Brussell, 23.5.2022

COM(2022) 612 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 ta’ Franza

{SWD(2022) 612 final} - {SWD(2022) 640 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 ta’ Franza

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond 3 . Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet adottata fil-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġiet adottata mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.

(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari dawk li jesperjenzaw faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata 4 għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.

(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.

(5)Il-klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020 5 . Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021 6 , il-Kummissjoni tat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.

(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju 7 . Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment 8 (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19)) u l-investiment.

(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 9 . Il-Kummissjoni nnotat li, fuq il-bażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 għandhom ikomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard fil-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.

(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

(9)Fit-28 ta’ April 2021, Franza ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, (recovery and resilience plan, RRP) f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Franza laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fl-4 ta’ Mejju 2022, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2022. Hija ma ppreżentatx il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Franza dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għal Franza 11 fit-23 ta’ Mejju 2022. Hija vvalutat il-progress ta’ Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħadet kont tal-implimentazzjoni ta’ Franza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta’ Franza fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Franza u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022 12 . Il-Kummissjoni kkonkludiet li Franza għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u kompetittività dgħajfa, li għandhom rilevanza transfruntiera, f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività.

(13)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja ta’ Franza, billi fl-2021 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat u ma rrispettax il-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-valutazzjoni tagħha tal-fatturi rilevanti kollha, li l-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn timplika sforz fiskali kkonċentrat fil-bidu li jkun wisq impenjattiv u li jissogra jipperikola t-tkabbir. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn mhijiex iġġustifikata fil-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali attwali. Kif imħabbar, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2022 u se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza tal-proposta li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa tal-2022.

(14)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lil Franza biex tieħu fl-2020 u fl-2021 l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lil Franza rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Franza naqas minn 8,9 % tal-PDG fl-2020 għal 6,5 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali minn Franza appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 3,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,6 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet Franza fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, li prinċipalment jikkonsistu fi tnaqqis permanenti fit-taxxi fuq il-produzzjoni mill-2021 u ż-żieda fil-pagi tal-impjegati taċ-ċivil, prinċipalment fis-sistema tal-kura tas-saħħa. Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 112,9 % tal-PDG fl-2021.

(15)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 4,6 % tal-PDG u 3,2 % rispettivament. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG ta’ 111,2 % fl-2022 u 109,1 % fl-2023. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru għoljin fuq terminu medju.

Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 1,0 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali ta’ Franza.

(16)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 2,6 % tal-PDG fl-2021 għal 0,4 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,7 % tal-PDG fl-2022 u huma mistennija li jitneħħew gradwalment fl-2023 13 . Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali lejn unitajiet domestiċi ifqar, tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija, limiti fuq il-prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa, sussidji lil intrapriżi li jużaw ħafna enerġija. Dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari l-limitu massimu ġenerali fuq il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass kif ukoll skont issussidjat b’mod ċar fuq il-fjuwils. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,1 % fl-2023 14 .

(17)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 jenħtieġ li Franza 15 tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Huwa rrakkomanda wkoll li Franza ssegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, u fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tagħti spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

(18)Fl-2022, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ -1,7 % tal-PDG 16 . Franza qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribut pożittiv għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,2 punt perċentwali tal-PDG apparagun tal-2021. Dan it-tnaqqis fl-2022 huwa dovut għall-appoġġ finanzjarju fornut minn qabel mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2021. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribut newtrali għall-pożizzjoni fiskali fl-2022 17 . Għalhekk, Franza qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,6 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,5 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). Miżuri oħra ta’ nefqa kurrenti jinkludu dawk ippreżentati fil-pjan ta’ reżiljenza biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kunflitt fl-Ukrajna, bħas-sussidji diretti għal setturi ad hoc (0,1 % tal-PDG), u ż-żieda fil-pagi tal-impjegati taċ-ċivil (0,1 % tal-PDG). Fuq in-naħa tad-dħul, it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiva (0,1 % tal-PDG) u tat-taxxi fuq id-djar (0,1 % tal-PDG) huma wkoll ipproġettati li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni fiskali espansjonarja. Iż-żieda ogħla fil-prezzijiet tal-konsumatur meta mqabbla mad-deflatur tal-PDG hija pproġettata li taffettwa l-kontribut espansjonarju tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2022 billi żżid il-konsum pubbliku u l-benefiċċji soċjali. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, dawn il-miżuri u l-ixprunaturi ta’ nefqa ogħla mhumiex kompletament akkumpanjati minn miżuri ta’ tpaċija.

