SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
24 ta’ Frar 2021 ( *1 )
“Klawżola ta’ arbitraġġ – Programmi Tempus IV – Ftehimiet ta’ sussidju – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors – Spejjeż eliġibbli – Irregolaritajiet sistemiċi u rikorrenti – Rimbors sħiħ tas-somom imħallsa – Proporzjonalità – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”
Fil-Kawża T‑108/18,
Universität Koblenz-Landau, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. von der Lühe u I. Felder, avocats,
rikorrenti,
vs
Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), irrappreżentata minn H. Monet, bħala aġent, assistit minn R. van der Hout u C. Wagner, avocats,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 tal-EACEA dwar is-somom imħallsa lir-rikorrenti fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ sussidju konklużi għat-twettiq ta’ tliet proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex id-dritt għall-irkupru mitlub jiġi ddikjarat bħala mhux stabbilit,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn S. Papasavvas, President, A. Kornezov (Relatur), E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, Universität Koblenz-Landau, hija stabbiliment Ġermaniż ta’ edukazzjoni ogħla rregolat mid-dritt pubbliku. |
|
2 |
Fl-2008 u fl-2010, fil-kuntest tal-programmi tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi intiżi għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla ta’ dawn il-pajjiżi, imsemmija Tempus IV, ir-rikorrenti ffirmat it-tliet ftehimiet ta’ sussidju segwenti:
[omissis] |
|
19 |
B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-21 ta’ Diċembru 2017”), l-EACEA informat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li tirkupra ammont ta’ EUR 756 381.89 skont il-Ftehim ta’ Ecesis. F’dak li jirrigwarda l-Ftehimiet Diusas u Deque, hija informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li titlob biss ir-rimbors tas-somom li hija kienet irċeviet fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet bħala benefiċjarja finali, bl-esklużjoni għaldaqstant tas-somom ittrasferiti minnha lil kobenefiċjarji, li l-ammont tagħhom kien għad irid jiġi kkomunikat lilha minnha. L-EACEA ppreċiżat li, jekk hija ma tiksibx informazzjoni dwar l-ammonti mħallsa lill-kobenefiċjarji taħt dawn iż-żewġ ftehimiet, hija kienet ser titlob ir-rimbors sħiħ ta’ dawn l-ammonti jew ir-rimbors ta’ somma “ogħla”. |
|
20 |
B’ittra tas-7 ta’ Frar 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-7 ta’ Frar 2018”), minn naħa, l-EACEA kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-somom li kienu tħallsu lilha skont il-Ftehimiet Diusas u Deque u ttrasferiti sussegwentement lil entitajiet oħra kobenefiċjarji. Min-naħa l-oħra, l-EACEA indikat li hija stess ikkuntattjat lil dawn tal-aħħar u li rċeviet, min-naħa ta’ xi wħud minnhom, l-informazzjoni mitluba. Abbażi tal-informazzjoni miġbura b’dan il-mod, l-EACEA stabbilixxiet l-ammont li għandu jiġi rrimborsat għal EUR 695 919.31 għall-Ftehim Diusas u għal EUR 343 525.10 għall-Ftehim Deque. L-EACEA stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżentalha, fejn xieraq, l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ ħmistax-il jum kalendarju, filwaqt li ppreċiżat li, fl-assenza ta’ tali osservazzjonijiet, hija kienet ser tirkupra l-ammonti msemmija iktar’ il fuq. |
|
21 |
Fit-13 ta’ Frar 2018, l-EACEA bagħtet lir-rikorrenti nota ta’ debitu ta’ ammont ta’ EUR 756 381.89 skont il-Ftehim Ecesis (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”). |
|
22 |
Is-somma totali mitluba abbażi tat-tliet ftehimiet kienet għalhekk ta’ EUR 1795 826.30. |
Proċedura
|
23 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Dan ġie dirett kontra l-“Kummissjoni […], irrappreżentata mill-EACEA”. |
|
24 |
Skont id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2018, dan ir-rikors ġie kkunsidrat bħala dirett kontra l-EACEA kif ukoll kontra l-Kummissjoni. |
|
25 |
Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sa fejn ir-rikors kien dirett kontriha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fit-18 ta’ Ġunju 2018. |
|
26 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2018, l-EACEA ppreżentat ir-risposta tagħha. |
|
27 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika. |
|
28 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2018, l-EACEA ppreżentat il-kontroreplika. |
|
29 |
B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. |
|
30 |
B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni. |
