|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2380 |
24.11.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2380
tat-18 ta’ Novembru 2025
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Bracket b’forma speċjali, magħmul minn wajer tal-azzar inossidabbli reżistenti għas-sħana, użat bħala retainer għall-element tat-tisħin ta’ grilja elettrika. Il-wajer reżistenti għas-sħana jista’ jirreżisti s-sħana sa temperatura ta’ 800 °C. L-oġġett għandu dimensjonijiet speċifiċi biex joqgħod f’tip speċifiku ta’ apparat tal-grilja u għandu t-truf milwija, sabiex il-bracket ikun jista’ jitwaħħal f’toqba fil-qiegħ tal-housing tal-grilja (bieqja). It-truf tiegħu huma milwija biex jippermettu li l-bracket jitwaħħal b’mod sigur f’toqba apposta f’qiegħ il-grilja. Ir-retainer huwa ddisinjat biex iżomm l-element tat-tisħin fil-pożizzjoni xierqa, billi jsostni l-piż tiegħu u billi jżommu sew f’postu. L-oġġett ma jwettaq l-ebda funzjoni addizzjonali (eż. tisħin). Ara l-istampi (*1). |
7326 20 00 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 7326 u 7326 20 00. L-oġġett huwa komponent importanti tal-grilja tal-elettriku. Huwa maħsub biex isostni u jżomm l-element tat-tisħin f’postu, u b’hekk jiżgura distribuzzjoni konsistenti u uniformi tas-sħana fis-superfiċe tat-tisjir/fil-gradilja, jnaqqas ir-riskju ta’ perikli elettriċi u jestendi t-tul tal-ħajja kemm tal-element tat-tisħin kif ukoll tal-grilja. Madankollu, abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, l-oġġett mhuwiex identifikabbli bħala parti adattata għall-użu biss jew prinċipalment ma’ apparati elettrotermiċi tal-intestatura 8516. Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8516, bħala parti tal-grilja tal-elettriku hija eskluża. (Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża C-336/11, Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe GmbH et., ECLI:EU:C:2012:500, il-paragrafi 34 u 35.) Konsegwentement, il-bracket tal-azzar għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti tiegħu, taħt l-intestatura 7326 bħala oġġett ieħor tal-ħadid jew tal-azzar. Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7326 20 00 bħala oġġett tal-wajer tal-ħadid jew tal-azzar. |
|
|
|
(*1) L-istampi huma purament għall-informazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2380/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)