Brussell, 12.2.2026

COM(2026) 66 final

2026/0042(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fir-rigward tal-Emendi 3, 12 u 15 tal-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna:

(i)il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization), fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent;

(ii)il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO tħabbar l-adozzjoni tal-Emendi 15, 12 u 3 għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago – Protezzjoni tal-Ambjent, filwaqt li tistieden lill-Istati Kontraenti tagħha jinnotifikaw kwalunkwe differenza mill-miżuri adottati jew il-konformità magħhom.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

L-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO u fih huma msieħba 36 Stat Kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ 3 snin. Franza, il-Ġermanja, l-Italja, id-Danimarka, Spanja u l-Polonja bħalissa huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

L-UE għandha status ta’ osservatur fl-ICAO.

2.3.L-atti previsti tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs) dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-Anness 16 għandu erba’ volumi. It-tliet volumi rilevanti għal din il-proposta għandhom il-kamp ta’ applikazzjoni li ġej:

–il-Volum I jikkonċerna Standards u Prattiki Rakkomandati relatati mal-istorbju tal-inġenji tal-ajru;

–il-Volum II jikkonċerna Standards u Prattiki Internazzjonali relatati mal-emissjonijiet mill-magni tal-inġenji tal-ajru;

–il-Volum III jikkonċerna Standards u Prattiki Rakkomandati relatati mal-emissjonijiet tad-CO2 tal-ajruplani.

Fil-237 Sessjoni tiegħu mit-23 ta’ Marzu sat-2 ta’ April 2026, il-Kunsill tal-ICAO jenħtieġ li jikkunsidra bidliet possibbli għal dawn il-Volumi. F’Lulju 2025, intbagħtu Ittri lill-Istati 1 , lill-Istati tal-ICAO bil-bidliet mistennija għall-kummenti tagħhom.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1. L-emendi proposti u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

Jenħtieġ li, qabel il-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO li se tibda fit-23 ta’ Marzu 2026, tiġi adottata l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet dwar il-bidliet proposti.

Fir-rigward tal-Volum I, l-emendi proposti mistennija, kif stabbiliti fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu aġġornamenti tad-definizzjonijiet fil-Parti I dwar verżjonijiet derivati, biż-żieda tad-definizzjoni għal ajruplani supersoniċi u b’titjib tipografiku, editorjali u ieħor. Il-proposta tinkludi wkoll standard ġdid għall-istorbju waqt l-inżul u t-tlugħ (LTO, landing and take-off) għall-ajruplani supersoniċi (il-Kapitolu 15 il-ġdid), u standard ġdid għall-istorbju LTO għall-ajruplani subsoniċi (il-Kapitolu 16 il-ġdid).

Fir-rigward tal-Volum II, l-emendi proposti mistennija, kif stabbilit fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu:

(a)titjib lingwistiku fir-rigward tal-applikabbiltà u l-introduzzjoni tat-termini l-ġodda “magna referenzjarja” u “kriterji ta’ ebda bidla fl-emissjonijiet” biex jiżdiedu l-konsistenza u ċ-ċarezza prattika għall-utenti;

(b)aġġornamenti tas-simboli u tad-definizzjonijiet biex ikunu konsistenti mal-Appendiċi 3 għall-użu fil-kalkoli tal-indiċijiet tal-emissjonijiet, u l-introduzzjoni ta’ tliet metodi biex tiġi ddeterminata l-konċentrazzjoni massima tal-massa ta’ materja partikulata mhux volatili (nvPM, non-volatile particulate matter) u tliet metodi biex jiġu ddeterminati l-indiċijiet massimi tal-emissjonijiet tal-massa u tan-numru ta’ nvPM;

(c)l-introduzzjoni ta’ rekwiżit ġdid ta’ rapportar tal-punt taċ-ċertifikazzjoni nvPM għal 57,5 % tal-forza propulsiva nominali għal-lista ta’ punti ta’ referenza li għandhom jiġu ddeterminati għall-emissjonijiet tal-massa u tan-numru ta’ nvPM;

(d)allinjament tad-dispożizzjonijiet mal-Prattiki Rakkomandati Ajruspazjali tal-SAE ARP6320B “Procedure for the Continuous Sampling and Measurement of Non-volatile Particulate Matter Emissions from Aircraft Turbine Engines” u ARP6481A “Procedure for the Calculation of nvPM Sampling and Measurement System Losses and System Loss Correction Factors”.