|
31 |
Fuq talbiet tar-rikorrenti, il-proċedura ġiet sospiża darbtejn, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Frar u tal-11 ta’ Ġunju 2019, minħabba li r-rikorrenti u l-EACEA kienu bdew diskussjonijiet intiżi sabiex jintlaħaq eventwali ftehim bonarju. |
|
32 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2019, it-tielet talba għal sospensjoni tal-proċedura ġiet miċħuda. |
|
33 |
Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2019, Universität Koblenz-Landau vs Il-Kummissjoni u EACEA (T‑108/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:768), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn kien dirett kontra l-Kummissjoni u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta ma’ din l-istanza. |
|
34 |
Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2019, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lill-Għaxar Awla. |
|
35 |
Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-EACEA ressqet, fis-6 ta’ Novembru 2019, talba għal smigħ waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
|
36 |
B’deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat lura l-kawża quddiem l-Għaxar Awla b’kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames imħallfin. |
|
37 |
Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu u tas-27 ta’ Mejju 2020, adottati skont l-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-partijiet, u dan wieġbu għalihom fit-termini mogħtija. |
|
38 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. |
|
39 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-16 ta’ Settembru 2020, li fi tmiemha ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura. |
|
40 |
B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti ressqet talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali billi bbażat ruħha fuq digriet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Koblenz tat-28 ta’ Diċembru 2020, li kien ġie nnotifikat lilha fit-28 ta’ Jannar 2021. B’deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2021, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġeneali ċaħad din it-talba, u l-partijiet ġew informati b’dan b’ittri tar-Reġistratur tal-5 ta’ Frar 2021. |
Talbiet
|
41 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
42 |
Fir-replika, ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikklassifika mill-ġdid dan ir-rikors bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u tikkonstata li d-dejn ta’ EUR 756 381.89 mitlub taħt il-Ftehim Ecesis u dak ta’ EUR 1039 444.41 mitlub taħt il-Ftehimiet ta’ sussidju Diusas u Deque ma jeżistux. |
|
43 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet kap ta’ talbiet ippreżentat fir-rikors, sa fejn l-EACEA kienet iddeċidiet li tissospendi l-irkupru tas-somom mitluba fl-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018, u r-rikorrenti ġiet informata b’dan permezz ta’ ittra tad-9 ta’ April 2018, ippreżentata fl-Anness C.5 tar-risposta. Ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, li hija kienet irtirat it-tielet kap ta’ talbiet tagħha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta. |
|
44 |
L-EACEA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
45 |
Waqt is-seduta, l-EACEA ddikjarat li hija kienet qiegħda tirrinunzja milli tikkontesta l-kwalità tagħha ta’ konvenuta u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan kien ippreżentat kontriha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta. |
Fid-dritt
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EACEA
[omissis]
Fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors bħala li huwa bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE
[omissis]
|
65 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, dan ir-rikors ippreżentat inizjalment abbażi tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, skont l-Artikolu 272 TFUE u l-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fl-Artikolu I.8 tal-Ftehim Ecesis u l-Artikolu I.9 tal-Ftehimiet Diusas u Deque. |
Fuq il-mertu
|
66 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq “applikazzjoni żbaljata tad-dritt Ewropew”, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
67 |
Qabel kollox, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motivi flimkien, sussegwentement, it-tieni motiv, u, fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv. |
Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
– Fuq l-invokabbiltà tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali
|
68 |
