|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3209 |
23.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3209
tat-12 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 li tawtorizza lill-Ungerija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprovdi li kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq provvista taxxabbli ta’ oġġetti jew servizzi, bħala regola ġenerali, hija responsabbli mill-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 (2) awtorizzat lill-Ungerija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE rigward il-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT f’każijiet meta ċerti provvisti jitwettqu minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha (il-“miżura speċjali”). |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1775 (3) estendiet il-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta’ Ġunju 2024, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (it-“talba”). Dik it-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħrajn permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2024. B’ittra datata d-9 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba. |
|
(6) |
L-Ungerija ssostni li l-persuni taxxabbli f’likwidazzjoni jew taħt proċedura ta’ insolvenza ta’ sikwit ma jħallsux il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, ix-xerrej, li huwa persuna taxxabbli bid-dritt għal tnaqqis, jista’ xorta jnaqqas il-VAT mġarrba, u dan ikollu impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija irreġistrat ukoll każijiet ta’ frodi fejn il-kumpaniji f’likwidazzjoni joħorġu fatturi fittizji lil kumpaniji attivi u jnaqqsu b’mod sostanzjali t-taxxa pagabbli, mingħajr il-garanzija li l-emittent tal-fatturi jħallas il-VAT dovuta. |
|
(7) |
L-Artikolu 199(1), il-punt (g), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti lill-Istati Membri jistipulaw li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsirilha l-forniment ta’ proprjetà immobbli mibjugħa minn debitur tas-sentenza fi proċedura ta’ bejgħ obbligatorju (il-“mekkaniżmu tar-reverse charge”). Il-miżura speċjali tippermetti lill-Ungerija testendi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti oħra minn persuni taxxabbli taħt proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri l-provvista ta’ oġġetti kapitali u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi oħra b’valur tas-suq miftuħ li jaqbeż il-HUF 100 000. |
|
(8) |
Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq dawk it-tipi ta’ tranżazzjonijiet issimplifikat effettivament il-ġbir tat-taxxa u ppreveniet l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa. L-implimentazzjoni tal-miżura llimitat it-telf għad-dħul pubbliku u ġġenerat dħul baġitarju addizzjonali. |
|
(9) |
L-estensjoni mitluba tal-miżura speċjali għandha tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti lill-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa tintroduċi miżuri konvenzjonali oħra, biex tindirizza l-frodi tal-VAT u biex tnaqqas it-telf għall-finanzi pubbliċi. L-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri konvenzjonali se tagħmel l-estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali inutli. Id-deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar istanza. Barra minn hekk, l-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali għandha tiġi estiża biss sal-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(10) |
Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT. |
|
(11) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026 ”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 tal-25 ta’ Mejju 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 134, 31.5.2018, p. 10).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1775 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 li tawtorizza lill-Ungerija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 110).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3209/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)