. Il-Kummissjoni ma taqbilx mar-raġunament tal-awtoritajiet Daniżi li l-analiżi preliminari tagħha fil-premessi (85) sa (88) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija żbaljata. L-argumenti tal-awtoritajiet Daniżi dwar l-għan, in-natura u r-regoli mhumiex biżżejjed biex tiġi invalidata dik l-analiżi u biex jiġi konkluż li Femern A/S taġixxi billi teżerċita poter pubbliku.

(192)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ attività ekonomika jenħtieġ li tkun ibbażata fuq elementi fattwali, jiġifieri l-forniment ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari. Femern A/S, bħala s-sid u l-operatur tal-Konnessjoni Fissa, tipprovdi servizz ta’ trasport bi ħlas liċ-ċittadini u lill-impriżi. Femern A/S se titlob tariffa (pedaġġ) mingħand l-utenti tas-sezzjoni tat-triq tal-Konnessjoni Fissa biex jaqsmu l-istrett tal-Fehmarn Belt. Barra minn hekk, il-kumpaniji ferrovjarji se jħallsu tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fuq il-Konnessjoni Fissa. Id-dħul ta’ Femern A/S mit-toroq u mill-ferroviji huwa maħsub biex jiffinanzja l-ispiża totali tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-Konnessjoni Fissa, iżda wkoll, ladarba s-self garantit mill-Istat u s-self mill-Istat jiġu rrimborżati, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż, permezz tad-distribuzzjoni tad-dividendi lill-kumpanija prinċipali.

(193)

Hemm suq għall-qsim tal-istrett tal-Fehmarn Belt, b’mod partikolari minħabba li s-servizz huwa diġà pprovdut bi ħlas mill-operatur tal-vapuri eżistenti, li huwa impriża privata li topera b’mod ċar taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. B’hekk, is-servizzi tat-trasport ipprovduti minn Femern A/S se jkunu f’kompetizzjoni mas-servizzi tat-trasport ipprovduti mill-operaturi tal-vapuri. Barra minn hekk, il-Konnessjoni Fissa se tikkompeti wkoll ma’ konnessjonijiet tat-trasport oħrajn li jikkostitwixxu alternattiva għall-qsim tal-istrett tal-Fehmarn Belt. Konsegwentement, Femern A/S se tkun qed tipprovdi servizzi f’suq.

(194)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li Femern A/S ma ngħatatx poteri pubbliċi speċifiċi, iżda se tibni u topera l-infrastruttura bħala operatur ekonomiku. Il-kostruzzjoni u l-isfruttament kummerċjali ta’ proġetti infrastrutturali kbar ma jikkostitwixxux, minnhom infushom, eżerċitar ta’ poteri pubbliċi, u l-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa huma rregolati minn loġika ekonomika, minħabba li hija ffinanzjata fil-biċċa l-kbira ħafna mit-tariffi tal-utenti (94). Tabilħaqq, l-attivitajiet ta’ Femern A/S huma differenti ħafna minn dak li fil-passat tqies bħala parti mill-attivitajiet ta’ poter pubbliku, bħall-armata jew il-pulizija, is-sikurezza u l-kontroll tan-navigazzjoni bl-ajru, il-kontroll u s-sikurezza tat-traffiku marittimu, is-sorveljanza kontra t-tniġġis, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-infurzar ta’ sentenzi ta’ priġunerija, l-iżvilupp u r-rivitalizzazzjoni tal-art pubblika mill-awtoritajiet pubbliċi u l-ġbir tad-data li trid tintuża għal skopijiet pubbliċi abbażi ta’ obbligu statutorju impost fuq l-impriżi kkonċernati li jiddivulgaw tali data (95).

(195)

Il-fatt li Femern A/S ma ssegwix il-massimizzazzjoni tal-profitt mhuwiex deċiżiv lanqas. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma tiddependix fuq jekk l-entità hijiex stabbilita biex tiġġenera l-profitti (96).

(196)

Fi kwalunkwe każ, kif muri mid-Deċiżjoni ta’ Øresund tal-2014, fejn is-sid/l-operatur ikun instab li kien involut f’attività ekonomika, huwa ċar li l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew li jintroduċu mekkaniżmu tas-suq. Bħala l-pont/mina ta’ Øresund, il-Konnessjoni Fissa se tkun operata wkoll bħala infrastruttura kummerċjalment sfruttata u ffinanzjata permezz ta’ pedaġġ. Dan imur kontra l-argumentazzjoni li l-attività tkun eżerċizzju ta’ poter pubbliku.

(197)

Huwa minnu li, skont l-Att dwar il-Kostruzzjoni, it-tariffi għall-użu tal-Konnessjoni Fissa mhumiex stabbiliti minn Femern A/S, iżda direttament mill-Istat permezz tal-Ministru għat-Trasport. Madankollu, mit-Taqsima 42(3) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni jirriżulta li, irrispettivament mis-subtaqsima 2, Femern A/S tista’, fi ħdan xi limiti, temenda l-iskemi ta’ skont eżistenti jew tintroduċi skontijiet ġodda. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar il-Fehmarn Belt, Femern A/S hija meħtieġa li topera skont il-prinċipji ġenerali tan-negozju (97). Konsegwentement, il-Kummissjoni ssib li Femern A/S għandha ċertu marġini biex tiddeċiedi l-ipprezzar tagħha stess. Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk impriża twettaqx attività ekonomika, mhuwiex deċiżiv jekk dik l-impriża tiddeterminax il-prezzijiet tagħha jew hijiex soġġetta għal prezzijiet irregolati mill-Istat (98). Il-ġurisprudenza tindika li l-kapaċità ta’ entità li tinfluwenza l-prezz tas-servizzi tagħha hija biss wieħed minn diversi aspetti li jridu jiġu kkunsidrati (99). Tabilħaqq, attività hija ekonomika jekk tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari (bħal permezz tal-isfruttament kummerċjali tal-infrastruttura). Kif ikkonfermat riċentament il-Qorti, il-fatt li servizz jista’ jiġi pprovdut mingħajr skop ta’ qligħ (kif jista’ jkun il-każ, pereżempju, minħabba l-politiki tal-ipprezzar tagħha definiti mill-Istat) ma jwaqqafx lill-entità li twettaq dawk l-operazzjonijiet milli titqies bħala impriża jekk dik l-offerta teżisti f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn li jfittxu li jagħmlu profitt (100).

(198)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-operat tal-Konnessjoni Fissa jikkostitwixxi attività ekonomika. Mis-sentenza ta’ Leipzig Halle (101) jirriżulta li l-kostruzzjoni tal-infrastruttura operata minn Femern A/S tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika u, b’hekk, il-miżuri ta’ appoġġ tagħha jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat. B’hekk, Femern A/S jenħtieġ li titqies bħala impriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet.

(199)

Billi l-Kummissjoni ma setgħetx, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, tistabbilixxi n-natura tal-attività ewlenija ta’ Femern A/S, hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni finali dwar l-hekk imsejħa attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni li fihom kienet involuta Femern A/S.

(200)

Billi l-awtoritajiet Daniżi jqisu l-attivitajiet ta’ Femern A/S relatati mal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa bħala eżerċizzju ta’ poter pubbliku, huma jqisu wkoll l-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni bħala eżerċizzju ta’ poter pubbliku. L-awtoritajiet pubbliċi spiss ikunu meħtieġa li jikkomunikaw u jinformaw dwar l-attivitajiet u l-proġetti tagħhom u, fil-fehma tagħhom, tali attivitajiet ta’ informazzjoni jenħtieġ li ma jiġux kkategorizzati bħala kummerċjalizzazzjoni kif issuġġerit minn Scandlines et al. L-awtoritajiet Daniżi jsostnu wkoll li djalogu mill-qrib mal-gruppi affettwati fil-Ġermanja u fid-Danimarka u l-kooperazzjoni mal-NGOs u mal-awtoritajiet lokali fid-Danimarka u fil-Ġermanja huma vitali għat-twettiq tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt.

(201)

Il-Kummissjoni tqis li l-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni kkontribwew b’mod ċar għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa, kif jidher li jikkonfermaw kemm id-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet minn Scandlines et al. kif ukoll dawk mill-awtoritajiet Daniżi. L-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħal fl-interpretazzjoni ta’ Scandlines et al., jikkontribwixxu b’mod ċar għall-attività ekonomika ta’ Femern A/S. Madankollu, anki jekk l-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni jenħtiġielhom li jitqiesu bħala attivitajiet ta’ informazzjoni, bħal fl-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Daniżi, dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu wkoll għall-attività ekonomika ta’ Femern A/S. Kif sostnew ukoll Scandlines et al., mhijiex xi ħaġa mhux tas-soltu li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jinformaw lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tagħhom. B’mod ġenerali, dawk l-obbligi ta’ informazzjoni mhumiex meqjusa li jikkostitwixxu eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi. Il-Kummissjoni tqis li f’dan is-sens mhuwiex rilevanti jekk l-attivitajiet humiex ikkategorizzati bħala attivitajiet ta’ informazzjoni, promozzjoni jew kummerċjalizzazzjoni. Dak li jgħodd għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat huwa li dawk l-attivitajiet qed jikkontribwixxu għall-attività ekonomika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis ukoll l-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni bħala attivitajiet ekonomiċi.

6.1.2.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(202)

Fir-rigward tal-oriġini mill-Istat tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri, il-kunċett ta’ għajnuna huwa usa’ minn dak ta’ sussidju. Dan minħabba li huwa jħaddan mhux biss benefiċċji pożittivi, bħal sussidji u injezzjonijiet ta’ kapital, iżda wkoll miżuri li, f’diversi forom, inaqqsu l-imposti li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma huma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura tagħhom u għandhom l-istess effett (102).

(203)

L-injezzjonijiet ta’ kapital mhux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq iħaddnu benefiċċju pożittiv. Miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali favorevoli li, għalkemm ma jinvolvix trasferiment pożittiv ta’ fondi, ipoġġi lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja aktar favorevoli minn kontribwenti oħrajn u jikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (103). Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ riskju li jiġi impost piż addizzjonali fuq l-Istat fil-futur, billi jikkostitwixxi garanzija jew billi jagħti self skont termini li ma jikkorrespondux ma’ dawk tas-suq, huwa biżżejjed biex jitqies bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (104). L-istess jgħodd, pereżempju, meta l-garanziji jingħataw minn Stat Membru mingħajr ma jkun meħtieġ il-ħlas ta’ primjum skont it-termini tas-suq mill-benefiċjarju tal-garanzija. Barra minn hekk, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jista’ jitqies li jseħħ meta l-Istat ma jitlobx l-ammont li normalment jitlob għall-għoti ta’ aċċess għad-dominju pubbliku jew għal riżorsi naturali, bħalma huma qiegħ il-baħar u ż-żoni tal-ilma.

(204)

Billi l-miżuri ta’ hawn fuq (injezzjoni ta’ kapital, miżuri ta’ tassazzjoni, self mill-Istat u garanziji tal-gvern u l-użu mingħajr ħlas ta’ qiegħ il-baħar) ingħataw mid-Danimarka, minnhom infushom dawn huma imputabbli lil dak l-Istat.

(205)

Fir-rigward tat-tariffi ferrovjarji, dawn jikkostitwixxu sors ta’ introjtu fil-ġejjieni għal Femern A/S, li – bħall-pedaġġi tat-toroq – se jiġu ddeterminati mill-Ministru għat-Trasport. It-tariffi u l-pedaġġi jikkostitwixxu remunerazzjoni għall-użu tal-Konnessjoni Fissa. Il-fatt li wieħed mill-operaturi ferrovjarji huwa l-operatur ferrovjarju tal-Istat Daniż, DSB, mhuwiex biżżejjed li jiġi konkluż li t-tariffi ferrovjarji mħallsa lil Femern A/S permezz ta’ Rail Net Denmark minn dak l-operatur jinvolvu riżorsi tal-Istat, minħabba li l-operaturi ferrovjarji kollha li jużaw il-Konnessjoni Fissa jiġu ċċarġjati fuq bażi oġġettiva u mhux diskriminatorja (105). Barra minn hekk, Rail Net Denmark mhijiex maħtura biex tiġbor/tqassam l-għajnuna mill-Istat. Minflok, il-fondi jiġu ttrasferiti direttament lil Femern A/S. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tariffi ferrovjarji ma jikkostitwixxux intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

6.1.3.   Vantaġġ selettiv

(206)

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (106). Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-impriża li huwa rilevanti u mhux il-kawża jew l-objettiv tal-intervent mill-Istat (107). Sabiex jiġi vvalutat dan, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura jenħtieġ li titqabbel mas-sitwazzjoni finanzjarja kieku l-miżura ma ġietx introdotta.

6.1.3.1.   L-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat

(207)

L-injezzjonijiet ta’ kapital mogħtija minn Sund & Bælt Holding A/S jistgħu jitqiesu bħala li jinvolvu vantaġġ favur Femern A/S. Fid-dawl tal-inċertezzi dwar il-profittabbiltà u r-riskji għoljin tal-proġett, huwa probabbli li operatur privat ma kienx ikun imħeġġeġ li jinjetta kapital f’Femern A/S, fin-nuqqas ta’ xi tip ta’ appoġġ mill-Istat. Barra minn hekk, garanzija pubblika jew self mill-Istat mogħti b’termini preferenzjali, jistgħu jagħtu vantaġġ lill-mutwatarju billi jippermettulu jissellef b’rata tal-imgħax u spejjeż li ma kinux ikunu jistgħu jinkisbu fis-suq mingħajr il-garanzija (108), jew fin-nuqqas tas-self mill-Istat. Fil-każ inkwistjoni, Femern A/S hija meħtieġa tħallas primjum annwali fuq id-dejn pendenti kopert minn garanzija tal-gvern u fuq l-ammont pendenti ta’ self mill-Istat lill-Istat Daniż. Dan il-primjum, anki jekk kien jammonta għal 2 % (109) wara l-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, mhuwiex ikkontestat bħala li huwa taħt it-termini tas-suq, b’mod partikolari minħabba r-riskji tal-proġett. Barra minn hekk, garanzija tal-gvern li tkopri l-obbligazzjonijiet ta’ Femern A/S li jirriżultaw mir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha tnaqqas ir-riskji tagħha rilevanti għall-obbligi kuntrattwali normali li kwalunkwe operatur privat ikollu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan il-każ, billi pprovda l-garanziji tal-gvern għal self u self mill-Istat mingħajr ma talab il-ħlas ta’ primjum skont it-termini tas-suq jew il-ħlas tar-rata tal-imgħax tas-suq, l-Istat Daniż ta vantaġġ lil Femern A/S. Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li dawn jiġu ffinanzjati b’self mill-Istat għall-attivitajiet ta’ ppjanar u mhux b’self mill-Istat addizzjonali ddedikat għal dawk l-attivitajiet.

(208)

Billi l-vantaġġi msemmija jikkonċernaw speċifikament lil Femern A/S, huma de jure selettivi. Għalhekk, l-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern għas-self u s-self mill-Istat jikkostitwixxu vantaġġi selettivi favur Femern A/S skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.3.2.   Garanziji tal-gvern għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi

(209)

L-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni jipprevedu wkoll il-possibbiltà ta’ garanziji tal-gvern għat-tranżazzjonijiet ta’ derivattivi. Femern A/S għadha ma daħlitx fi tranżazzjonijiet bħal dawn. Fir-rigward tal-garanziji fuq tranżazzjonijiet ta’ derivattivi fil-ġejjieni, l-awtoritajiet Daniżi se jitolbu l-ħlas ta’ primjum, li huma jqisu li huwa skont it-termini tas-suq.

(210)

It-Taqsima 3.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji tistabbilixxi li, jekk garanzija individwali jew skema ta’ garanziji konkluża mill-Istat ma ġġib l-ebda vantaġġ għal impriża, hija ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna mill-Istat. Il-punti 3.2 sa 3.5 tal-Avviż dwar il-Garanziji jistabbilixxu għadd ta’ kundizzjonijiet suffiċjenti għan-nuqqas ta’ għajnuna. Skont il-punt 3.6 tal-Avviż dwar il-Garanziji, “nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3.2 sa 3.5 ma jfissirx li l-garanzija jew l-iskema ta’ garanziji hija awtomatikament meqjusa bħala għajnuna mill-Istat.” Mit-taqsima 1 tal-Avviż dwar il-Garanziji jirriżulta li d-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex ikunu direttament applikabbli, għalkemm mhux esklussivament, għal garanziji marbuta ma’ tranżazzjoni speċifika bħal self. Il-Kummissjoni tqis li l-garanziji fuq kuntratti tad-derivattivi ma jistgħux jitqabblu direttament mal-garanziji fuq self u li analiżi speċifika ta’ każ hija xierqa għal dan it-tip ta’ garanziji tad-derivattivi kif previst fit-taqsima 1.4 tal-Avviż dwar il-Garanziji.

(211)

Garanzija għal kuntratt tad-derivattivi hija differenti minn garanzija għal self. Derivattiv huwa obbligu bidirezzjonali li jkollu valur fis-suq ta’ żero fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, il-valur fis-suq jista’ jinbidel favur parti waħda (u għad-detriment tal-parti l-oħra), pereżempju, skont il-bidliet fir-rati tal-imgħax. In-negozjar tad-derivattivi ta’ Femern A/S huwa rregolat minn ftehim ġenerali ma’ kull kontroparti finanzjarja (l-hekk imsejjaħ ftehim “ISDA”) li jinkludi wkoll Anness ta’ Appoġġ tal-Kreditu (“CSA”). Skont il-ftehim bidirezzjonali dwar is-CSA, kull parti hija obbligata li tiddepożita kollateral ugwali għall-valur nett negattiv fis-suq tal-portafoll tad-derivattivi totali bejn iż-żewġ partijiet. Il-likwidità pprovduta minn Femern A/S għad-depożitar tal-kollateral ma tista’ tintuża għal ebda skop ieħor. L-amministrazzjoni tal-kollateral titwettaq f’sistema magħluqa b’kontijiet separati. Garanzija tal-gvern fuq kuntratt tad-derivattivi hija garanzija għall-obbligi ta’ ħlas ta’ Femern A/S skont il-ftehim dwar id-derivattivi u għall-kapaċità ta’ Femern A/S li tipprovdi l-likwidità li trid tintuża biex jiġi ddepożitat il-kollateral lill-kontroparti, li tkopri valur negattiv potenzjali tat-tranżazzjoni fis-suq.

(212)

L-ipprezzar ta’ tranżazzjoni tad-derivattivi jiġi ddeterminat mir-riskji ta’ kreditu u ta’ finanzjament assoċjati ma’ dawk il-bidliet potenzjali fil-valur tas-suq. Mingħajr garanzija u ftehim kollaterali bidirezzjonali, il-bank bħala kontroparti se jżid dawk l-elementi ta’ riskju mal-prezz. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li dawk is-supplimenti ta’ riskju huma ferm aktar baxxi mill-primjum ta’ riskju ta’ self bl-istess kapital.

(213)

L-awtoritajiet Daniżi informaw lill-Kummissjoni li Femern A/S se tħallas tariffa konformi mas-suq għal kull garanzija tal-gvern marbuta ma’ tranżazzjoni tad-derivattivi. It-tariffa konformi mas-suq se tiġi ddeterminata kif ġej. Femern A/S se tiġbor żewġ kwotazzjonijiet vinkolanti mingħand mill-inqas żewġ banek privati differenti qabel ma tidħol fi tranżazzjoni ġdida ta’ derivattivi. Il-banek se joħorġu kwotazzjoni vinkolanti għal żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet: a) it-tranżazzjoni tad-derivattivi bl-appoġġ ta’ garanzija tal-gvern u ftehim bidirezzjonali dwar is-CSA u b) l-istess tranżazzjoni mingħajr dawn l-elementi ta’ appoġġ. Il-kwotazzjonijiet se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni speċifika tal-bank tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ Femern A/S. Femern A/S tista’ mbagħad tagħżel bejn iż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet. Jekk Femern A/S tagħżel it-tranżazzjoni a), Femern A/S se tħallas id-differenza bejn il-kwotazzjoni għat-tranżazzjoni a) u l-kwotazzjoni għat-tranżazzjoni b) bħala primjum lill-Istat Daniż. Il-primjum se jiġi espress bħala perċentwal tal-kapital tat-tranżazzjoni, li jrid jitħallas fuq bażi annwali matul il-ħajja kollha tat-tranżazzjoni.

(214)

Il-Kummissjoni tqis li, abbażi ta’ dik il-metodoloġija ta’ tqabbil bejn żewġ kwotazzjonijiet vinkolanti u l-ħlas tad-differenza li tirriżulta bħala primjum lill-Istat Daniż, l-Istat ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lil Femern A/S billi jiggarantixxi t-tranżazzjonijiet tad-derivattivi. Konsegwentement, din il-miżura ma tinvolvi l-ebda għajnuna mill-Istat. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat sa liema punt il-miżura tista’ toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.3.3.   Tariffi ferrovjarji

(215)

Fit-taqsima preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ tariffi ferrovjarji ma tikkostitwixxix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat mogħtija lil Femern A/S. Għall-finijiet ta’ kompletezza u minħabba li tħalliet miftuħa fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kompliet tanalizza jekk Femern A/S tibbenefikax minn vantaġġ selettiv fir-rigward tat-tariffi ferrovjarji.

(216)

L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-imposti tal-infrastruttura jikkostitwixxu tariffi tal-utenti, jiġifieri ħlas għal servizz u mhux imposta. L-affermazzjoni ta’ Scandlines li l-Istat, permezz tal-operatur ferrovjarju tiegħu stess DSB, kull sena se jħallas lil Femern A/S sehem mit-tariffi globali, irrispettivament mill-għadd ta’ ferroviji li jużaw il-Konnessjoni Fissa, mingħajr mekkaniżmu ta’ aġġustament u għal perjodu mhux definit, mhijiex korretta. L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li t-tariffi se jiġu ddeterminati f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE u se japplikaw għal kwalunkwe operatur ferrovjarju li juża l-Konnessjoni Fissa. It-tariffi ferrovjarji jridu jitħallsu lil Femern A/S permezz ta’ Rail Net Denmark, li tiġbor it-tariffi.

(217)

Il-Kummissjoni tosserva li t-tariffi ferrovjarji jikkostitwixxu korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn Femern A/S lill-operaturi ferrovjarji. Meta jitqiesu l-kjarifiki kif stabbiliti fil-premessa (87) ta’ din id-deċiżjoni, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li d-dħul mill-attivitajiet ferrovjarji jkun għoli wisq.

(218)

Għalhekk, fir-rigward tat-tariffi ferrovjarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li Femern A/S ma tibbenefikax minn vantaġġ selettiv.

6.1.3.4.   Il-miżuri speċjali ta’ tassazzjoni

(219)

Sabiex miżura ta’ tassazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jenħtieġ li jiġi stabbilit li din tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti fuq oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, fid-dawl tal-għan segwit mill-iskema (110). Madankollu, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri ad hoc li minnhom jibbenefikaw entitajiet speċifiċi, l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ fil-prinċipju tippermetti li tiġi preżunta n-natura selettiva tiegħu (111). Dan minħabba li normalment ikun faċli li jiġi konkluż li tali miżuri għandhom natura selettiva minħabba li jirriżervaw trattament favorevoli għal impriża waħda jew għal ftit impriżi (112).

(220)

F’dan il-każ, is-sistema speċjali tat-taxxa dwar id-deprezzament u dwar ir-riport tat-telf tnaqqas l-obbligazzjoni tat-taxxa ta’ Femern A/S meta mqabbla ma’ kif kienet tkun fin-nuqqas ta’ dawk il-miżuri u, b’hekk, tagħtiha vantaġġ ekonomiku. F’dawk iċ-ċirkostanzi, Femern A/S jenħtieġ li titqies bħala l-benefiċjarju dirett tal-miżuri tat-tassazzjoni.