L-EACEA ssostni li d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, skont l-EACEA, hija la kellha l-obbligu li tisma’ lir-rikorrenti qabel ma tibgħatilha l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tat-8 ta’ Frar 2018 u n-nota ta’ debitu, u lanqas l-obbligu li tagħti motivazzjoni għalihom. |
|
69 |
Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni, invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv tagħha, ġew stabbiliti fl-Artikolu 41(2)(a) u (ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprovdi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, minn naħa, obbligati josservaw id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali li tolqotha negattivament u, min-naħa l-oħra, li jimmotiva d-deċiżjonijiet tagħhom. |
|
71 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Karta, li tagħmel parti mid-dritt primarju, tipprevedi, fl-Artikolu 51(1) tagħha, mingħajr eċċezzjoni, li d-dispożizzjonijiet tagħha “huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà” u li, għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali huma intiżi sabiex jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż f’qafas kuntrattwali (sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni, T‑48/16, EU:T:2018:245, punti 101 u 102, u tat-3 ta’ Mejju 2018, Sigoni vs Il-Kummissjoni, T‑47/16, EU:T:2018:247, punti 79 u 80; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2020, Talanton vs Il-Kummissjoni, T‑195/18, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2020:194, punt 73). |
|
72 |
Bl-istess mod, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi tagħhom taħt il-Karta u skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). |
|
73 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81). |
|
74 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ma humiex kompletament komparabbli ma’ partijiet kontraenti privati, meta jaġixxu f’kuntest kuntrattwali. Għalhekk, minn naħa, is-sussidji mogħtija minnhom huma koperti mill-fondi pubbliċi tal-Unjoni, b’tali mod li, meta jagħtu tali sussidji, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni jibqgħu rregolati b’mod partikolari mir-rekwiżiti baġitarji li jirriżultaw mill-Artikolu 317 TFUE u mir-regoli finanzjarji previsti f’dan ir-rigward mir-regolament finanzjarju applikabbli. Min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ kuntratt li jinkludi, bħal f’dan il-każ, klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Kummissjoni għandha prerogattivi eżorbitanti tad-dritt komuni li jippermettulha tifformalizza l-konstatazzjoni ta’ kreditu kuntrattwali billi tadotta unilateralment, abbażi tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), jew tal-Artikolu 79(2) tar-Regolament Nru 966/2012, deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 299 TFUE, li l-effetti tagħha u s-saħħa vinkolanti tagħha joħorġu mill-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 68 sa 70 u 73). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(1) tar-Regolament Nru 966/2012, sussidju jista’ jingħata jew permezz ta’ ftehim bil-miktub, jew permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lill-benefiċjarju. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li sussidju seta’ jingħata kemm permezz ta’ kuntratt kif ukoll bil-mezzi amministrattivi. Issa, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ma jistgħux, skont kif jixtiequ, jevitaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt primarju, inkluża l-Karta, skont l-għażla tagħhom li jagħtu sussidji permezz ta’ ftehim pjuttost milli permezz ta’ deċiżjoni. |
|
75 |
Għaldaqstant, l-oġġezzjoni tal-EACEA dwar l-invokabbiltà tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’tilwim ta’ natura kuntrattwali għandha tiġi miċħuda. |
– Fuq id-dritt għal smigħ
[omissis]
|
78 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-EACEA ggarantixxietx lir-rikorrenti l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħha qabel ma bagħtitilha l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 u n-nota ta’ debitu tat-13 ta’ Frar 2018. |
|
79 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni kienu obbligati, konformement, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li josservaw il-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awditjar bħal dik prevista fl-Artikolu II.19 tal-ftehimiet kontenzjużi. L-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-informazzjoni rilevanti kollha, u b’mod partikolari dik li l-parti kontraenti tagħhom tkun f’pożizzjoni li tipprovdilhom, qabel ma jieħdu d-deċiżjoni li jipproċedu għall-irkupru, li joħorġu nota ta’ debitu, ixolju kuntratt jew jirrifjutaw li jwettqu pagamenti addizzjonali lill-parti kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il-Kummissjoni, C‑100/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 123). |
