|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3938 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tas-Slovakkja
(C/2026/3938)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tas-Slovakkja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih identifikat lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (4). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għas-Slovakkja. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tas-Slovakkja tal-RRP. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa s-Slovakkja. Ivvaluta wkoll il-progress li għamlet is-Slovakkja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni wettqet rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għas-Slovakkja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għas-Slovakkja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati fl-20 ta' Mejju 2026 (5). Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-Slovakkja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, is-Slovakkja qed tħabbat wiċċha ma' vulnerabbiltajiet relatati mal-bilanċi esterni u tal-gvern, il-kompetittività, is-suq tal-akkomodazzjoni, u d-dejn tal-unitajiet domestiċi jippersistu, u l-azzjoni politika għadha limitata. Filwaqt li fl-2025 d-defiċit fil-kont kurrenti naqas bis-saħħa ta' prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi u esportazzjoni aktar b'saħħitha, fl-2026 mistenni jiddeterjora hekk kif il-kuntest estern jaqleb għall-agħar. Id-defiċit tal-gvern naqas fl-2025 iżda għadu għoli u qed ikun ta' piż fuq il-bilanċi esterni; barra minn hekk, jekk ma ssir ebda bidla fil-politiki, qed jitbassar li fil-biċċa l-kbira ma jinbidilx fl-2026 u li jiżdied fl-2027 u b'hekk id-dejn tal-gvern jiżdied. Fl-2025 l-inflazzjoni kienet ferm ogħla miż-żona tal-euro, parzjalment minħabba żidiet fir-rata tal-VAT, u l-inflazzjoni bażi hija mbassra li għadha fost l-ogħla fiż-żona tal-euro fl-2026. Fl-2026 il-kostijiet tal-unità lavorattiva, li qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla, komplew idgħajfu l-kompetittività u għadhom mistennija li jikbru relattivament malajr. Fl-2025 il-prezzijiet tad-djar żdiedu fl-istess waqt li r-rati tas-self ipotekarju kienu aktar baxxi, u x'aktarx li jkomplu jiżdiedu b'pass mgħaġġel minħabba provvista limitata. Is-self tal-unitajiet domestiċi kiber ukoll b'rati tal-imgħax aktar baxxi u bi dħul ogħla. Il-progress fil-politika kien limitat. Għall-futur, l-indirizzar effettiv ta' kwistjonijiet ewlenin fit-tassazzjoni tax-xogħol, il-kompetittività, il-provvista tal-akkomodazzjoni, u l-politika fiskali jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. |
|
(7) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovakkja (6). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 3,8 % fl-2025, 0,9 % fl-2026, 1,6 % fl-2027, u 1,5 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 10,3 % fl-2025, 11,2 % fl-2026, 13,0 % fl-2027, u 14,8 % fl-2028. Għas-snin 2025–2028, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv, kif irrakkomandat mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE fil-21 ta' Jannar 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (7), il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovakkja tinsab sospiża. |
|
(8) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (8) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tas-Slovakkja, fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lis-Slovakkja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati (9). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lis-Slovakkja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b'mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(9) |
Fit-30 ta' April 2026, is-Slovakkja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (10) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovakkja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(10) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,8 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 4,2 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,8 % fl-2026 u 1,5 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 4,3 % fl-2026 u 3,2 % fl-2027. |
|
(11) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovakkja naqas minn 5,3 % tal-PDG fl-2024 għal 4,5 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti l-aktar il-miżuri ta' konsolidazzjoni u investimenti fid-difiża aktar baxxi milli mistenni, minħabba dewmien fil-konsenja ta' ċertu tagħmir militari. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 4,6 % tal-PDG fl-2026 u 5,4 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda marġinali fl-2026 tirriżulta primarjament minn żieda fl-investiment xprunata mill-konsenja posposta ta' tagħmir militari mis-sena preċedenti. Iż-żieda tad-defiċit fl-2027 hija ġġenerata primarjament minn konsenji mistennija ta' tagħmir militari. |