(221)

Il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri tar-riport tat-telf fiskali u tar-regoli speċifiċi tad-deprezzament skont l-analiżi standard fi tliet stadji stabbilita mill-Qrati tal-UE (113). L-ewwel nett, trid tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza. It-tieni, jenħtieġ li jiġi ddeterminat jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema, sakemm din tagħmel distinzjoni bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettiv intrinsiku għas-sistema, huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza u, b’hekk, hija prima facie selettiva, hemm bżonn li jiġi stabbilit, fit-tielet stadju tat-test, jekk id-deroga hijiex ġustifikata min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema. F’dan il-kuntest, huwa f’idejn l-Istat Membru li juri li t-trattament differenzjat tat-taxxa jirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ dik is-sistema (114).

Riport tat-telf fiskali

(222)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li r-regoli speċjali dwar ir-riport tat-telf li gawdiet minnhom Femern A/S fil-perjodu mill-2013 sal-2015 iddifferenzjaw bejn l-operaturi ekonomiċi li jidhru prima facie li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema ta’ tassazzjoni kkonċernata. Ir-regoli applikabbli għal Femern A/S matul dan il-perjodu kienu b’hekk prima facie selettivi. Huwa f’idejn l-Istat Membru kkonċernat li juri li miżura, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn tidher selettiva, hija ġustifikata min-natura tagħha jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ tassazzjoni tiegħu (115). Madankollu, wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi ma ssottomettew l-ebda ġustifikazzjoni bħal din fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema ġenerali.

(223)

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-miżura inkwistjoni tikkonċerna l-fażi tal-ippjanar tal-proġett u li, fi kwalunkwe każ, il-miżura qatt ma mmaterjalizzat fil-prattika, minħabba li Femern A/S ma kellha l-ebda profitt matul dak il-perjodu. Femern A/S ma rrapportat l-ebda riport ta’ telf minn snin preċedenti. Għalhekk, ma sar l-ebda tnaqqis tat-telf riportat mis-snin preċedenti meta ġie kkalkolat l-introjtu taxxabbli tal-grupp fil-perjodu 2013-2015 meta kienu fis-seħħ ir-regoli speċjali. It-telf kollu mġarrab minn Femern A/S intuża biex jitnaqqas l-introjtu taxxabbli fil-livell tal-grupp fl-istess sena finanzjarja. Kumpaniji Daniżi oħrajn fi ħdan grupp setgħu għamlu l-istess skont ir-regoli ġenerali.

(224)

B’hekk, għalkemm Femern A/S kienet ikkonċernata mir-regoli speċjali fis-snin 2013-2015, il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija f’dawk is-snin kienet tali li dawn ir-regoli fil-fatt qatt ma applikaw għal Femern A/S. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi r-riport tat-telf potenzjali qatt ma mmaterjalizza u ma jistax jimmaterjalizza fil-ġejjieni, ir-regoli speċjali dwar ir-riport tat-telf ma tawx u ma jistgħux jagħtu vantaġġ ekonomiku lil Femern A/S (116).

Deprezzament tal-assi

(225)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li r-regoli ta’ deprezzament applikabbli għal Femern A/S kienu prima facie selettivi. L-awtoritajiet Daniżi ma ppreżentawx ġustifikazzjoni fid-dawl tal-objettiv segwit mis-sistema ġenerali.

(226)

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-miżura inkwistjoni tikkonċerna l-fażi tal-ippjanar tal-proġett u li, minkejja li r-regoli speċjali ta’ deprezzament kienu fis-seħħ bejn l-2009 u l-2015, Femern A/S ma setgħetx tibbenefika minn dawk ir-regoli speċjali, minħabba li l-faċilitajiet ma kinux disponibbli għall-użu u fil-fatt ma seħħ l-ebda deprezzament. Femern A/S ilha mill-1 ta’ Jannar 2016 soġġetta għal-liġi tat-tassazzjoni ordinarja Daniża, inklużi r-regoli dwar id-deprezzament tal-assi applikabbli għall-kumpaniji Daniżi kollha.

(227)

B’hekk, Femern A/S setgħet tgawdi vantaġġ selettiv għas-snin 2009-2015. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi l-vantaġġ qatt ma mmaterjalizza u ma jistax jimmaterjalizza fil-ġejjieni, ir-rata speċjali ta’ deprezzament applikabbli għal Femern A/S ma tatx u ma tistax tagħti vantaġġ ekonomiku lil Femern A/S (117).

Ir-reġim tat-tassazzjoni konġunta

(228)

Is-sistema ta’ referenza għas-sistema ta’ tassazzjoni konġunta tikkonsisti fid-dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni obbligatorja fl-Att Daniż dwar it-Taxxa Korporattiva. Billi s-sistema ta’ tassazzjoni konġunta hija applikabbli għall-impriżi Daniżi kollha fi ħdan grupp u mhux speċifikament għal Femern A/S, ma jistax jitqies li ngħata xi vantaġġ selettiv lil Femern A/S (118). B’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li Femern A/S ma tibbenefikax minn vantaġġ selettiv addizzjonali permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema ta’ tassazzjoni konġunta.

6.1.3.5.   L-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat

(229)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, ma hemm l-ebda regola jew prinċipju ġenerali fil-liġi Daniża li jesiġu li l-kumpaniji f’sitwazzjoni fattwali u legali simili bħal Femern A/S iħallsu tariffi lill-Istat biex jagħmlu użu minn qiegħ il-baħar u żoni tal-ilma. B’hekk, l-istess prinċipju ta’ aċċess mingħajr ħlas japplika għall-infrastrutturi kollha ta’ konnessjonijiet fissi. Bl-istess mod, ma titħallas l-ebda tariffa mill-operaturi tal-vapuri jew minn kumpaniji oħrajn tat-trasport tal-merkanzija bil-bastimenti lill-Istat Daniż biex jaqsmu ż-żoni tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni Daniża. Barra minn hekk, skont dawk l-awtoritajiet, il-portijiet ma jħallsux tariffi għall-użu ta’ qiegħ il-baħar.

(230)

Fil-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Scandlines et al. isostnu li minħabba li l-użu mingħajr ħlas ta’ qiegħ il-baħar minn Femern A/S huwa espliċitament previst fl-Att dwar il-Kostruzzjoni, dan jindika li altrimenti Femern A/S kien ikollha tħallas tariffa skont is-sistema normali (ta’ referenza).

(231)

L-Artikolu 8(2) tat-Trattat dwar il-Fehmarn Belt u t-Taqsima 45 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni jiċċaraw li Femern A/S jenħtieġ li ma tħallasx tariffa sabiex tuża qiegħ il-baħar. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li r-raġuni għal din id-dispożizzjoni hija biss biex jiġi evitat kwalunkwe dubju. Skont l-awtoritajiet Daniżi, l-impożizzjoni ta’ obbligu għall-ħlas ta’ tariffa lill-awtoritajiet Daniżi bi skambju għal servizz partikolari teħtieġ, skont il-liġi Daniża, bażi ġuridika. Kif deskritt fil-premessa (229) ta’ din id-deċiżjoni, ma hemm l-ebda bażi ġuridika bħal din u ma hemm l-ebda indikazzjoni li d-Danimarka titlob ħlas mingħand operaturi oħrajn tal-infrastruttura għall-użu ta’ qiegħ il-baħar u taż-żoni tal-ilma. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, anki kieku ma kinitx teżisti t-Taqsima 45 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni, l-awtoritajiet Daniżi ma setgħux jitolbu tariffa għall-użu ta’ qiegħ il-baħar minn Femern A/S fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika speċifika. Fl-istess ħin, id-dispożizzjoni espliċita minn dawk l-atti tal-użu mingħajr ħlas taż-żoni tal-ilma u ta’ qiegħ il-baħar ma tindikax li Femern A/S altrimenti jkollha tħallas tariffa fis-sistema normali (ta’ referenza).

(232)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, u fin-nuqqas ta’ qafas ġuridiku ġenerali li jipprevedi l-ħlas ta’ tariffa għall-użu ta’ qiegħ il-baħar u taż-żoni tal-ilma u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza fattwali li tali tariffi kienu jitħallsu fil-passat, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tqis li teżisti sistema ġenerali bħal din. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li Femern A/S ma tibbenefikax minn vantaġġ selettiv f’dan ir-rigward.

6.1.4.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(233)

L-għajnuna mogħtija minn Stat Membru li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE trid titqies li hija affettwata mill-għajnuna (119). Miżura mogħtija mill-Istat titqies li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni meta tkun tista’ ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

(234)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet tentattivament fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li, sal-punt li Femern A/S trid titqies bħala impriża attiva fis-suq għas-servizzi tat-trasport biex taqsam l-istrett tal-Fehmarn Belt, l-għoti ta’ vantaġġ selettiv jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn attivi f’dak is-suq, bħalma huma, b’mod partikolari, l-operaturi tal-vapuri u l-operaturi tal-portijiet.

(235)

Madankollu, fil-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-Konnessjoni Fissa mhijiex f’kompetizzjoni diretta ma’, pereżempju, il-vapuri, bl-istess mod li l-infrastruttura ferrovjarja mhijiex f’kompetizzjoni diretta mat-toroq, mal-karozzi tal-linja jew mal-ajruporti. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-punt 220 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Hija l-opinjoni tal-awtoritajiet Daniżi li l-finanzjament pubbliku tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa ma joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni.

(236)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mar-raġunament tal-awtoritajiet Daniżi. Hija tqis li l-miżuri li jagħtu vantaġġ selettiv lil Femern A/S isaħħu l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, ma jistax jiġi miċħud li Femern A/S se tikkompeti fil-kummerċ bejn l-Istati Membri ma’ impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport alternattivi.

(237)

L-ewwel nett, l-analiżi finanzjarja tal-2016 imħejjija minn Femern A/S tirrikonoxxi li “Il-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt hija mistennija tassorbi parti mit-traffiku ta’ tranżitu bejn l-Iskandinavja/il-Lvant tad-Danimarka u l-Ġermanja, li bħalissa jgħaddi minn fuq il-Great Belt Bridge, flimkien ma’ parti mit-traffiku fuq il-vapuri fil-Punent tal-Baħar Baltiku, minħabba li wħud mill-vjaġġaturi ser isibu li huwa aktar attraenti li jużaw il-konnessjoni fissa”. Fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li l-pożizzjoni ta’ Femern A/S se tissaħħaħ għad-detriment tal-vapuri: “Huwa raġonevoli li jiġi konkluż li proġett li jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura li tipprovdi alternattiva għall-modi eżistenti ta’ trasport jinvolvi r-riskju li dawn tal-aħħar ma jibqgħux jeżistu u, billi dak il-proġett jipprovdi soluzzjoni li, kollox ma’ kollox, għandha riżultati pożittivi […].” (120).

(238)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrimarka li, meta tikkwota l-paragrafu 220 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat biex tappoġġja li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta mill-finanzjament pubbliku tat-toroq, anki tat-toroq b’pedaġġi (u l-pontijiet permezz ta’ assoċjazzjoni), bħall-Konnessjoni Fissa f’ċerti kundizzjonijiet elenkati, l-awtoritajiet Daniżi naqsu milli jsemmu n-nota 327 f’qiegħ il-paġna marbuta li tiddikjara b’mod ċar “Sitwazzjoni atipika li fiha ma tistax tiġi eskluża l-għajnuna mill-Istat, pereżempju, tkun pont jew mina bejn żewġ Stati Membri, li joffru servizz fil-biċċa l-kbira tiegħu sostitwibbli għas-servizz offrut minn operaturi tal-vapuri kummerċjali jew il-kostruzzjoni ta’ triq b’pedaġġi f’kompetizzjoni diretta ma’ triq oħra bil-pedaġġi (pereżempju żewġ toroq bil-pedaġġi b’mod parallel ma’ xulxin, u b’hekk joffru servizzi fil-biċċa l-kbira tagħhom sostitwibbli).”

(239)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-Konnessjoni Fissa ta’ Øresund, li hija infrastruttura b’attivitajiet, objettivi u finanzjament simili ħafna għal dawk tal-Konnessjoni Fissa fil-Fehmarn Belt, il-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni tagħha tal-2014 dwar Øresund li l-kompetizzjoni kienet se tiġi distorta fis-suq għas-servizzi tat-trasport li jaqsmu l-istrett ta’ Øresund hekk kif “il-Konsorzju jikkompeti mal-operaturi tal-modi ta’ trasport l-oħrajn, pereżempju, is-servizzi tal-vapuri” (121).

(240)

Għalhekk, għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri li jinvolvu vantaġġ selettiv jistgħu jitqiesu li jaffettwaw il-kummerċ intra-UE u jistgħu joħlqu distorsjoni fil-kompetizzjoni.

6.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(241)

Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern għas-self u s-self mill-Istat jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fir-rigward tal-allegati miżuri li jikkonsistu fid-deprezzament tal-assi, ir-riport tat-telf fiskali, is-sistema ta’ tassazzjoni konġunta, it-tariffi ferrovjarji u l-użu tal-proprjetà tal-Istat (mingħajr ħlas), il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna mill-Istat favur Femern A/S fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tan-notifika riveduta, il-garanziji għad-derivattivi ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna mill-Istat.

6.2.   Klassifikazzjoni tal-miżuri bħala għajnuna jew skema individwali

(242)

Fil-premessa (133) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat jenħtieġx li jitqisu u jiġu kkategorizzati bħala skema ta’ għajnuna, bħala għajnuna individwali mogħtija meta daħlu fis-seħħ l-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, jew bħala għajnuna individwali mogħtija kull darba li tiġi implimentata tranżazzjoni finanzjarja ta’ Femern A/S mill-awtoritajiet nazzjonali.

(243)

Sabiex tiddetermina jekk il-miżuri jikkwalifikawx bħala skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ għajnuna individwali, il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina n-natura tal-miżuri fid-dawl tad-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Proċedurali.

(244)

Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament Proċedurali, “skema ta’ għajnuna” tfisser “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”. B’kuntrast ma’ dan, l-għajnuna individwali hija definita fl-Artikolu 1(e) tal-istess Regolament bħala “għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għotjiet ta’ għajnuna notifikabbli abbażi ta’ skema ta’ għajnuna”.

(245)

Il-Kummissjoni kkunsidrat diġà fil-premessa (129) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-ewwel sitwazzjoni inkluża fid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma tistax titqies bħala applikabbli għall-miżuri li qed jiġu eżaminati billi l-miżuri mhumiex immirati lejn “impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt” iżda jingħataw speċifikament lil Femern A/S.

(246)

Kemm l-awtoritajiet Daniżi kif ukoll Scandlines et al. sostnew li t-tieni sitwazzjoni prevista fid-definizzjoni mhijiex applikabbli f’dan il-każ, billi l-għajnuna mogħtija lil Femern A/S hija marbuta ma’ proġett speċifiku, il-Konnessjoni Fissa. Billi l-għajnuna mogħtija taħt l-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat hija esklussivament relatata mal-finanzjament tal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa, bl-esklużjoni ta’ proġetti jew attivitajiet oħrajn, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna hija tabilħaqq marbuta ma’ proġett speċifiku. Barra minn hekk, abbażi tan-notifika riveduta wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ (u msemmija fil-premessa (177) ta’ din id-deċiżjoni), l-għajnuna ma tistax titqies bħala li ngħatat għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit.

(247)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat ma jistgħux jitqiesu bħala skema ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Proċedurali. Għalhekk, huma jridu jikkwalifikaw bħala għajnuna individwali.

(248)

Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat jinvolvux miżura ta’ għajnuna individwali waħda, jew diversi miżuri bħal dawn, marbuta mal-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni jew serje ta’ għajnuniet individwali mogħtija kull darba li tiġi implimentata tranżazzjoni finanzjarja ta’ Femern A/S mill-awtoritajiet Daniżi.

(249)

Abbażi tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni (122), kif rifless f’diversi linji gwida u regolamenti tal-Kummissjoni (123), huwa stabbilit sewwa li d-data tal-għoti tal-għajnuna tirreferi għad-data meta d-dritt ġuridiku li tirċievi l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju taħt is-sistema nazzjonali applikabbli.

(250)

Il-bażi ġuridika nazzjonali għall-finanzjament ta’ Femern A/S tikkonsisti fl-Att dwar l-Ippjanar tal-15 ta’ April 2009, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ April 2009 u l-Att dwar il-Kostruzzjoni tal-4 ta’ Mejju 2015, li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2015.

(251)

It-Taqsima 7 tal-Att dwar l-Ippjanar u t-Taqsima 4 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni jipprovdu l-bażijiet ġuridiċi għall-finanzjament tal-attivitajiet koperti minn dawk l-atti. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li ż-żewġ taqsimiet huma essenzjalment identiċi. It-Taqsima 4 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni tispeċifika li Femern A/S tista’ żżid is-self u tuża strumenti finanzjarji oħrajn biex tiffinanzja u tiffinanzja mill-ġdid l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat u miżuri neċessarji oħrajn u li dak is-self huwa speċifikat mill-Ministru tal-Finanzi (is-subtaqsima 1); li l-Ministru tal-Finanzi huwa awtorizzat li joħroġ garanzija tat-Teżor għal dawk l-obbligi (is-subtaqsima 2); li l-Ministru tal-Finanzi huwa awtorizzat li jissodisfa dawk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament billi jagħti self ta’ fondi mislufa mill-gvern (jiġifieri self mill-Istat) (is-subtaqsima 3); li l-gvern ċentrali Daniż jiggarantixxi l-impenji finanzjarji l-oħrajn ta’ Femern A/S relatati mal-kostruzzjoni tal-proġett (is-subtaqsima 4). It-Taqsima 7 tal-Att dwar l-Ippjanar hija abbozzata b’mod komparabbli.

(252)

Il-Kummissjoni tinnota li l-lingwa ta’ dawk it-taqsimiet 4 u 7 minnha nnifisha mhijiex sempliċi fir-rigward tad-dritt ġuridiku ta’ Femern A/S għal dawk il-forom ta’ finanzjament u d-diskrezzjoni relatata tal-Ministru tal-Finanzi li japprova jew jirrifjuta li jipprovdi self mill-Istat jew garanziji tal-gvern lil Femern A/S.

(253)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew aktar kjarifiki bbażati fuq in-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni li huma jqisu bħala sorsi ta’ interpretazzjoni awtorevoli għat-Taqsima 4 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni. B’rabta mas-subtaqsima 1, in-noti preparatorji jiċċaraw li s-self irid jiżdied kif speċifikat mill-Ministru tal-Finanzi sabiex jinkisbu l-aħjar termini possibbli. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw ukoll li, skont din id-dispożizzjoni, il-Ministru tal-Finanzi għandu l-kompetenza li joħroġ linji gwida vinkolanti lil Femern A/S dwar kif hija jenħtieġ li tikseb is-self, liema strumenti jenħtieġ li jintużaw u liema rekwiżiti jenħtieġ li jiġu imposti. Fir-rigward tas-subtaqsimiet 2 u 3, in-noti preparatorji jispeċifikaw “Il-forma organizzattiva magħżula mhijiex maħsuba biex tillimita r-responsabbiltà tal-Istat għax-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni. Konsegwentement, l-Att jispeċifika li l-Istat jiggarantixxi l-obbligi tal-kumpaniji rigward is-self u strumenti finanzjarji oħrajn li jintużaw biex jiffinanzjaw u jiffinanzjaw mill-ġdid it-tħejjija, il-kostruzzjoni, l-operat u l-implimentazzjoni ta’ miżuri meħtieġa oħrajn b’konnessjoni mal-istabbiliment tal-proġett ta’ kostruzzjoni. Il-garanzija mill-Istat tfisser li Femern A/S u A/S Femern Landanlæg se jkunu jistgħu jżidu s-self b’termini ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-Istat” (il-Kapitolu 10). Il-Kapitolu 12 ta’ dawk in-noti preparatorji jispeċifika “Minbarra l-parti li hija ffinanzjata mis-sussidji tal-UE, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni għall-proġett ta’ kostruzzjoni se jiġu ffinanzjati billi jiġi ġġenerat self fis-swieq kapitali internazzjonali b’garanziji maħruġa mill-Istat Daniż jew permezz ta’ self mill-ġdid mill-Istat. L-imgħax u l-pagamenti fuq is-self se jitħallsu permezz ta’ imposti tal-utenti fuq il-proġett minn kosta għal kosta u l-ħlas ta’ Banedanmark lill-kumpaniji għall-użu tal-ferrovija. L-Istat Daniż se jiggarantixxi s-self iġġenerat u l-obbligi finanzjarji l-oħrajn tal-kumpaniji matul il-fażi tal-kostruzzjoni.” Minn dan isegwi li l-Att dwar il-Kostruzzjoni jinkludi impenn ċar mill-Istat biex jiffinanzja l-ispejjeż tal-kostruzzjoni permezz ta’ self mill-Istat (jew “self mill-ġdid mill-Istat” kif imsemmi hawn fuq) u/jew garanziji tal-gvern. Il-Ministru tal-Finanzi għandu biss awtorizzazzjoni biex jiddeċiedi dwar it-taħlita ta’ self mill-Istat kontra l-garanziji tal-gvern.

(254)

L-awtoritajiet Daniżi pprovdew aktar kjarifiki dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk is-self mill-Istat u l-garanziji tal-gvern skont l-Att dwar il-Kostruzzjoni (u, b’analoġija, l-Att dwar l-Ippjanar). Ġiet ipprovduta wkoll kjarifika dwar ir-rwol speċifiku tal-Ministru tal-Finanzi li għandu biss setgħa diskrezzjonali limitata f’dik l-implimentazzjoni.

(255)

Fid-Danimarka, id-dejn tal-gvern jiġi ġestit mill-“Uffiċċju għall-Ġestjoni tad-Dejn tal-Gvern” fin-Nationalbanken (il-Bank Ċentrali Daniż) f’isem il-Ministeru tal-Finanzi. Il-“Ftehim dwar it-tqassim tax-xogħol fil-qasam tad-dejn tal-gvern bejn il-Bank Ċentrali Daniż u l-Ministeru tal-Finanzi” (124) jispeċifika d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet. Skont it-taqsima 6 ta’ dan il-ftehim, in-Nationalbanken joħroġ garanziji tal-gvern f’isem il-Ministru tal-Finanzi u joħroġ self mill-Istat f’isem il-Gvern lil kumpaniji li għandhom aċċess statutorju biex iżidu s-self b’garanzija tal-gvern jew self mill-Istat. Il-Ministeru tal-Finanzi jinnotifika lin-Nationalbanken qabel il-bidu ta’ leġiżlazzjoni ġdida jew emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti, eċċ. rigward l-aċċess tal-kumpaniji għal self mill-Istat u/jew garanziji tal-gvern li huma ġestiti jew se jiġu ġestiti min-Nationalbanken. Il-Ministeru tal-Finanzi jinforma lin-Nationalbanken meta tista’ tiġi applikata din il-bażi ġuridika sostantiva.

