Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑30 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑157/25
Administratie Douane & Accijnzen – Regio Antwerpen,
Openbaar Ministerie
Proċedura kriminali
vs
NV Jas Forwarding Worldwide (Belgium),
Gerlach & Co. NV,
BO BayWa r.e. Solar Systems SARL,
BO bejulo,
BO Memodo,
BO Densys pv5,
BO HelioActive Rendszerintegrator,
BO Donauer Solar Systems
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il‑Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Dazji antidumping u kumpensatorji – Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/184, 2016/185, 2017/366 u 2017/367 – Importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi assemblati fil-Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam b’ċelloli fotovoltajiċi mmanifatturati fil-Malasja jew fit-Tajwan – Kunċett ta’ ‘ikkunsinnati mill-Malasja jew mit-Tajwan’ – Dikjarazzjoni doganali – Pajjiż ta’ kunsinna – Indikazzjoni kodiċi ta’ merkanzija – Prova ta’ eżenzjoni”
I. Introduzzjoni
1. Fil-kuntest preżenti tal-kummerċ internazzjonali, li huwa kkaratterizzat mill-possibbiltà li l-proċessi tal-manifattura, jew partijiet minnhom, jiġu faċilment rilokati, sar dejjem iktar faċli li jidħlu fis-seħħ prattiki, bħal operazzjonijiet minuri ta’ assemblaġġ, intiżi li jiġu evitati miżuri ta’ difiża tal-kummerċ bħad-dazji antidumping jew dawk kontra s-sussidji. F’xenarju bħal dan, huwa fundamentali li l-Unjoni Ewropea tkun f’pożizzjoni li jkollha strumenti adegwati ta’ difiża tal-kummerċ, maħsuba sabiex jiżguraw ir-restawr ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u sabiex jinnewtralizzaw il-vantaġġi inġusti li jirriżultaw minn prattiki ta’ dumping jew minn sussidji governattivi barranin li jikkawżaw preġudizzju lill-industrija tal-Unjoni (2).
2. F’dan il-kuntest, il-miżuri kontra l-evitar adottati mill-Unjoni, bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, għandhom rwol fundamentali. Madankollu, l-implimentazzjoni prattika ta’ tali miżuri tista’ tqajjem diffikultajiet mhux żgħar fl-Istati Membri u toħloq sitwazzjonijiet ta’ inċertezza legali f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn implikazzjonijiet ekonomiċi sinjifikattivi u minn konsegwenzi potenzjalment gravi, saħansitra ta’ natura kriminali, għall-operaturi kkonċernati, b’mod partikolari għall-importaturi.
3. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa eżempju ta’ diffikultà bħal din. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba, b’mod partikolari, tikkjarifika b’liema mod miżuri kontra l-evitar ta’ dazji antidumping u kumpensatorji li jikkonċernaw moduli fotovoltajċi jistgħu jiġu applikati f’każijiet fejn dawn il-moduli ma jintbagħtux direttament mill-pajjiżi suġġetti għal tali miżuri kontra l-evitar (kunsinna indiretta). Barra minn hekk, dan il-każ joffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkjarifika r-relazzjoni, kultant kumplessa, bejn il-leġiżlazzjoni doganali, minn naħa, u dik antidumping u kontra s-sussidji, min-naħa l-oħra. Kif magħruf, dawn is-sistemi għandhom tendenza li jikkoinċidu, peress li, fil‑maġġoranza tal-każijiet, kemm id-dazji doganali kif ukoll id-dazji antidumping jew kontra s‑sussidji jiġu rkuprati fl-istess ħin u mill-istess awtoritajiet, jiġifieri l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.
4. Id-domandi preliminari suġġett ta’ din il-kawża ġew magħmula fil-qafas ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra tmien kumpanniji (3) (iktar ’il quddiem: il-“kumpanniji akkużati”) quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il‑Belġju, il-qorti tar-rinviju), dwar l-evitar ta’ dazji relatati mal‑importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi mill-Malasja u mit-Tajwan.
5. Fl‑2013, il-Kunsill stabbilixxa dazju antidumping (4) u dazju kumpensatorju (5) fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin relatati (ċelloli u wafers) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
6. Fl‑2016, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-miżuri kumpensatorji u antidumping imsemmija hawn fuq kienu qed jiġu evitati permezz tal-Malasja u t-Tajwan, iddeċidiet li testendi, bl-adozzjoni tar‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 (6) u 2016/185 (7), dawn id‑dazji fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li jiġu mill-Malasja u mit-Tajwan, irrispettivament minn jekk kinux iddikjarati jew le bħala li joriġinaw mill-Malasja jew mit-Tajwan (8).
7. Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 iċċitati kienu jelenkaw il-kumpanniji ta’ produzzjoni Malasjani u Tajwaniżi li peress li kkooperaw fl-investigazzjoni, kienu ġew eżentati minn dawn id‑dazji antidumping u kumpensatorji, u kull waħda minnhom ingħatat kodiċi addizzjonali TARIC (9).
8. Dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni kienu jipprevedu wkoll li l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fir-rigward tal-kumpanniji msemmija hija suġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, ta’ fattura kummerċjali valida maħruġa mill-produttur jew mill‑ispeditur u li tinkludi dikjarazzjoni li tkun konformi ma’ ċerti formalitajiet stipulati fiha (10). Fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin, fost dawn il-formalitajiet kienet prevista l-indikazzjoni tal-kodiċi addizzjonali TARIC kemm tal-produttur tal‑moduli kif ukoll tal-produttur taċ-ċelloli fotovoltajċi. Dawn ir‑regolamenti ta’ implimentazzjoni kienu jispjegaw ukoll li jekk tali fattura ma tiġix ippreżentata u/jew fid-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma jingħatawx l-imsemmija kodiċi addizzjonali TARIC, tiġi applikata r-rata tad-dazji kumpensatorji jew antidumping applikabbli lill‑“kumpaniji l-oħra kollha” stabbiliti rispettivament mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 iċċitati. Iż-żewġ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 kienu jipprevedu wkoll li, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, għandhom japplikaw id‑dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali (11).
9. Fl‑2017, wara l-bidu ta’ żewġ proċeduri ta’ rieżami, fid-dawl tal‑iskadenza prevista tal-miżuri kumpensatorji u antidumping inizjali, il‑Kummissjoni adottat ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 (12) u 2017/367 (13) li permezz tagħhom il-miżuri antidumping u kumpensatorji msemmija iktar ’il fuq, stabbiliti fl‑2013, ġew estiżi b’mod eċċezzjonali għal perijodu ta’ 18‑il xahar, u fi tmien dan il-perijodu dawn il-miżuri ma ġewx estiżi iktar (14). Dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni żammew l-eżenzjonijiet għall-produtturi esportaturi mill-Malasja u mit-Tajwan li kienu diġà eżentati mill-applikazzjoni tad-dazji antidumping u kumpensatorji skont ir-Regolamenti 2016/184 u 2016/185 (15). Għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet, dawn ir-regolamenti stabbilixxew rekwiżiti ta’ forma identiċi għal dawk imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, u inkludew ukoll ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet fis‑seħħ dwar id-dazji doganali (16).
10. Fil-fatt, bejn l‑1 ta’ Novembru 2016 u l‑4 ta’ Settembru 2018 il‑kumpanniji akkużati ppreżentaw 481 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin (iktar ’il quddiem: il-“moduli fotovoltajċi”). Dawn il-moduli kienu magħmula minn ċelloli solari prodotti fil-Malasja jew fit-Tajwan u minn hemm ittrasportati lejn il‑Korea t’Isfel jew lejn il-Vjetnam sabiex jiġu assemblati f’moduli fotovoltajċi. Sussegwentement, il-moduli ġew ittrasportati mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam lejn l-Unjoni.