(19)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija mbassra fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal + 0,9 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika 18 . Franza hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribut pożittiv għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punt perċentwali tal-PDG apparagun meta mqabbla mal-2022, li jirrifletti l-appoġġ finanzjarju antiċipat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2021 u fl-2022. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribut newtrali għall-pożizzjoni fiskali fl-2023 19 . Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,7 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,7 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni restrittiva tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment tiddependi fuq it-tneħħija gradwali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ippjanat bħalissa.

(20)Is-sistema tal-pensjonijiet attwali fi Franza hija kumplessa, li tikkonsisti f’aktar minn 40 skema koeżistenti. Dawn l-iskemi japplikaw għal gruppi differenti ta’ ħaddiema u funzjonijiet skont ġabriet differenti ta’ regoli. Fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat, fuq il-livell ta’14,6 % tal-PDG fl-2019 in-nefqa pubblika għall-pensjonijiet fi Franza kienet it-tielet l-ogħla fl-UE. L-ispiża għolja hija relatata ma’ proporzjon relattivament għoli ta’ sostituzzjoni (jiġifieri l-pensjoni meta mqabbla mal-pagi annwali finali), l-istennija tal-għomor, età effettiva tal-irtirar relattivament bikrija (madwar 62 sena) u għadd elevat ta’ benefiċjarji tal-pensjoni mill-popolazzjoni totali. Kemm skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar it-Tixjiħ kif ukoll skont l-aħħar rapport annwali tal-Kunsill Konsultattiv tal-Pensjonijiet ta’ Franza (Conseil d’orientation des retraites), wara xi tnaqqis previst sal-2024, l-infiq fuq il-pensjonijiet huwa pproġettat li jiżdied moderatament bejn l-2025 u madwar l-2030, b’madwar 0,2 punt perċentwali tal-PDG. In-nefqa pubblika totali għolja, bin-nefqa fuq il-pensjonijiet tkun waħda mill-partiti ewlenin, tikkontribwixxi għall-akkumulazzjoni tad-dejn pubbliku minkejja piż kbir tat-taxxa, li jwassal biex Franza tiffaċċja riskji għoljin ta’ sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fuq medda itwal ta’ żmien, in-nefqa fuq il-pensjonijiet tibda tonqos b’mod stabbli sal-2070, l-aktar minħabba l-indiċjar tal-benefiċċji tal-pensjoni mal-inflazzjoni, li tpatti għall-effett taż-żieda fil-proporzjon ta’ dipendenza minħabba t-tixjiħ. Is-simplifikazzjoni tas-sistema tal-pensjonijiet, billi tgħaqqad ir-reġimi differenti, tgħin biex ittejjeb it-trasparenza u l-ġustizzja tagħha, filwaqt li tinvolvi effetti pożittivi fuq il-mobilità tal-forza tax-xogħol u fuq l-effiċjenza tal-allokazzjoni tax-xogħol, u tista’ tirfed is-sostenibbiltà fiskali. Fl-2018, il-Gvern Franċiż beda proċess ta’ riforma bil-għan li jgħaqqad ir-regoli tar-reġimi multipli tal-pensjonijiet. Ir-riforma twaqqfet bit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Meta ppreżenta l-objettivi tal-pjan Franċiż għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Gvern ikkonferma l-impenn tiegħu li jsegwi riforma ambizzjuża tas-sistema tal-pensjonijiet, bil-għan li jtejjeb il-ġustizzja u s-sostenibbiltà tagħha.