(256)

Fid-29 ta’ Mejju 2017, Femern A/S ikkonkludiet ftehim man-Nationalbanken, mal-Ministeru tal-Finanzi u mal-Ministeru tat-Trasport li jispeċifika l-modalitajiet li taħthom se jingħata l-finanzjament. Il-ftehim huwa ftehim standard imħejji min-Nationalbanken, simili għal dawk konklużi fir-rigward ta’ kumpaniji oħrajn ikkontrollati mill-Istat. Dan jistabbilixxi ċerti termini ta’ livell għoli, inkluż li hija r-responsabbiltà ta’ Femern A/S li tiżgura li s-self miksub ikun jikkorrespondi għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha u li s-self ma jaqbeż l-ebda restrizzjoni applikabbli f’termini tal-ammont ta’ self. Femern A/S jenħtieġ li tiżgura wkoll li t-tranżazzjonijiet taħt garanzija tal-gvern ikunu bbażati fuq bażi ġuridika suffiċjenti biex il-gvern ikun jista’ joħroġ garanziji. Minn dan il-ftehim jirriżulta li n-Nationalbanken ma jissorveljax dan għal kull talba għal self ġdid mill-Istat jew garanzija tal-gvern ġdida. Barra minn hekk, Femern A/S hija meħtieġa – fuq talba tan-Nationalbanken – li tippreżenta pjan dwar il-ħtiġijiet ta’ finanzjament mistennija. Mill-ftehim jirriżulta li kwalunkwe talba biex jinkiseb self ġdid li ġeneralment ikun jikkorrespondi għall-pjan tiġi aċċettata min-Nationalbanken, sakemm (1) is-self ma jitqiesx li mhuwiex konformi mal-politika monetarja, (2) ma jkunx possibbli għan-Nationalbanken li jikseb prezzijiet sodisfaċenti fis-suq minħabba ċirkostanzi straordinarji tas-suq finanzjarju jew nuqqas ta’ likwidità jew (3) it-talba ma tiddevjax sostanzjalment mill-pjan ipprovdut. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għas-self mill-Istat u s-self garantit mill-Istat huma soġġetti għal-Linji Gwida standard tan-Nationalbanken għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji. B’hekk, il-Ministru tal-Finanzi la japprova u lanqas jirrifjuta, la fit-teorija u lanqas fil-prattika, is-self individwali li tieħu Femern A/S. Madankollu, in-Nationalbanken jissorvelja regolarment li s-self li għalih Femern A/S titlob garanzija tal-gvern jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-gwida mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Linji Gwida għat-Tranżazzjonijiet Finanzjarji. La n-Nationalbanken u lanqas il-Ministeru tal-Finanzi qatt ma rrifjutaw l-ebda dokument ta’ self speċifiku li għalih, pereżempju, A/S Storebælt jew A/S Øresund, talbu garanzija tal-gvern.

(257)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Kostruzzjoni ta lil Femern A/S id-dritt ġuridiku li tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa permezz ta’ self garantit mill-Istat jew self mill-Istat. Bħala tali, id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Kostruzzjoni kien jinvolvi l-għoti ta’ għajnuna individwali lil Femern A/S.

(258)

L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw ukoll li s-subtaqsima 4 tat-Taqsima 4 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni (125) tinvolvi li l-gvern ċentrali Daniż qed jipprovdi, mingħajr l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni ulterjuri, garanzija li l-kuntratturi ta’ Femern A/S se jitħallsu mill-Istat Daniż f’każ li Femern A/S tonqos milli tħallas (126). Għalhekk, malli Femern A/S tiffirma kuntratt ta’ kostruzzjoni ma’ wieħed mill-kuntratturi, l-Istat Daniż jinżamm responsabbli għall-obbligu finanzjarju kollu li jirriżulta minn dak il-kuntratt. Din il-garanzija kienet effettiva wkoll minn meta ġie approvat l-Att dwar il-Kostruzzjoni, li jfisser li, minn dak il-jum, l-Istat Daniż kien effettivament responsabbli, mingħajr l-ebda miżura oħra ta’ implimentazzjoni, għal kwalunkwe spiża li tirriżulta mill-attivitajiet ta’ Femern A/S skont l-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(259)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Daniżi taw diversi għajnuniet individwali lil Femern A/S. L-ewwel nett, ingħatat injezzjoni ta’ kapital fl-2005 fil-mument tal-inkorporazzjoni. Imbagħad, ingħatat għajnuna individwali fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Ippjanar fis-17 ta’ April 2009 għall-finanzjament tal-azzjonijiet ta’ tħejjija, investigazzjoni, disinn u ta’ azzjonijiet meħtieġa oħrajn li jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa. Din l-għajnuna kienet tikkonsisti f’taħlita tal-istrumenti li ġejjin: injezzjoni ta’ kapital, garanziji tal-gvern u self mill-Istat. Il-baġit inizjali kien stabbilit għal DKK 1 210 miljun (EUR 162.2 miljun) (prezzijiet tal-2008). Ingħatat għajnuna addizzjonali fit-3 ta’ Ġunju 2010, fit-23 ta’ Ġunju 2011 u f’Marzu 2013, rispettivament, meta l-baġit inizjali tal-Att dwar l-Ippjanar żdied għal DKK 1 881 miljun (EUR 252.1 miljun), DKK 2 812-il miljun (EUR 376.9 miljun) u DKK 3 992 miljun (EUR 535.1 miljun), rispettivament (kollha fil-prezzijiet tal-2008). Fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Kostruzzjoni fis-6 ta’ Mejju 2015 ingħatat għajnuna individwali oħra għall-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat u għal miżuri meħtieġa oħrajn b’rabta mal-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa, u li tikkonsisti f’taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern.

6.3.   Il-legalità tal-għajnuna

(260)

L-Artikolu 108(3) tat-Trattat jesiġi li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti biex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan li tingħata l-għajnuna. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ waqfien totali f’dak l-istess Artikolu jipprevjeni lil Stat Membru milli jdaħħal fis-seħħ il-miżura proposta tiegħu qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali.

(261)

Fis-16 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw għajnuna mill-Istat biex jiffinanzjaw baġit ta’ DKK 1 445 miljun (EUR 193.7 miljun) għall-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt. DKK 1 210 miljun (EUR 162.2 miljun) kienu jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa, filwaqt li DKK 185 miljun (EUR 24.8 miljun) kienu jikkonċernaw il-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż. Fit-13 ta’ Lulju 2009, fid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar, billi kkonkludiet li fil-fażi tal-ippjanar Femern A/S aġixxiet bħala awtorità pubblika u li kwalunkwe appoġġ għalhekk jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, billi l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-appoġġ pubbliku għall-fażi tal-ippjanar jista’ jinkludi għajnuna mill-Istat favur l-operatur futur tal-Konnessjoni Fissa, hija vvalutat ukoll il-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati u kkonkludiet li dawn jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

(262)

Kif ġie nnotat fil-premessa (259) ta’ din id-deċiżjoni, il-baġit għall-ippjanar tal-Konnessjoni Fissa ġie aġġustat f’diversi okkażjonijiet, rispettivament f’Ġunju 2010, f’Ġunju 2011 u f’Marzu 2013, sa total ta’ DKK 3 992 miljun (EUR 535.1 miljun) (prezzijiet tal-2008). Dawk l-aġġustamenti baġitarji ġew approvati mill-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament Daniż. Il-kunsens kien relatat kull darba ma’ attivitajiet ta’ ppjanar speċifiċi koperti mit-taqsima 2 tal-Att dwar l-Ippjanar. Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew dwar dawk iż-żidiet fil-baġit fid-dawl tad-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar u, għalhekk, jistrieħu fuq il-preżunzjoni li ma tingħata l-ebda għajnuna mill-Istat lil Femern A/S b’dawk iż-żidiet fil-baġit jew, fi kwalunkwe każ, kieku kienet għajnuna, kienet kompatibbli. Abbażi ta’ dawk l-approvazzjonijiet tal-baġit, Femern A/S ħadet self speċifiku mill-Istat. L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li kull self mill-Istat għandu data ta’ maturità li fiha jkun dovut is-self. L-awtoritajiet Daniżi speċifikaw ukoll li l-ispejjeż attwali tal-ippjanar ġew iffinanzjati fuq bażi kontinwa fid-dawl tal-projezzjonijiet tal-ispejjeż fil-futur qrib u l-għoti ta’ appoġġ tal-UE minn TEN-T/FNE.

(263)

Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Daniżi jistgħu jippreżumu b’mod raġonevoli li l-għoti ta’ garanziji tal-gvern u self mill-Istat għal baġit tal-ippjanar ta’ DKK 3 992 miljun kien kopert mid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar. Tabilħaqq, fid-Deċiżjoni tal-Ippjanar, il-Kummissjoni sabet li Femern Belt A/S aġixxiet bħala awtorità pubblika f’dak li għandu x’jaqsam mal-involviment tagħha fil-fażi tal-Ippjanar, u li l-finanzjament pubbliku mogħti lilha għal dawk l-iskopijiet ma jikkostitwixxi l-ebda għajnuna mill-Istat. Kieku Femern Belt A/S kellha tintgħażel biex tkun inkarigata mill-fażijiet sussegwenti tal-proġett u biex twettaq l-attivitajiet kummerċjali relatati, il-finanzjament pubbliku tal-fażi tal-ippjanar jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli. Huwa minnu li d-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar ma kkunsidratx speċifikament is-self mill-Istat, iżda biss il-garanziji tal-gvern u injezzjoni ta’ kapital. Madankollu, l-Att dwar l-Ippjanar (kif innotifikat lill-Kummissjoni) jipprevedi espliċitament il-possibbiltà ta’ self mill-Istat u jagħti lill-Ministru tal-Finanzi d-diskrezzjoni li jiddeċiedi fuq l-aħjar taħlita għall-finanzjament tal-preparazzjoni, l-investigazzjoni, l-attivitajiet ta’ disinn u azzjonijiet oħrajn meħtieġa li jikkonċernaw il-Konnessjoni Fissa. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar – fl-analiżi komplementari tal-kompatibbiltà tagħha – ma kinitx kundizzjonali fuq ammont massimu ta’ għajnuna jew intensità massima ta’ għajnuna.

(264)

Fit-28 ta’ Novembru 2014, il-Ministru Daniż għat-Trasport bagħat l-“abbozz ta’ liġi dwar il-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt u tal-konnessjonijiet mat-territorju intern fid-Danimarka” għal konsultazzjoni pubblika. Skont dak l-Att dwar il-Kostruzzjoni previst, Femern A/S tinħatar ukoll biex twettaq il-kostruzzjoni, l-operat u l-finanzjament tal-Konnessjoni Fissa. Konsegwentement, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw il-mudell ta’ finanzjament tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Diċembru 2014. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Daniżi rrispettaw l-obbligu tagħhom li jinformaw lill-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar il-pjanijiet tagħhom li jagħtu għajnuna għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa.

(265)

Billi Femern A/S kisbet self mill-Istat bil-quddiem għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni fil-21 ta’ Novembru u fil-5 ta’ Diċembru 2018 għal ammont totali ta’ DKK 7.4 biljun (EUR 1.0 biljun), hekk kif DKK 1.85 biljun (EUR 0.2 biljun) minn dan l-ammont tħallsu fl-2018 u l-bqija fil-perjodu bejn Frar u April 2019 u fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Ministru għat-Trasport ta struzzjonijiet lil Femern A/S biex tibda pakkett ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mill-inqas parti mill-għajnuna mogħtija abbażi tal-Att dwar il-Kostruzzjoni ddaħħlet fis-seħħ illegalment.

6.4.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(266)

L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li jekk il-Kummissjoni kellha tqis il-miżuri ta’ appoġġ bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, hija jenħtieġ li tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, li jippermetti għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni.

(267)

Skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, l-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prinċipji li abbażi tagħhom se tivvaluta l-finanzjament pubbliku ta’ dawn il-proġetti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (“Komunikazzjoni tal-IPCEI”) (127).

(268)

Skont il-paragrafu 51 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-komunikazzjoni għall-proġetti ta’ għajnuna kollha nnotifikati li fir-rigward tagħhom tintalab tieħu deċiżjoni wara li l-komunikazzjoni tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anki meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħha”. Konsegwentement, il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-IPCEI jenħtieġ li jiġu applikati f’dan il-każ.

6.4.1.   Proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni

(269)

Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jenħtieġ li jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

—

irid ikun proġett wieħed li jkun definit b’mod ċar fir-rigward tal-objettivi tiegħu, kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-parteċipanti tiegħu u l-finanzjament tiegħu (128);

—

irid ikun ta’ interess Ewropew komuni (129);

—

irid ikun importanti b’mod kwantitattiv jew kwalitattiv (130).

6.4.1.1.   Il-proġett irid ikun definit b’mod ċar fir-rigward tal-objettivi tiegħu, kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu.

(270)

Il-Kummissjoni diġà nnotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-proġett f’dan il-każ jista’ jiġi definit bħala l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa. L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Fehmarn Belt jispeċifika li l-Konnessjoni Fissa tul l-istrett tal-Fehmarn Belt jenħtieġ li tinbena bejn Puttgarden u Rødbyhavn bħala link ferrovjarju u tat-triq ikkombinat li jikkonsisti f’linja ferrovjarja elettrifikata u b’żewġ binarji u link tat-triq b’erba’ karreġġjati bil-kwalità teknika ta’ awtostrada. B’mod aktar ġenerali, it-Trattat dwar il-Fehmarn Belt jipprovdi deskrizzjoni ċara tal-proġett fir-rigward tal-objettivi tiegħu u t-termini tal-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-parteċipanti u l-finanzjament tiegħu. Barra minn hekk, l-Att dwar il-Kostruzzjoni u l-annessi tiegħu jipprovdu deskrizzjoni teknika dettaljata tal-proġett, inklużi l-lokazzjoni ġeografika, id-disinn, il-kostruzzjoni, il-finanzjament u l-operat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġett jista’ jitqies bħala proġett definit b’mod ċar.

6.4.1.2.   Il-proġett irid ikun ta’ interess Ewropew komuni

(271)

Il-Kummissjoni tqis li l-proġett huwa ta’ interess Ewropew komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat minħabba li jikkontribwixxi b’mod konkret, ċar u identifikabbli għal objettiv wieħed jew aktar tal-Unjoni u għandu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-Unjoni, kif ukoll fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-valur f’parti wiesgħa tal-Unjoni. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll l-interess Ewropew komuni tal-proġett fid-Deċiżjoni dwar l-Ippjanar tagħha u aktar reċenti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(272)

Il-proġett jirrappreżenta kontribut importanti għall-objettivi tal-Unjoni, billi huwa ta’ importanza kbira għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u għan-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) (131). Il-proġett se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport u huwa meqjus bħala proġett prijoritarju ta’ TEN-T u huwa ta’ importanza kbira għall-istrateġija tat-trasport tal-Unjoni (132). Huwa jikkostitwixxi ħolqa nieqsa fuq il-kuritur tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T bejn l-Iskandinavja u l-Mediterran, identifikata bħala tali fit-tielet pjan ta’ ħidma tal-koordinatur Ewropew (133). Għaldaqstant, il-proġett se jikkontribwixxi għal titjib tal-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali, kif ukoll għal flessibbiltà akbar u ffrankar ta’ ħin għat-traffiku tat-toroq u dak ferrovjarju. Din hija indikazzjoni qawwija tal-interess Ewropew komuni tal-proġett.

(273)

Il-proġett jinvolvi żewġ Stati Membri, id-Danimarka u l-Ġermanja. Minkejja dan, il-benefiċċji jmorru lil hinn minn dawk iż-żewġ Stati Membri hekk kif jestendu għal parti wiesgħa tal-Unjoni (134). Tabilħaqq, l-għan tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali. Billi jagħlaq il-ħolqa nieqsa fuq il-kuritur Skandinavja-Mediterran (135), il-proġett huwa mistenni li jġib benefiċċji għall-pajjiżi kollha tul il-kuritur mill-Finlandja sa Malta (f’konformità mal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (136)).

(274)

Dawk il-benefiċċji definiti b’mod ċar tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt ġew speċifikati aktar f’analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mħejjija għall-Ministeru Daniż tat-Trasport (137) u mhumiex limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat bil-proġett (138). L-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji turi li l-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt se jkollha benefiċċji kbar għall-Ewropa, minkejja l-ispejjeż sinifikanti tal-investiment. L-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tħejjiet mid-ditta ta’ konsulenza Incentive, b’verżjoni oriġinali tal-istudju tal-5 ta’ Jannar 2015 u verżjoni aġġornata tas-27 ta’ Marzu 2015. Il-verżjoni oriġinali ġiet aġġornata b’estimi ġodda tal-kostruzzjoni. Il-benefiċċji ewlenin identifikati fl-analiżi jikkonsistu f’iffrankar ta’ ħin u flessibbiltà akbar meta wieħed jaqsam il-Fehmarn Belt, titjib tal-funzjonament tas-suq intern u tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali.

(275)

Barra minn hekk, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tikkwantifika wkoll il-benefiċċji netti, filwaqt li tqis l-effetti diretti u indiretti. L-effetti indiretti jinkludu, pereżempju, l-impatt ambjentali u klimatiku u korrezzjoni għall-qligħ tal-vapuri. Skont l-istudju aġġornat, il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt se jrendi benefiċċju nett u jipproduċi redditu soċjoekonomiku ta’ 4.7 % (139) meta l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-pajjiżi kollha jkunu inklużi fl-analiżi. L-istudju oriġinali wettaq ukoll għadd ta’ analiżijiet tas-sensittività. Huwa kejjel, fl-interess tal-prudenza, l-impatt fuq il-kompetizzjoni minn vapuri li joperaw bi frekwenza mnaqqsa. F’dak ix-xenarju, ir-redditu soċjo-ekonomiku kien stmat għal 4.1 % (meta mqabbel ma’ redditu soċjo-ekonomiku globali ta’ 5.0 % fl-istudju oriġinali).

(276)

Il-Kummissjoni tqis li, anki jekk l-analiżi tas-sensittività aġġornata tirriżulta f’redditu ta’ 3.8 % fil-każ ta’ servizz kontinwu tal-vapuri, kif isostnu Scandlines et al., l-istudju soċjo-ekonomiku pożittiv xorta jikkonferma l-benefiċċji tal-proġett.

(277)

Il-Kummissjoni tqis li l-istudji aġġornati tal-2019 kif ipprovduti minn Scandlines u Stena Line ma jbiddlux il-kwalifika tagħha tal-proġett bħala li għandu benefiċċji definiti b’mod ċar. L-istudji ta’ Incentive huma bbażati fuq suppożizzjonijiet plawżibbli. L-istudju ġdid ta’ Knud Erik Andersen tal-2019, ipprovdut minn Scandlines u Stena Line, ma jbiddilx din il-valutazzjoni. Fil-fehma ta’ Scandlines u Stena Line, l-istudji ta’ Incentive kienu jassumu li Scandlines qed topera b’telf kbir ħafna. Il-Kummissjoni ma tqisx dan bħala argument kredibbli, minħabba li jidher b’mod ċar li r-redditu soċjo-ekonomiku fil-fatt kien ikkoreġut għall-qligħ mitluf fuq il-vapuri fl-istudji ta’ Incentive. B’mod speċifiku, l-istudju oriġinali minn Incentive assuma li d-dħul qabeż l-ispejjeż b’madwar 15 %. Barra minn hekk, l-istudju kien jinkludi żewġ analiżijiet tas-sensittività b’differenza sa 30 % bejn id-dħul u l-ispejjeż li xorta rriżultaw f’redditu soċjo-ekonomiku pożittiv ta’ 4.6 % (meta mqabbel ma’ redditu soċjo-ekonomiku ta’ 5.0 % f’xenarju ta’ każ bażi). Scandlines u Stena Line jenfasizzaw ukoll żieda fl-ispejjeż stmati tal-kostruzzjoni għat-territorju intern Ġermaniż. Il-Kummissjoni tinnota li dan l-element lanqas ma jista’ jimmina l-plawżibbiltà tal-istudji ta’ Incentive, li kienu bbażati fuq stima raġonevoli tal-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni (bit-territorju intern Ġermaniż ikun biss parti żgħira mill-ispejjeż totali), inkluż ammont ta’ riżerva raġonevoli.

(278)

Il-paragrafu 18 tal-komunikazzjoni tal-IPCEI jitlob li l-proġett jiġi koffinanzjat mill-benefiċjarju. Billi l-proġett se jiġi ffinanzjat fil-biċċa l-kbira minn Femern A/S, minħabba l-fatt li l-pedaġġi u t-tariffi se jiġu imposti fuq l-utenti tal-Konnessjoni Fissa, il-Kummissjoni ssib li dan il-kriterju huwa rrispettat.

(279)

Il-finanzjament pubbliku tal-Konnessjoni Fissa ma jirrigwardjax sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, għalhekk, dan mhuwiex f’kunflitt mal-prinċipju tal-eliminazzjoni gradwali ta’ dawn is-sussidji, kif meħtieġ mill-paragrafu 19 tal-komunikazzjoni tal-IPCEI.

(280)

Il-proġett irċieva finanzjament mill-UE għal attivitajiet ta’ ppjanar, kif spjegat fid-dettall fil-premessa (37) ta’ din id-deċiżjoni u rċieva impenn għal aktar appoġġ mill-FNE. Bħala tali, dan huwa rikonoxxut mill-Komunikazzjoni tal-IPCEI bħala indikatur pożittiv tal-interess Ewropew komuni.

(281)

Dawk l-elementi kollha jikkontribwixxu għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-proġett jirrappreżenta kontribut importanti u konkret għall-kisba tal-objettivi tal-politika tat-trasport tal-Unjoni u tal-objettivi usa’ tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Bħala tali, il-Kummissjoni tqis li l-proġett huwa ta’ interess Ewropew komuni.

6.4.1.3.   Il-proġett irid ikun importanti b’mod kwantitattiv jew kwalitattiv

(282)

Il-proġett huwa proġett kbir ta’ infrastruttura Ewropea tat-trasport. In-natura importanti tiegħu diġà ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha dwar l-Ippjanar.

(283)

Abbażi tal-aġġornament ipprovdut mill-awtoritajiet Daniżi, l-ispejjeż totali għall-ispejjeż tal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa huma stmati għal DKK 52.6 biljun (EUR 7.1 biljun) u l-ispejjeż relatati mal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-aġġornament tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż huma stmati għal DKK 9.5 biljun (EUR 1.3 biljun), jiġifieri DKK 62.1 biljun (EUR 8.3 biljun) fi prezzijiet fissi tal-2015 għall-proġett kollu. Minbarra dan, il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt jinvolvi wkoll spejjeż sinifikanti relatati mal-kostruzzjoni tal-konnessjonijiet mat-territorju intern Ġermaniż, li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Ġermaniżi (140).

(284)

Barra minn hekk, il-proġett jitwettaq bħala parti mill-kooperazzjoni bejn il-Ġermanja u d-Danimarka u diġà ġie approvat fil-livell tal-Unjoni billi l-Konnessjoni Fissa tifforma parti integrali min-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport. Ladarba titlesta l-Konnessjoni Fissa, din se ttejjeb b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali, u b’hekk tgħin biex tittaffa l-konġestjoni fuq ir-rotta tal-Great Belt fid-Danimarka, b’mod partikolari fuq in-netwerk ferrovjarju.

(285)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proġett huwa partikolarment kbir fid-daqs u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Il-perjodu relattivament twil tal-kostruzzjoni u l-ammont għoli ta’ investiment jimplikaw ukoll livell konsiderevoli ħafna ta’ riskju finanzjarju (141). Bħala tali, il-Kummissjoni tqis li l-proġett huwa importanti b’mod kwantitattiv u kwalitattiv.

(286)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġett jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà kollha stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI (142).

6.4.2.   In-natura tal-għajnuna li qed tiġi vvalutata

(287)

Il-miżuri kif innotifikati fl-2014 li ġew ivvalutati fid-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni kienu jkopru l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa, sal-ħlas lura sħiħ tad-dejn. Fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li billi l-għajnuna inkwistjoni kienet tkopri l-ispejjeż operatorji tal-Konnessjoni Fissa, ma setax jiġi eskluż li l-għajnuna sa ċertu punt tista’ tikkostitwixxi għajnuna operatorja, li, jekk tkun preżenti, kellha tkun ivvalutata speċifikament mill-Kummissjoni.

