European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1429

15.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1429

tal-15 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319, u b’hekk tistabbilixxi qafas iddedikat għal miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Haiti u għal azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Haiti, kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew qal li kien għadu mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti u appella għal sanzjonijiet ġodda mmirati kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-vjolenza, bl-għan li jgħin sabiex jerġa’ jkun hemm il-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Haiti.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, ta’ sigurtà u umanitarja li qed tiddeterjora fil-Haiti, inkluż ir-riżultati taż-żieda fil-vjolenza minn gruppi organizzati, l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr waqfien imwettqa mill-gruppi organizzati, u l-impunità kontinwa għall-awturi, jenħtieġ li tliet persuni jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 307, 28.11.2022, p. 135, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2319/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1574 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 192, 31.7.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1574/oj).


ANNESS

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mat-tabella taħt l-intestatura “A. Lista ta’ persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 2a(1) u fl-Artikolu 3a(1)”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“4.

Micanor ALTÈS

magħruf ukoll bħala Monel Felix, Micanord;

Mikano;

Wa Mikanò; King Micanor;

Alfred Mones

Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat Wharf Jérémie

Nazzjonalità: Haitjana

Sess: raġel

Indirizz: Neighbourhood of Wharf Jérémie, near La Saline, Port-au-Prince, Haiti

Micanor Altès huwa l-kap tal-grupp organizzat Wharf Jérémie. Wharf Jérémie huwa kwartier kostali fiż-żona ta’ La Saline ta’ Port-au-Prince. Din iż-żona ilha taħt il-kontroll tal-grupp organizzat immexxi minn Micanor Altès għal aktar minn għaxar snin.

Taħt il-kmand tiegħu, il-grupp huwa responsabbli għall-massakru ta’ 207 persuna bejn is-6 u l-11 ta’ Diċembru 2024 fid-distrett ta’ Wharf Jérémie. Il-massakru seħħ wara l-mewt tat-tifel ta’ Altès, li kien għadu kif twieled, minn marda mhux magħrufa. Konvint li anzjani li jipprattikaw il-Voodoo fiż-żona taħt il-kontroll tiegħu kienu għamlu seħer fuq it-tifel tiegħu, il-kap tal-grupp organizzat, ordna l-eżekuzzjoni tal-abitanti kollha ta’ ’l fuq minn 60 sena li jipprattikaw il-Voodoo, wara li ħatfuhom.

Għalhekk, Micanor Altès huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali.

15.7.2025

5.

Christ-Roi CHÉRY

magħruf ukoll bħala Kris-La; Krisla; Chrisla; Chrislat

Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat TI Bwa (affiljat ma’ Viv Ansanm/Koalizzjoni ta’ gruppi organizzati G9)

Nazzjonalità: Haitjana

Sess: raġel

Indirizz: Commune of Carrefour, Metropolitan region of Port-au-Prince, Haiti

Christ-Roi Chéry huwa l-kap tal-grupp organizzat Ti Bwa, li huwa affiljat mal-koalizzjoni tal-gruppi organizzati Viv Ansanm (imsejħa wkoll G9) fil-Haiti.

Minn Frar 2024, il-grupp organizzat Ti Bwa ikkontrolla l-komun ta’ Carrefour.

Taħt il-kmand ta’ Christ-Roi Chéry, il-grupp Ti Bwa huwa involut fi vjolenza u attivitajiet kriminali fil-Haiti, inkluż qtil, serq, stupru, ħtif ta’ merkanzija u trakkijiet, estorsjoni, qtil immirat u traffikar tad-droga.

Għalhekk, Christ-Roi Chéry huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali li jippromwovu l-vjolenza, inkluż reklutaġġ furzat ta’ tfal minn tali gruppi u networks, ħtif ta’ persuni, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru.

15.7.2025

6.

Jeff LAROSE

magħruf ukoll bħala Jeff; Gwo Lwa; Taliban

Funzjoni: Kap tal-grupp organizzat Canaan

(affiljat mal-koalizzjonijiet ta’ gruppi organizzati G-Pép u Viv Ansanm)

Nazzjonalità: Haitjana

Sess: raġel

Indirizz: Canaan, Metropolitan region of Port-au-Prince, Haiti

Jeff Larose huwa l-kap tal-grupp organizzat Canaan, li huwa affiljat mal-koalizzjonijiet ta’ gruppi organizzati G-Pép u Viv Ansanm fil-Haiti.

Il-grupp organizzat Canaan jikkontrolla l-lokalitajiet ta’ Canaan, Onaville, Jerusalem, Corail, Rosemberg, Lilavois, Bon Repos, li kollha jinsabu fiż-żona metropolitana ta’ Port-au-Prince. Il-grupp estenda l-kontroll tiegħu lil hinn mit-territorju oriġinali tiegħu u jopera wkoll f’Mirebalais (dipartiment taċ-Ċentru).

Taħt il-kmand ta’ Jeff Larose, il-grupp organizzat Canaan huwa involut fi vjolenza u attivitajiet kriminali fil-Haiti, inkluż ħtif ta’ persuni, approprjazzjoni ta’ art, stupru, serq mid-djar, ħtif ta’ merkanzija u vetturi, talbiet għal riskatt, qtil u traffikar tad-droga.

Għalhekk, Jeff Larose huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Haiti, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali li jippromwovu l-vjolenza, inkluż reklutaġġ furzat ta’ tfal minn tali gruppi u networks, ħtif ta’ persuni, omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru.

15.7.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1429/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)