Fir-rigward tal-Volum III, l-emendi proposti mistennija, kif stabbilit fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu:

(a)l-introduzzjoni ta’ standard tad-CO2 ġdid għall-ajruplani subsoniċi b’limiti aktar stretti minn 10 % / 3 % għall-ajruplani kbar/żgħar b’data tal-applikabbiltà fil-31 ta’ Diċembru 2031 għat-tipi ġodda ta’ ajruplani, u standard tal-emissjonijiet aktar strett għat-tipi ta’ ajruplani diġà fil-produzzjoni applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2035;

(b)aġġustamenti biex jiżdiedu ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tat-termini, u biex jiġi żgurat l-indirizzar adegwat u korrett tal-metodi differenti ta’ konformità (ittestjar dirett tat-titjiriet u mudelli ta’ prestazzjoni), għall-fini tad-determinazzjoni tal-medda tal-ajru speċifika (SAR, specific air range) u proċeduri ta’ rapportar.

L-emendi proposti kollha huma previsti li jsiru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2027.

Is-suġġett tal-att previst jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE peress li l-atti previsti jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari:

–ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 2 ; u

–Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-ajrunavigabbiltà u tal-protezzjoni ambjentali jew id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-inġenji tal-ajru u tal-prodotti, tal-partijiet, tat-tagħmir, tal-unitajiet tal-kontroll u tal-monitoraġġ relatati u komponenti ta’ unitajiet tal-kontroll u tal-monitoraġġ, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni 3 .

3.2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea

Wara li kkunsidrat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-emendi proposti għall-Volumi I, II u III.

L-emendi proposti għall-istandards huma pass importanti ’l quddiem, f’konformità mal-politiki tal-Unjoni u jenħtieġ li jintlaqgħu tajjeb. Filwaqt li xi emendi jistgħu diġà jallinjaw mal-prattiki eżistenti ta’ xi manifatturi u jistgħu ma jirrikjedux bidliet radikali fid-disinn jew l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill tal-ICAO hija konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, tippromwovi l-konsistenza fil-livell globali u trawwem ambjent pożittiv għal innovazzjoni kontinwa.  

Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-emendi proposti għall-Anness 16 – Protezzjoni tal-ambjent mingħajr bidliet sostanzjali, jenħtieġ li tkun li ma tiġix notifikata diżapprovazzjoni, iżda li jkun hemm konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva lill-Istati tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward id-differenzi minn dawk l-Istandards partikolari, abbażi tad-dokument preparatorju li l-Kummissjoni ppreżentat fiż-żmien preskritt lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni.

4.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti u komplementari ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikulari l-politiki tal-enerġija, tal-ambjent u tat-trasport.

5.Bażi legali

5.1.Bażi legali proċedurali

5.1.1. Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim 4 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 5 .

5.1.2 Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-atti previsti għandhom effett legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali (SARPs, Standards and Recommended Practices), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali SARPs huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago sa fejn isiru vinkolanti għall-partijiet kontraenti kollha tal-ICAO sakemm il-maġġoranza ta’ dawn tal-aħħar ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO.

Barra minn hekk, billi potenzjalment iwasslu għal emendi, l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, sa fejn jirreferu b’mod espliċitu għall-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ notifiki bħal dawn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.2.Bażi legali sostantiva

5.2.1 Prinċipju

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att adottat li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

5.2.2 Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att adottat huma relatati mal-politika tat-trasport.

F’konformità mal-Artikolu 192(1) u 191 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi, inter alia, għat-twettiq tal-objettivi li ġejjin: il-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

Il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

5.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2026/0042 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fir-rigward tal-Emendi 3, 12 u 15 tal-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization).

(2)L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Hemm sitt Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs, Standards and Recommended Practices) Internazzjonali.

(4)Is-SARPs dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(5)Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-237 Sessjoni tiegħu, se jadotta għadd ta’ emendi għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-emendi proposti għandhom effett legali, minħabba li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 6 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 7 .

(7)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-Emendi proposti 3, 12 u 15 għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li jkunu membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu konġuntament f’isem l-Unjoni.

(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda proposti 3, 12 u 15 għall-Anness 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz tal-proċedura ta’ Ittra tal-ICAO lill-Istati, jenħtieġ li tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li tikkonforma mal-emendi. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-SARPs, id-differenza minn dawk l-SARPs partikolari jenħtieġ li tiġi notifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta ma’ differenza bħal din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-237 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-Emendi 3, 12 u 15 għall-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti fl-intier tagħhom.

(2)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr bidliet sostanzjali l-Emendi proposti 3, 12 u 15 tal-Anness 16, il-Volumi I-III, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li jkun hemm konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-istandards internazzjonali li jkun għadhom kif ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards, differenza minn dawk l-istandards internazzjonali partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards fl-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien preskritt u mill-inqas xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li jkunu se jiġu notifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    SL 25/68, SL 25/69, u SL 25/67.
(2)    ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(3)    ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(5)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(7)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).