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b) tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-Kriterju 2.2 tal-Anness V, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil Franza mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. L-implimentazzjoni tal-pjan Franċiż tinsab fi stadju avvanzat. L-ewwel talba għal pagament ta’ Franza ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-Kummissjoni, filwaqt li tqieset l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li wasslet għal żborż ta’ EUR 7,4 biljun f’appoġġ finanzjarju (nett mill-prefinanzjament) fl-4 ta’ Marzu 2022. It-38 stadju importanti u l-miri relatati jkopru r-riformi fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi, is-suq tax-xogħol, is-saħħa u l-kura fit-tul. Sar investiment fl-effiċjenza enerġetika tal-bini (akkomodazzjoni pubblika, privata u soċjali), it-trasport sostenibbli (xiri ta’ vetturi nodfa), id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni. Ġew ivvalidati diversi strateġiji ta’ riċerka f’teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali ewlenin u se jitnedew sejħiet għal proġetti fl-2022 u fl-2023.

(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Franza hija mistennija tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fi [Stat Membru] jammontaw għal 46,0 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan (b’investiment maġġuri fir-renovazzjoni enerġetika tal-bini), filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 21,3 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lil Franza tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(23)Franza ppreżentat id-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 20 tagħha fis-17 ta’ Diċembru 2021 għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-biċċa l-kbira tal-programmi qabel is-17 ta’ Marzu 2022. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, Franza tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, Franza qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta’ ħiliet u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli. It-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema jikkontribwixxi għaż-żieda fil-produttività tax-xogħol u konsegwentement għat-titjib tal-kompetittività ġenerali tal-ekonomija Franċiża.

(25)In-nuqqas ta’ ħaddiema qed jiżdied u l-impjegaturi jirrapportaw in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala l-ostaklu ewlieni għar-reklutaġġ f’aktar minn 50 % tal-każijiet, b’mod partikolari għal impjiegi li jeħtieġu ħiliet tekniċi, bħal dawk meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali (l-industrija, il-kostruzzjoni). L-investiment attwali fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema jieħu ż-żmien biex jagħti riżultati tajbin u l-effettività tiegħu huwa mminat mil-livell baxx ta’ ħiliet bażiċi ta’ aktar minn wieħed f’ħamsa mill-istudenti ta’ 15-il sena, li mbagħad għandhom it-tendenza li jibbenefikaw inqas minn taħriġ aktar tard fil-ħajja. Il-prestazzjoni baxxa fil-matematika (bl-istudenti Franċiżi li għandhom l-aktar punteġġ baxx fost it-22 pajjiż parteċipanti tal-UE fix-Xejriet fir-Riżultati Internazzjonali fil-Matematika u x-Xjenza (Trends in International Results in Mathematics and Science, TIMSS) 2019) u x-xjenza hija ta’ tħassib speċifiku, minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet tekniċi. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet jindikaw li dawk b’livell baxx ta’ ħiliet għandhom it-tendenza li jibbenefikaw inqas minn taħriġ li jwassal għal kwalifika.