11. Fid-dikjarazzjonijiet, il-kumpanniji akkużati indikaw, fil-parti l‑kbira tal-każijiet (17), il-moduli fotovoltajċi bħala li joriġinaw mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam u “kkunsinnati” mill-Korea t’Isfel jew mill‑Vjetnam, jew bħala li joriġinaw mill-Malasja jew mit-Tajwan, iżda “kkunsinnati” mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam. Dawn il-kumpanniji, sussegwentement, ma użawx il-kodiċi TARIC li jikkorrispondu mal‑moduli importati mill-Malasja jew mit-Tajwan (18). Barra minn hekk, il-moduli fotovoltajċi mhux dejjem kellhom fatturi kummerċjali li kienu jinkludu d-dikjarazzjoni mitluba mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 u 2017/366 u 2017/367 (iktar ’il quddiem, flimkien: “ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati”) u msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.
12. L-Algemene Administratie van de Douane en Accijnzen (l‑Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tad-Dazji tas-Sisa, il-Belġju, iktar ’il quddiem: l-“amministrazzjoni doganali”) ikkritikat lill-kumpanniji akkużati talli ma ddikjarawx moduli fotovoltajċi bħala li joriġinaw u li huma kkunsinnati mill-Malasja jew mit-Tajwan, dwar l‑użu ta’ kodiċi TARIC skorretti u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali previsti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
13. Għaldaqstant, fuq talba tal-amministrazzjoni doganali, inbdiet il‑proċedura kriminali inkwistjoni fil-konfront tal-kumpanniji akkużati quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-kumpanniji akkużati huma, għalhekk, kriminalment akkużati quddiem il-qorti tar-rinviju li evitaw id-dazji antidumping għal ammont totali ta’ EUR 17‑il miljun u d-dazji kumpensatorji għal ammont totali ta’ EUR 3.66 miljuni, b’rabta mal‑importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi mit-Tajwan u mill-Malasja, permezz ta’ wieħed mill-atti segwenti: l-indikazzjoni skorretta tal-pajjiż tal-oriġini bħala l-Korea t’Isfel jew il-Vjetnam, l-indikazzjoni skorretta tal-pajjiż ta’ “kunsinna” bħala l-Korea t’Isfel jew il-Vjetnam, l-użu ta’ kodiċi TARIC skorrett, u/jew in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti kummerċjali mitluba.
14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi r‑responsabbiltà kriminali tal-kumpaniji akkużati fir‑rigward ta’ tali atti. Filwaqt li titlaq mill-premessa li l-moduli fotovoltajċi inkwistjoni kellhom jiġu ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malasja u mit-Tajwan peress li ġew immanifatturati b’ċelloli li għandhom dan l-oriġini, din il‑qorti tistaqsi jekk dawn il-moduli fotovoltajċi kellhomx jiġu ddikjarati bħala li huma “kkunsinatti” mill-Malasja jew mit-Tajwan skont ir‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati bl-użu tal-kodiċi TARIC applikabbli għall-moduli fotovoltajċi importati mill-Malasja jew mit-Tajwan.
15. Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tar-riferimenti li jinsabu f’dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni doganali, jista’ jiġi kkunsidrat dak li hu previst fir‑rigward tal‑kaxxa 15 li tinsab fit‑Titolu II.C (19) tal-Appendiċi C1 tal-Anness 9 tar-Regolament Delegat 2016/341 (20) intitolata “[p]ajjiż tal-ispedizzjoni/esportazzjoni”. Skont din id-dispożizzjoni u bħala konsegwenza, l-ewwel nett, tat‑tranżazzjoni kummerċjali u, it-tieni nett, ta’ waqfa li ma kinitx relatata mat-trasport, il-“pajjiż ta’ kunsinna” tal-moduli fotovoltajċi ma għandux jitqies iktar li huwa l-Malasja jew it-Tajwan, iżda l-Korea t’Isfel jew il‑Vjetnam.
16. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tosserva li skont parir tas‑servizz legali tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ April 2019 indirizzat lill‑OLAF (21), it-terminu “kkunsinnati minn” użat fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’, b’tali mod li jinkludi wkoll il-kunsinna indiretta ta’ ċelloli solari mill-Malasja jew mit-Tajwan, li jiġu assemblati f’pajjiżi terzi sabiex isiru moduli fotovoltajċi.
17. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni tidher, madankollu, li tiddevja minn dak previst fir-Regolament Delegat 2016/341 u tidher ukoll li hija diffiċli biex tiġi rrikkonċiljata mas-sistema ta’ eżenzjonijiet prevista fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, sabiex tgawdi minn tali eżenzjoni fil-każ ta’ moduli fotovoltajċi, id‑dikjarazzjoni għandha tindika b’mod mandatorju żewġ kodiċi supplementari TARIC, jiġifieri l-kodiċi tal-produttur tal-moduli u dak tal-produttur taċ-ċelloli. Madankollu, il-kodiċi supplementari TARIC tal-produttur tal-moduli fotovoltajċi ma jistax jiġi indikat jekk huma biss iċ-ċelloli li ġew immanifatturati fil‑Malasja jew fit-Tajwan.
18. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id‑dikjarazzjonijiet fuq il-fatturi maħruġa mill-kumpanniji akkużati jissodisfawx ir-rekwiżiti formali previsti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, u jekk l-elementi kollha tad-dikjarazzjoni humiex essenzjali għall-validità tagħha jew inkella jekk l-importaturi jistgħux jużaw mezzi oħra ta’ prova sabiex juru l-korrettezza ta’ tali dikjarazzjonijiet.
19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċedura kriminali u li tagħmel tliet domandi preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja. Madankollu, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il‑konklużjonijiet ser ikunu ffukati fuq l-ewwel u t-tielet domanda li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi:
“1. Moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin, assemblati fil‑Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam b’ċelloli fotovoltajċi mmanifatturati fil‑Malasja jew fit-Tajwan u mbagħad importati fl-Unjoni Ewropea mill‑Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam, għandhom jitqiesu li huma “ikkunsinnati mill-Malasja jew mit-Tajwan” fis-sens tar-Regolament[i ta’ Implimentazzjoni 2016/184, 2016/185, 2017/366 u 2017/367], b’tali mod li l-moduli jew il-pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin ikollhom jiġu ddikjarati bl-indikazzjoni tal-Malasja jew tat-Tajwan bħala ‘pajjiż ta’ kunsinna’ u bl-indikazzjoni tal-kodiċi ta’ merkanzija li jikkorrispondu għal moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin ‘importati mill‑Malasja jew mit-Tajwan?’[…]
3. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni magħmula fil-fatturi kummerċjali debitament stabbiliti għandha ssegwi kelma b’kelma l-formulazzjoni u r‑rekwiżiti (formali) previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367 kif ukoll fl-Artikolu 1(2) tar‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185, jew wieħed jista’ jitbiegħed minn din il-formulazzjoni u minn dawn ir-rekwiżiti (formali) kemm-il darba jkunu jistgħu jiġu invokati, jew le, provi oħra insostenn tan-natura eżatta u awtentika tad-dikjarazzjoni magħmula fil‑fattura?”
II. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
20. L-ewwel domanda preliminari tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” kif użati fir‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati (22), fir-rigward tal‑moduli fotovoltajċi assemblati fil-Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam b’ċelloli fotovoltajiċi mmanifatturati fil-Malasja jew fit-Tajwan u mbagħad importati fl-Unjoni mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam. Min‑naħa l-oħra, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l‑konsegwenzi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ tali termini fuq l‑obbligi ta’ natura doganali (b’mod speċifiku, fuq l-indikazzjoni tal‑pajjiż ta’ kunsinna u fuq l-użu tal-kodiċi ta’ merkanzija rilevanti) għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-imsemmija moduli.