(288)

Għalhekk, fit-taqsima 5.3.2. tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ għajnuna jenħtieġx li jiġu kklassifikati bħala għajnuna għall-investiment jew għajnuna operatorja, jew bħala taħlita tat-tnejn. B’mod partikolari, f’dak l-istadju ma kienx ċar sa liema punt il-miżuri se jiġu implimentati matul il-fażi operattiva tal-proġett humiex se jkopru l-ħtiġijiet tal-finanzjament relatati ma’ (i) il-ħlas lura tad-dejn maħluq matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-proġett, u/jew (ii) il-ħlas tal-ispejjeż operatorji matul il-fażi operattiva tal-proġett, u/jew (iii) il-ħlas tad-dividendi lill-kumpanija omm, jew (iv) dawn kollha ta’ hawn fuq.

(289)

Skont Scandlines et al., l-għajnuna operatorja hija marbuta man-natura tal-ispejjeż u mhijiex marbuta ma’ fażi partikolari (bħall-fażi operattiva) tal-proġett. Kwalunkwe għajnuna li tkopri l-ispejjeż operatorji tikkostitwixxi għajnuna operatorja fil-fehma tagħhom, irrispettivament mill-fażi li fiha jseħħu l-ispejjeż. Billi l-ispejjeż operatorji huma inklużi fl-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità, Scandlines et al. iqisu li, skont id-definizzjoni stess teżisti għajnuna operatorja. Barra minn hekk, għal Scandlines et al., tali għajnuna operatorja hija pprojbita.

(290)

Huwa meħtieġ li l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk il-miżuri jinvolvux għajnuna operatorja. Jekk iva, jeħtieġ li jiġi analizzat jekk tali għajnuna operatorja potenzjali tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern, u fuq liema bażi.

(291)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna operatorja hija definita bħala għajnuna li hija maħsuba biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tħallas fil-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew fl-attivitajiet ordinarji tagħha (143). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ulterjuri bejn l-għajnuna għall-investiment u l-għajnuna operatorja billi għaqqdet l-objettiv tal-għajnuna għall-investiment mal-eżistenza ta’ investiment speċifiku (144).

(292)

Meta tiġi kkunsidrata d-definizzjoni ċċitata ta’ għajnuna operatorja flimkien mal-miżuri kif innotifikati mill-awtoritajiet Daniżi fl-2014, jidher li Femern A/S tista’ potenzjalment tibbenefika minn għajnuna operatorja. Meta wieħed iqis l-Att dwar l-Ippjanar u l-Att dwar il-Kostruzzjoni, jidher b’mod ċar mit-taqsimiet 7 u 4, rispettivament, li Femern A/S ikollha l-possibbiltà li żżid is-self mill-Istat u li tibbenefika minn garanziji tal-gvern fuq is-self tagħha biex tiffinanzja u tiffinanzja mill-ġdid l-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat u miżuri meħtieġa oħrajn b’rabta mal-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa. L-Att dwar il-Kostruzzjoni ma eskludiex li Femern A/S tinħeles mill-ispejjeż li normalment ikollha tħallas fil-ġestjoni ta’ kuljum tagħha tal-Konnessjoni Fissa. Billi d-definizzjoni msemmija hawn fuq ta’ għajnuna operatorja tirreferi b’mod ċar għall-“ġestjoni ta’ kuljum” u għall-“attivitajiet ordinarji”, u tirreferi b’mod impliċitu għal “natura kontinwa” (għall-kuntrarju ta’ natura ad hoc għall-għajnuna għall-investiment), il-Kummissjoni tqis li din l-għajnuna operatorja potenzjali tista’ tkun preżenti biss ladarba l-Konnessjoni Fissa tkun operattiva.

(293)

Madankollu, bħala tweġiba għad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u kif deskritt fil-premessa (177), l-awtoritajiet Daniżi rrevedew in-notifika tal-2014 sabiex jillimitaw aktar l-għajnuna mill-Istat u jillimitaw l-għoti ta’ garanziji tal-gvern u self mill-Istat għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż imġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni u, għalhekk, għall-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa. L-ammont massimu ta’ dejn li jista’ jiġi garantit b’garanziji tal-gvern jew li jittieħed permezz ta’ self mill-Istat kien limitat għall-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni, inklużi l-ispejjeż finanzjarji relatati ma’ dawk l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni.

(294)

Abbażi tan-notifika riveduta, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna li qed tiġi kkunsidrata tikkonċerna l-għajnuna għall-investiment minħabba li jidher b’mod ċar li l-objettiv tal-għajnuna huwa li jkunu possibbli l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa u mhux li Femern A/S tinħeles mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tħallas fil-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew fl-attivitajiet ordinarji tagħha. Il-fatt li Femern A/S tiffinanzja mill-ġdid b’mod frekwenti s-self meħud biex ikunu koperti l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni, u mhux permezz ta’, pereżempju, self kbir wieħed, huwa biss kwistjoni tal-forma u t-tip tal-istruttura finanzjarja tal-proġett. Ma jfissirx li l-garanziji tal-gvern għal self iffinanzjat mill-ġdid relatat mal-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni jinvolvu għajnuna operatorja. Barra minn hekk, kif turi l-Kummissjoni hawn taħt fl-analiżi tal-kompatibbiltà u fil-valutazzjoni tad-diskrepanza tal-likwidità, l-ammont ta’ għajnuna huwa sostanzjalment aktar baxx mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa.

(295)

Għalkemm l-Att dwar il-Kostruzzjoni deher li jippermetti għajnuna operatorja, il-Kummissjoni tqis li dan jista’ jagħti biss vantaġġ potenzjali lil Femern A/S ladarba jkun operattiv. Abbażi tan-notifika riveduta, il-potenzjal għal għajnuna operatorja futura tneħħa.

(296)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi se jiżguraw li Femern A/S tirrapporta kull sena rendikont tal-flussi tal-flus tagħha bl-iskop li turi li l-operat tal-Konnessjoni Fissa mhuwiex issussidjat.

6.4.3.   In-neċessità tal-għajnuna

(297)

Skont il-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “l-għajnuna ma għandhiex tissussidja l-ispejjeż ta’ proġett li impriża xorta kienet tħallas u ma għandhiex tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika. Mingħajr l-għajnuna, it-twettiq tal-proġett jenħtieġ li jkun impossibbli, jew jenħtieġ li jitwettaq f’daqs jew b’ambitu iżgħar jew b’mod differenti li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-benefiċċji mistennija tiegħu.”

(298)

In-nota 2 f’qiegħ il-paġna tal-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI fiha wkoll rekwiżit formali ta’ effett ta’ inċentiv li jistabbilixxi li “L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet, jiġifieri jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment jew inkella l-ewwel impenn sod biex jiġi ordnat tagħmir jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema minnhom ikun għall-ewwel darba. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet ta’ tħejjija, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji preliminari tal-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala l-bidu tax-xogħlijiet.”

(299)

F’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit formali ta’ effett ta’ inċentiv, il-Kummissjoni diġà nnotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li huwa ċar li Femern A/S ġiet stabbilita għall-iskop waħdieni tal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-Konnessjoni Fissa. Huwa meħtieġ mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha li jsir dan. Barra minn hekk, jidher b’mod ċar mill-analiżi tal-effett ta’ inċentiv sostantiv (ara l-premessa (302) u ta’ wara) li mingħajr l-għajnuna, Femern A/S ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq il-proġett. F’dawk iċ-ċirkostanzi, u filwaqt li jitqies li l-għajnuna f’dan il-każ tirrigwardja proġett wieħed deċiż mid-Danimarka u mill-Ġermanja li se jiġi implimentat minn entitajiet tal-Istat bi skop speċifiku, ir-rekwiżit formali tal-effett ta’ inċentiv kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-IPCEI ma jistax jitqies bħala prerekwiżit biex jintwera li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv. Il-proġett tal-Konnessjoni Fissa huwa differenti ħafna minn, pereżempju, proġetti li jistgħu jiġu appoġġjati taħt skema ta’ għajnuna reġjonali, minħabba li dawk il-proġetti jiġu deċiżi mill-kumpaniji nfushom u l-inċentiv sottostanti d-deċiżjoni ta’ investiment tagħhom ikun irid jiġi vverifikat mill-awtoritajiet awtorizzanti qabel l-għoti. Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għall-għajnuna f’dan il-każ tista’ titqies bħala inerenti fl-istabbiliment ta’ Femern A/S. Għalhekk, il-fatt li Femern A/S ma ppreżentat l-ebda applikazzjoni speċifika għall-għajnuna lill-awtoritajiet Daniżi ma jurix in-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv (145).

(300)

Scandlines et al. sostnew ukoll li dak li huwa importanti huwa jekk Femern A/S aġixxietx (billi bdiet tibni) qabel ma ngħatat l-għajnuna jew, fi kliem ieħor, jekk Femern A/S fil-fatt bdietx il-kostruzzjoni qabel ma rċeviet impenn li jkollha l-għajnuna. Fl-opinjoni ta’ Scandlines et al., “Femern A/S bdiet ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-2013, għalkemm l-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna, l-aktar kmieni fl-2015 bl-Att dwar il-Kostruzzjoni”. Skont Scandlines et al., dawk ix-xogħlijiet ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet ta’ ppjanar. Barra minn hekk, u filwaqt li jitqies li l-għajnuna għall-attivitajiet tal-kostruzzjoni kienet għadha ma ngħatatx, l-effett ta’ inċentiv formali jinkiser. Minbarra dan, Scandlines sostniet fis-sottomissjoni tagħha ta’ Ottubru 2019 li Femern A/S kisret ukoll ir-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv billi wettqet xogħlijiet ta’ kostruzzjoni wara l-annullament tad-Deċiżjoni dwar il-Kostruzzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li r-rekwiżit formali tal-effett ta’ inċentiv, b’mod ġenerali, ma jqabbilx id-data tal-bidu tax-xogħlijiet mad-data tal-għoti tal-għajnuna (kif jidher li qed isostnu Scandlines et al.), iżda jqabbel id-data tal-bidu tax-xogħlijiet mad-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, kif spjegaw l-awtoritajiet Daniżi, l-hekk imsejħa xogħlijiet ta’ tħejjija, li huma parti minn programm li permezz tiegħu l-awtoritajiet Daniżi ddeċidew li jibdew ċerti tħejjijiet fi stadju aktar bikri milli kien previst oriġinarjament, kienu bbażati fuq bosta approvazzjonijiet tal-Parlament Daniż ta’ aġġustament tal-baġit tal-ippjanar. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma jistax jiġi sostnut li Femern A/S, bħala entità bi skop speċifiku u minħabba l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, ipproċediet għal dawk ix-xogħlijiet mingħajr ma bbażat fuq il-fatt li dawk ix-xogħlijiet ikunu ssussidjati mill-Istat.

(301)

Scandlines et al. sostnew ukoll li l-Kummissjoni, fil-paragrafu 163 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, kienet żbaljata meta rreferiet għall-obbligu ta’ waqfien totali. Il-Kummissjoni taqbel li l-obbligu ta’ waqfien totali u r-rekwiżit formali tal-effett ta’ inċentiv huma żewġ kunċetti differenti. Tabilħaqq, l-għajnuna li ngħatat bi ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali xorta jista’ jkollha effett ta’ inċentiv.

(302)

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-għajnuna mhuwiex deċiżiv għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna f’dan il-każ hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-għajnuna ma tistax tissussidja l-ispejjeż li proġett iġarrab xorta waħda (l-effett ta’ inċentiv sostantiv, kif previst fil-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-referenza minn Scandlines et al. għall-Artikolu 345 tat-Trattat minħabba li jkun hemm diskriminazzjoni favur kumpaniji pubbliċi mhijiex rilevanti. Kif ġie spjegat, il-Kummissjoni tqis li t-test sostantiv tal-effett ta’ inċentiv tal-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI huwa applikabbli bis-sħiħ, iżda li minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi msemmija fil-premessa (299) ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna tista’ titqies bħala inerenti fl-istabbiliment ta’ Femern A/S fil-kuntest tal-proġett. Għalhekk, jenħtieġ li jintwera li, mingħajr l-għajnuna, il-Konnessjoni Fissa ma tkunx tista’ ssir realtà jew għall-inqas mhux fl-istess kamp ta’ applikazzjoni.

(303)

Il-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI jesiġi li l-Istat Membru jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni adegwata dwar il-proġett mogħti l-għajnuna. Hija meħtieġa wkoll deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li jikkorrespondi għas-sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għajnuna mill-ebda Stat Membru.

(304)

Kif diġà ġie nnotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li ma teżisti l-ebda deskrizzjoni kontrofattwali jew realistika kredibbli ta’ proġett alternattiv. Il-Parlament Daniż għandu awtorità unika li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-mezzi ta’ finanzjament tiegħu. B’hekk, Femern A/S (u A/S Femern Landanlæg) ma għandhom l-ebda setgħa li jiddeċiedu li jwettqu proġett alternattiv ta’ skala differenti.

(305)

Għalkemm il-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI jistabbilixxi b’mod ċar li x-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, Scandlines et al. sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tivverifika jekk jeżistix proġett alternattiv mingħajr għajnuna. Billi l-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji mis-sena 2000 (146) telenka bosta alternattivi u billi l-proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji tas-soluzzjoni tal-mina taħt l-ilma kien konsiderevolment aktar baxx minn dak tal-alternattivi l-oħrajn, fil-fehma ta’ Scandlines et al., il-Kummissjoni jenħtieġ li tittraskurax dawk l-alternattivi fil-valutazzjoni tagħha tan-neċessità tal-għajnuna. Huma jqisu wkoll il-fatt li l-Parlament Daniż għandu awtorità unika li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett bħala irrilevanti u l-Inkjesta tal-Interess Kummerċjali tal-2001 bħala skaduta.

(306)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport tas-sena 2000 dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji kien l-evalwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ Konnessjoni Fissa tul il-Fehmarn Belt, li tinkludi l-valutazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi differenti għal Konnessjoni Fissa meta mqabbla mal-eżistenza kontinwa tas-sistema attwali tal-vapuri. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rapport tas-sena 2000 dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji jikkonkludi li l-effiċjenza relattiva tal-alternattiva ta’ sistema mtejba tal-vapuri kienet konsiderevolment ogħla. Madankollu, fl-istess ħin, ir-rapport jikkonkludi li l-kobor assolut tal-benefiċċji netti miksuba mis-soluzzjoni tal-Konnessjoni Fissa ma jistax jinkiseb permezz ta’ sistema mtejba tal-vapuri (bl-ogħla kontribut għal dawk il-benefiċċji jiġi minn tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar u minn iffrankar fl-ispiża tat-trasport). Konsegwentement, sistema mtejba tal-vapuri ma kinitx alternattiva bl-istess kamp ta’ applikazzjoni u kisbet benefiċċji mistennija komparabbli għal dawk tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa li jenħtieġ li jitqiesu bħala xenarju kontrofattwali. Fir-rigward tax-xenarji l-oħrajn, ir-rapport tas-sena 2000 dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ma għamel l-ebda klassifikazzjoni u ma esprima ebda preferenza ċara u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi konkluż mir-rapport li jeżistu xenarji alternattivi fejn, mingħajr l-għajnuna, tista’ tinstab soluzzjoni ta’ Konnessjoni Fissa b’kamp ta’ applikazzjoni komparabbli jew li jinkisbu benefiċċji mistennija komparabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tista’ tistrieħ fuq l-Inkjesta tal-Interess Kummerċjali, kif imnedija fl-2001, biex tistabbilixxi x-xenarju fejn il-Konnessjoni Fissa ma tikseb l-ebda appoġġ pubbliku.

(307)

Kif ġie nnotat diġà fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-għan ta’ dik l-Inkjesta kien li tinvestiga: (i) ir-rieda u l-kapaċità tas-settur privat li jfassal, jippjana, jibni, jiffinanzja u jopera Konnessjoni Fissa tul il-Fehmarn Belt, (ii) is-soluzzjonijiet finanzjarji u tekniċi assoċjati għall-proġett, (iii) il-qafas organizzattiv għall-involviment tal-investituri privati fil-proġett, u (iv) id-distribuzzjoni tar-riskji involuti fil-proġett bejn is-settur privat u l-Istati Membri (147). L-Inkjesta qajmet interess sostanzjali: kien hemm madwar 100 kumpanija individwali li rrispondew, li minnhom 31 (148) irrispondew għal kwestjonarju u 20 ġew mistiedna għal intervisti. L-Inkjesta kkonkludiet li s-settur privat ikun interessat li jipparteċipa fit-tfassil, fil-finanzjament, fil-kostruzzjoni u fl-operat tal-Konnessjoni Fissa jekk l-Istati jkunu pprovdew kwalunkwe tip ta’ appoġġ, ferm aktar mill-appoġġ previst tat-TEN, u/jew garanziji tal-gvern. L-investituri privati jkunu jeħtieġu rata ta’ redditu interna ogħla biex jikkumpensaw għar-riskji sostanzjali konnessi ma’ tali proġett bħall-Konnessjoni Fissa. Bl-istess mod, is-selliefa jkunu jeħtieġu rata tal-imgħax għolja u proporzjon għoli ta’ kopertura tad-dejn sabiex jegħlbu r-riskji perċepiti. Flimkien, dawk ir-rekwiżiti mill-investituri u mis-selliefa jwasslu għal tali kostijiet għoljin tal-kapital li l-proġett ma jkunx fattibbli mingħajr appoġġ pubbliku sostanzjali. Sabiex jissostanzjaw li din il-konklużjoni ma nbidlitx sadanittant, l-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw analiżi fil-mument tan-notifika (149) li turi li r-riżultati tal-Inkjesta kienu għadhom validi.

(308)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-ebda investitur privat razzjonali ma kien se jinvolvi ruħu fil-finanzjament ta’ proġett bħal dan f’kundizzjonijiet normali tas-suq u, it-tieni nett, li l-Konnessjoni Fissa setgħet titlesta biss b’appoġġ pubbliku sostanzjali. Il-fatt li s-soluzzjoni teknika finali nbidlet mill-Inkjesta tal-2001 ma jbiddilx din il-konklużjoni u ma hemm xejn li jissuġġerixxi li sadanittant kien sar vijabbli xenarju kontrofattwali mingħajr l-għajnuna. Barra minn hekk, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-UE taħt il-FNE jkun indikazzjoni qawwija u komplementarja tan-neċessità ta’ finanzjament pubbliku għat-twettiq tal-proġett. B’hekk, mingħajr l-għajnuna, il-proġett ma jitwettaqx. Għalhekk, ix-xenarju kontrofattwali jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv. Fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, l-għajnuna trid titqies bħala neċessarja jekk, pereżempju, ikun jista’ jintwera li l-IRR tal-proġett hija taħt ir-rata ta’ redditu normali meħtieġa mill-investituri li jinvolvu ruħhom fi proġetti ta’ investiment simili, jew jekk l-IRR ma tkunx biżżejjed biex tkopri l-kost tal-kapital meħtieġ mis-suq.

(309)

Għal dan l-għan, fil-kuntest tan-notifika tal-2014, l-awtoritajiet Daniżi diġà spjegaw li Femern A/S ma kellhiex proġetti ta’ investiment ta’ tip jew kost tal-kapital simili b’mod ġenerali li setgħu jintużaw biex jiġi kkalkolat jekk l-ammont ta’ għajnuna jaqbiżx il-livell meħtieġ biex il-proġett ikun profittabbli biżżejjed. Għalhekk, kien meħtieġ li l-IRR tal-proġett titqabbel mar-rekwiżiti tal-kost tal-kapital ġeneralment osservati fl-industrija kkonċernata. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew analiżi aġġornata li tirrifletti l-kundizzjonijiet attwali tas-suq u tirrifletti r-riskju speċifiku għall-proġett.

(310)

Kif ġie spjegat fil-premessa (175), il-WACC ta’ referenza jiddependi mir-rata mingħajr riskju. Fil-mudell alternattiv, il-WACC huwa aktar baxx u kien ġie stmat mill-awtoritajiet Daniżi li huwa 5.59 %.

(311)

L-awtoritajiet Daniżi qabblu dan ir-rekwiżit tal-kost tal-kapital tal-industrija mar-rata ta’ redditu interna li kienet tinkiseb bil-proġett tal-Konnessjoni Fissa fin-nuqqas ta’ għajnuna. Billi l-awtoritajiet Daniżi pprovdew data finanzjarja aġġornata bħala tweġiba għad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni tirreferi għat-taqsima 0 ta’ din id-deċiżjoni għal valutazzjoni dettaljata tas-suppożizzjonijiet tal-mudelli.

(312)

Ir-riżultati ta’ dawk il-kalkoli aġġornati juru li l-IRR tal-proġett, mingħajr l-ebda għajnuna mill-Istat, tammonta għal 3.9 %, meta titqies il-ħajja ekonomika tal-investiment ta’ 40 sena. Din l-IRR hija konsiderevolment aktar baxxa mill-kost tal-kapital ta’ 5.59 % meħtieġ mis-suq li kien ikkalkolat fil-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. Konsegwentement, din hija wkoll aktar baxxa mill-kost tal-kapital meħtieġ mis-suq stabbilit taħt l-ewwel mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, li jassumi WACC medju ogħla. Din l-analiżi tikkonferma l-konklużjonijiet tal-Inkjesta tal-Interess Kummerċjali tal-2001 fir-rigward tan-neċessità tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Daniżi wettqu diversi analiżijiet tas-sensittività abbażi tal-mudell finanzjarju aġġornat. Jidher li l-IRR għadha taħt il-kost tal-kapital meħtieġ mis-suq anki jekk, kif issuġġerit mill-ilmentatur, tiġi kkunsidrata ħajja twila ħafna (fis-simulazzjoni, il-mudell kien estiż sas-sena 2100).

(313)

Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tissussidjax l-ispejjeż ta’ proġett li, fi kwalunkwe każ, kienu jiġġarrbu minn Femern A/S bis-suppożizzjoni li l-proġett kien jitwettaq fin-nuqqas tal-għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, l-għajnuna hija meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura msemmija.

6.4.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

(314)

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jirrikjedi li l-miżuri ta’ għajnuna ma jaqbżux dak li huwa xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom. B’hekk, jekk l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa jkunu jistgħu jinkisbu b’inqas għajnuna, mela l-għajnuna ma titqiesx bħala proporzjonata (150).

(315)

Skont il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “il-livell massimu ta’ għajnuna se jiġi ddeterminat fir-rigward tad-diskrepanza tal-likwidità identifikata b’rabta mal-ispejjeż eliġibbli. Jekk ikun ġustifikat mill-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità, l-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli. Id-diskrepanza tal-likwidità tirreferi għad-differenza bejn il-flussi tal-flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, skontati għall-valur attwali tagħhom fuq il-bażi ta’ fattur ta’ skont xieraq li jirrifletti r-rata ta’ redditu neċessarja biex il-benefiċjarju jwettaq il-proġett, notevolment fid-dawl tar-riskji involuti. L-ispejjeż eliġibbli huma dawk stipulati fl-Anness […]”.

(316)

Sabiex jiġu indirizzati d-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew aġġornament tal-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità u llimitaw l-għajnuna sabiex din ma taqbiżx id-diskrepanza tal-likwidità.

(317)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-mudell ta’ diskrepanza tal-likwidità tal-Konnessjoni Fissa ppreżentat mill-awtoritajiet Daniżi humiex xierqa fid-dawl tan-natura, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-riskji tal-proġett.

(318)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-ammont ta’ għajnuna huwa marbut direttament mas-suppożizzjonijiet sottostanti tal-mudell tad-diskrepanza tal-likwidità, mhux biss bħala konsegwenza tal-limitazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna għal-livell ta’ diskrepanza tal-likwidità, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-livell tad-dejn u, b’hekk, il-livell tal-ammont ta’ għajnuna, jiddependi fuq fatturi bħall-ispiża globali tal-kostruzzjoni u r-rata tal-imgħax preżunta. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq, minħabba n-notifika riveduta, inkluż aġġornament tal-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità, li l-mudell huwa bbażat ukoll fuq l-aktar data sottostanti reċenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni taċċetta l-metodoloġija tal-awtoritajiet Daniżi sabiex jużaw l-aħħar analiżi finanzjarja kompletament riveduta tal-proġett, l-analiżi finanzjarja tal-2016, bħala punt tat-tluq u sabiex jaġġornaw dik l-analiżi bi żviluppi rilevanti ulterjuri.