(26)Minkejja riżultati tajbin b’mod ġenerali, l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u reġjonali għoljin fis-sistema edukattiva Franċiża għandhom impatt fuq il-livell tal-ħiliet bażiċi. Skont PISA, Franza hija wieħed mill-Istati Membri tal-UE fejn l-isfond soċjoekonomiku l-aktar jinfluwenza l-prestazzjoni tal-istudenti. L-indikaturi juru li 35,3 % taż-żgħażagħ żvantaġġati ta’ 15-il sena u 44,5 % tal-istudenti migranti tal-ewwel ġenerazzjoni ma għandhomx biżżejjed ħiliet bażiċi fil-qari, meta mqabbla ma’ 20,9 % bħala medja. Biex tindirizza din il-kwistjoni, fl-2017 Franza introduċiet riforma pilota li tikkonsisti fi “tnaqqis bin-nofs tad-daqsijiet tal-klassijiet” fl-ewwel snin tal-edukazzjoni għall-istudenti f’oqsma ta’ prijorità, biex l-istudenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ aktar personalizzat f’atmosfera li twassal għat-tagħlim. Fl-2021, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża enfasizzat nuqqasijiet fis-sistema skolastika, b’mod speċjali li kellhom impatt fuq l-eżiti tat-tagħlim ta’ studenti żvantaġġati, u appellat għal aktar awtonomija u evalwazzjoni tal-iskejjel. Ir-rati aktar baxxi ta’ parteċipazzjoni f’taħriġ kontinwu mill-għalliema u proporzjonijiet għoljin bejn l-istudenti u l-għalliema jistgħu jaggravaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi. L-għalliema tax-xjenza li jaħdmu f’żoni żvantaġġati għandhom it-tendenza li jkollhom livelli aktar baxxi ta’ ċertifikazzjoni milli f’pajjiżi oħra tal-UE. Ir-riforma tal-2018 tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u inċentivi sinifikanti għall-impjegaturi taw spinta lill-għadd ta’ apprendisti, b’impatt pożittiv fuq ir-rati ta’ impjieg għall-gradwati.

(27)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.

(28)Skont id-data tal-2020, id-dipendenza tal-importazzjoni ta’ Franza fuq iż-żejt, il-gass u l-faħam Russi hija ta’ 9 %, 17 % u 34 % rispettivament, taħt il-medja tal-UE 27 21 . Franza għandha esponiment aktar limitat għall-fjuwils fossili Russi mill-medja tal-UE fil-parti l-kbira minħabba li t-taħlita tal-enerġija Franċiża tiddependi l-aktar fuq l-enerġija nukleari (40,6 % tal-konsum gross intern tal-enerġija tagħha). Il-piż tal-fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġija huwa inqas mill-medja tal-UE 27: iż-żejt, il-gass u l-fjuwils fossili solidi (inkluż il-faħam) jirrappreżentaw 28,6 %, 15,4 % u 2,3 % tal-konsum gross intern tal-enerġija rispettivament fi Franza. Barra minn hekk, Franza għandha erba’ terminals tal-LNG, li jippermettu sors aktar diversifikat ta’ importazzjonijiet tal-gass. Madankollu, is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija qed iżidu l-urġenza biex Franza tkompli żżid l-isforzi tagħha biex tilħaq il-miri tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali tagħha għall-Enerġija u l-Klima. L-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta 19,1 % tal-konsum finali gross tal-enerġija ta’ Franza fl-2020, taħt il-mira ta’ 23 % stabbilita fil-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Aktar żidiet fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika se jkunu meħtieġa biex Franza tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Id-dekarbonizzazzjoni rapida tal-proċessi industrijali u tat-tisħin tal-bini tista’ tiġi megħjuna minn aktar appoġġ pubbliku għal teknoloġiji bħal pompi tas-sħana żgħar u fuq skala kbira u enerġija ġeotermali, inkluż appoġġ għan-netwerks tat-tisħin distrettwali, kif ukoll l-użu aktar mgħaġġel tad-diġestjoni anaerobika sostenibbli (“méthanisation”) u teknoloġiji oħra marbuta mal-produzzjoni tal-bijogassijiet sostenibbli bħall-bijometan. Tali investiment jgħin ukoll biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass naturali mir-Russja. Tneħħija aċċellerata tas-sussidji li jifdal għall-fjuwils fossili ttejjeb il-kompetittività tal-enerġiji rinnovabbli meta mqabbla mal-alternattivi tagħhom għall-fjuwils fossili. L-investiment fl-enerġija rinnovabbli, kemm dawk ibbażati fuq l-utilità kif ukoll dawk deċentralizzati, jista’ wkoll isaħħaħ ir-reżiljenza makroekonomika u l-kompetittività billi jżid is-sigurtà tal-enerġija u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija.