21. B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li l-moduli fotovoltajċi inkwistjoni, minkejja li assemblati fil-Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam, joriġinaw mill-Malasja u mit-Tajwan. Fil-fatt, l-oriġini tal-moduli fotovoltajċi hija ddeterminata minn dik taċ‑ċelloli fotovoltajiċi (23), li, fil-każijiet inkwistjoni, joriġinaw mill‑Malasja u mit-Tajwan. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma għalhekk limitati għall-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-każijiet, dawn il-moduli għandhomx jiġu kkunsidrati anki bħala “kkunsinnati mill‑Malasja u mit-Tajwan” skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
1. Fuq l-interpretazzjoni tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati
22. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew proposti, essenzjalment, żewġ interpretazzjonijiet possibbli tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit‑Tajwan” kif użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. Skont l-ewwel approċċ, sostnut mill-kumpanniji akkużati quddiem il‑qorti tar-rinviju, għandha tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn it-termini, fis-sens li dawn jirreferu esklużivament għall‑“kunsinna” diretta ta’ moduli fotovoltajċi mill-Malasja jew mit‑Tajwan. Din l-interpretazzjoni tkun koerenti mal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ kunsinna/esportazzjoni” skont il-leġiżlazzjoni doganali (24) u, konsegwentement, twassal għall-esklużjoni tal-importazzjonijiet inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
23. Skont it-tieni approċċ, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju tal‑Belġju, għandha, għall-kuntrarju, tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn it-termini, li tkopri mhux biss is-sitwazzjonijiet ta’ kunsinna diretta mill-Malasja jew mit-Tajwan, iżda wkoll sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn il-moduli fotovoltajċi magħmula minn ċelloli fotovoltajċi mmanifatturati f’dawn iż‑żewġ pajjiżi jiġu assemblati f’pajjiżi terzi u minn hemm jiġu mibgħuta lejn l-Unjoni.
24. Għalhekk, hemm bżonn li tingħata interpretazzjoni tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” kif użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li għal dan il-għan għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil‑leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (25).
a) Fuq l-interpretazzjoni litterali
25. F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-interpretazzjoni litterali, nosserva li l-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati tiżvela xi diverġenzi terminoloġiċi sinjifikattivi.
26. Fil-fatt, l-ewwel grupp (fil-maġġoranza) ta’ verżjonijiet lingwistiċi juża termini li jidhru li jirreferi għall-att proprju tal-“kunsinna” jew tal-“ispedizzjoni” kummerċjali. B’hekk, pereżempju, il-verżjoni Ingliża tuża t-termini “consigned from Malaysia and Taiwan”, dik Ġermaniża t‑termini “aus Malaysia und Taiwan versandte Einfuhren” u dik Olandiża, lingwa tal-qorti tar-rinviju, it-termini “verzonden uit Maleisië en Taiwan”(26).
27. It-tieni grupp (fil-minoranza) ta’ verżjonijiet lingwistiċi tar‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, li fosthom hemm inkluża l-verżjoni Taljana (iżda wkoll dik Spanjola u dik Griega) (27), juża, minflok, it-terminu “proveniente”, li għalhekk jirreferi mhux għall-att ta’ kunsinna, iżda għall-“provenienza” tal-moduli fotovoltajċi.
28. Il-verżjoni Franċiża mbagħad hija differenti inkwantu tuża ż-żewġ termini. Din il-verżjoni, fil-fatt, tuża, b’mod koerenti mal-ewwel grupp, it-terminu “expédiés de” sabiex tirreferi għall-Malasja u t-Tajwan, iżda tuża t-terminu “en provenance de”, b’mod koerenti mat-tieni grupp ta’ verżjonijiet lingwistiċi, sabiex tirreferi għar-Repubblika Popolari taċ‑Ċina, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw l-istess terminu sabiex jirreferu kemm għall-Malasja u għat-Tajwan kif ukoll għar‑Repubblika Popolari taċ-Ċina.
29. L-analiżi litterali tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-termini inkwistjoni ma tippermettix għalhekk li tasal għal konklużjoni preċiża dwar it-tifsira li għandha tingħata lit-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” fis-sens tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. Minkejja li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw it-terminu “kunsinna”, b’mod koerenti mal-ewwel waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli proposti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, verżjonijiet lingwistiċi oħra minflok jużaw il-kunċett ta’ “provenjenza” li huwa eqreb għat-tieni interpretazzjoni proposta.
30. F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-istess test li l-verżjoni tiegħu f’lingwa tal-Unjoni tkun differenti minn dawk stabbiliti fil-lingwi l-oħra, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l‑għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (28).
b) Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali
31. Fir-rigward tal-analiżi sistematika, il-kuntest li fih jaqgħu t‑termini inkwistjoni huwa dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-evitar tad-dazji antidumping u kumpensatorji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 6 u 9 iktar ’il fuq, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 huma regolamenti kontra l-evitar, filwaqt li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367 huma regolamenti li, wara proċeduri ta’ rieżami (29), estendew il-miżuri antidumping u kumpensatorji inizjali relatati mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jinkludu wkoll estensjoni tal-miżuri kontra l-evitar korrispondenti stabbiliti mill‑imsemmija Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal‑2016 fir-rigward tal-Malasja u tat-Tajwan.
32. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evitar tikkostitwixxi qafas regolatorju li, minkejja li hija parti mil-leġiżlazzjoni antidumping tal-Unjoni, għandha natura speċifika ħafna u tikkostitwixxi għalhekk sistema legali speċjali f’dan il-qasam (30). Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw ukoll għal-leġiżlazzjoni kontra l‑evitar tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri kontra s-sussidji (31).
33. Minn dan isegwi li l-kunċetti u t-termini użati fil-kuntest leġiżlattiv partikolari tal-miżuri kontra l-evitar – kemm dawk antidumping jew dawk kontra s-sussidji – għandhom jiġu interpretati skont is-sistema proprja ta’ tali leġiżlazzjoni u għalhekk fid-dawl tal-għan speċifiku mfittex minn tali dispożizzjonijiet u mill-miżuri adottati abbażi tagħhom.
34. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqajjem madankollu l‑kwistjoni tal-interazzjoni bejn il-miżuri kontra l-evitar fil-qasam tal‑antidumping u kontra s-sussidji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali. Din tinnota li bl-Olandiż (bħal f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq), teżisti korrispondenza bejn it‑termini użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni u dawk użati fil‑leġiżlazzjoni doganali, li t-tnejn li huma jirreferu għall-“kunsinna” f’sens fiżiku. L-interpretazzjoni wiesgħa msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq tkun għalhekk kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali li juża termini analogi għal dawk użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
35. F’dan ir-rigward ninnota li l-leġiżlazzjoni antidumping u kontra s‑sussidji, minn naħa, u l-leġiżlazzjoni doganali, min-naħa l-oħra, għalkemm it-tnejn jindirizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni, jikkostitwixxu regolamenti distinti.