(319)

L-awtoritajiet Daniżi rrestrinġew il-mudell tad-diskrepanza tal-likwidità għall-mudell ta’ finanzjament tal-Konnessjoni Fissa u eskludew l-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni relatati mal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż mill-analiżi. Kif jidher mis-subtaqsima 2 tat-taqsima 5 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni li A/S Femern Landanlæg tħallas l-ispejjeż kollha għall-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat u miżuri meħtieġa oħrajn relatati mal-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-awtoritajiet Daniżi ħadu approċċ korrett meta eskludew dawk l-ispejjeż tat-territorju intern mill-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità għal Femern A/S. L-awtoritajiet Daniżi pproponew ukoll li ma jiġux ikkunsidrati l-ħlasijiet tad-dividendi li Femern A/S tista’ ġġarrab favur A/S Femern Landanlæg. Għalhekk, dawk il-ħlasijiet tad-dividendi ma jidhrux bħala element ta’ kost fil-mudell. L-awtoritajiet Daniżi rrevedew ukoll in-notifika tal-2014 minħabba li huma impenjaw ruħhom li jiżguraw li Femern A/S se jibdew iħallsu biss dividendi lil A/S Femern Landanlæg wara li d-dejn issussidjat mill-Istat ta’ Femern A/S jitħallas lura kompletament.

(320)

L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-ispejjeż eliġibbli huma limitati għall-baġit tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Dan il-baġit tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni jinkludi l-ispejjeż tal-ippjanar kif ukoll l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ promozzjoni / kummerċjalizzazzjoni / informazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li, billi dawk l-attivitajiet ta’ informazzjoni / promozzjoni seħħew madwar 10 snin qabel id-data operattiva ppjanata, billi jidher b’mod ċar li hemm obbligu ta’ informazzjoni impost mill-Istat Daniż u billi l-attivitajiet ta’ informazzjoni kienu parti mill-Att dwar l-Ippjanar, dawk l-ispejjeż huma marbuta mat-twettiq tal-proġett u, għalhekk, huma eliġibbli għall-għajnuna skont il-Komunikazzjoni tal-IPCEI. Il-baġit tal-ispejjeż tal-ippjanar u l-kostruzzjoni jammonta għal DKK 62.2 biljun (EUR 8.3 biljun) (fi prezzijiet nominali) li l-Kummissjoni tqis bħala stima xierqa. Il-baġit jinkludi rekwiżit ta’ riżerva li huwa stabbilit sabiex ikun hemm probabbiltà ta’ 80 % li l-baġit, inkluża r-riżerva, se jkunu biżżejjed biex jitlesta l-proġett minkejja kwalunkwe spejjeż żejda. Dan jirrifletti l-ispejjeż li x’aktarx iġarrab il-proġett. Barra minn hekk, għall-fini tal-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità massima, l-awtoritajiet Daniżi żiedu bafer ta’ kostruzzjoni ta’ DKK 3 biljun (EUR 0.4 biljun) (fi prezzijiet nominali) mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Il-bafer jikkorrespondi għal żieda fir-rekwiżit ta’ riżerva minn 80 % għal 99 %. Dan ifisser li, mhux biss fi 80 % iżda f’99 % tar-realizzazzjonijiet futuri tal-ispejjeż, il-baġit, inkluża r-riżerva ta’ DKK 7.3 biljun (EUR 1.0 biljun), kif ukoll il-bafer ta’ DKK 3 biljun (EUR 0.4 biljun) se jkunu biżżejjed biex jitlesta l-proġett. Madankollu, dan ifisser ukoll li hemm probabbiltà li l-ispejjeż reali tal-kostruzzjoni ma jkunux daqshekk għoljin u li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni preżunti għall-fini tad-determinazzjoni tad-diskrepanza tal-likwidità jistgħu għalhekk jiġu stmati żżejjed minn dan il-bafer tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

(321)

L-awtoritajiet Daniżi aġġornaw is-suppożizzjoni inizjali dwar il-finanzjament tal-UE fl-analiżi finanzjarja tagħha tal-2016 għal 10 %. Din is-suppożizzjoni hija aktar baxxa mis-suppożizzjoni inizjali ta’ 18 %, li fformat il-bażi tal-Att dwar il-Kostruzzjoni (ekwivalenti għal appoġġ tal-UE ta’ madwar DKK 7.5 biljun jew EUR 1.0 biljun). L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li, fl-2015, l-UE tat EUR 589 miljun għall-perjodu ta’ finanzjament 2016-2019, li huwa ekwivalenti għal madwar DKK 4.4 biljun (fi prezzijiet kurrenti). Fl-istess ħin, kien hemm inċertezzi rigward il-finanzjament totali li kellu jiġi allokat lil Femern A/S, inklużi inċertezzi rigward l-għażla taż-żmien tal-bidu tal-perjodu tal-kostruzzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, is-suppożizzjoni tal-appoġġ tal-UE nbidlet għal 10 % fl-analiżi finanzjarja tal-2016. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-suppożizzjoni fl-analiżi finanzjarja tal-2016 ġiet iddikjarata bħala kawta. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li, minħabba dewmien fl-approvazzjoni tal-pjan Ġermaniż ta’ aktar minn sena u litigazzjoni sussegwenti quddiem il-Qorti Amministrattiva Federali Ġermaniża, Femern A/S mhux se tkun tista’ tuża l-ammont sħiħ ta’ għotjiet tal-UE, anki b’estensjoni tal-perjodu ta’ appoġġ b’sentejn sal-aħħar tal-2022 fl-aktar xenarju ottimist. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi spjegaw li huma jistennew li l-baġit ġenerali tal-UE jitnaqqas fil-perspettivi finanzjarji 2021-2027 (minħabba l-Brexit) u fl-istess ħin jiżdied l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ tal-UE għal proġetti infrastrutturali. Għalhekk, is-suppożizzjoni ta’ 10 % ta’ finanzjament tal-UE jenħtieġ li titqies bħala suppożizzjoni realistika. Fil-kalkoli tad-diskrepanza tal-likwidità, il-finanzjament totali tal-UE jammonta għal 12 % tal-ispejjeż tal-ippjanar u l-kostruzzjoni (f’termini ta’ VPN) li, abbażi tal-ispjegazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis bħala suppożizzjoni raġonevoli.

(322)

Fir-rigward tad-dħul, ma hemm xejn li ħareġ fl-investigazzjoni formali li jagħti raġuni lill-Kummissjoni biex tiddubita mit-tbassir tat-traffiku fit-toroq kif kien żviluppat fl-2014, kontrovverifikat u soġġett għal assigurazzjoni tal-kwalità esterna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li huwa raġonevoli li t-tbassir tat-traffiku fit-toroq tal-2014 ġie aġġornat bl-effett tat-tnaqqis tal-pedaġġ tal-Great Belt. Għal dak li jikkonċerna s-suppożizzjoni tas-servizz kontinwu tal-vapuri fiċ-ċifri tat-traffiku, il-Kummissjoni tinnota li din is-suppożizzjoni mhijiex konformi max-xenarju bażi tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji kif żviluppat fl-2015. Madankollu, kif sostnew l-awtoritajiet Daniżi, ir-riskju li s-servizz tal-vapuri ikompli kien diġà identifikat b’mod ċar f’dak il-mument minħabba li l-analiżi tat-traffiku tinkludi analiżi tas-sensittività speċifika fuq dak l-element. Minn dakinhar, Scandlines ikkonfermat ripetutament, inkluż fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-intenzjoni tagħha li żżomm l-operazzjonijiet tal-vapuri bi frekwenza li taqbeż ukoll servizz ta’ siegħa waħda. L-istudji mwettqa mill-konsulenti ta’ PWC u KPMG imsemmija mill-awtoritajiet Daniżi (ara l-premessa (168) ta’ din id-deċiżjoni) jidhru li jikkonfermaw ukoll il-fattibbiltà ta’ servizz kontinwu. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tqis li investitur raġonevoli jassumi servizz kontinwu tal-vapuri fl-analiżi finanzjarja tiegħu u tqis is-suppożizzjoni ta’ servizz tal-vapuri ta’ siegħa bħala xierqa.

(323)

Fir-rigward tal-prezzijiet preżunti, il-Kummissjoni ma tikkondividix il-fehma ta’ Scandlines et al. li l-iffissar tal-prezzijiet ikun baxx wisq minħabba li “Femern A/S tistabbilixxi l-pedaġġi tagħha taħt l-ispejjeż”. Il-Kummissjoni tosserva li d-dħul operatorju mistenni jaqbeż ħafna l-ispejjeż operatorji matul il-perjodu operattiv kollu. Ma jistax ikun rekwiżit li l-prezzijiet iridu jikkumpensaw għall-ispejjeż kollha (inklużi l-ispejjeż tal-kostruzzjoni) tal-proġett. Kieku kien possibbli li l-prezzijiet jiġu stabbiliti f’livell li jikkumpensa għall-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni u tal-operat, ma tkun preżenti l-ebda diskrepanza tal-likwidità u ma tkun meħtieġa l-ebda għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-prezzijiet preżunti fil-mudell tad-diskrepanza tal-likwidità ma jistgħux ikunu artifiċjalment baxxi bl-iskop uniku li tiżdied id-diskrepanza tal-likwidità. L-Att dwar il-Kostruzzjoni jirreferi lura għall-Att dwar l-Ippjanar, filwaqt li jassumi li l-livell tal-prezz għat-traffiku fit-toroq kien mistenni li jkun fil-livell tal-prezzijiet tal-vapuri għal Rødby-Puttgarden fl-2007, aġġustat biż-żieda ġenerali fil-prezzijiet sal-ħin tal-ftuħ. Dan l-istess livell ta’ prezz kien il-bażi għall-projezzjonijiet tat-traffiku u kien meqjus bħala suppożizzjoni realistika mill-istudji rispettivi. It-tbassir tat-traffiku juża prezz medju fiss u tekniku kemm għall-karozzi tal-passiġġieri kif ukoll għat-trakkijiet. Mill-analiżi finanzjarja tal-2016 jidher ukoll li, jekk tiġi introdotta struttura differenzjata tal-prezzijiet, l-effett fuq id-dħul globali jkun relattivament limitat. Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li d-dħul preżunt mit-traffiku fit-toroq huwa plawżibbli u xieraq.

(324)

Il-Kummissjoni tqis ukoll il-bażi għall-kalkolu tad-dħul ferrovjarju kif spjegat fil-premessa (170) bħala raġonevoli.

(325)

L-analiżi finanzjarja tal-2016 tinkorpora rieżami bir-reqqa tal-ispejjeż għall-operat, il-manutenzjoni u l-investiment mill-ġdid tal-Konnessjoni Fissa, li jwassal għal tnaqqis serju f’dawk l-ispejjeż. Dawk is-suppożizzjonijiet ġodda ġew inklużi wkoll fil-mudell aġġornat tad-diskrepanza tal-likwidità. Fil-fehma ta’ Scandlines et al., l-ispejjeż operatorji jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. Dan huwa bbażat fuq il-fehma tagħhom li l-għajnuna kollha li tkopri l-ispejjeż operatorji hija għajnuna operatorja, li fil-fehma tagħhom ma tistax tkun permessa. Il-Kummissjoni diġà elaborat fil-parti 6.4.2 ta’ din id-deċiżjoni dwar x’jikkostitwixxi għajnuna operatorja. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż operatorji jistgħux jiġu inklużi f’kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità hija kwistjoni differenti.

(326)

Il-Kummissjoni tinnota li l-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI jirreferi għad-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi meta jiddefinixxi d-diskrepanza tal-likwidità. Huwa fil-fatt inerenti fil-loġika tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment li l-ispejjeż tal-investiment jitqabblu, ex ante, mad-dħul u l-ispejjeż operatorji futuri. Ġeneralment, l-investituri ma jiħdux deċiżjoni ta’ investiment pożittiva, sakemm dan it-tqabbil jirriżulta f’diskrepanza jew f’valur preżenti nett negattiv. Konsegwentement, id-dħul u l-ispejjeż operatorji mistennija huma parti integrali mill-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-kriterji tal-kompatibbiltà fir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (151). Għalkemm mhumiex direttament applikabbli għall-każ inkwistjoni, huma juru kif il-Kummissjoni tapplika l-prinċipju tad-diskrepanza tal-likwidità fil-prattika tagħha tal-għajnuna mill-Istat. Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 53 u l-paragrafu 10 tal-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament li jikkonċerna l-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u l-għajnuna għall-isport u l-infrastruttura rikreattiva multifunzjonali jgħidu, rispettivament, li “għall-għajnuna għall-investiment […], l-ammont ta’ għajnuna ma jaqbiżx id-differenza bejn l-ispejjeż eliġibbli u l-introjtu operatorju tal-investiment. L-introjtu operatorju għandu jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli ex ante, abbażi ta’ projezzjonijiet raġonevoli, jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru.”“Qligħ operatorju” huwa definit fil-paragrafu 39 tal-Artikolu 2 tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa bħala “id-differenza bejn id-dħulijiet skontati u l-ispejjeż operatorji skontati tul il-ħajja ekonomika tal-investiment, meta dik id-differenza hija pożittiva. L-ispejjeż operatorji jinkludu spejjeż bħal spejjeż marbut mal-persunal, materjali, kuntratti ta' servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni […]”.

(327)

L-awtoritajiet Daniżi użaw il-ħajja ekonomika mistennija tal-Konnessjoni Fissa fl-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità. Huma kienu tal-fehma li l-ħajja ekonomika mistennija tal-investiment kienet se tkun ta’ 40 sena, hekk kif dan huwa l-perjodu ta’ żmien li normalment jikkunsidra investitur meta jiddeċiedi dwar investimenti infrastrutturali fuq skala kbira bħall-Konnessjoni Fissa. Il-perjodu ta’ referenza kkunsidrat mill-mument tal-Att dwar il-Kostruzzjoni huwa għalhekk ta’ 53 sena u 50 sena mill-bidu preżunt tal-fażi tal-kostruzzjoni. Huwa veru li, skont is-sit web ta’ Femern A/S, jingħad li l-ħajja tal-proġett hija ta’ 120 sena. Madankollu, aktar ma jkunu mbiegħda l-flussi tal-flus, aktar ikun kbir l-impatt tal-iskontar. Il-Kummissjoni temmen li, minħabba l-grad għoli ta’ inċertezza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalunkwe previżjoni finanzjarja fuq perjodu ta’ żmien daqstant twil, huwa improbabbli ħafna li kwalunkwe investitur raġonevoli kien jaċċetta li jagħmel investiment li l-prospetti ta’ profittabbiltà tiegħu jistgħu jintlaħqu biss fuq perjodu ta’ żmien daqstant twil. Il-Kummissjoni tqis perjodu operattiv ta’ 40 sena bħala suppożizzjoni raġonevoli għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità tal-Konnessjoni Fissa. Dan il-perjodu huwa sostanzjalment itwal mill-perjodi ta’ referenza ta’ 25 sa 30 sena użati fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ta’ dawn l-aħħar snin, pereżempju, fis-settur tal-portijiet u tal-ajruporti. Barra minn hekk, dan il-perjodu huwa wkoll itwal mill-punt ta’ referenza standard ta’ 25 sa 30 sena użat bħala perjodu ta’ referenza fis-settur tat-toroq/tal-ferroviji, kif propost fl-Anness I għar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (152). Dak ir-Regolament mhuwiex applikabbli għall-każ inkwistjoni, iżda l-Anness I jipprovdi indikazzjoni ta’ prattika aċċettata internazzjonalment. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis perjodu ta’ referenza ta’ 49 sena mill-bidu preżunt tal-fażi tal-kostruzzjoni bħala raġonevoli.

(328)

Sabiex tiġi kkomputata d-diskrepanza tal-likwidità, trid tintuża rata ta’ skont xierqa għall-iskontar tal-flussi tal-flus futuri. L-awtoritajiet Daniżi użaw il-WACC bħala rata ta’ skont. Il-WACC huwa l-medja ponderata tal-kost tad-dejn (“Kd”) u tal-kost tal-ekwità (“Ke”) għal kumpanija. Il-ponderazzjonijiet użati huma l-proporzjon tal-Ekwità (“E”) u tad-Dejn (“D”) fl-istruttura kapitali tal-kumpanija (E+D). Il-WACC jiġi kkomputat kif ġej: WACC=Kd*D/(E+D)(1-t)+Ke*E/(E+D). L-estimi għall-kost tad-dejn u għall-kost tal-ekwità jinkisbu fuq il-bażi ta’ approċċi standard skont il-formuli li ġejjin: Kd = rata mingħajr riskju + primjum tar-riskju fuq id-dejn, u Ke = rata mingħajr riskju + valur beta ingranat * primjum tar-riskju fuq l-ekwità + primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett. Ir-rata tat-taxxa hija indikata b’“t”.

(329)

L-awtoritajiet Daniżi stmaw il-WACC li jkun jeħtieġ investitur tipiku għal proġett b’karatteristiċi tar-riskju komparabbli. Iċ-ċifri użati għall-primjum tar-riskju fuq l-ekwità, għall-primjum tar-riskju fuq id-dejn u għall-valur beta mhux ingranat ġew aġġornati skont l-aħħar informazzjoni disponibbli.

(330)

Il-primjum tar-riskju fuq id-dejn kien stmat għal 1.5 % u huwa qrib il-primjum li jkollu jħallas investitur ikklassifikat bħala BBB. Id-Danimarka tistabbilixxi din il-klassifikazzjoni billi tistma l-proporzjon ta’ kopertura tal-imgħax mistenni għal Femern A/S, kif ukoll billi tiġbor kampjun rappreżentattiv tal-klassifikazzjonijiet ta’ S&P, Moody’s u Fitch għall-kumpaniji tal-pedaġġ stradali u tal-kostruzzjoni. Il-Kummissjoni tqis li din hija suppożizzjoni raġonevoli għan-negozju tal-infrastruttura tat-trasportazzjoni. Il-primjum tar-riskju fuq id-dejn għall-emittenti kklassifikati bħala BBB kien stmat bl-użu tad-data ta’ Reuters dwar il-bonds denominati fil-munita euro li ġew ikklassifikati bħala BBB, kif ukoll bl-użu ta’ informazzjoni dwar bonds tal-Istati Uniti (153). L-istima hija wkoll fil-medda tad-data ta’ Damodaran ipprovduta minn Scandlines et al., iżda tidher li hija aktar baxxa mill-istima fl-istudju tal-2018 ipprovdut minn Scandlines. Madankollu, dan l-istudju ma kienx jinkludi argumentazzjoni ulterjuri relatata mal-bażi tal-istima.

(331)

Il-primjum tar-riskju fuq l-ekwità kien stmat mill-awtoritajiet Daniżi għal 6 % fuq il-bażi ta’ stħarriġ estern imwettaq minn Pablo Fernandez et al (154). Din l-istima hija qrib ħafna (5.8 %) ta’ dik issuġġerita minn Scandlines et al. u hija kważi identika (5.96 %) għal dik li tinstab fl-arkivju tad-data ta’ Damodaran (155).

(332)

Id-Danimarka użat valur beta tal-assi ta’ 0.5 iddeterminat bl-użu ta’ data għall-kumpaniji fin-negozju tal-pedaġġ stradali u tal-kostruzzjoni miġbura minn Bloomberg. Flimkien ma’ rata tat-taxxa ta’ 22 % u struttura kapitali ta’ dejn ta’ 50 % u ekwità ta’ 50 %, id-Danimarka ddeterminat il-valur beta ingranat billi applikat formuli standard aċċettati b’mod wiesa’. Il-proporzjon ta’ dejn għal ekwità ġie ddeterminat bl-użu tal-istess kampjun ta’ kumpaniji tal-pedaġġ stradali u tal-kostruzzjoni miġbur minn Bloomberg. L-istudju tal-2018 ippreżentat minn Scandlines et al. jiddependi fuq il-valur beta mhux ingranat ta’ bejn 0.46 u 0.63. Meta tivvaluta dawn is-suppożizzjonijiet, il-Kummissjoni ssib li l-valur beta tal-assi ta’ 0.5 użat mid-Danimarka huwa konformi mal-medji tal-industrija għal 40 kumpanija Ewropea tat-trasport (valur beta mhux ingranat ta’ 0.52, valur beta mhux ingranat ikkoreġut għal flus kontanti ta’ 0.6) u huwa aktar konservattiv minn dak ta’ 147 kumpanija Ewropea tal-inġinerija/kostruzzjoni (valur beta mhux ingranat ta’ 0.66, valur beta mhux ingranat ikkoreġut għal flus kontanti ta’ 0.78). Dawn il-kumpaniji tat-trasport għandhom proporzjonijiet ta’ dejn għal ekwità ta’ 98.00 % (trasportazzjoni) u 92.39 % (inġinerija/kostruzzjoni) (156). Proporzjon ta’ dejn għal ekwità ta’ 100 % ifisser li l-kumpanija għandha dejn daqs ekwità, għalhekk, il-porzjon ta’ dejn u ekwità huwa ta’ 50 %. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li s-suppożizzjoni ta’ dejn ta’ 50 % u ekwità ta’ 50 % bħala l-istruttura ta’ finanzjament ta’ kumpanija tipika hija raġonevoli. Ir-rata tat-taxxa ta’ 22 % tikkorrespondi għar-rata tat-taxxa korporattiva applikabbli għad-Danimarka (skont l-artikolu 17 tal-Att Daniż dwar it-Taxxa Korporattiva).

(333)

Barra minn hekk, id-Danimarka żżid primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett ta’ 2 %. Il-primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett huwa ġustifikat b’referenza għall-inċertezzi sinifikanti fil-proġett, pereżempju, l-inċertezzi relatati mal-approvazzjoni finali tal-pjan Ġermaniż, li jistgħu jikkawżaw dewmien sinifikanti u spejjeż addizzjonali, iżda wkoll riskji mikroekonomiċi u makroekonomiċi oħrajn relatati mal-proġett u mhux ikkunsidrati fis-suppożizzjonijiet tal-baġit. Il-valur ta’ 2 % huwa konservattiv meta mqabbel ma’ dak li ssuġġerixxa l-istudju tal-2018 ippreżentat minn Scandlines et al. Madankollu, il-primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett jenħtieġ li jiġi evalwat flimkien mal-bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni użat fil-mudell tal-għajnuna mill-Istat li diġà jqis ir-riskju ta’ spejjeż żejda fil-fażi tal-kostruzzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis l-użu ta’ primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett ta’ 2 % bħala raġonevoli.

(334)

Il-Kummissjoni tqis li l-komponenti tal-WACC kif deskritti fil-premessi ta’ hawn fuq huma raġonevoli fid-dawl tad-daqs, ir-riskji, l-għażla taż-żmien u t-tip ta’ attività tal-proġett.

(335)

L-aħħar komponent tal-WACC li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat huwa r-rata mingħajr riskju. Fin-notifika tal-2014, ir-rata mingħajr riskju kienet iffissata għal 5 % (f’termini nominali). Fin-notifika riveduta tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi oriġinarjament ipproponew li r-rata mingħajr riskju tiġi bbażata fuq il-projezzjoni uffiċjali aġġornata tal-Ministeru tal-Finanzi għall-2025 tal-ekonomija Daniża (inklużi l-finanzi pubbliċi) (157). Skont dik il-projezzjoni, ir-rata tal-imgħax għall-bond tal-gvern ta’ 10 snin hija mistennija li tkun -0.1 % fis-sena fl-2019, 1.6 % fl-2025 u 4.5 % fl-2040. Din tikkorrespondi għal rata nominali fissa ta’ madwar 3.5 % matul il-perjodu kollu tal-mudell finanzjarju. L-awtoritajiet Daniżi qiesu din is-suppożizzjoni bħala l-aktar previżjoni oġġettiva tal-livelli tar-rati tal-imgħax futuri disponibbli fid-Danimarka u, għalhekk, huma tal-fehma li dan huwa punt ta’ referenza kredibbli. Huma sostnew ukoll li, fil-prattika, Femern A/S ma tistax tikseb self jew self mill-Istat li jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament kollha tagħha f’daqqa u, għalhekk, ir-rata tal-imgħax attwali tas-suq ma tistax tintuża fuq perjodu ta’ żmien twil fejn Femern A/S tieħu d-dejn u tagħmel rifinanzjamenti frekwenti.