|
80 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-abbozz tar-rapport ta’ awditjar ġie kkomunikat lir-rikorrenti u li l-EACEA stiednet lil din tal-aħħar sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha dwar il-konstatazzjonijiet tal-awdituri, u hija effettivament għamlet dan b’mod iddettaljat fl-ittri tagħha tad-29 ta’ Settembru u tal-11 ta’ Novembru 2016 (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, l-abbozz tar-rapport ta’ awditjar kien isemmi n-natura potenzjalment sistemika u rikorrenti tal-irregolaritajiet ikkonstatati. Fl-ittri msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni fuq il-konstatazzjonijiet kollha li jinsabu fl-abbozz tar-rapport ta’ awditjar. |
|
81 |
It-tieni nett, b’ittra tas-26 ta’ Lulju 2017, l-EACEA bagħtet lir-rikorrenti r-rapport finali ta’ awditjar u r-rapport finali tal-OLAF. Dan tal-ewwel kien jirreferi għall-osservazzjonijiet u għall-provi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tad-29 ta’ Settembru u tal-11 ta’ Novembru 2016, b’rabta ma’ kull wieħed mill-35 konstatazzjoni finanzjarja (Financial Audit Findings) u tas-7 konstatazzjonijiet dwar il-ġestjoni (Management Audit Findings), filwaqt li spjega kull darba l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awdituri f’dan ir-rigward. |
|
82 |
It-tielet nett, fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2017, l-EACEA indikat li, minħabba n-natura serja tal-irregolaritajiet ikkonstatati, kif ukoll in-natura sistemika u rikorrenti tagħhom, hija kellha l-intenzjoni li tirkupra t-totalità tas-somom imħallsa lir-rikorrenti taħt il-ftehimiet kontenzjużi. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-irkupru previst f’terminu ta’ 60 jum. |
|
83 |
Ir-rikorrenti kkonformat ma’ din l-istedina b’ittra tal-25 ta’ Settembru 2017 u reġgħet ippreżentat dokumenti. |
|
84 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2017, l-EACEA, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Ftehimiet Diusas u Deque, indikat l-intenzjoni tagħha li titlob ir-rimbors ta’ somma korrispondenti għal dik irċevuta mir-rikorrenti bħala benefiċjarja finali u li, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet l-informazzjoni neċessarja li tippermettilha tistabbilixxi r-realtà ta’ din is-somma, hija ma kellhiex għażla oħra ħlief li tiddeterminaha abbażi tal-informazzjoni disponibbli. L-EACEA informat ukoll lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tirkupra s-somma sħiħa mħallsa minnha taħt il-Ftehim Ecesis, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti kienet l-unika benefiċjarja. |
|
85 |
B’ittra tas-7 ta’ Frar 2018, l-EACEA stabbilixxiet is-somom li għandhom jiġu rkuprati taħt il-Ftehimiet Diusas u Deque abbażi tal-informazzjoni li hija stess setgħet tiġbor mingħand ċerti kobenefiċjarji. |
|
86 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, u dan diversi drabi, il-pożizzjoni tagħha qabel ma ntbagħtulha l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 kif ukoll in-nota ta’ debitu, kemm fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-irregolaritajiet ikkonstatati kif ukoll fir-rigward tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati. |
|
87 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti madankollu ssostni li kien impossibbli għaliha li tippreżenta oriġinali ta’ ċerti fatturi, bħal dawk mitluba mill-EACEA fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017, minħabba li, f’dak il-mument, huma ma kinux għadhom fil-pussess tagħha, peress li dawn il-fatturi kienu ġew issekwestrati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ta’ investigazzjoni pendenti mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Koblenz. |
|
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, l-impossibbiltà oġġettiva u pprovata, għal raġunijiet mhux imputabbli lill-persuna kkonċernata, li tippreżenta ċerti dokumenti fuq talba tal-EACEA, tista’, f’ċerti każijiet, iċċaħħad lil din il-persuna minn kull possibbiltà li tesponi l-opinjoni tagħha, b’mod utli u effettiv, f’dak li jikkonċerna l-fatti li huma s-suġġett ta’ dawn id-dokumenti, meta n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tagħhom kellu effett fuq id-determinazzjoni tas-somom li huma s-suġġett tat-talbiet għal rimbors. |
