31996E0408



Official Journal L 168 , 06/07/1996 P. 0003 - 0003


Pożizzjoni komuni

tal-25 ta’ Ġunju 1996

definita mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu J.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tirrigwarda t-tħejjija għar-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni ta’ l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħażna ta’ armi batterjoloġiċi (bijoloġiċi) u dawk li fihom it-tossina, u l-qerda tagħhom (BTWC)

(96/408/CFSP)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li ikkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu J.2 tiegħu,

IDDEFINIXXA L-POŻIZZJONI KOMUNI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

L-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni għandu jkun li tiġi msaħħa l-osservanza mas-sistema internazzjonali tal-kontroll ta’ l-armi batterjoloġiċi (bijoloġiċi) u dawk li jużaw it-tossina, billi tiġi inkoraġġita l-universalità tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħażna ta’ armi batterjoloġiċi (bijoloġiċi) u dawk li jużaw it-tossina, u l-qerda tagħhom u li jintemmu b’suċċess in-negozjati immirati għat-tisħiħ tal-BTWC b’sistema ta’ verifikazzjoni li tkun vinkolanti u effettiva.

Artikolu 2

1. Għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom, bi tħejjija għal, u fl-okkażjoni tar-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC, jinkoraġġixxu attivament il-progress fix-xogħol tal-grupp ad hoc li twaqqaf mill-Konferenza Speċjali ta’ l-Istati li jiffurmaw parti mill-BTWC (Ġinevra, 19 sat-30 ta’ Settembru 1994) bl-għan li jiġu eżaminati miżuri xierqa, inklużi miżuri ta’ verifika, u li jinkitbu abbozzi ta’ proposti sabiex tissaħħaħ il-Konvenzjoni, biex dawn jiġu inklużi f’dokument li jkollu rabta legali, bl-għan li jiġi mgħoddi għall-eżami ta’ l-Istati Kontraenti.

2. L-Istati Membri għandhom għalhekk jaraw li jsir l-akbar progress possibbli fil-miżuri ta’ verifika fil-kuntest tal-Grupp ad hoc u fil-Konferenza ta’ Reviżjoni. B’mod partikulari, fil-Konferenza ta’ Reviżjoni għandom ifittxu li jkun hemm:

- qbil fuq ir-riżultati l-aktar importanti miksuba sa dak il-mument mill-Grupp ad hoc,

- deċiżjoni sabiex jiġi intensifikat ix-xogħol tal-Grupp ad hoc bl-għan li jintemmu n-negozjati dwar protokoll ta’ verifikazzjoni tal-BTWC malajr kemm jista’ jkun, qabel konferenza oħra speċjali ta’ l-Istati Kontraenti tal-BTWC li għandha ssir mhux aktar tard min-nofs is-sena 1998. F’dan il-kuntest, il-ħin allokat għax-xogħol tal-BTWC fl-1997 u l-1998 għandu jiżdied sostanzjalment, irrispettivament minn prijoritajiet oħra fl-aġenda tad-diżarmament internazzjonali.

Artikolu 3

L-azzjoni li tittieħed bħala sostenn ta’ l-għanijiet murija fl-Artikoli 1 u 2 għandha tinkludi:

- miżuri meħuda mill-Presidenza, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu J.5 (3) tat-Trattat, fir-rigward ta’ Stati Kontraenti.

- miżuri meħuda mill-Presidenza, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu J.5 (3) tat-Trattat, fir-rigward ta’ Stati li għadhom ma ffirmawx il-BTWC u Stati li ffirmaw, imma għadhom ma rratifikawx il-BTWC, biex tiġi inkoraġġita l-universalità tal-BTWC.

Artikolu 4

Din il-pożizzjoni komuni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Din il-pożizzjoni komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Pinto

--------------------------------------------------