(336)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li għalkemm il-livell tar-rati tal-imgħax huwa soġġett għal inċertezza u l-proġett qed jiffaċċja perjodu ta’ kostruzzjoni relattivament twil, din ir-rata mingħajr riskju tidher li hija għolja fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Id-data attwali tas-suq turi li r-rendimenti attwali huma baxxi ħafna għall-bonds tal-gvern Daniż (158).

(337)

Sabiex jindirizzaw dak it-tħassib, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew, bħala parti min-notifika riveduta, mudell alternattiv li fih huma użaw suppożizzjoni ta’ 1.5 % għar-rata nominali mingħajr riskju (bħala medja matul il-perjodu kollu tal-mudell). Is-suppożizzjoni hija bbażata fuq ir-riċerka ċċitata mwettqa minn Pablo Fernandez et al (159). Għad-Danimarka, l-istħarriġ jikkonsisti f’135 tweġiba, li juru rata medja mingħajr riskju ta’ 1.2 % fis-sena fl-2019. Ir-riżultati tas-snin preċedenti kienu, rispettivament, 1.6 % għall-2018, 1.6 % għall-2017 u 1.3 % għall-2015 (is-sena 2016 ma kinitx disponibbli fl-istudju). L-awtoritajiet Daniżi sostnew ukoll li dan l-istħarriġ ma jispeċifikax l-orizzont tal-investiment li jenħtieġ li japplikaw ir-rispondenti meta jwieġbu l-mistoqsija dwar ir-rata mingħajr riskju, iżda jispeċifika biss li l-istħarriġ qed jiffoka fuq investiment f’portafoll tal-ekwità diversifikat sewwa. Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li huwa l-aktar probabbli li t-tweġibiet ikunu bbażati fuq maturità ta’ bejn 5 u 10 snin. Għalhekk, l-awtoritajiet Daniżi jikkunsidraw supplimentazzjoni ta’ +0.5 % mar-rata miksuba mill-istħarriġ, li tirrifletti d-differenza approssimattiva ta’ rendiment għal bonds fit-tul (30 sena). Is-supplimentazzjoni hija stmata fuq id-data disponibbli mill-bond tal-gvern Ġermaniż. L-awtoritajiet Daniżi jaffermaw li l-medja aġġustata għall-maturità hija ta’ 1.7 % u li, għalhekk, l-użu ta’ 1.5 % huwa suppożizzjoni konservattiva.

(338)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq, il-perjodu relattivament twil tal-kostruzzjoni u, b’mod partikolari, il-perjodu ta’ żmien globali tal-mudell finanzjarju (sal-2068 u, għalhekk, aktar minn 30 sena), il-Kummissjoni tqis is-suppożizzjoni ta’ 1.5 % fil-mudell alternattiv bħala raġonevoli u ġustifikata. Barra minn hekk, Scandlines et al. ipprovdew żewġ studji differenti dwar l-istima tal-WACC. Is-suppożizzjoni Daniża tar-rata mingħajr riskju ta’ 1.5 % hija konformi mal-istima ta’ 1.6 % fl-aktar studju reċenti (Frar 2018 iżda abbażi tad-data tal-2014) u hija sostanzjalment aktar baxxa miċ-ċifra ta’ 3.04 % ippreżentata fl-istudju preċedenti tal-bidu tal-2014).

(339)

Abbażi ta’ dan, il-WACC jammonta għal 5.59 %. Dak huwa fit-tarf l-aktar baxx tal-medda ta’ bejn 5.68 % u 6.71 % kif issuġġerit minn Scandlines et al (160).

(340)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li analiżi tal-proporzjonalità li tinkludi mudell tad-diskrepanza tal-likwidità u ammont ta’ għajnuna, li tieħu rata mingħajr riskju ta’ 3.5 % bħala bażi, mhijiex ibbażata fuq suppożizzjonijiet raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali u mistennija tas-suq (161). Għalhekk, huwa biss abbażi tal-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità kif ipprovdut mill-awtoritajiet Daniżi fin-notifika aġġornata li l-għajnuna tista’ tinstab li hija proporzjonata.

(341)

Mill-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità jirriżulta li d-diskrepanza tal-likwidità għall-Konnessjoni Fissa tammonta għal DKK 12 046 miljun (EUR 1 615-il miljun). Paragun bejn id-diskrepanza tal-likwidità u l-ispejjeż eliġibbli jagħti proporzjon ta’ diskrepanza tal-likwidità ta’ 27.3 %.

(342)

L-ekwivalenti tal-għotja grossa tal-għajnuna tinkludi l-għajnuna li tirriżulta mill-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat. Il-metodoloġija li użaw l-awtoritajiet Daniżi biex jikkalkolaw l-element ta’ għajnuna tal-garanziji ssegwi approċċ simili kif stabbilit fit-taqsima 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, li tgħid li, f’każ li ma jkun disponibbli l-ebda prezz tas-suq, “l-element ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkolat bl-istess mod bħall-ekwivalenti tal-għotja ta’ self b’imgħax baxx, jiġifieri bħala d-differenza bejn ir-rata tal-imgħax speċifika tas-suq li kien ikollha tħallas il-kumpanija mingħajr il-garanzija u r-rata tal-imgħax miksuba permezz tal-garanzija tal-gvern wara li jkun ġie kkunsidrat kwalunkwe primjum”. Fil-kalkolu tagħhom tal-ammont ta’ għajnuna, l-awtoritajiet Daniżi ma għamlu l-ebda distinzjoni bejn il-valur tal-għajnuna mill-Istat assoċjata mas-self mill-Istat u l-valur tal-għajnuna mill-Istat assoċjata mal-garanziji tal-gvern. Mill-Att dwar il-Kostruzzjoni jirriżulta wkoll li t-tnejn huma interkambjabbli u l-Ministru tal-Finanzi għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi dwar l-aħjar taħlita taż-żewġ strumenti. Il-primjum annwali li trid tħallas Femern A/S lill-Istat fuq id-dejn garantit pendenti huwa ugwali għall-primjum fuq id-dejn pendenti tal-Istat. Għalhekk, l-elementi ta’ għajnuna li jirriżultaw mill-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat ġew ikkalkolati bl-istess mod. L-awtoritajiet Daniżi ddeterminaw l-element ta’ għajnuna annwali billi ħadu d-differenza bejn il-WACC li jkun mistenni li jitlob investitur tas-suq (5.59 %) u r-rata mingħajr riskju (1.5 %) aġġustata għall-primjum li Femern tkun mitluba tħallas lill-Istat Daniż, immultiplikata bis-somma tad-dejn garantit pendenti u d-dejn pendenti tal-Istat.

(343)

Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li, f’dan il-każ, l-element ta’ għajnuna jkun jikkorrespondi għad-differenza bejn ir-rata mingħajr riskju (aġġustata għall-primjum) u l-WACC. Bis-saħħa tal-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat, Femern hija mistennija li tħallas l-istess rata bħall-Istat Daniż, li hija ugwali għar-rata Daniża mingħajr riskju. Għalhekk, l-ispiża ta’ finanzjament attwali mistennija ta’ Femern A/S hija r-rata mingħajr riskju, aġġustata mill-primjum. Mingħajr l-ebda għajnuna, Femern hija mistennija li tħallas il-WACC li jikkorrespondi għall-medja ponderata bejn il-kost tal-ekwità u l-kost tad-dejn. Min-naħa l-oħra, it-teħid tad-differenza bejn iż-żewġ rati jaqbad il-vantaġġ globali.

(344)

Tipikament, il-kost tal-ekwità huwa ogħla mill-kost tad-dejn u proġett/kumpanija jiġu ffinanzjati minn taħlita ta’ dejn u ekwità. Jista’ jitqies bħala vantaġġ addizzjonali għal Femern li tkun tista’ tiffinanzja l-proġett tagħha kważi kompletament b’dejn mingħajr l-ebda ħtieġa sostanzjali għal ekwità. Id-dipendenza fuq il-kost tad-dejn biss tissottovaluta l-għajnuna. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċċju ta’ (kważi) finanzjament tad-dejn biss jiġi kkunsidrat fl-element ta’ għajnuna fuq is-self mill-Istat u l-garanziji tal-gvern billi jintuża l-WACC bħala referenza minflok il-kost tad-dejn.

(345)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li s-subtaqsima 4 tat-taqsima 4 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni, li tistipula li l-gvern Daniż jiggarantixxi l-impenji finanzjarji l-oħrajn ta’ Femern A/S relatati mal-kostruzzjoni tal-proġett, ma tinvolvix għajnuna addizzjonali minħabba li, billi l-ispejjeż tal-kostruzzjoni huma diġà koperti mis-self mill-Istat u mis-self b’garanziji tal-gvern, hija ma tipprovdix vantaġġ addizzjonali lil Femern A/S.

(346)

Scandlines et al. huma tal-fehma li l-element ta’ għajnuna huwa ekwivalenti għall-ammonti sħaħ effettivament koperti mis-self mill-Istat u mis-self b’garanziji tal-gvern. Il-Kummissjoni tinnota li din id-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna f’garanzija hija prevista fl-Avviż dwar il-Garanziji f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss u meta tiġi pprovduta garanzija għal kumpaniji f’diffikultà fejn il-probabbiltà li l-mutwatarju ma jkunx jista’ jħallas lura s-self issir partikolarment għolja. Il-Kummissjoni tqis li ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn mhumiex preżenti f’dan il-każ.

(347)

Id-dejn nett huwa d-dejn effettiv ta’ Femern A/S. Id-dejn effettiv jirrifletti l-ammont akkumulat ta’ flus minfuqa mill-kumpanija biex tkopri l-ippjanar, il-kostruzzjoni, il-pagamenti tal-imgħax, l-ispejjeż proprji, eċċ. imnaqqsa mill-ekwità mħallsa u l-appoġġ tal-UE riċevut. Id-dejn nett li jakkumula matul il-fażi tal-kostruzzjoni huwa mistenni li jilħaq il-massimu tiegħu fl-ewwel sena tal-operat. Fil-fażi operattiva, id-dejn nett se jonqos gradwalment bil-fluss tal-flus ħieles tal-proġett. Dan id-dejn nett huwa kopert minn self mill-Istat u self b’garanzija tal-gvern għal ċertu numru ta’ snin.

(348)

Billi l-Komunikazzjoni tal-IPCEI tesiġi li l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji tkun limitata fiż-żmien u li l-għajnuna fil-forma ta’ self tkun soġġetta għal perjodi ta’ ħlas lura, l-awtoritajiet Daniżi żguraw, fil-mudell alternattiv, li Femern A/S ma tadottax self mill-Istat u garanziji tal-gvern li, flimkien, jaqbżu ammont ta’ DKK 69.3 biljun (EUR 9.3 biljun) (nominali). Dan l-ammont issir referenza għalih mill-awtoritajiet Daniżi bħala l-“ammont massimu garantit”. Dawk is-self mill-Istat u l-garanziji tal-gvern huma strettament limitati għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż imġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni. Hija s-somma tad-dejn nett massimu meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż netti tal-kostruzzjoni (jiġifieri nett mill-finanzjament tal-UE), kif deskritt hawn fuq, u riżerva ta’ likwidità. Ir-riżerva ta’ likwidità hija l-likwidità b’terminu qasir, miżmuma mill-kumpanija normalment bħala depożiti bankarji jew investimenti b’terminu qasir. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li l-iskop ta’ din ir-riżerva ta’ likwidità huwa li jkun hemm bafer għall-ħtiġijiet ta’ likwidità mhux ippjanati, bħall-ħlas lill-kuntratturi, u li s-self ikun jista’ jiġi eżegwit ferm qabel il-ħtieġa attwali għal-likwidità. Eżempju ta’ dan huwa r-rifinanzjament ta’ self eżistenti li normalment iseħħ xi ġimgħat qabel il-maturità ta’ dak is-self sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kundizzjonijiet avversi tas-suq mhux previsti.

(349)

Fil-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità, l-awtoritajiet Daniżi se jillimitaw il-perjodu li matulu l-Ministru tal-Finanzi jista’ joħroġ garanziji tal-gvern u self mill-Istat favur Femern A/S. Huma se jiżguraw ukoll li Femern A/S tkun itterminat is-self kollu b’garanzija tal-gvern u li tkun ħallset lura s-self mill-Istat kollu sa mhux aktar tard minn 16-il sena wara l-bidu tal-operazzjonijiet. Dan ifisser li l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat kollha huma limitati fiż-żmien. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Daniżi jiżguraw li l-perjodu garantit ma jaqbiżx il-perjodu attwali tal-ħlas lura tad-dejn. Jekk il-perjodu attwali tal-ħlas lura tad-dejn ikun iqsar minn 16-il sena, ma tiġi pprovduta l-ebda garanzija oħra wara li jitħallas lura d-dejn attwali.

(350)

L-għajnuna li tirriżulta, fil-valur preżenti bl-użu tal-WACC bħala rata ta’ skont (162), hija ugwali għad-diskrepanza tal-likwidità ta’ DKK 12 046 miljun (EUR 1 615 miljun). Din tinkludi l-injezzjonijiet ta’ kapital u l-għajnuna mill-Istat assoċjata mas-self garantit mill-Istat u s-self mill-Istat. Il-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna fil-mudell alternattiv jiġi bbażat fuq żieda tal-primjum minn 0.15 % għal 2 %. Għas-self diġà meħud, il-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità tal-għajnuna jqis li l-primjum kien limitat għal 0.15 %.

(351)

Għalhekk - fil-prinċipju - jista’ jitqies li l-għajnuna hija proporzjonata. Madankollu, u kif ġie enfasizzat diġà hawn fuq, il-Kummissjoni hija mħassba li din id-diskrepanza tal-likwidità tista’ tiġi stmata żżejjed minħabba l-inklużjoni ta’ baġit ta’ riżerva P99 fil-bażi tal-ispejjeż eliġibbli (ara l-premessa (320)). Għalhekk, fil-mudell alternattiv, l-awtoritajiet Daniżi jikkombinaw il-kalkolu ex ante tad-diskrepanza tal-likwidità (bl-ammont massimu garantit relatat u l-perjodu massimu garantit) ma’ kalkolu mill-ġdid ta’ din id-diskrepanza tal-likwidità sa mhux aktar tard minn ħames snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet jekk ikun jidher li l-“bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni” ta’ DKK 2.5 biljun (EUR 0.3 biljun) ma kienx meħtieġ. L-awtoritajiet Daniżi se jerġgħu jikkalkolaw id-diskrepanza tal-likwidità, l-ammont massimu garantit u l-perjodu massimu garantit. Huma mbagħad inaqqsu l-ammont massimu garantit u l-perjodu massimu garantit jekk id-diskrepanza tal-likwidità aġġornata tkun iżgħar minn dik antiċipata, biex b’hekk jiżguraw li l-valur preżenti nett tal-ammont totali ta’ għajnuna ma jaqbiżx id-diskrepanza tal-likwidità. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew simulazzjoni li fiha ma jkun meħtieġ l-ebda bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni. F’dak il-każ, id-dejn massimu jitnaqqas għal DKK 66.1 biljun (EUR 8.9 biljun) u l-perjodu massimu ta’ garanzija jkun limitat għal 11-il sena wara l-bidu tal-operazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Daniżi se jiżguraw li l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat ikunu strettament limitati għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż attwali mġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni. Għalhekk, l-għażla taż-żmien għall-kalkolu mill-ġdid ma tippermettix li l-ispejjeż relatati mal-perjodu operattiv jiġu ssussidjati mill-Istat. Hija tagħti biss bafer ta’ żmien temporanju biex jittieħed kont ta’ kwalunkwe finanzjament, li għadu relatat mal-fażi tal-kostruzzjoni, iżda li jseħħ biss ftit wara t-tmiem tal-fażi tal-kostruzzjoni. L-awtoritajiet Daniżi se jissottomettu dan il-kalkolu aġġornat lill-Kummissjoni.

(352)

Għalhekk, il-perjodu massimu garantit u l-ammont garantit jirriżultaw direttament mill-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. Aktar ma tkun baxxa d-diskrepanza tal-likwidità, aktar ikun baxx il-perjodu garantit u/jew l-ammont garantit u Femern A/S aktar ikollha tissellef malajr fis-suq miftuħ mingħajr l-appoġġ ta’ garanziji tal-gvern jew self mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis li huwa aktar xieraq li l-limitazzjoni tal-perjodu garantit u tal-ammont garantit tintrabat mal-limiti tad-diskrepanza tal-likwidità milli ma’ ammont tal-fluss tal-flus annwali, kif issuġġerit minn Scandlines et al. Il-fluss tal-flus annwali huwa fil-prattika dejjem varjabbli, minħabba, pereżempju, investimenti ta’ sostituzzjoni u manutenzjoni ċiklika, għalhekk, fi kwalunkwe każ, ikun meħtieġ [tip ta’] kalkolu tal-valur preżenti nett. Barra minn hekk, il-miżura ta’ għajnuna tikkonsisti f’għadd kbir ta’ self, kollha b’perjodi individwali ta’ ħlas lura, fil-limiti tal-perjodu massimu garantit globali. Għalhekk, huwa possibbli, li f’ċertu punt ta’ żmien, is-self mill-Istat u l-garanziji tal-gvern jeżistu flimkien ma’ self konformi mas-suq. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tqisx l-għajnuna li taqbeż id-diskrepanza tal-likwidità bħala proporzjonata.

(353)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-għażla tal-garanziji tal-gvern u tas-self mill-Istat bħala strumenti ewlenin hija indikatur pożittiv fir-rigward kemm tal-proporzjonalità kif ukoll tal-adegwatezza tal-għajnuna u hija ppreferuta fuq l-għoti ta’ ammont ta’ somma f’daqqa. Kif indikat fil-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “fejn in-nuqqas ta’ finanzjament ikun il-problema sottostanti, l-Istati Membri għandhom normalment jirrikorru għall-għajnuna fil-forma ta’ appoġġ ta’ likwidità, bħal self jew garanziji”. Il-Kummissjoni tqis li l-mudell ta’ finanzjament Daniż huwa konformi ma’ dan il-prinċipju. Miżura ta’ garanzija hija strument effettiv biex jiġi żgurat li Femern A/S ma tiġix ikkumpensata żżejjed, hekk kif hija sempliċiment tippermetti lil Femern A/S iżżomm l-ispejjeż kapitali tagħha f’livell xieraq sabiex il-proġett ikun fattibbli billi titnaqqas id-diskrepanza tal-likwidità. L-awtoritajiet Daniżi rrevedew ukoll in-notifika tal-2014 u se jirrapportaw kull sena dwar l-iżviluppi fil-ħlas lura tad-dejn ta’ Femern A/S.

(354)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni tal-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità tan-notifika riveduta flimkien mal-Atti dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat jistgħu jitqiesu li huma limitati fiż-żmien u fl-ammont. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi, għal darba oħra abbażi tal-mudell alternattiv tad-diskrepanza tal-likwidità fin-notifika riveduta, li l-ammont ta’ għajnuna ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ sabiex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed.

6.4.5.   Il-prevenzjoni ta’ distorsjoni żejda fil-kompetizzjoni u t-test tal-ibbilanċjar

(355)

Skont il-paragrafu 40 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “l-Istat Membru għandu jipprovdi evidenza li l-miżura ta’ għajnuna proposta tikkostitwixxi l-istrument ta’ politika xieraq biex jiġi indirizzat l-objettiv tal-proġett. Miżura ta’ għajnuna ma titqiesx li hija xierqa jekk ikun hemm strumenti ta’ politika inqas distortivi oħrajn jew tipi ta’ strumenti ta’ għajnuna inqas distortivi oħrajn li jagħmluha possibbli li jinkiseb l-istess riżultat”.

(356)

L-awtoritajiet Daniżi sostnew li minħabba li l-problema sottostanti għall-proġett kienet in-nuqqas ta’ aċċess għal finanzjament, l-għajnuna fil-forma ta’ appoġġ ta’ likwidità, bħal self jew garanziji, tikkostitwixxi l-istrument ta’ politika xieraq. Wara n-notifika riveduta, il-garanziji tal-gvern u s-self mill-Istat huma strettament limitati għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż imġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni. Ma hemm l-ebda riskju li l-garanzija/is-self jistgħu jintużaw biex jissussidjaw spejjeż u attivitajiet mhux eliġibbli oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju magħżul huwa l-istrument ta’ politika xieraq.

(357)

Skont il-paragrafu 41 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, “l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli jekk l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f’termini tal-kontribut lejn l-objettiv tal-interess Ewropew komuni”. Il-paragrafu 42 jistabbilixxi li, fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni se tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li jista’ jkollha l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodotti kkonċernati, inklużi s-swieq upstream jew downstream, u fuq ir-riskju ta’ kapaċità żejda. Il-paragrafu 43 tal-Komunikazzjoni jistabbilixxi li “l-Kummissjoni se tivvaluta r-riskju ta’ esklużjoni mis-suq u dominanza […] proġetti li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura jridu jiżguraw aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura u pprezzar mhux diskriminatorju”.

(358)

Minn dan jirriżulta li għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni u tat-test tal-ibbilanċjar, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffoka l-valutazzjoni tagħha fuq l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(359)

Il-Konnessjoni Fissa hija parti minn pjan usa’ għall-promozzjoni tal-mobbiltà, aktar integrazzjoni u skambju kulturali ta’ persuni li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tal-Konnessjoni Fissa, u għat-titjib tal-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa ċentrali għall-passiġġieri, kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija. Dawk il-benefiċċji mistennija ġew rikonoxxuti fil-livell Ewropew bl-inklużjoni tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt fil-lista ta’ proġetti prijoritarji tat-TEN-T. F’dan il-kuntest, il-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt se jiġġenera wkoll effetti pożittivi fuq għadd ta’ setturi ekonomiċi fir-reġjun, bħall-istazzjonijiet tas-servizz, is-settur tal-bejgħ bl-imnut, ir-ristoranti, il-lukandi, il-parks tad-divertiment u t-trasport bil-ferroviji u bil-karozzi tal-linja. Kif rikonoxxut mill-programm tal-FNE, il-Konnessjoni Fissa se ttejjeb l-aċċessibbiltà għat-trasport ferrovjarju, li twassal għal trasferiment tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri mit-triq għall-ferrovija.