|
89 |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, għalkemm ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti kienet tinsab fl-impossibbiltà oġġettiva u pprovata, għal raġunijiet li ma humiex imputabbli lilha, li tippreżenta l-oriġinali tal-fatturi mitluba mill-EACEA fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017, jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ma kellu ebda effett fuq id-determinazzjoni tas-somom li huma s-suġġett tat-talbiet għal rimbors li jinsabu fl-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 u fin-nota ta’ debitu tat-13 ta’ Frar 2018. |
|
90 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-proċess jirriżulta li s-sekwestru tad-dokumenti mill-Uffiċju tal-Prosekutur ta’ Koblenz seħħ fit-22 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li kemm l-awditu kif ukoll l-investigazzjoni tal-OLAF kienu twettqu fil-perijodu bejn l-2014 u l-2016, jiġifieri qabel is-sekwestru inkwistjoni, b’tali mod li kemm l-awdituri kif ukoll l-OLAF setgħu jikkonsultaw il-kontenut tal-fatturi inkwistjoni u jisiltu minnhom konklużjonijiet xierqa, kif barra minn hekk tammetti r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2020. Minbarra dan, dan is-sekwestru seħħ wara l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-abbozz tar-rapport ta’ awditjar fit-22 ta’ April 2016, li kien diġà fih il-parti essenzjali tal-konstatazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ftehimiet kontenzjużi. Mill-imsemmi rapport jirriżulta, b’mod partikolari, li l-konklużjonijiet tal-awdituri huma bbażati fuq eżami ta’ kważi l-ispejjeż kollha mitluba fil-kuntest tal-ftehimiet kontenzjużi (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, permezz tal-ittri tad-29 ta’ Settembru u tal-11 ta’ Novembru 2016, jiġifieri dejjem ferm qabel is-sekwestru inkwistjoni, ir-rikorrenti sostniet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-abbozz tar-rapport tal-awditjar, b’tali mod li hija setgħet, f’dak il-mument, tikkonsulta d-dokumenti rilevanti kollha fil-pussess tagħha, inklużi l-fatturi li huma s-suġġett tas-sekwestru sussegwenti, u b’hekk issostni l-pożizzjoni tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti. |
|
91 |
Min-naħa l-oħra, ċertament, l-EACEA talbet il-produzzjoni ta’ ċerti fatturi oriġinali fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017. Madankollu, fl-ittra tal-21 ta’ Diċembru 2017, l-EACEA ħadet nota tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx fil-pussess tal-fatturi oriġinali mitluba u li għalhekk kien impossibbli għaliha li tippreżentahom. Madankollu, hija ma ddeduċiet l-ebda konklużjoni minn dan. Fil-fatt, ebda element ta’ din l-ittra jew ta’ dik tas-7 ta’ Frar 2018 ma juri li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-imsemmija fatturi kellu xi effett fuq id-determinazzjoni tas-somom li kienu s-suġġett tat-talbiet għal rimbors li jinsabu fl-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 u fin-nota ta’ debitu tat-13 ta’ Frar 2018. Kif tispjega l-EACEA fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu 2020 u waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, fost il-bosta irregolaritajiet misjuba fir-rapporti finali ta’ awditjar u tal-OLAF, uħud kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-inkoerenzi relatati mal-kontenut tal-fatturi (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u mhux il-fatt li dawn ma kinux oriġinali. |
|
92 |
Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx fil-pussess tal-fatturi oriġinali mitluba lanqas ma kien tali li jostakola l-preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tat-tqassim, mitlub mill-EACEA, bejn l-ammonti rċevuti mir-rikorrenti bħala benefiċjarja finali tal-Ftehimiet Diusas u Deque u dawk ittrasferiti minnha lill-kobenefiċjarji tal-imsemmija ftehimiet. Fil-fatt, skont l-ittra tal-EACEA tas-26 ta’ Lulju 2017, dan it-tqassim kellu jsir fuq il-bażi ta’ trasferimenti bankarji jew ta’ ċertifikati bankarji, u mhux fuq il-bażi tal-imsemmija fatturi. |
|
93 |
Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-oriġinali tal-fatturi mitluba mill-EACEA fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Lulju 2017 ma kellu ebda effett fuq id-determinazzjoni tas-somom li kienu s-suġġett tat-talbiet għal rimbors li jinsabu fl-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 u fin-nota ta’ debitu. |
|
94 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
– Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni
[omissis]
|
97 |
Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet, u huwa meħtieġ, sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ikun ġie adottat l-att ikkontestat. B’dan il-mod, att huwa suffiċjentement immotivat jekk jitfassal f’kuntest magħruf mid-destinatarju kkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il-Parlament, T‑213/10 P, EU:T:2011:617, punt 30, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punti 64 sa 67). |
|
98 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 jidentifikaw b’mod ċar il-bażi legali tal-irkupru previst, jiġifieri l-Artikolu II.19, paragrafu (3) u (5) tal-ftehimiet kontenzjużi u l-Artikolu 135(4) tar-Regolament Nru 966/2012 (ara l-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq), u s-somom li l-EACEA qieset li kellhom jiġu rkuprati. |
|
99 |
It-tieni nett, il-bosta skambji bil-miktub bejn il-partijiet li seħħew mill-komunikazzjoni tal-abbozz tar-rapport tal-awditjar lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2016 u mfakkra fil-punti 7 sa 20 iktar ’il fuq fihom informazzjoni suffiċjenti u konkordanti li tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-EACEA ddeċidiet li titlob ir-rimbors inkwistjoni u l-mod kif ġew iddeterminati s-somom li għandhom jiġu rrimborsati. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punti 80 u 81 iktar ’il fuq, ir-rapport finali tal-awditjar, li fuq il-konklużjonijiet tiegħu l-EACEA tibbaża ruħha għall-finijiet tal-irkupru previst, ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet kollha tar-rikorrenti u l-provi li hija ppreżentat, eżaminahom u ċaħadhom individwalment, filwaqt li spjega kull darba r-raġunijiet li għalihom dawn l-osservazzjonijiet jew provi ma kinux jikkontestaw il-konstatazzjonijiet li kienu waslu għalihom l-awdituri. |
|
100 |
It-tielet nett, fl-ittra tal-21 ta’ Diċembru 2017, l-EACEA, minn naħa, wieġbet għall-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tad-9 ta’ Awwissu u tal-25 ta’ Settembru 2017 u, min-naħa l-oħra, spjegat b’mod ċar li s-somom li kellhom jiġu rkuprati ma kinux iddeterminati abbażi l-ispejjeż ikkunsidrati bħala ineliġibbli, iżda abbażi tal-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet serji, sistemiċi u rikorrenti li jaffettwaw l-implementazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi. |
|
101 |
Minn dan isegwi li l-ittri tal-21 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Frar 2018 fihom motivazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-EACEA kienet iddeċidiet li titlob ir-rimbors tas-somom inkwistjoni u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. |
|
102 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikors, ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq “applikazzjoni żbaljata tad-dritt Ewropew”
[omissis]
– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali li tippermetti rkupru sħiħ tas-somom imħallsa
|
104 |
Ir-rikorrenti tqis li la l-Artikolu II.19, paragrafu (3) u (5), tal-ftehimiet kontenzjużi, u lanqas l-Artikolu 135(4) tar-Regolament Nru 966/2012 ma jippermettu lill-EACEA tipproċedi bl-irkupru sħiħ tas-somom li tħallsu lilha fil-kuntest tal-ftehimiet kontenzjużi. |
|
105 |
L-EACEA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
106 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-Ftehim Ecesis, l-għoti tas-sussidju inkwistjoni huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, ir-“regoli Komunitarji applikabbli” u, sussidjarjament, id-dritt Belġjan dwar l-għoti ta’ sussidji. Fir-rigward tal-Ftehimiet Diusas u Deque, skont l-Artikolu I.9 ta’ kull waħda minnhom, dawn huma rregolati mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali u mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. |
|
107 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu II.19(3) ta’ kull wieħed minn dawn il-ftehimiet, l-EACEA għandha d-dritt li twettaq kontrolli dwar l-użu tas-sussidji. Skont din id-dispożizzjoni, ir-riżultati tal-kontrolli jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet ta’ rkupru. Bl-istess mod, l-Artikolu II.19(5) tal-ftehimiet jispeċifika li l-OLAF għandu d-dritt li jwettaq kontrolli li jistgħu jwasslu wkoll għal deċiżjonijiet ta’ rkupru. |
|
108 |
Dawn il-klawżoli, li r-rikorrenti tallega l-ksur tagħhom, ma jeskludux għaldaqstant il-possibbiltà għall-EACEA li tipproċedi bl-irkupru sħiħ tas-somom imħallsa taħt l-imsemmija ftehimiet. Fil-fatt, huma jindikaw li l-EACEA tista’ tipproċedi bl-“irkupru” tas-sussidji, mingħajr ebda limitazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