(29)L-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala ta’ utilità fi Franza, b’mod partikolari ta’ parks eoliċi fuq l-art u lil hinn mill-kosta u proġetti fotovoltajċi solari, ibati minn regolamentazzjoni restrittiva u ostakli amministrattivi u permessi għoljin. In-nuqqas ta’ investiment fil-grilja tal-elettriku fil-livell nazzjonali wassal ukoll għal skarsezza ta’ punti ta’ aċċess, żieda fl-ispejjeż tal-konnessjoni mal-grilja u dewmien fil-konnessjoni mal-grilja li bħalissa jistgħu jdumu sa diversi xhur. Il-parks eoliċi fuq l-art mhumiex permessi li jinbnew f’distanza ta’ 5-30 km minn radars tal-avjazzjoni meteoroloġika, militari u ċivili tal-madwar, u dan iwassal biex madwar 45 % tal-proġetti l-ġodda jsibuha diffiċli biex isibu postijiet xierqa. Jenħtieġ li l-proċeduri jittejbu biex jiġu evitati ostakli militari relatati mas-sikurezza fi stadju tard ħafna tal-iżvilupp ta’ proġett. Proċess ta’ approvazzjoni li jinvolvi l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jfisser li talbiet frekwenti għall-aġġornament tad-dokumenti tal-ippjanar urban iridu jiġu riflessi wkoll f’dokumenti ta’ livell aktar baxx, filwaqt li jiġu ġġenerati piżijiet amministrattivi addizzjonali. Il-proċess tal-permessi jista’ jitħaffef billi jiġu allokati lilu aktar riżorsi umani u finanzjarji fl-amministrazzjonijiet ċentrali fil-livelli reġjonali (jiġifieri għal servizzi deċentralizzati tal-Istat) kif ukoll awtoritajiet kompetenti u operaturi tal-grilja, involviment aktar mill-qrib tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali fl-ippjanar spazjali, u applikazzjoni aktar rapida tal-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti. It-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-parteċipazzjoni pubblika u d-deċentralizzazzjoni jnaqqas l-ilmenti ta’ partijiet terzi, sors ta’ dewmien kbir fl-ikkummissjonar ta’ proġetti ġodda. Qafas regolatorju stabbli fil-livell nazzjonali jipprovdi aktar ċertezza għall-investituri, b’mod partikolari għal ippjanar aktar fit-tul.

(30)It-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija se jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Fi Franza, il-kostruzzjoni u l-użu tal-bini jirrappreżentaw 25 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jiddedika komponent sħiħ għar-rinnovazzjoni tal-enerġija għall-bini, u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi assoċjati b’approċċ wiesa’ u trażversali. Il-miżuri jkopru t-tipi kollha ta’ bini, bi prijorità għall-bini pubbliku, iżda wkoll azzjoni sinifikanti biex jiġi rinnovat l-istokk tal-bini privat u l-akkomodazzjoni soċjali, u biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tan-negozji ż-żgħar. Fil-kuntest tal-pjan nazzjonali l-ġdid tagħha għar-reżiljenza, Franza qed issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għat-tisħin rinnovabbli fil-bini, eż. billi żżid il- “fond għat-tisħin” b’EUR 150 miljun u s-sussidju għall-installazzjoni ta’ tisħin ibbażat fuq sorsi rinnovabbli b’EUR 1 000. L-istrateġija Nazzjonali Franċiża b’Livell Baxx ta’ Karbonju (Stratégie Nationale Bas Carbone) tiddefinixxi trajettorja ambizzjuża biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bini u tinkiseb dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-enerġija kkunsmata fil-bini sal-2050. L-iskema attwali “Ma Prime Renov”, immirata lejn l-unitajiet domestiċi, prinċipalment tissussidja azzjonijiet ta’ rinnovazzjoni uniċi. Biex jitħeġġu kisbiet aktar sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika, il-qafas ta’ politika jista’ jittejjeb biex jinċentiva rinnovazzjoni profonda u jgħin lil Franza tkompli żżid l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tagħha. Il-liġi dwar il-klima u r-reżiljenza adottata f’Awwissu 2021 għandha l-għan li tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’ħafna modi, pereż. billi tipprevedi bonusijiet għar-roti elettriċi u toħloq żoni b’emissjonijiet baxxi f’żoni metropolitani.