(360)

Madankollu, il-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa se jkollu impatt negattiv fuq l-operaturi tal-vapuri li jservu r-rotta bejn Rødby u Puttgarden, kif ukoll fuq rotot oħrajn tal-vapuri fir-reġjun. It-tnaqqis fl-operazzjonijiet tal-vapuri jista’ jkollu wkoll impatt negattiv fuq il-portijiet użati minn dawk il-vapuri f’termini ta’ volumi tat-traffiku u dħul. Kif ġie rikonoxxut u kkunsidrat fl-istudji soċjoekonomiċi, il-preżenza tal-Konnessjoni Fissa tinvolvi r-riskju li l-operazzjonijiet tal-vapuri fuq ir-rotta ta’ Rødby – Puttgarden saħansitra jispiċċaw għal kollox ladarba tibda topera l-Konnessjoni Fissa. Il-Kummissjoni tqis is-setgħa ta’ Femern A/S li tinfluwenza l-operazzjonijiet tas-servizzi tal-vapuri bħala pjuttost limitata minħabba li l-għajnuna mill-Istat hija limitata għall-finanzjament meħtieġ għall-ispejjeż imġarrba matul il-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni bid-diskrepanza tal-likwidità bħala l-limitu massimu. Barra minn hekk, huwa l-Ministru Daniż għat-Trasport li se jiddetermina l-pedaġġi stradali u t-tariffi ferrovjarji li se jinġabru mill-utenti tat-triq u tal-konnessjoni ferrovjarja tal-Konnessjoni Fissa. Anki jekk Femern A/S għandha xi influwenza fuq il-livell tal-prezzijiet billi tapplika skemi ta’ skontijiet, hija marbuta bil-ħtieġa li tiżgura l-livell tad-dħul tagħha billi l-għajnuna mill-Istat kienet limitata biex tiffinanzja parti mill-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-Konnessjoni Fissa, sal-limitu tad-diskrepanza tal-likwidità. Fi kliem ieħor, Femern A/S se jkollha tiżgura li d-dħul tagħha jkun kbir biżżejjed biex tkun tista’ tħallas lura s-self tagħha għall-ispejjeż kollha tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni u biex tħallas għall-ispejjeż operatorji tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-impatt ewlieni fuq l-operazzjonijiet tal-vapuri huwa maħluq mis-sempliċi deċiżjoni li tinbena l-Konnessjoni Fissa, li tipprovdi alternattiva għall-modi eżistenti ta’ trasport. L-għażla għal din l-infrastruttura u s-soluzzjoni teknika tagħha hija għażla magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, lanqas ma hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tivvaluta jekk il-pjanijiet ta’ aċċess għal Puttgarden, f'każ li jkunu parti mill-Konnessjoni Fissa, humiex se "titnaqsilhom l-importanza", kif allegat minn Scandlines. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Daniżi li ma jappoġġjawx il-proposta għall-proġett ta’ Scandlines jenħtieġ li tiġi kkunsidrata fil-pjan tal-mobbiltà u l-għażliet tal-mobbiltà usa’ u, għalhekk, mhijiex rilevanti fil-valutazzjoni tal-ibbilanċjar. L-effetti fuq l-operazzjonijiet tal-vapuri u s-swieq relatati huma għalhekk inerenti fi proġetti ta’ dan it-tip, li permezz tagħhom l-Istati jfittxu li joffru alternattiva aktar malajr u aktar konvenjenti għas-servizzi tal-vapuri. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għar-rimarka tal-awtoritajiet Daniżi li l-ippjanar tal-linji ferrovjarji fuq in-naħa Daniża u l-prijoritizzazzjoni tat-trasport bit-triq fuq in-naħa Ġermaniża huma kompiti tal-awtorità pubblika – deċiżi mill-Istat Daniż u mill-Istat Ġermaniż, rispettivament, u mhux minn Femern A/S.

(361)

Scandlines et al. sostnew ukoll li l-Konnessjoni Fissa tiżviluppa kapaċità addizzjonali għal suq li huwa diġà saturat. Il-Kummissjoni tosserva li l-ħolqien ta’ alternattiva għas-servizzi eżistenti li tkun differenti u meqjusa bħala superjuri mill-awtoritajiet Daniżi ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għaż-żieda tal-kapaċità għal suq saturat.

(362)

Fir-rigward tar-riskju ta’ dominanza u l-impatt ġenerali fuq il-kompetizzjoni, ma jistax jiġi eskluż li Femern A/S tikseb pożizzjoni dominanti fir-rigward ta’ ċerti servizzi tat-trasport fuq il-Fehmarn Belt. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita (163), l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti minnha nnifisha ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, Scandlines bħalissa għandha monopolju de facto fuq ir-rotta bejn Rødby u Puttgarden. Jekk wieħed jassumi li, kif tafferma Scandlines, il-vapuri se jkomplu joperaw wara l-ftuħ tal-Konnessjoni Fissa, il-Konnessjoni Fissa fil-fatt se tkisser dan il-monopolju u toħloq suq aktar kompetittiv.

(363)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Konnessjoni Fissa ma hija se toħloq l-ebda riskju ta’ esklużjoni mis-suq, inklużi s-swieq upstream jew downstream, minħabba li se tkun miftuħa għall-utenti kollha fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja. L-istruttura tal-ipprezzar se tkun mhux diskriminatorja u trasparenti u, fir-rigward ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila, konformi mar-regoli applikabbli tad-Direttiva dwar il-Eurovignette (164). Barra minn hekk, skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Daniżi, l-imposti ferrovjarji se jiġu ddeterminati f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE (165). Huwa mistenni li l-pedaġġi tal-utenti fuq il-link tat-triq ikunu jikkorrespondu għall-prezz mitlub mill-operatur tal-vapuri, kif preżunt fil-mudell finanzjarju tal-2016.

(364)

Għalhekk, kif ikkonfermat ukoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2018, filwaqt li huwa raġonevoli li jiġi konkluż li proġett li jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura li se tipprovdi alternattiva għall-modi ta’ trasport eżistenti jkun jinvolvi r-riskju li dawn tal-aħħar ikollhom inaqqsu b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħhom jew saħansitra jispiċċaw għal kollox, jidher b’mod ċar li l-Konnessjoni Fissa tipprovdi soluzzjoni li, kollox ma’ kollox, ikollha riżultati pożittivi. Mhijiex ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiddubita mill-għażla magħmula mill-awtoritajiet Daniżi.

(365)

B’kont meħud ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna, kif limitata u mnaqqsa aktar fin-notifika riveduta b’reazzjoni għad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, għandha biss effett negattiv limitat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li jiġu ssuperati mill-effetti pożittivi f’termini tal-kontribut għall-objettiv tal-interess Ewropew komuni.

(366)

Mill-kliem tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI jirriżulta li ma hemmx bżonn li jitqiesu l-elementi negattivi possibbli mhux relatati mad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jew li ssir valutazzjoni ambjentali speċifika fil-kuntest tat-test tal-ibbilanċjar kif issuġġerit minn NABU. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li “għalkemm il-ħarsien tal-ambjent irid ikun integrat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jistabbilixxu s-suq intern, huwa ma jikkostitwixxix, per se, wieħed mill-komponenti ta’ dak is-suq intern […]. Konsegwentement, meta tidentifika l-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tqis sa liema punt il-miżuri inkwistjoni huma possibbilment detrimentali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju [tal-ħarsien tal-ambjent] (166).

(367)

Fi kwalunkwe każ, l-impatt ambjentali tal-proġett ġie kkunsidrat kif xieraq u mtaffi mill-awtoritajiet nazzjonali u nstab, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali applikabbli, li ma jipprekludix il-proġett. Fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-Konnessjoni Fissa, l-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw kif xieraq l-impatt ambjentali tal-proġett. Il-valutazzjoni komprensiva u bir-reqqa tal-impatt ambjentali li twettqet fuq in-naħa Daniża hija deskritta fid-dettall fin-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni. Huwa speċifikat b’mod ċar f’dawk in-noti preparatorji, iżda wkoll fit-Trattat dwar il-Fehmarn Belt u, għalhekk, applikabbli kemm fid-Danimarka kif ukoll fil-Ġermanja, li r-rekwiżiti skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jridu jkunu l-bażi għat-tħejjija, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-Konnessjoni Fissa tul il-Fehmarn Belt. Abbażi tal-Att dwar l-Ippjanar, il-Ministru għat-Trasport ġie awtorizzat, wara negozjati mal-Ministru għall-Ambjent, biex iħejji r-rapporti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (“VIA”) għall-proġett ta’ kostruzzjoni, inklużi konsultazzjoni u valutazzjoni ambjentali meħtieġa oħra tal-proġett ta’ kostruzzjoni. Il-Ministeru tal-Ambjent, l-awtoritajiet rilevanti, il-kumpaniji u l-muniċipalitajiet kienu involuti u r-rapporti tal-VIA, eċċ. tħejjew f’konformità mad-Direttiva dwar il-VIA.

(368)

Minn dan jirriżulta li l-bażi għall-proġett dejjem kienet li dan jenħtieġ li jitħejja, jinbena u jitħaddem b’mod li jiġu evitati l-effetti ta’ ħsara fuq in-natura u l-ambjent u li jiġu indirizzati b’mod adegwat l-impatti avversi konsiderevoli, speċjalment fir-rigward tan-Netwerk Ewropew ta’ Natura 2000. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, anki kieku kellhom jitqiesu l-aspetti ambjentali għall-finijiet tat-test tal-ibbilanċjar, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-allegati effetti negattivi tal-Konnessjoni Fissa fuq l-ambjent ikunu tant kbar li jistgħu jbiddlu l-eżitu tat-test tal-ibbilanċjar.

(369)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f’termini tal-kontribut lejn l-objettiv tal-interess Ewropew komuni.

6.4.6.   Kundizzjoni speċifika ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-garanziji tal-gvern – Il-kundizzjonijiet tal-mobilizzazzjoni

(370)

Skont it-taqsima 5.3 tal-Avviż dwar il-Garanziji, “Il-Kummissjoni se taċċetta garanziji biss jekk il-mobilizzazzjoni tagħhom tkun kuntrattwalment marbuta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi, li sa jistgħu jinkludu d-dikjarazzjoni obbligatorja ta’ falliment tal-impriża benefiċjarja, jew kwalunkwe proċedura simili. Dawn il-kundizzjonijiet se jkollhom jiġu miftiehma bejn il-partijiet meta l-garanzija tingħata inizjalment. Fil-każ li Stat Membru jkun irid jimmobilizza l-garanzija taħt kundizzjonijiet oħrajn għajr dawk inizjalment miftiehma fl-istadju tal-għoti, il-Kummissjoni mbagħad se tqis il-mobilizzazzjoni tal-garanzija bħala li toħloq għajnuna ġdida li trid tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.”

(371)

Skont it-Taqsima 4(2) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni, il-Ministru tal-Finanzi huwa awtorizzat li jipprovdi garanziji tal-gvern li jkopru l-obbligi ta’ Femern A/S b’rabta mas-self u ma’ strumenti finanzjarji oħrajn għall-finanzjament tal-Konnessjoni Fissa. Il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ garanzija mhumiex irregolati fl-Att dwar il-Kostruzzjoni nnifsu. Bħala reazzjoni għad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-awtoritajiet Daniżi rrevedew in-notifika tal-2014 sabiex jiżguraw li (167) dawk il-garanziji tal-gvern kollha favur Femern A/S ikollhom il-kundizzjonijiet minimi li ġejjin għall-mobilizzazzjoni:

(a)

Femern A/S naqset milli tħallas kif xieraq somma pagabbli skont il-ftehim garantit sad-data ta’ maturità ordinarja;

(b)

is-sellief irid javża bil-miktub lill-garanti kif stabbilit fil-garanzija rilevanti;

(c)

dan l-avviż jenħtieġ li ma jingħatax qabel ma jiskadu l-perjodi ta’ rimedju applikabbli kollha skont il-ftehim garantit;

(d)

is-sellief mhuwiex intitolat li jagħti estensjoni taż-żmien lil Femern A/S biex tissodisfa l-obbligu tagħha skont il-ftehim garantit;

(e)

il-garanti jenħtieġ li jkollu mill-inqas erbat ijiem bankarji minn meta jirċievi tali avviż biex iħallas l-ammont dovut skont il-ftehim garantit.

(372)

Kif diġà ġie nnotat fil-paragrafu 203 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, u fir-rigward tal-garanzija tal-gvern li tkopri l-obbligi mhux finanzjarji previsti fit-Taqsima 4(4) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni, l-awtoritajiet Daniżi sostnew li l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ garanzija huma bbażati fuq interpretazzjoni tal-garanzija fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Daniża. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew aktar kjarifiki dwar din il-kwistjoni. Il-liġi Daniża dwar il-garanziji tiddistingwi bejn “simpel kaution” u“selvskyldnerkaution”. “simpel kaution” tfisser li l-parti garantita trid turi lill-garanti li d-debitur ma jistax iħallas l-obbligi tiegħu. Normalment dan ikun jirrikjedi jew (i) li jkun ġie stabbilit matul eżekuzzjoni (jiġifieri tentattiv biex tiġi eżegwita klejm kontra l-assi tal-prinċipal) li l-prinċipal ma jkunx jista’ jħallas l-obbligi tiegħu meta dawn ikunu dovuti; jew inkella (ii) li l-prinċipal ikun soġġett għal proċedimenti ta’ falliment jew proċedimenti simili ta’ insolvenza. “selvskyldnerkaution” tfisser li l-parti garantita tista’ titlob lill-garanti biex iħallas jekk il-prinċipal ikun naqas milli jagħmel pagament fi żmien debitu. Skont il-ġurisprudenza Daniża dwar il-garanziji, garanzija normalment tiġi interpretata bħala “simpel kaution”, sakemm ma jkunx hemm bażi ċara għall-interpretazzjoni tal-garanzija bħala “selvskyldnerkaution”. B’hekk, sakemm il-garanzija ma tkunx deskritta b’mod ċar bħala “selvskyldnerkaution”, il-parti garantita jkollha turi lill-garanti li l-prinċipal ma jistax iħallas l-obbligi tiegħu meta dawn ikunu dovuti. Fir-rigward tad-dispożizzjoni fit-Taqsima 4(4), dan ifisser li, billi mhuwiex stabbilit fl-Att dwar il-Kostruzzjoni u l-Operat li l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanzija f’każ speċifiku se jiġu ddeterminati, pereżempju, f’ordnijiet ministerjali jew f’kuntratti speċifiċi li jkopru kull każ, il-garanzija tal-gvern fit-Taqsima 4(4) se titqies – awtomatikament – bħala “simple kaution”. Għalhekk, il-parti garantita se jkollha turi li Femern A/S ma tistax tħallas l-obbligi tagħha meta dawn ikunu dovuti (kif deskritt hawn fuq) qabel ma l-garanzija tkun tista’ tiġi mobilizzata. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-mobilizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ garanzija hija kuntrattwalment marbuta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi.

(373)

Għalkemm il-Kummissjoni ma ġietx informata bil-kundizzjonijiet eżatti tal-mobilizzazzjoni fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, hija tqis li tista’ taċċetta l-garanziji fid-dawl tat-taqsima 5.3 tal-Avviż dwar il-Garanziji.

6.4.7.   Trasparenza

(374)

Skont il-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-pubblikazzjoni, fuq sit web komprensiv, fil-livell reġjonali jew nazzjonali, ta’ mill-inqas l-informazzjoni li ġejja: it-test tal-miżura ta’ għajnuna u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew link għalih; l-identità tal-awtorità jew l-awtoritajiet awtorizzanti; l-identità tal-benefiċjarju individwali, il-forma u l-ammont tal-għajnuna, id-data tal-għotja, it-tip ta’ impriża (SME/impriża kbira); ir-reġjun fejn jinsab il-benefiċjarju (fil-livell II ta’ NUTS); u s-settur ekonomiku prinċipali fejn l-impriża benefiċjarja jkollha l-attivitajiet tagħha (fil-livell tal-grupp NACE). L-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit.

6.4.8.   L-obbligu ta’ rapportar

(375)

Skont il-punt 49 tal-Komunikazzjoni tal-IPCEI “l-eżekuzzjoni tal-proġett trid tkun soġġetta għal rapportar regolari”. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jippreżentaw rapporti annwali li jinkludu ċifri dwar l-evoluzzjoni tad-dejn. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-kundizzjoni hija rrispettata.

7.   KONKLUŻJONI

(376)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjonijiet ta’ kapital, il-garanziji tal-gvern għas-self li jiffinanzja l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni u s-self mill-Istat li jiffinanzja l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri li jikkonsistu fid-deprezzament tal-assi, ir-riport tat-telf fiskali, is-sistema ta’ tassazzjoni konġunta, it-tariffi ferrovjarji u l-użu ta’ proprjetà tal-Istat mingħajr ħlas, ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna mill-Istat favur Femern A/S fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li, fid-dawl tan-notifika riveduta, il-garanziji għad-derivattivi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur Femern A/S fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(377)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri nnotifikati favur Femern A/S, li jikkonsistu f’injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 510 miljun (EUR 68.4 miljun) u taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern għal self sa ammont ta’ DKK 69.3 biljun (EUR 9.3 biljun), li jridu jiġu fi tmiemhom sa mhux aktar tard minn 16-il sena wara l-bidu tal-operazzjonijiet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-IPCEI u, għalhekk, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Il-primjum annwali fuq id-dejn garantit mill-Istat u s-self mill-Istat li Femern A/S hija obbligata li tħallas lill-Istat Daniż jiżdied minn 0,15 % għal 2 %. L-awtoritajiet Daniżi impenjaw ruħhom li jippreżentaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn ħames snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-Konnessjoni Fissa (li bħalissa huma mistennija li jibdew fl-2033), aġġornament tal-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità (abbażi ta’ suppożizzjoni medja ta’ rata mingħajr riskju ta’ 1,5 %). F’dak l-aġġornament, il-bafer għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni se jitbaxxa jekk ikun jidher li l-ispejjeż attwali tal-kostruzzjoni huma aktar baxxi minn dawk stmati. L-ammont massimu garantit u l-perjodu massimu garantit se jitnaqqsu kif xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li l-ekwivalenti tal-għotja grossa tal-għajnuna ma jaqbiżx id-diskrepanza tal-likwidità aġġornata.

(378)

L-awtoritajiet Daniżi qablu b’mod eċċezzjonali li jirrinunzjaw għad-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill 1/1958 (168) u li jaraw li d-deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata skont l-Artikolu 297 tat-Trattat bil-lingwa Ingliża,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li jikkonsistu fid-deprezzament tal-assi, ir-riport tat-telf fiskali, is-sistema ta’ tassazzjoni konġunta, it-tariffi ferrovjarji u l-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat, u l-garanziji tal-gvern għad-derivattivi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur Femern A/S fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern favur Femern A/S, li d-Danimarka daħħlet fis-seħħ tal-anqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Wara l-modifika ta’ dawk il-miżuri kif stabbilita fin-notifika riveduta, huma kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)  Għajnuna mill-Istat – Id-Danimarka – Għajnuna mill-Istat SA.39078 (2019/C) (ex 2014/N) – Il-finanzjament tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt – Stedina biex jintbagħtu l-kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU C 226, 5.7.2019, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13.7.2009, Għajnuna mill-Istat N 157/2009 – id-Danimarka – Il-finanzjament tal-fażi tal-ippjanar tal-konnessjoni fissa tal-Fehmarn Belt, ĠU C 202, 27.8.2009, p. 1.

(3)  Minn Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH (“Scandlines”), 3i Investment Plc, TT Line, Stena Line Scandinavia AB (“Stena Line”) u Trelleborgs Hamn AB.

(4)  Dawn l-ilmenti ġew irreġistrati mis-servizzi tal-Kummissjoni taħt in-numri SA.38915 u SA.41640.

(5)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23.07.2015 fil-Każ SA. 39078 (2014/N) – Id-Danimarka – Il-finanzjament tal-proġett tal-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt (ĠU C 325, 2.10.2015, p. 1.)

(6)  Scandlines Danmark Aps u Scandlines Deutschland GmbH (“Scandlines”) u Stena Line Scandinavia AB (“Stena Line”).

(7)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia AB u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-631/15, ECLI:EU:T:2018:944 u s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-630/15, ECLI:EU:T:2018:942.

(8)  Il-Kawża C-174/19 P Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, u l-Kawża C-175/19 P Stena Line Scandinavia vs Il-Kummissjoni. Iż-żewġ kawżi huma pendenti.

(9)  Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(10)  Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2019, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-566/19 R, ECLI:EU:T:2019:605.

(11)  Digriet tas-27 ta’ Novembru 2019, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-566/19, ECLI:EU:T:2019:839.

(12)  Sentenza tal-Qorti tal-11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia - Omilos Epicheiriseon vs Il-Kummissjoni, C-332/18 P, ECLI:EU:C:2019:1065, il-punti 126-127.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(14)  Il-Kawża T-890/16, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:1004.

(15)  Il-Kawża T-891/16, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:1003.

(16)  Din l-ittra ġiet irreġistrata bħala SA.51981.

(17)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 51981 (2018/FC) – Id-Danimarka – Ilment dwar l-allegata għajnuna illegali lil Femern A/S u Femern Landanlæg A/S (ĠU C 406, 9.11.2018, p. 1).

(18)  Il-Kawża T-7/19, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, pendenti.

(19)  Id-Digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-890/16, ECLI:EU:T:2018:1004 u T-891/16, ECLI:EU:T:2018:1003.

(20)  Il-Kawża C-173/19 P, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, pendenti.

(21)  Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju.

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(23)  Ftehim intergovernattiv tat-23 ta’ Marzu 1991 bejn il-gvern Daniż u l-gvern Żvediż.

(24)  It-Trattat ġie ffirmat fit-3 ta’ Settembru 2008 u rratifikat mid-Danimarka u mill-Ġermanja fl-2009.

(25)  Id-Danimarka ssegwi politika ta’ rata tal-kambju fissa kontra l-euro b’rata ċentrali ta’ DKK 746,038 għal kull EUR 100. Din ir-rata tal-kambju hija applikata fid-deċiżjoni kollha meta jiġi kkalkolat l-ekwivalenti approssimattiv f’EUR ta’ DKK.

(26)  Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5274 tal-31 ta’ Lulju 2015 li tistabbilixxi lista ta’ proposti magħżula biex jirċievu assistenza finanzjarja mill-UE fil-qasam tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) - is-Settur tat-Trasport, wara s-sejħiet għal proposti mnedija fil-11 ta’ Settembru 2014 abbażi tal-Programm ta’ Ħidma Pluriennali; u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8803 tal-5 ta’ Jannar 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proposti magħżula biex jirċievu assistenza finanzjarja mill-UE taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) - is-Settur tat-Trasport, wara sejħa għal proposti mnedija fit-8 ta’ Frar 2017 abbażi tal-Programm ta’ Ħidma Pluriennali.

(27)  A/S Femern Landanlæg ġiet stabbilita fis-16 ta’ Novembru 2009.

(28)  L-Att Daniż dwar l-ippjanar ta’ Konnessjoni Fissa tul il-Fehmarn Belt u l-konnessjonijiet mat-territorju intern Daniż (l-Att nru. 285 tal-15 ta’ April 2009).

(29)  In-Noti ta’ spjegazzjoni għall-Att dwar l-Ippjanar, is-17 ta’ Diċembru 2008.

(30)  Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna 2.

(31)  L-Att nru. 575 tal-4 ta’ Mejju 2015.

(32)  Ara t-Taqsima 38 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(33)  Ara t-Taqsimiet 1 u 5 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(34)  Ara t-Taqsima 42 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(35)  Ara t-Taqsima 41 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(36)  Il-konnessjonijiet mat-territorju intern Ġermaniż ma kinux is-suġġett ta’ dan il-każ.

(37)  Ara t-Taqsima 2 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni. Ara wkoll il-premessa (32) ta’ hawn fuq għal deskrizzjoni tal-konnessjonijiet mat-territorju intern tal-pajjiż.

(38)  Ara t-Taqsima 39 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(39)  Abbażi tal-valur tal-assi ta’ Rail Net Denmark u tal-assi ta’ A/S Femern Landanlæg.

(40)  Skont it-Taqsima 6 tal-Att dwar Sund & Bælt.

(41)  Ara t-Taqsima 7(3)(5) tal-Att dwar l-Ippjanar u t-Taqsima 4(2) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(42)  It-Taqsima 4(2) flimkien mat-Taqsima 1 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(43)  It-Taqsima 4(4) flimkien mat-Taqsima 1 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(44)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(45)  Ara t-Taqsima 7(4) tal-Att dwar l-Ippjanar u t-Taqsima 4(3) tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(46)  Stipulat dak inhar li jinkiseb is-self u stipulat bil-kundizzjonijiet tas-suq applikabbli f’dak il-mument.