109 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda r-“regoli tal-Unjoni applikabbli” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu I.8 tal-Ftehim Ecesis u tal-Artikolu I.9 tal-Ftehimiet Diusas u Deque, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, f’dan il-każ, huma applikabbli rationae temporis, l-ewwel nett, ir-Regolament Nru 1605/2002, li tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 (Artikolu 212 tar-Regolament Nru 966/2012) u, sussegwentement, ir-Regolament Nru 966/2012, u dan tal-aħħar tħassar, min-naħa tiegħu, b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2018 bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1). Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 187 tar-Regolament Nru 1605/2002 u l-Artikolu 212 tar-Regolament Nru 966/2012, ir-Regolament Nru 1605/2002 kien japplika, bħala regola ġenerali, mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-1 ta’ Jannar 2013, filwaqt li l-ftehimiet kontenzjużi ġew konklużi, rispettivament, fl-2008 u fl-2010 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehimiet u, konsegwentement, il-perijodu awditjat, kien il-perijodu bejn il-15 ta’ Jannar 2009 u l-14 ta’ Jannar 2011 għall-Ftehim Ecesis, mill-15 ta’ Ottubru 2010 sal-14 ta’ Ottubru 2012 għall-Ftehim Diusas u mill-15 ta’ Ottubru 2010 sal-14 ta’ Ottubru 2013 għall-Ftehim Deque. Minn dan isegwi, minn naħa, li r-Regolament Nru 1605/2002 kien applikabbli rationae temporis għall-Ftehimiet Ecesis u Diusas u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess regolament u r-Regolament Nru 966/2012 kienu suċċessivament applikabbli għall-Ftehim Deque. |
|
110 |
Skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, “[j]ekk il-benefiċjarju jonqos milli jkun konformi ma’ l-obligazzjonijiet legali jew kontrattwali tiegħu, l-għotja għandha tkun sospiża u mnaqqas jew itterminata fil-każi li hemm provvediment dwarhom fir-regoli ta’ l-implimentazzjoni wara li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu”. L-użu tal-kelma “itterminata” jirreferi għalhekk għall-ipoteżi ta’ rkupru tas-somom kollha rċevuti. |
|
111 |
L-Artikolu 135(4) tar-Regolament Nru 966/2012, min-naħa tiegħu, huwa fformulat kif ġej: “Fejn tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi jkunu attribwibbli lill-benefiċjarju, jew jekk il-benefiċjarju jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-ftehim jew deċiżjoni tal-għotja, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ wkoll inaqqas l-għotja jew jirkupra ammonti li tħallsu għalxejn skont il-ftehim jew deċiżjoni tal-għotja, fi proporzjon mal-gravità tal-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi jew ta’ ksur ta’ obbligi, basta l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet.” |
|
112 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 135(5) tar-Regolament Nru 966/2012 jipprevedi dan li ġej: “F’każ li l-kontrolli u l-awditjar juri ta’ żbalji, irregolaritajiet, frodi jew ksur ta’ obbligi sistemiċi jew rikorrenti attribwibbli lill-benefiċjarju li jkollhom impatt fuq għadd ta’ għotjiet aġġudikati lil dak il-benefiċjarju skont kondizzjonijiet simili, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jissospendi l-implimentazzjoni tal-għotjiet kollha kkonċernati, jew, fejn xieraq, itemm l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet tal-għotja ma’ dak il-benefiċjarju, fi proporzjoni mal-gravità tal-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi, dment li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’, barra minn hekk, wara li tkun saret proċedura akkużatorja, inaqqas il-għotijiet jew jirkupra l-ammonti mħallsin indebitament f’dak li għandu x’jaqsam mal-għotjiet milqutin mill-iżbalji, irregolaritajiet, frodi jew ksur ta’ obbligi sistemiċi jew rikorrenti li hemm riferiment għalihom fl-ewwel subparagrafu li jistgħu jkunu awditjati skont il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet tal-għotja.” |
|
113 |
B’dan il-mod, la l-Artikolu 119(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 u lanqas l-Artikolu 135(4) tar-Regolament Nru 966/2012 ma jipprekludu l-irkupru sħiħ ta’ sussidju. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi b’mod espliċitu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-iżbalji, l-irregolaritajiet, il-frodi jew il-ksur tal-obbligi kkonstatati. Għalhekk, il-fatt li dawn ikunu ta’ natura sistemika jew rikorrenti huwa, evidentement, element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-imsemmija irregolaritajiet. Għaldaqstant, meta l-gravità tal-iżbalji, tal-irregolaritajiet, tal-frodi jew tal-ksur tal-obbligi kkonstatati tkun tali li tikkomprometti s-sistema sħiħa ta’ kontroll u ta’ ġestjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, u b’hekk, l-infiq kollu mitlub, allura l-irkupru sħiħ tas-somom imħallsa ma jistax jitqies li huwa sproporzjonat. |