36. Fl-ewwel lok, dawn huma t-tnejn kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, iżda awtonomi (32) u huma bbażati fuq bażijiet legali li ma jaqblux għalkollox bejniethom (33). Fit-tieni lok, ifittxu għanijiet differenti. Kif diġà rrilevat iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni antidumping u kontra s-sussidji tal-Unjoni jikkostitwixxu strumenti ta’ difiża tal-kummerċ intiżi, essenzjalment, li jerġgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali fis-suq intern, billi jiġġieldu l-vantaġġi mhux dovuti li jirriżultaw minn prattiki ta’ dumping jew minn sussidji pubbliċi barranin li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni (34). Id-dritt doganali, min-naħa l‑oħra, jirregola l-ġabra ta’ regoli u proċeduri applikabbli għall‑merkanzija li tiddaħħal, jew li tinġabar, mit-territorju doganali tal‑Unjoni, u jiżgura, minn naħa, l-applikazzjoni korretta tad-dazji previsti mill-Kodiċi Doganali (35) u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli doganali fit-territorju kollu tal-Unjoni (36).
37. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li, minkejja li teżisti indipendenza funzjonali tal-miżuri antidumping fir-rigward tat‑tariffa doganali komuni (37), madankollu, il-leġiżlazzjoni doganali hija applikabbli għad-dazji antidumping jew għad-dazji kumpensatorji biss jekk ir-regolamenti li jikkostitwixxu dawn id-dazji jistipulaw dan (38). Dan huwa l-każ f’din il-kawża, fejn, kif ġie rrilevat fil-punti 8 u 9 hawn fuq, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jagħmlu riferiment espliċitu għad-“dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali”.
38. Minn dan isegwi li l-kuntest leġiżlattiv proprju tad-dritt doganali tal-Unjoni jista’, f’ċerti ċirkustanzi, isir rilevanti wkoll, sa ċertu punt, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet antidumping jew kontra s-sussidji. Madankollu, safejn it-termini li għandhom jiġu interpretati huma termini proprji u speċifiċi tal-leġiżlazzjoni antidumping u kontra s-sussidji, dawn għandhom kontenut awtonomu u distint li huwa proprju għal dawk il-leġiżlazzjonijiet u huma intiżi li jfittxu l-għanijiet speċifiċi tagħhom. Għaldaqstant, dawn it-termini ma għandhomx għalfejn jikkoinċidu neċessarjament ma’ termini (anki jekk simili) tal‑leġiżlazzjoni doganali, u l-interpretazzjoni tas-sinjifikattiv tagħhom, ibbażata fuq dawk l-għanijiet, lanqas ma tista’ tiġi mibdula għal raġunijiet ta’ koerenza mat-terminoloġija proprja tad-dritt doganali (39). Dan huwa iktar u iktar minnu fil-każ fejn interpretazzjoni konformi mad-dritt doganali tkun tali li tippreġudika l-għanijiet proprji tal-leġiżlazzjoni ta’ difiża tal-kummerċ tal-Unjoni, u b’mod partikolari dawk kontra l-evitar.
39. F’każ ta’ dubji interpretattivi bejn kunċetti proprji tad-dritt antidumping jew kontra s-sussidji u dawk tad-dritt doganali li jkunu simili, l-interpretazzjoni fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni antidumping jew kontra s-sussidji għandha, għalhekk, tipprevali. Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, dan isib konferma fin-natura ġenerali tar‑riferiment li jsir fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati għal‑leġiżlazzjoni doganali, li hija applikabbli “sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor” f’dawn ir-regolamenti.
40. Bħala konklużjoni, mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, billi huma użati fil-kuntest leġiżlattiv tal-miżuri kontra l-evitar antidumping u kontra s-sussidji, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi proprji ta’ tali leġiżlazzjoni u tal-miżuri adottati abbażi ta’ dan.
c) Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika
41. Fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni kontra l-evitar, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, regolament li jestendi dazju antidumping huwa intiż biss sabiex jiżgura l-effettività tiegħu u jneħħi l‑possibbilità li jiġi evitat. Konsegwentement, miżura li testendi dazju antidumping definittiv hija intiża li tipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri antidumping definittivi (40).
42. Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dan il-għan, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri antidumping adottati mill-Unjoni u sabiex titneħħa l-possibbiltà li jiġu evitati, li għandhom jiġu interpretati d‑dispożizzjonijiet kontra l-evitar tal-Unjoni u t-termini użati fil-miżuri adottati abbażi tagħhom (41). L-istess prinċipji japplikaw għall-miżuri kontra s-sussidji (42).
43. Minn dan isegwi li interpretazzjoni li tkun tali li tippermetti lill‑operaturi jevadu faċilment l-estensjoni tad-dazju definittiv (kemm jekk dak antidumping jew dak kumpensatorju) permezz ta’ assemblaġġi f’pajjiżi terzi, u li b’hekk tirriskja li tikkomprometti l-effettività tad‑dispożizzjonijiet u tal-miżuri kontra l-evitar tal-Unjoni, hija kuntrarja għall‑għan ta’ tali dispożizzjonijiet u miżuri (43).
44. F’dan il-każ, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jistabbilixxu preżunzjoni relattiva li kull ċellola fotovoltajka li tkun ġejja mit-Tajwan jew mill-Malasja tevita l-miżuri antidumping jew kontra s‑sussidji relatati maċ-ċelloli u mal-moduli fotovoltajċi li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-unika eċċezzjoni tikkonċerna ċ-ċelloli jew il-moduli mmanifatturati minn impriżi li kkooperaw mal-investigazzjonijiet antidumping u kontra s‑sussidji u li wrew li ma adottaw l-ebda prattika illeċita (44). Dawn huma produtturi li jaġixxu in bona fide u li, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiesu responsabbli li evitaw il-miżuri antidumping u kumpensatorji inizjali imposti fuq il-prodotti Ċiniżi.
45. L-interpretazzjoni restrittiva proposta tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” kif użati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati twassal sabiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jiġu inklużi biss il-“kunsinni diretti” lejn l-Unjoni – ta’ ċelloli Malasjani jew Tajwaniżi jew ta’ moduli li fihom tali ċelloli – li saru mill-Malasja u mit-Tajwan. Tali approċċ ikollu bħala konsegwenza li s-sempliċi żieda, tul ir-rotta lejn l-Unjoni, ta’ pajjiż terz fejn titwettaq trasformazzjoni mhux sostanzjali – jiġifieri l-assemblaġġ taċ-ċelloli fotovoltajiċi Malasjani jew Tajwaniżi f’moduli fotovoltajċi u sussegwentament mibgħuta lejn l-Unjoni – tagħmel ineffikaċi l‑preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq stabbilita mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, minkejja li l-moduli inkwistjoni jkunu magħmula, fil-komponent essenzjali tagħhom – li minnufih jiddetermina wkoll l-oriġini (45) – minn ċelloli Malasjani jew Tajwaniżi suġġetti għall-miżura kontra l-evitar, dawn ikunu esklużi mill‑applikazzjoni ta’ dik il-miżura. Interpretazzjoni ta’ dan it-tip tkun, għalhekk, tista’ tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri kontra l-evitar, li l‑għan tagħhom huwa li jiżguraw l-effikaċja tad-dazji antidumping u kontra s-sussidji fuq iċ-ċelloli u fuq il-moduli, kif ukoll li jipprevjenu l‑evitar tagħhom. Din, għaldaqstant, tmur kontra l-għanijiet tar‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
46. Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni wiesgħa tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan”, li tikkoinċidi mal-kunċett ta’ “provenjenza” u li ma tkunx limitata biss għall-“kunsinna diretta”, u li tippermetti li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri kontra l‑evitar, is-sitwazzjonijiet ta’ “kunsinni indiretti” msemmija fil-punt preċedenti, hija tali li tiżgura l-effikaċja sħiħa ta’ dawn il-miżuri, b’mod koerenti mal-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
47. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mis-sentenza ċċitata Kolachi jirriżulta li l-kunċett ta’ “provenjenza” fil-kuntest tal‑leġiżlazzjoni kontra l-evitar tad-dazji antidumping u l-kunċett ta’ “oriġini” fis-sens tad-dritt doganali ma jikkoinċidux (46), madankollu, minn din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “provenjenza” huwa kunċett iktar flessibbli u wiesa’ meta mqabbel ma’ dak ta’ “oriġini” (47), u huwa intiż li jissimplifika l-oneru tal-prova tal-evitar għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni (48). F’dan il-kuntest, jista’ jitqies li l-kunċett ta’ provenjenza jinkludi dak ta’ “oriġini”. Fil-każ li prodott ikun “oriġinarju” ta’ pajjiż, għandu jiġi konkluż, a fortiori, li huwa wkoll “provenjenti” minn dak il‑pajjiż. Dan jiġi kkonfermat mill‑fatt li r‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati japplikaw “kemm jekk [iċ‑ċelloli jew il‑moduli fotovoltajċi huma] ddikjarati bħala li joriġinaw fil‑Malasja jew fit‑Tajwan kif ukoll jekk le”. Kif kien il-każ fis-sentenza Kolachi ma huwiex neċessarju li l-istituzzjonijiet jippruvaw li ċ-ċelloli u l-moduli oriġinaw mill-Malasja jew mit-Tajwan, iżda huwa suffiċjenti li dawn ikunu “provenjenti” minn dawn il-pajjiżi. Madankollu, fejn il-moduli jitqiesu oriġinarji ta’ tali pajjiżi, dan jimplika, a fortiori, li huma wkoll provenjenti minnhom, u għalhekk japplikaw ir-regoli kontra l-evitar.
48. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostnew uħud mill‑kumpanniji akkużati quddiem il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni wiesgħa ma twassalx għal estensjoni illegali, għall-Korea t’Isfel u għall‑Vjetnam, tal-miżuri kontra l-evitar stabbiliti fir-rigward tal-Malasja u tat-Tajwan. Fil-fatt, ma hemm ebda estensjoni ta’ tali miżuri għall‑Korea t’Isfel jew għall-Vjetnam; pjuttost, qed tingħata interpretazzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati li tippermetti li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ “evitar tal-miżuri kontra l‑evitar”. Il-prodotturi taċ-ċelloli u tal-moduli Sud Koreani u Vjetnamiżi ma humiex direttament milquta mill-miżuri kontra l-evitar tad-dazji antidumping u kontra s-sussidji. Fir-rigward tagħhom ma tiġi stabbilita l‑ebda preżunzjoni, bħal fil-każ tal-Malasja jew tat-Tajwan. Dawn huma affettwati minn din l-interpretazzjoni wiesgħa biss fil-każ li jipproduċu moduli fotovoltajċi li jużaw, bħala komponenti essenzjali ta’ tali moduli, ċelloli fotovoltajċi Malasjani jew Tajwaniżi li huma suġġetti għall-miżuri kontra l-evitar. F’dak il-każ, peress li l-moduli fotovoltajċi jkollhom jiġu kklassifikati bħala oriġinarji tal-Malasja jew tat-Tajwan, il-leġiżlazzjoni kontra l-evitar relatata ma’ dawn il-pajjiżi ssir rilevanti. Interpretazzjoni ta’ dan it-tip tidher li bl-ebda mod ma hija irraġonevoli fir-rigward tal‑produtturi ta’ tali pajjiżi li jesportaw moduli fotovoltajċi lejn l-Unjoni.
49. Barra minn hekk, ma jidhirx korrett li jiġi sostnut, kif jagħmlu wħud mill-kumpanniji akkużati quddiem il-qorti tar-rinviju, li qatt ma kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jinkludi, fil-miżuri kontra l-evitar, il‑moduli fotovoltajċi assemblati f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jirrigwardaw mhux biss il-moduli fotovoltajċi, iżda wkoll iċ-ċelloli fotovoltajċi bħala element essenzjali ta’ dawn il-moduli. Kif muri, interpretazzjoni restrittiva twassal biex dawn il-miżuri jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom. Fir-rigward ta’ dawn ir‑regolamenti ta’ implimentazzjoni, l-intenzjoni tal-leġiżlatur – li hija bla dubju rilevanti fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni (49) – kienet dik li tiġi evitata l-possibbiltà tal-evitar tal-miżuri antidumping u kontra s-sussidji.
50. L-interpretazzjoni wiesgħa hija wkoll koerenti mas-sistema kontra l-evitar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, hija bbażata fuq ir‑responsabbilizzazzjoni tal-importatur, li dejjem għandu l-possibbiltà li jipprova li l-importazzjonijiet inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri kontra l-evitar jew li jaqgħu taħt waħda mill‑eżenzjonijiet previsti minn dawn il-miżuri, jiġifieri, fil-każ inkwistjoni, li l-moduli fotovoltajċi fihom ċelloli prodotti minn wieħed mill-produtturi Malasjani jew Tajwaniżi eżentati (50). Din l‑interpretazzjoni ma hija bl-ebda mod inkompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija mill-kumpanniji akkużati (51).
51. Bħala konklużjoni, l-interpretazzjoni tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” li jinsabu fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, mogħtija fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet u tal-miżuri kontra l-evitar antidumping u kontra s-sussidji fid-dawl tal‑għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u miżuri, twassal biex tiġi ppreferuta interpretazzjoni wiesgħa ta’ tali termini, fis-sens li dawn jirreferu għall-kunċett ta’ “provenjenza” u mhux għal dak ta’ “kunsinna” fis-sens ristrett.
2. Dwar il-konsegwenzi fuq l-obbligi ta’ dikjarazzjoni doganali
52. Fit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sussegwentement dwar il-konsegwenzi prattiki li jirriżultaw mill‑interpretazzjoni tat-termini “kkunsinnati mill-Malasja jew mit‑Tajwan” fuq l-obbligi doganali tal-importaturi fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bħal dawk inkwistjoni. Il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dawn il-moduli għandhomx jiġu ddikjarati bl-indikazzjoni tal-Malasja jew it-Tajwan bħala “pajjiż ta’ kunsinna”, kif ukoll liema kodiċijiet ta’ merkanzija għandhom jintużaw. Din il-qorti tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li l-importaturi jkunu jistgħu, fil-prattika, jeżegwixxu l-formalitajiet meħtieġa mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
53. F’dan ir-rigward, b’mod koerenti ma’ dak li ġie indikat fil-punt 50 iktar ’il fuq, f’sistema bbażata fuq ir-responsabbilizzazzjoni tal‑importatur, huwa dan tal-aħħar li għandu, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet, jipprova li l-merkanzija importata fl‑Unjoni tista’ tkun eżentata mill-miżuri antidumping jew kontra s‑sussidji. Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tiegħu li jissodisfa r‑rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti u li jindika l‑kodiċijiet TARIC rilevanti. F’dan il-każ, għalhekk, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet inkwistjoni, kellu jirriżulta b’mod mhux ekwivoku mid-dikjarazzjoni doganali li l-moduli fotovoltajċi inkwistjoni kienu jinkludu ċelloli prodotti fil-Malasja u fit-Tajwan minn produtturi eżentati skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, u kellha tiġi pprovduta wkoll id-dokumentazzjoni kollha rilevanti, kompluta, sa fejn ikun possibbli, bl-informazzjoni kollha meħtieġa.
54. Madankollu, il-kumpanniji akkużati jqajmu sensiela ta’ domandi riprodotti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju.
55. Fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni tal-indikazzjoni tal-“pajjiż tal‑ispedizzjoni/esportazzjoni” fil-kaxxa 15 tal-Anness 9 tar-Regolament Delegat 2016/341.