(47)  Skont Scandlines, l-ammont inizjali ta’ EUR 187 miljun żdied b’erba’ darbiet sal-2013.

(48)  Bħall-operat ta’ dipartiment tal-istampa u ta’ żewġ ċentri tal-informazzjoni (f’Rødbyhavn u f’Burg fuq il-gżira Ġermaniża ta’ Fehmarn) u kanal tal-vidjos, l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ kompetizzjoni, azzjonijiet ta’ informazzjoni, pubblikazzjonijiet f’midja u siti web, il-preparazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni xjentifika lill-produtturi, lill-proċessuri u lill-kummerċjanti, kampanji ta’ reklamar immirat lejn il-konsumaturi, l-isponsorizzazzjoni ta’ maratoni u tornej tal-futbol.

(49)  Eż. kuntratt li jikkonċerna l-“monitoraġġ tal-kopertura mill-midja” (2014), kuntratt għall-ġestjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi ta’ konsulenza (2017).

(50)  Ara t-Taqsima 12, is-subtaqsima 2 tal-Att Nru 591 tat-18 ta’ Ġunju 2012 li jemenda l-att Daniż dwar it-Taxxa Korporattiva.

(51)  Telf imġarrab fi snin finanzjarji preċedenti.

(52)  Valuri tal-2010 – l-ammont huwa indiċjat fuq bażi annwali (b’eċċezzjoni għall-perjodu 2010-2013).

(53)  It-Taqsima 9 tal-Att dwar l-Ippjanar ġiet abolita bl-Att Nru 581 tal-4 ta’ Mejju 2015 dwar ir-regoli tat-tassazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016.

(54)  Ara t-Taqsimiet 13 u 14 tal-Att Nru 588 tal-24 ta’ Ġunju 2005, Lov om Sund og Bælt Holding A/S (Lov nru 588 tal-24/06/2005) (“l-Att dwar Sund & Bælt”).

(55)  L-Emenda introdotta fl-Att Nru 581 tal-4 ta’ Mejju 2015.

(56)  Ara t-Taqsima 16 tal-Att dwar l-Ippjanar.

(57)  Ara t-Taqsima 45 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(58)  Ara t-Taqsima 41 tal-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(59)  Il-Ferroviji tal-Istat Daniż.

(60)  Lov om anlæg og drift af en fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (Lov Nru. 575 tal-4 ta’ Mejju 2015).

(61)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(62)   ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.

(63)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15.10.2014 fil-każ SA. 36558 (2014/NN) u SA. 38371 (2014/NN) – Id-Danimarka, SA. 36662 (2014/NN) – L-Iżvezja, Għajnuna mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet (ĠU C 437, 5.12.2014, p. 1).

(64)  Għal dan l-għan, issir referenza għas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggelsellschaft mbH vs Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7, il-punt 17.

(65)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-68/15, ECLI:EU:T:2018:563.

(66)  Scandlines et al. jirreferu għall-“Istudju oriġinali” tal-5 ta’ Jannar 2015 u għall-“Istudju aġġornat” tas-27 ta’ Marzu 2015, li huma l-analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji mħejjija minn Incentive u kkummissjonati mill-Ministeru Daniż tat-Trasport.

(67)  Scandlines et al. jirreferu għal rapport ta’ PWC, datat id-29 ta’ Jannar 2019.

(68)  Knud Erik Andersen, “ Udfordringer ved samfundsokonomisk analyse af transportprojekter ”, ippubblikata fil-ġurnal elettroniku “ Artikler fra Trafikdage på Aalborg Universitet ” (Proċedimenti mill-Konferenza Annwali dwar it-Trasport fl-Università ta’ Aalborg), ISSN 1603-9696.

(69)  Hanseatic Transport Consultancy (HTC), “ Bedarfsbezogene Verkehrsmarktuntersuchungen im Kontext der geplanten Festen Fehmarnbeltquerung (FFBQ) ”, is-17 ta’ Ġunju 2019. Ir-rapport huwa kkummissjonat minn NABU.

(70)  Scandlines tirreferi għall-applikazzjoni tagħha għall-finanzjament mill-FNE biex tappoġġja l-istudji tal-fattibbiltà teknika tagħha tal-2019-2020 dwar il-possibbiltà li l-portijiet f’Rødby u Puttgarden ikunu jistgħu jimmaniġġjaw “vapuri tal-merkanzija mingħajr emissjonijiet” (“Aġġornament tal-kapaċità għal Magni tat-Traffiku Sostenibbli – It-tħejjija għal operat mingħajr emissjonijiet”).

(71)  L-awtoritajiet Daniżi jirreferu għas-Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7, il-punt 28, għas-Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calí u Figli Srl vs Servizi Ecologici Porto di Genova SpA, C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160, il-punt 24 u, b’mod aktar ġenerali, għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, C/2016/2946, ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1, il-punt 15.

(72)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi magħquda T-443/08 u T-455/08, ECLI:EU:T:2011:117; ikkonfermata fl-appell fis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig-Halle GmbH vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P, ECLI:EU:C:2012:821.

(73)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastruttura (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42), l-Artikolu 7b.

(74)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, C/2016/2946, ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1.

(75)  https://ec.europa.eu/competition/state_aid/modernisation/grid_roads_mt.pdf

(76)  Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna 72.

(77)  Skont ir-Regolament Nru. 1276 tal-20 ta’ Novembru 2015 rigward il-kompiti u s-setgħat ta’ Rail Net Denmark (Bekendtgørelse om Banedanmarks opgaver og beføjelser (BEK nru. 1276 tal-20/11/2015), Rail Net Denmark hija responsabbli għall-ġbir tat-tariffi ferrovjarji mingħand operaturi fuq l-infrastruttura ferrovjarja Daniża.

(78)  Vejdirektoratet, “ Oversigt over tilstand og udvikling ”, rapport 597, Awwissu 2019.

(79)  Femern A/S - Finansiel analyse af Femern Bælt-forbindelsen inkl. danske landanlæg, Frar 2016.

(80)  Kuntratturi offerenti stipulati fl-Att dwar il-Kostruzzjoni.

(81)  https://www.fm.dk/publikationer/2019/opdateret-2025-forloeb-okt-2019. Skont ir-rapport, ir-rata tal-imgħax għall-bond tal-gvern ta’ 10 snin hija mistennija li tkun -0,1 % fis-sena fl-2019, 1,6 % fis-sena fl-2025 u 4,5 % fis-sena fl-2040. Din tikkorrespondi għal rata nominali fissa ta’ madwar 3,5 % fis-sena.

(82)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2011, T-394/08, T-408/08, T-453/08 og T-454/08, Regione autonoma della Sardegna u oħrajn vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2011:493, il-punt 226, kif ikkonfermata mis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2013, C-630/11 P sa C-633/11 P, HGA u oħrajn vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2013:387, il-punti 108-109, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, ECLI:EU:C:2019:172, il-punt 78.

(83)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ April 2009, N 356/2008 Għajnuna mill-Istat nru. N 602/2004 – Id-Danimarka, Appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013, SA.36893, Risettjar tal-Proġetti ta’ Konċessjoni għall-Awtostradi Griegi - l-Awtostrada Ċentrali (E65), il-paragrafi 99 u 102 u SA.36877, Risettjar tal-Proġetti ta’ Konċessjoni għall-Awtostradi Griegi - l-Awtostrada tal-Eġew, il-paragrafu 74.

(84)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov u Oħrajn vs Stichting Pensioenfonds Medische Specialisten, il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428.

(85)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, ECLI:EU:C:1987:283, il-punt 7; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana, C-35/96 ECLI:EU:C:1998:303, il-punt 36; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov u Oħrajn vs Stichting Pensioenfonds Medische Specialisten, il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428.

(86)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, ECLI:EU:T:2000:290, il-punt 125, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, ECLI:EU:C:2002:617.

(87)  Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna 72.

(88)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punt 40; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il-Kummissjoni, T-108/16, ECLI:EU:T:2018:145, il-punt 78.

(89)  Ara wkoll il-paragrafu 202 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

(90)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni, T-696/17 ECLI:EU:T:2019:652, il-punt 107.

(91)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, ECLI:EU:C:1987:283, il-punti 7 u 8.

(92)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, ECLI:EU:C:1988:225, il-punt 18.

(93)  Ara, b’mod partikolari, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT/Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7, il-punt 30 u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1997, Calì & Figli, C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160, il-punti 22 u 23.

(94)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck, il-Kawżi Magħquda 209/78 sa 215/78 u 218/78, ECLI:EU:C:1980:248, il-punt 88; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 1995, FFSA u Oħrajn, C-244/94, ECLI:EU:C:1995:392, il-punt 21; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, ECLI:EU:C:2008:376, il-punti 27 u 28.

(95)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.32820 (2011/NN) — Ir-Renju Unit — Għajnuna lis-Servizzi tax-Xjenza Forensika, ĠU C 29, 2.2.2012, p. 4, il-punt 8; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT/Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7, il-punt 27; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C-113/07 P, ECLI:EU:C:2009:191, il-punt 71; Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2002 dwar l-Għajnuna mill-Istat N 438/02 — Il-Belġju — Għajnuna lill-awtoritajiet tal-portijiet, ĠU C 284, 21.11.2002, p. 2; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1997, Calì & Figli, C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160, il-punt 22; Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 dwar l-Għajnuna mill-Istat N 140/06 — Il-Litwanja — L-allokazzjoni ta’ sussidji lill-Intrapriżi tal-Istat fid-Djar Korrettivi, ĠU C 244, 11.10.2006, p. 12; Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36346 — Il-Ġermanja — Skema għall-iżvilupp tal-art GRW għal użu industrijali u kummerċjali, ĠU C 141, 9.5.2014, p. 1; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank GmbH, C-138/11, ECLI:EU:C:2012:449, il-punt 40.

(96)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P, ECLI:EU:C:2012:821, il-punt 50, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, il-punti 122 u 123.

(97)  L-Artikolu 6 (2) jiddikjara dan li ġej: “ Il-kumpanija għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-liġi Daniża. L-attivitajiet tal-kumpanija għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji ġenerali tan-negozju u f’konformità mal-obbligi internazzjonali, inklużi l-obbligi skont id-dritt Komunitarju. ”

(98)  Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank GmbH vs Republik Österreich C-138/11, ECLI:EU:C:2012:449, il-punt 38, b’referenzi ulterjuri.

(99)  Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7; sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Calì & Figli vs Servizi Ecologici Porto di Genova, C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160; sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C-138/11, ECLI:EU:C:2012:449. Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2019 - Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il-Kummissjoni, T-696/17 ECLI:EU:T:2019:652.

(100)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2018 C-622/16 P sa C-624/16 P, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2018:873, il-punt 104. Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, ECLI:EU:2017:496, C-74/16 il-punti 47 u 48.

(101)  Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna 72.

(102)  Ara, inter alia, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline GmbH u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke GmbH vs Finanzlandesdirektion für Kärnten, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598, il-punt 38; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, ECLI:EU:C:2004:438, il-punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02 ECLI:EU:C:2005:768, il-punt 77; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Ministero dell'Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(103)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, ECLI:EU:C:1994:100, il-punt 14. Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, ECLI:EU:C:2014:2262.

(104)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade Srl vs Altiforni e Ferriere di Servola SpA (AFS), C-200/97, ECLI:EU:C:1998:579, il-punt 41; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni u Oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175, il-punti 137, 138 u 139.

(105)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C-329/15, ECLI:EU:C:2017:671, il-punti 23 sa 37.

(106)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn vs La Poste u oħrajn, C-39/94 ECLI:EU:C:1996:285, il-punt 60; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.

(107)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 13.

(108)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital vs Gemeente Rotterdam, C-275/10, ECLI:EU:C:2011:814, il-punt 39.

(109)  Dan il-primjum kien inizjalment stabbilit għal 0.15 % u huwa l-primjum li jikkorrespondi għall-ewwel mudell għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità. Il-mudell alternattiv għall-kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità jinkludi primjum ta’ 2 %.

(110)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-308/00, ECLI:EU:T:2004:199, il-punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(111)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2017, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni, T-314/15, ECLI:EU:T:2017:903, il-punti 78 u 79.

(112)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, ECLI:EU:C:2015:362, il-punti 60 et seq.; Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Deutsche Lufthansa, C-284/12, ECLI:EU:C:2013:442, il-punt 52,

(113)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs In-Netherlands, C-279/08 P, ECLI:EU:C:2011:551, il-punt 62; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598.

(114)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos u oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, ECLI:EU:C:2011:550, il-punt 49 et seq.; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance, C-308/01, ECLI:EU: C:2004:252.

(115)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, ECLI:EU:C:2011:732, il-punt 146; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, In-Netherlands vs Il-Kummissjoni, C-159/01, ECLI:EU:C:2004:246, il-punt 43; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, ECLI:EU:C:2006:511.

(116)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza u IFP Énergies nouvelles, C-438/16, ECLI:EU:C: 2018:737, il-punti 117-118.

(117)  Ibid.

(118)  Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-630/15, ECLI:EU:T:2018:942, il-punti 278 sa 282.

(119)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punt 66; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert u oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-197/11 u C-203/11, ECLI:EU:C:2013:288, il-punt 77; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ April 2001, Friulia Venezia Giulia, T-288/97, ECLI:EU:T:2001:115, il-punt 41.

(120)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia AB u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-631/15, ECLI:EU:T:2018:944, il-punt 227 u Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-630/15, ECLI:EU:T:2018:942, il-punt 256.

(121)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15.10.2014 – Għajnuniet mill-Istat SA.36558 (2014/NN) u SA.38371 (2014/NN) – Id-Danimarka – Għajnuna mill-Istat SA.36662 (2014/NN) – L-Iżvezja – Għajnuna mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet (ĠU C 418, 21.11.2014, p. 8).

(122)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T-818/14, ECLI:EU:T:2018:33, il-punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(123)  Bħar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1), l-Artikolu 2(28).

(124)  Danmarks Nationalbank – Aftale mellem Finansministeriet og Danmarks Nationalbank om arbejdsfordelingen på statsgældsområdet.

(125)  In-noti preparatorji għall-Att dwar il-Kostruzzjoni jispeċifikaw li “Skont is-subtaqsima 4, il-gvern ċentrali jiggarantixxi, mingħajr l-ebda notifika speċifika f’kull każ, l-obbligi finanzjarji ta’ Femern A/S u A/S Femern Landanlæg li mhumiex garantiti fis-subtaqsima 2. Skont din id-dispożizzjoni, il-garanzija tal-gvern hija limitata għall-obbligi li ż-żewġ kumpaniji speċifikati assumew b’rabta mal-kostruzzjoni tal-proġett ta’ kostruzzjoni, iżda tapplika wkoll għall-obbligi b’konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-proġett ta’ kostruzzjoni li l-kumpaniji assumew qabel ma jibdew jintużaw l-istrutturi, iżda meta l-obbligi tal-kumpaniji jieqfu biss wara ż-żmien li fih jibdew jintużaw. Id-dispożizzjoni tfisser li, pereżempju, il-każijiet ta’ arbitraġġ li jikkonċernaw xogħlijiet b’konnessjoni mal-proġett ta’ kostruzzjoni li jitwettqu saż-żmien meta tibda tintuża l-konnessjoni fissa huma koperti mir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali, anki jekk il-każijiet ta’ arbitraġġ jiġu konklużi jew mibdija biss wara li tkun bdiet tintuża. Madankollu, l-obbligi għal, pereżempju, it-tiswija, l-operat u l-manutenzjoni tal-konnessjoni fissa u kwalunkwe xogħlijiet ġodda li jitwettqu wara li tkun bdiet tintuża mhux se jkunu koperti mir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali skont is-subtaqsima 4. Bl-istess mod, l-obbligi finanzjarji li assumew il-kumpaniji fil-fażi tal-kostruzzjoni, iżda li mhumiex marbuta mal-kostruzzjoni attwali tal-proġett ta’ kostruzzjoni, mhux se jkunu koperti mir-responsabbiltà tal-gvern ċentrali”.

(126)  Din il-garanzija ma tapplikax għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-proġett. Kwalunkwe obbligu relatat mat-tiswija, l-operat u l-manutenzjoni tal-Konnessjoni Fissa jew kwalunkwe xogħol ġdid imwettaq wara li tibda tintuża l-Konnessjoni huma strettament esklużi.

(127)   ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.

(128)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 12.

(129)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 14.

(130)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 24.

(131)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 15.

(132)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 23.

(133)  https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/work_plan_wpiii.pdf, p. 35.

(134)  Il-Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 16.

(135)  Il-Kuritur Skandinavja-Mediterran jirrappreżenta assi kruċjali Tramuntana-Nofsinhar għall-ekonomija Ewropea. Il-kuritur jestendi mill-Finlandja u l-Iżvezja fit-Tramuntana, sal-gżira ta’ Malta fin-Nofsinhar, inklużi d-Danimarka, it-Tramuntana, iċ-Ċentru u n-Nofsinhar tal-Ġermanja, iż-żoni ċentrali industrijali tat-Tramuntana tal-Italja u l-portijiet fin-Nofsinhar tal-Italja. L-aktar proġetti sinifikanti fuq il-kuritur huma l-Konnessjoni Fissa tal-Fehmarn Belt u l-mina tal-Bażi ta’ Brenner, inklużi r-rotot ta’ aċċess tagħhom, ara https://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/scandinavian-mediterranean_en.

(136)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, ĠU L 348 tal-20.12.2013, p. 1.

(137)  Studju mħejji għall-Ministeru Daniż tat-Trasport minn Incentive tal-5 ta’ Jannar 2015, kif rivedut u aġġornat minn studju tas-27 ta’ Marzu 2015.

(138)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 17.

(139)  Il-premessa 144 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ semmiet b’mod żbaljat li l-analiżijiet tas-sensittività twettqu fil-kuntest tal-istudju aġġornat.

(140)  Dawn l-ispejjeż mhumiex relatati mal-każ attwali.

(141)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 24.

(142)  Il-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-630/15, ECLI:EU:T:2018:942, il-punti 144-181.

(143)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, ECLI:EU:C:2000:467, il-punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-458/09 P, ECLI:EU:C:2011:769, il-punt 63.

(144)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-458/09 P, ECLI:EU:C:2011:769, il-punt 64.

(145)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, T-630/15, ECLI: EU:T:2018:942, il-punt 192.

(146)   Economic Evaluation of an improved Ferry System across the Fehmarn Belt (Evalwazzjoni Ekonomika ta’ Sistema tal-Vapuri mtejba tul il-Fehmarn Belt), imħejjija minn PLANCO Konsultazzjoni ma’ GmbH għall-Ministeri Daniżi u Ġermaniżi tat-Trasport, bid-data ta’ Mejju 2000.

(147)  Ir-riżultati mill-Inkjesta tal-Interess Kummerċjali ġew ippubblikati fir-rapport: “Fehmarnbelt, An infrastructure Investment, Finance and Organisation, Ġunju 2002”.

(148)  Il-parteċipanti kienu jinkludu konsorzji li jikkonsistu f’kuntratturi, operaturi u banek, minn naħa waħda, u kumpaniji individwali, prinċipalment banek, kumpaniji tal-inġinerija u assiguraturi, min-naħa l-oħra.

(149)  Il-Prinċipji ta’ Ħidma tal-Mudell ta’ Garanzija tal-Istat Daniż u l-Esperjenza bi Proġetti Infrastrutturali fuq Skala Kbira, Settembru 2014 u r-rata ta’ redditu interna tal-Konnessjoni Fissa u l-intensità tas-sussidji tal-gvern.

(150)  Komunikazzjoni tal-IPCEI, il-paragrafu 28.

(151)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(152)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).

(153)  Arkivju tad-data ta’ Aswath Damodaran “Ratings, Spreads and Interest Coverage Ratios” 1/2019.

(154)  Pablo Fernandez et al. 2019: “Market Risk Premium and Risk-Free Rate used for 69 countries in 2019: a survey”. Bejn Frar u Marzu 2019, ir-riċerkaturi wettqu stħarriġ li fih ikkuntattjaw lill-professuri tal-finanzi u l-ekonomija, kif ukoll lill-analisti u l-maniġers tal-kumpaniji. Abbażi ta’ 1836 risposta, huma jipprovdu statistika deskrittiva tar-rati mingħajr riskju u tal-primjums tar-riskju tas-suq għal 69 pajjiż.

(155)  Arkivju tad-data ta’ Aswath Damodaran “Risk Premiums for Other Markets” 1/2019.

(156)  Arkivju tad-data ta’ Aswath Damodaran “Levered and Unlevered Betas by Industry”, Jannar 2019.

(157)  https://www.fm.dk/publikationer/2019/opdateret-2025-forloeb-okt-2019.

(158)  Danmarks Nationalbank jipprovdi r-rendimenti tal-bejgħ attwali u tal-passat ta’ bonds tal-gvern.

(159)  Pablo Fernandez et al. 2019: “Market Risk Premium and Risk-Free Rate used for 69 countries in 2019: a survey”. Bejn Frar u Marzu 2019, ir-riċerkaturi wettqu stħarriġ li fih ikkuntattjaw lill-professuri tal-finanzi u l-ekonomija, kif ukoll lill-analisti u l-maniġers tal-kumpaniji. Abbażi ta’ 1836 risposta, huma jipprovdu statistika deskrittiva tar-rati mingħajr riskju u tal-primjums tar-riskju tas-suq għal 69 pajjiż.

(160)  Bl-applikazzjoni tal-formuli ta’ hawn fuq, il-kost tal-ekwità huwa ugwali għal 1.5 % + 0.89 * 6 % + 2 % = 8.84 %, filwaqt li l-kost tad-dejn jikkorrespondi għal 1.5 % + 1.5 % = 3 %. Il-ponderazzjoni taż-żewġ komponenti tagħti l-WACC ta’ 50 % * 8.84 % + 50 % * 3 % * (1-22 %) = 5.59 %.

(161)  L-użu tas-suppożizzjoni proposta ta’ rata mingħajr riskju li tvarja skont iż-żmien (b’medja ta’ 3.5 %) iwassal għal ċifri tal-WACC ta’ bejn 4 % u 8.3 %.

(162)  L-Avviż dwar il-Garanziji, fit-taqsima 4.1., jistabbilixxi li l-ekwivalenti annwali tal-għotja ta’ flus kontanti li jirriżultaw jenħtieġ li jiġu skontati għall-valur preżenti tagħhom bl-użu tar-rata ta’ referenza. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ skont, ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6, tispeċifika li r-rati ta’ referenza u ta’ skont jiġu applikati bħala indikatur għar-rata tas-suq. Il-Komunikazzjoni tuża l-IBOR ta’ sena bħala bażi għall-kalkolu u tikkjarifika li l-marġini jiddependi fuq il-klassifikazzjoni tal-impriża u l-kollateral, iżda wkoll fuq l-istorja tal-kreditu. Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tuża maturitajiet iqsar jew itwal adattati għal ċerti każijiet. Minħabba n-natura fit-tul tal-proġett u l-fatt li l-ekwivalenti annwali ta’ flus kontanti nfushom huma bbażati fuq id-differenza bejn il-WACC u r-rata mingħajr riskju, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li f’dan il-każ jenħtieġ li jintuża wkoll il-WACC bħala rata ta’ skont.

(163)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 322/81, ECLI:EU:C:1983:313, il-punt 57; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2011, Konkurrensverket vs TeliaSonera Sverige, C-52/09, ECLI:EU:C:2011:83, il-punt 24.

(164)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastruttura (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).

(165)  Id-Direttiva 2012/34/UE.

(166)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-356/15, ECLI:EU:T:2018:439, il-punti 516 u s-Sentenza ta’ Castelnou ċċitata fiha: Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T-57/11, ECLI:EU:T:2014:1021, il-punti 189 sa 191.

(167)  Barra minn hekk, il-garanziji eżistenti għandhom kundizzjonijiet minimi komparabbli għall-mobilizzazzjoni.

(168)  Il-Kunsill KEE: Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li jenħtieġ li jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).