|
114 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata, barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 135(5) tar-Regolament Nru 966/2012, li jipprovdi li, fil-każ ta’ irregolaritajiet sistemiċi u rikorrenti imputabbli lill-persuna benefiċjarja u li jkollhom impatt materjali fuq diversi sussidji, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ “jirkupra l-ammonti mħallsin indebitament” taħt il-ftehimiet kollha affettwati minn dawn l-irregolaritajiet. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma teskludix il-possibbiltà li jsir irkupru sħiħ ta’ sussidju speċifiku, jekk il-gravità tal-irregolaritajiet ikkonstatati tkun tali li l-ammonti kollha inkwistjoni għandhom jitqiesu li tħallsu indebitament. |
|
115 |
Din il-konklużjoni hija konformi wkoll mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni previst fl-Artikolu 317 TFUE. Għalhekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn ftehim ta’ sussidju, l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni huma obbligati li jirkupraw is-sussidju mħallas sal-limitu tal-ammonti kkunsidrati bħala mhux affidabbli jew li ma jistgħux jiġu vverifikati. |
|
116 |
Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, fis-sistema tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, l-użu ta’ din l-għajnuna huwa suġġett għal regoli li jistgħu jwasslu għall-ħlas lura parzjali jew totali ta’ għajnuna diġà mogħtija (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Hellenic Ventures et, T‑44/06, mhux ippubblikata, EU:T:2010:284, punt 85, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, T‑259/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:536, punt 61). |
|
117 |
Minn dan isegwi, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, li l-istipulazzjonijiet kuntrattwali u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1605/2002 u tar-Regolament Nru 966/2012, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni, ma jipprekludux, fil-prinċipju, lill-EACEA milli tirkupra s-somom kollha mħallsa lir-rikorrenti taħt il-ftehimiet kontenzjużi. Il-kwistjoni dwar jekk tali rkupru huwiex, f’dan il-każ, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija s-suġġett tar-raba’ motiv tar-rikors u għalhekk ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem. |
|
118 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ irregolaritajiet ta’ natura sistemika u rikorrenti
[omissis]
|
139 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tista’ tislet ebda argument mill-fatt li l-Artikolu 135(4) tar-Regolament Nru 966/2012 ma jirreferix għal irregolaritajiet sistemiċi u rikorrenti jew li dawn il-kunċetti ma humiex iddefiniti fl-imsemmi regolament. Fil-fatt, biżżejjed jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni teżiġi b’mod espliċitu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-irregolaritajiet ikkonstatati. Il-fatt li dawn huma ta’ natura sistemika jew rikorrenti huwa, evidentement, element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-imsemmija irregolaritajiet. Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-Regolament Nru 966/2012 juża dawn il-kunċetti, b’mod partikolari fl-Artikolu 135(5) tiegħu, mingħajr ma jiddefinixxihom b’mod espliċitu, jibqa’ mingħajr ebda effett fuq l-irkupru previst, peress li l-kontenut ta’ dawn il-kunċetti jirriżulta, mingħajr dubju possibbli, mis-sens normali tagħhom, li jgħid li l-irregolaritajiet sistemiċi u rikorrenti huma dawk li huma kkaratterizzati mir-repetittività tagħhom u mill-fatt li dawn jaffettwaw is-sistema ta’ kontroll u ta’ ġestjoni kollha kemm hi, bħal dawk irrilevati fil-punti 124 sa 131 iktar ’il fuq. [omissis] |
Fuq l-ispejjeż
|
165 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EACEA. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Papasavvas Kornezov Buttigieg Kowalik-Bańczyk Hesse Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Frar 2021. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( 1 ) Biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li huma xierqa għall-pubblikazzjoni huma riprodotti hawnhekk.