56. F’dan ir-rigward, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal dik Ingliża jew dik Taljana, fejn jintużaw termini differenti fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati u fil-leġiżlazzjoni doganali (52), il-kwistjoni ma tidhirx problematika. Madankollu, fil-verżjonijiet lingwistiċi li fihom tintuża l-istess terminoloġija fiż-żewġ sistemi leġiżlattivi, bħal pereżempju fil-verżjoni Franċiża jew fil-verżjoni tal-lingwa tal‑proċedura, jiġifieri l-Olandiż (53), l-użu tal-istessi termini jista’, min‑naħa l-oħra, effettivament iwassal għal konfużjoni.
57. F’tali kuntest, inqis li, minkejja tali inkonsistenzi lingwistiċi, huwa ċar li l-“pajjiż ta’ spedizzjoni” imsemmi fil-kaxxa 15 iċċitata huwa dak li minnu l-moduli jkunu ntbagħtu materjalment – li mhux neċessarjament jikkorrispondi ma’ dak tal-“provenjenza” fis-sens tal-miżuri kontra l‑evitar –, jiġifieri fil-każijiet inkwistjoni, il-Korea t’Isfel jew il-Vjetnam. Dan jirriżulta kemm, kif ġustament irrilevat il-qorti tar-rinviju, min-noti relatati mal-kaxxa 15 (54) kif ukoll mill-użu ta’ terminoloġija koerenti fil‑verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, bħall-verżjoni Ingliża u dik Taljana.
58. Madankollu, dan premess, kif irrilevat mill-Kummissjoni waqt is‑seduta, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod mhux ekwivoku li l‑moduli fotovoltajċi inkwistjoni kienu jinkludu ċelloli prodotti fil‑Malasja u fit-Tajwan minn produtturi eżentati, kien perfettament possibbli, u anzi neċessarju, li fil-kaxxa 33, li tirrigwarda l-“kodiċi tal‑merkanzija”, jiġu indikati, flimkien mal-kodiċi rilevanti għall-moduli fotovoltajċi, il-kodiċi TARIC relatat maċ-ċelloli mmanifatturati mill‑produtturi Malasjani jew Tajwaniżi eżentati, flimkien mal-kodiċi addizzjonali TARIC relatat mal-produttur speċifiku, kif indikat fir‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati.
59. Fit-tieni lok, uħud mill-kumpanniji akkużati sostnew li kien impossibbli li jitfasslu u li jiġu mehmuża d-dikjarazzjonijiet meħtieġa mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, b’mod partikolari minħabba li ma kienx jeżisti kodiċi addizzjonali TARIC għall-produtturi Sud Koreani jew Vjetnamiżi tal-moduli fotovoltajċi. Madankollu, mill‑qari, rispettivament, tal-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti 2016/184 u 2016/185 u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti 2017/366 u 2017/367, ma jirriżultax li, fil-każ inkwistjoni, kien impossibbli li jitfasslu u li jiġu mehmuża tali dikjarazzjonijiet. Fl-ewwel lok, tali dikjarazzjonijiet għandhom jinħarġu “mill-produttur jew l-ispeditur” li jkun ħareġ il‑fattura. Fil-każ inkwistjoni, dan jidher li seta’ jkun il-produttur Sud Korean jew Vjetnamiż li mmanifattura l-modulu fotovoltajiku u mhux il‑produttur Malasjan jew Tajwaniż li mmanifattura ċ-ċellola. Ma jidhirx għalfejn tali suġġett ma setax ikun f’pożizzjoni li joħroġ dikjarazzjoni ta’ dan it-tip. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni, għalkemm ma setax jiġi indikat il-kodiċi addizzjonali TARIC tal‑produttur Sud Korean jew Vjetnamiż – peress li tali kodiċi ma jeżistix, minħabba li dawn il-produtturi ma ġewx ikkunsidrati fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati – seta’ u kellu, minflok, jiġi indikat, kif espliċitament mitlub, il-kodiċi addizzjonali TARIC (minbarra d‑denominazzjoni u l-indirizz) tal-produttur Malasjan jew Tajwaniż taċ‑ċelloli fotovoltajċi li minnhom kien magħmul il-modulu, produttur li kien eżentat mill-miżuri kontra l-evitar.
3. Konklużjoni fuq l-ewwel domanda preliminari
60. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jirreferu għall-provenjenza tal-moduli fotovoltajċi inkwistjoni. Konsegwentement, moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin, li ġew assemblati fil-Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam b’ċelloli fotovoltajiċi mmanifatturati fil-Malasja jew fit-Tajwan u li sussegwentement ġew importati fl-Unjoni mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan”, skont dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni. Dawn il-moduli jew pannelli fotovoltajċi għandhom ikunu ddikjarati bħala li għandhom “pajjiż ta’ kunsinna”, fis-sens tal-kaxxa 15 fit-Titolu II.C tal-Appendiċi C1 tal‑Anness 9 tar-Regolament Delegat 2016/341, il-Korea t’Isfel jew il‑Vjetnam u għandhom jiġu indikati bil-kodiċi ta’ merkanzija rilevanti għall‑moduli jew pannelli fotovoltajiċi “importati mill-Malasja jew mit‑Tajwan”.
B. Fuq it-tielet domanda preliminari
61. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dikjarazzjoni li tidher fuq il-fattura kummerċjali, imħejjija kif suppost, għandhiex issegwi kelma b’kelma t-termini u r-rekwiżiti formali rikjesti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati (55), jew jekk huwiex possibbli li l-importaturi jitbiegħdu minn dawn it-termini u rekwiżiti formali, irrispettivament minn jekk jibbażawx ruħhom jew le fuq provi oħra li jikkonfermaw il-korrettezza u l-awtentiċità tad‑dikjarazzjoni fil-fattura.
62. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet li jipprevedu eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u kumpensatorji huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta. Fil-fatt, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet, f’każijiet speċifikament previsti, u għalhekk jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għas‑sistema normali tad-dazji antidumping u kumpensatorji (56).
63. Skont din il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni rilevanti li jipprevedu rekwiżiti formali speċifiċi sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjonijiet previsti fihom għandhom, għalhekk, jiġu interpretati b’mod restrittiv. Minn dan isegwi li, bħala regola, ma għandhomx jiġu ammessi eċċezzjonijiet għal tali rekwiżiti formali, li huma intiżi li jikkonfermaw il-veraċità tal‑informazzjoni dwar il-prodotti importati li jibbenefikaw minn dawn l‑eżenzjonijiet. Id-dikjarazzjoni fuq il-fattura kummerċjali, imħejjija kif suppost, kif prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandha għalhekk tinkludi, sa fejn huwa possibbli, l-elementi u l-informazzjoni kollha li hija mitluba skont l-imsemmija dispożizzjonijiet. Konsegwentement, id‑dikjarazzjonijiet li ma jinkludux l-informazzjoni kollha mitluba ma jistgħux, bħala regola, jiġu aċċettati.