(31)Aktar appoġġ għall-interkonnetturi transfruntieri tal-elettriku (li qed jiġu żviluppati jew ippjanati) jibqa’ ta’ importanza kruċjali għall-integrazzjoni ta’ ishma kbar ta’ sorsi rinnovabbli. Il-forniment minn qabel tal-investiment f’infrastruttura tal-enerġija, kemm domestika kif ukoll transfruntiera, se jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u b’mod partikolari l-gass Russu. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-network ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. L-interkonnessjonijiet huma kruċjali għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tal-enerġija billi jinġabru flimkien ir-riżorsi biex tinkiseb is-sigurtà ġenerali tal-provvista.

(32)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, Franza tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, Franza tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

(33)Il-Kunsill eżamina l-politiki fiskali ta’ Franza, b’kont meħud tat-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, u l-valutazzjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(34)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Għal Franza, dan huwa rifless fl-erba’ rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt.

(35)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) hawn taħt. Ir-Rakkomandazzjonijiet 1, 2 u 3 jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ewwel, it-tieni u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro. Il-politiki fiskali msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (2) jgħinu fost l-oħrajn biex jitnaqqas id-dejn tal-gvern u titjieb il-kompetittività, billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tappoġġa t-tkabbir filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (3) jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mal-kompetittività.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:

1.Fl-2023, tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiżgura tnaqqis kredibbli u gradwali tad-dejn u sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali, investiment u riformi. Tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet biex progressivament tgħaqqad ir-regoli tar-reġimi differenti tal-pensjonijiet biex ittejjeb il-ġustizzja tagħha filwaqt li tirfed is-sostenibbiltà tagħha.

2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.

3.Tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet billi tgħolli l-livell ta’ ħiliet bażiċi, tipprovdi għażliet ta’ tagħlim addizzjonali bbażati fuq ix-xogħol u ttejjeb l-eżiti tat-tagħlim tal-istudenti kollha, b’mod partikolari billi tadatta r-riżorsi u l-metodi għall-ħtiġijiet ta’ studenti u skejjel żvantaġġjati u billi ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u t-taħriġ kontinwu tal-għalliema.

4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Taċċellera l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli fuq skala ta’ utilità u deċentralizzati permezz ta’ aktar investiment pubbliku u billi tiffaċilita l-investiment privat, inkluż billi tissimplifika aktar il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u tiżgura persunal adegwat għall-amministrazzjonijiet awtorizzanti. Ittejjeb il-qafas ta’ politika biex tinċentiva r-rinnovazzjoni profonda tal-bini. Tespendi l-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-enerġija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.
(5)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-
Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020) 123 final.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.
(7)    L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-rakkomandazzjoni huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq is-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.
(8)    Mhux iffinanzjati minn għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(9)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill: Gwida tal-politika fiskali għall-2023, Brussell, 2.3.2022, COM(2022) 85 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (ST 10162/2021; ST 10162/2021 ADD 1.
(11)    SWD(2022) 612.
(12)    SWD(2022) 632.
(13)    Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa tal-2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(14)    L-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-UE huwa preżunt li gradwalment jilħaq is-sitt miljuni sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-UE minn Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus kontanti li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji in natura bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Franza tal-2021, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 43.
(16)    Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) ta’ tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (kontrazzjonarja).
(17)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(18)    Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) ta’ tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (kontrazzjonarja).
(19)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG.
(20)    Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi. ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(21)    Eurostat (2020), is-sehem tal-importazzjonijiet Russi fuq l-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u faħam. Għall-medja tal-UE-27, l-importazzjonijiet totali huma bbażati fuq importazzjonijiet barra mill-UE 27. Għal Franza, l-importazzjonijiet totali jinkludu l-kummerċ intra-UE. Iż-żejt mhux raffinat ma jinkludix prodotti taż-żejt raffinat.