64. Madankollu, għandu jingħad li interpretazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet li twassal biex eżenzjonijiet ma jingħatawx lil importatur minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjoni, fid-dokumenti mitluba, ta’ informazzjoni li ma setgħetx tingħata għaliex ma kinitx teżisti, hija, fl-opinjoni tiegħi, irraġonevoli u tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, kif diġà spjegat fil-punt 59 iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet, f’dan il-każ ma kienx materjalment possibbli għall‑importaturi li jindikaw, fid-dikjarazzjoni mitluba mid‑dispożizzjonijiet rilevanti, il-kodiċi addizzjonali TARIC tal‑produttur Sud Korean jew Vjetnamiż, peress li tali kodiċi ma kienx jeżisti, minħabba li dawn il-produtturi ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati. F’ċirkustanzi bħal dawn, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-kodiċi addizzjonali TARIC fl-imsemmija dikjarazzjoni ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, iwassal għaċ-ċaħda tal-għoti tal-eżenzjonijiet inkwistjoni, sa fejn l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonfermaw, eventwalment abbażi ta’ elementi oħra, il-veraċità tal-affermazzjonijiet li jinsabu fl-istess dikjarazzjoni. Tali elementi oħra jistgħu jkunu, pereżempju, il-fatturi ta’ xiri taċ-ċelloli fotovoltajċi mill-produttur Vjetnamiż jew Sud Korean mingħand produttur Malasjan jew Tajwaniż li jibbenefika minn eżenzjoni.
65. Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 1(2) tar‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 kif ukoll l‑Artikolu 4(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dikjarazzjonijiet previsti fihom għandhom jinkludu l-elementi u l-informazzjoni kollha li l‑indikazzjoni tagħhom hija meħtieġa skont dawn id-dispożizzjonijiet, bla ħsara għal elementi jew informazzjoni li ma jkunx materjalment possibbli li jiġu pprovduti peress li ma jeżistux. F’dan il-każ, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, fejn meħtieġ u xieraq, jivverifikaw l-eżistenza tar-rekwiżiti neċessarji sabiex persuna tibbenefika mill-eżenzjonijiet previsti minn dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, eventwalment abbażi ta’ elementi rilevanti oħra.
C. Xi kunsiderazzjonijiet dwar il-kawża prinċipali
66. Lil hinn mir-risposti għad-domandi preliminari, inqis li huwa xieraq li jiġu ppreżentati wkoll osservazzjonijiet addizzjonali, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi dwar it‑tilwima pendenti quddiemha.
67. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi t-tilwima li tkun quddiemha, irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju għamlitx riferiment għalihom meta għamlet id-domanda tagħha (57).
68. F’dan ir‑rigward, infakkar li l-kawża mressqa quddiem il-qorti tar‑rinviju tikkonċerna proċedura kriminali kontra l-kumpanniji akkużati għal aġir imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq.
69. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dawn il-konklużjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni tat-terminu “provenjenti minn” (fil-lingwi kollha, u ċertament fl-Olandiż) fil-kuntest tal-miżuri kontra l‑evitar inkwistjoni, ma hijiex fil-fatt daqshekk ċara, b’mod partikolari fid-dawl tas-sovrappożizzjoni terminoloġika mat-terminu “pajjiż ta’ spedizzjoni” previst fil-leġiżlazzjoni doganali (58). Sitwazzjoni ta’ tali inċertezza tista’ għalhekk tirrifletti ruħha wkoll fuq il-kwistjoni tal-użu korrett tal-kodiċi tal-merkanzija korrispondenti u, konsegwentement, fuq il-firxa u l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ eventwali ksur.
70. Naturalment, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huwa l‑Istat Membru li għandu jistabbilixxi n-natura tas-sanzjonijiet (amministrattivi jew kriminali) li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn is-sanzjonijiet għandhom madankollu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (59).
71. Minkejja dan, hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tiddetermina, fid‑dawl taċ-ċirkustanzi u tal-elementi speċifiċi ta’ kull każ li dwaru hija mitluba tiddeċiedi u abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku tagħha, jekk l-eventwali sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward tat‑tifsira li għandha tingħata lit-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit‑Tajwan” fil-verżjoni Olandiża tistax, jew le, tiġġustifika l‑impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fil-kawża prinċipali għall-aġir inkwistjoni, jew jekk tistax, skont iċ-ċirkustanzi, tikkostitwixxi xi forma ta’ ċirkustanza attenwanti fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali.
72. Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Dan il‑prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu konsegwentement (60).
73. Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ legalità fil‑qasam kriminali, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, u li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh. Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt meta l-individwu kkonċernat ikun jista’ jagħraf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar‑responsabbiltà kriminali tiegħu jew tagħha (61).
74. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk u sa fejn ikun meħtieġ, tislet b’mod konkret il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dawn il‑prinċipji ġurisprudenzjali fil-kawża prinċipali.
III. Konklużjoni
75. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju) bil-mod segwenti:
It-termini “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan” imsemmija fir‑Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184, 2016/185, 2017/366 u 2017/367, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jirreferu għall‑“provenjenza” tal-moduli fotovoltajċi inkwistjoni. Konsegwentement, moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin, li ġew assemblati fil-Korea t’Isfel jew fil-Vjetnam b’ċelloli fotovoltajiċi mmanifatturati fil-Malasja jew fit-Tajwan u li sussegwentement ġew importati fl-Unjoni mill-Korea t’Isfel jew mill-Vjetnam, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kkunsinnati mill-Malasja u mit-Tajwan”, fis-sens ta’ dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni. Dawn il-moduli jew pannelli fotovoltajċi għandhom ikunu ddikjarati bħala li għandhom “pajjiż ta’ kunsinna”, fis-sens tal-kaxxa 15 fit-Titolu II.C tal-Appendiċi C1 tal‑Anness 9 tar-Regolament Delegat 2016/341, il-Korea t’Isfel jew il‑Vjetnam u għandhom jiġu indikati bil-kodiċi ta’ merkanzija għall‑moduli jew pannelli fotovoltajiċi “importati mill-Malasja jew mit‑Tajwan”.
L-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367 għandhom jiġu interpretati fis‑sens li d-dikjarazzjonijiet previsti fihom għandhom jinkludu l‑elementi kollha li l-indikazzjoni tagħhom hija meħtieġa skont dawn id‑dispożizzjonijiet, bla ħsara għal elementi jew informazzjoni li ma jkunx materjalment possibbli li jiġu pprovduti peress li ma jeżistux. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, fejn neċessarju u xieraq, jivverifikaw l‑eżistenza tar-rekwiżiti neċessarji sabiex persuna tibbenefika mill‑eżenzjonijiet previsti minn dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, eventwalment abbażi ta’ elementi rilevanti oħra.
1 Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil‑kawża Il‑Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:303, punt 1).
3 NV Jas Forwarding Worldwide (Belgium), Gerlach & Co, BO Baywa r.e. Solar Systems SARL, BO Bejulo, BO Memodo, BO Densys pv5, BO HelioActive Rendszerintegrátor u BO Donauer Solar Systems.
4 Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kunsill Nru 1238/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id‑dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).
5 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).
6 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 tal‑11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil‑Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 37, p. 56).
7 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 tal‑11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) Nru 1238/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas‑siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja jew fit-Tajwan kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 37, p. 76).
8 Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti 2016/184 u 2016/185.
9 Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti 2016/184 u 2016/185.
10 Ara, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti 2016/184 u 2016/185.
11 Ara l-Artikolu 1(4) tar-Regolamenti 2016/184 u 2016/185.
12 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 tal‑1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal‑skadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (ĠU 2017, L 56, p. 1; rettifika fil-ĠU 2018, L 134, p. 19 u fil-ĠU 2018, L. 38, p. 41).
13 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/367 tal‑1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami tal‑iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU 2017, L 56, p. 131).
14 Ara l-premessi 783 u 784 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/366, kif ukoll il-premessi 372 u 373 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/367.
15 Ara l-premessa 786 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u l-premessa 375 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/367.
16 Ara l-Artikolu 4(3) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367.
17 Kien biss f’żewġ okkażjonijiet li l-moduli fotovoltajċi ġew indikati bħala li joriġinaw u huma kkunsinnati mit-Tajwan, ara l-punt 3 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
18 Bl-eċċezzjoni taż-żewġ każijiet indikati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
19 Intitolat “[f]ormalitajiet għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa, użu aħħari, ipproċessar attiv, aċċettazzjoni temporanja u ħażna doganali”.
20 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU 2016, L 69, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 101, p. 33, fil-ĠU 2017, L 281, p. 34, fil-ĠU 2018, L 152, p. 61, u fil-ĠU 2019, L 96, p. 55).
21 OCM(2019)10202.
22 Ara, it-titolu, il-premessi 5, 6, 17 u 18 u l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185, u l-Artikolu 4(1) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367.
23 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK (C‑209/20, EU:C:2021:400) dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kummissjoni (UE) Nru 1357/2013 tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r‑Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall‑implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 2013, L 341, p. 47). Issa l‑kwistjoni hija rregolata mill-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1; rettifiki fil-ĠU 2016, L. 87, p. 35, fil‑ĠU 2017, L. 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L. 75, p. 41, u fil-ĠU 2021, L. 382, p. 60).
24 Ara l-kaxxa 15 iċċitata fil-punt 15 iktar ’il fuq.
25 Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:717, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolachi”).
26 Jidhru li jiffurmaw parti minn dan l-ewwel grupp il-verżjoni Portugiża (“expedidos da Malásia e de Taiwan”), dik Slovakka (“odosielaných z Malajzie a Taiwanu”), Ċeka (“odesílaných z Malajsie a Tchaj-wanu”), Bulgara (“изпращан от Малайзия и Тайван”), Kroata (“poslanih iz Malezije i Tajvana”), Estonjana (“Malaisiast ja Taiwanist lähetatud”), Latvjana (“kuri nosūtīti no Malaizijas un Taivānas”), Litwana (“siunčiamiems iš Malaizijos ir Taivano”); Svediża (“avsända från Malaysia och Taiwan”), Daniża (“afsendt fra Malaysia og Taiwan”); Ungeriża (“Malajziában és Tajvanon feladott”), Polakka (“wysyłanych z Malezji i z Tajwanu”), Slovena (“poslanih iz Malezije ali s Tajvana”), Finlandiża (“Malesiasta ja Taiwanista lähetettyjen”) u dik Rumena (“expediate din Malaysia și din Taiwan”).
27 “Procedentes de Malasia y Taiwán” bl-Ispanjol, “προέλευσης Μαλαισίας και Ταϊβάν”, bil-Grieg.
28 Sentenza Kolachi, punt 88.
29 Skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21; rettifika fil-ĠU L 2023/90208), u l‑Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55).
30 F’dan ir-rigward, ara l-osservazzjonijiet fil-punti 37 sa 39 tal-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:303, fejn hemm riferimenti ġurisprudenzjali oħra).
31 Fil-fatt, anki l-leġiżlazzjoni kontra l-evitar fil-qasam tal-miżuri kontra s-sussidji, bħal dik kontra l-evitar fil-qasam tal-antidumping, ma għandha l-ebda bażi fir-regoli tal-WTO (ara, b’analoġija, l-osservazzjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Pitruzzella msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti).
32 Il-leġiżlazzjoni doganali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l‑unjoni doganali, kif prevista fl-Artikolu 3(1)(a) TFUE, filwaqt li l-leġiżlazzjoni antidumping u kontra s-sussidji taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal‑politika kummerċjali komuni, kif prevista fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.
33 Il-leġiżlazzjoni antidumping u kontra s-sussidji hija bbażata fuq il-kompetenzi fil‑qasam tal-politika kummerċjali komuni (Artikolu 207(2) TFUE), filwaqt li d-dritt doganali huwa bbażat ukoll fuq il-kompetenzi fil-qasam tal-Unjoni u tal‑kooperazzjoni doganali (b’mod partikolari l-Artikolu 33 TFUE) kif ukoll fuq dawk fil-qasam tas-suq intern (Artikolu 114 TFUE).
34 F’dan ir-rigward, ara s-sentenza ta‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services (C‑362/20, EU:C:2021:612, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Jebsen & Jessen (C‑543/19, EU:C:2020:555, punti 43 u 52).
35 Ara, f’dan ir-rigward, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Greencarrier Freight Services Latvia (C‑571/12, EU:C:2014:102, punt 32).
36 Ara, f’dan ir-rigward, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke (C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 48).
37 F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Profit Europe u Gosselin Forwarding Services (C‑362/20, EU:C:2021:612, punt 68).
38 Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2019, Krohn & Schröder (C‑226/18, EU:C:2019:440, punt 33).
39 In-natura awtonoma u distinta tal-kunċetti tad-dritt antidumping minn dik tad-dritt doganali ġiet ikkonstatata fis-sentenza Kolachi, punt 90. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:303, punt 81).
40 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kolachi, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.
41 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża IlKummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:303, punt 40).
42 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2024, PGTEX Morocco vs IlKummissjoni (T‑246/22, EU:T:2024:880, punt 42).
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kolachi, punti 102, 103 u 104 u l-ġurisprudenza ċċitata.
44 Il-produtturi eżentati huma elenkati fl-Artikoli 1(1) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 u fl-Artikoli 4(1) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367.
45 Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK (C‑209/20, EU:C:2021:400, punti 43 u 50).
46 Ara s-sentenza Kolachi, punt 90.
47 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża IlKummissjoni vs Kolachi Raj Industrial (C‑709/17 P, EU:C:2019:303, punt 81).
48 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kolachi, punti 91 u 97.
49 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, W. GmbH (C‑67/23, EU:C:2024:680, punt 74).
50 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kolachi, punti 92 u 97.
51 Dawn il-kumpanniji jirreferu, fl-ewwel lok, għas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, W. GmbH (C‑67/23, EU:C:2024:680), li madankollu tidħol f’kuntest totalment differenti minn dak tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ, jiġifieri dak tal-istabbiliment ta’ miżuri restrittivi minħabba l-ksur serju u ripetut tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim militari tal-Birmanja/Myanmar. Fit-tieni lok, dawn il-kumpanniji jsemmu d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ġunju 2017, Megasol Energie vs Il‑Kummissjoni (T‑152/16, EU:T:2017:446), li fih il-Qorti Ġenerali illimitat ruħha biex tiddikjara n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent inkwistjoni.
52 B’hekk, bl-Ingliż, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jużaw it-termini “consigned from Malaysia and Taiwan” u l-kaxxa 15 hija intitolata “dispatch”. Bit‑Taljan, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jużaw it-termini “provenienti dalla Malaysia e Taiwan” u l-kaxxa 15 hija intitolata “paese di spedizione”.
53 B’hekk, bil-Franċiż, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jużaw it‑termini “expediés de Malaisie et Taiwan” u l-kaxxa 15 hija intitolata “pays d’expedition”. Bl-Olandiż, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni kkonċernati jużaw it‑termini “verzonden uit Maleisië en Taiwan” u l-kaxxa 15 hija intitolata “Land van verzending”.
54 Ara l-punt 27 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
55 Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2016/184 u 2016/185 u l‑Artikolu 4(2) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2017/366 u 2017/367.
56 Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2019, Krohn & Schröder (C‑226/18, EU:C:2019:440, punt 46).
57 Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky (Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) (C‑257/22, EU:C:2023:852, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 B’mod partikolari, il-kaxxa 15 imsemmija fit-Titolu II.C tal-Appendiċi C1 tal‑Anness 9 tar-Regolament Delegat 2016/341.
59 Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Siesse (C‑36/94, EU:C:1995:351, punti 20 u 24).
60 F’dan ir-rigward, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et (C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 73), tad‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II (C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata), tat‑30 ta’ April 2025, Alenopik (C‑745/23, EU:C:2025:294, punt 31 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
61 F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et (C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).