|
(12) |
Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'1,1 % tal-PDG fl-2025. Huwa pprojettat li tkun restrittiva kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027, b'0,5 % u 1,1 % tal-PDG rispettivament. |
|
(13) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (13), id-dejn tal-gvern estiż tas-Slovakkja żdied minn 59,7 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 61,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli tal-gvern. Barra minn hekk, il-fatt li l-infiq fuq l-imgħax qed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-ekonomija jikkontribwixxi għax-xejra li qed tiżdied fid-dinamika tad-dejn. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li sa tmiem l-2026 il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 63,7 % u jkompli jiżdied għal 66,9 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fl-2026 u fl-2027 tirrifletti prinċipalment id-defiċits persistenti ħafna tal-gvern. |
|
(14) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (14), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fis-Slovakkja ammontat għal 2,0 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,6 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, fl-2026 dan huwa pprojettat fl-istess livell. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,6 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mas-sena ta' referenza tal-2021 (15). |
|
(15) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, is-Slovakkja ma adottatx miżuri ġodda ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (16). |
|
(16) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovakkja kibret b'1,7 % fl-2025 u b'5,4 % b'mod kumulattiv matul l-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta wkoll tinsab taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(17) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovakkja hija pprojettata li tikber bi 2,9 % fl-2026 u bi 8,4 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,8 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta projettata tinsab taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata (17). |
|
(18) |
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni insuffiċjenti tar-rieżamijiet tal-infiq eżistenti fil-proċess baġitarju xxekkel il-potenzjal ta' ffrankar, li min-naħa tiegħu jista' jtejjeb il-finanzi pubbliċi. |
|
(19) |
Fl-2025, il-porzjon ta' taxxa (it-tassazzjoni tal-qligħ mix-xogħol) fis-Slovakkja baqa' ogħla mill-medja tal-UE għal-livelli kollha ta' qligħ, b'mod partikolari għal dawk b'introjtu baxx. Iż-żidiet reċenti fil-kontribuzzjonijiet obbligatorji soċjali u tas-saħħa komplew iżidu l-porzjon ta' taxxa fuq dan il-grupp. Id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà fis-Slovakkja baqa' baxx u taħt il-medja tal-UE, l-aktar minħabba s-sistema ta' tassazzjoni fuq il-proprjetà bbażata fuq iż-żona, fejn il-proprjetà immobbli hija intaxxata skont l-erja tas-superfiċje aktar milli skont il-valur tas-suq, li jillimita l-ġenerazzjoni tad-dħul, inaqqas il-ġustizzja u jikkontribwixxi għal pressjoni 'l fuq fuq il-prezzijiet tad-djar. Id-dħul mit-tassazzjoni ambjentali, inkluż it-taxxi fuq it-trasport, it-tniġġis u l-użu tar-riżorsi naturali, għadu konsistentement taħt il-medja tal-UE, li jindika potenzjal mhux sfruttat biex jissaħħaħ il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”. |
|
(20) |
Matul dawn l-aħħar sentejn, it-taxxi korporattivi fuq l-introjtu (CIT) żdiedu b'mod sinifikanti, filwaqt li l-introduzzjoni ta' tliet kategoriji tas-CIT f'Jannar 2025 żiedet aktar kumplessità. Kemm ir-rata tat-taxxa effettiva kif ukoll ir-rata statutorja tas-CIT għall-kumpaniji l-kbar jaqbżu l-medja tal-UE. L-ambjent tan-negozju huwa mxekkel aktar minn taxxa reċenti fuq is-servizzi ta' pagament. Sadanittant, iż-żieda fir-rata standard tal-VAT minn 20 % għal 23 % poġġiet piż tat-taxxa addizzjonali fuq l-unitajiet domestiċi, filwaqt li żewġ rati mnaqqsa tal-VAT, li jkopru ħafna oġġetti u servizzi, jikkumplikaw is-sistema u jżidu l-infiq tat-taxxa. Barra minn hekk, il-qligħ kapitali mill-bejgħ tal-proprjetà huwa eżentat mit-taxxa wara ħames snin, u dan inaqqas il-bażi tat-taxxa u jħeġġeġ l-investimenti fl-akkomodazzjoni fit-tul. Għalkemm id-diskrepanza fil-konformità tal-VAT tas-Slovakkja tjiebet, din għadha ogħla mill-medja tal-UE ta' 8,2 %. Għalkemm is-Slovakkja għamlet progress fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa, aktar ma jsir progress, b'mod partikolari fil-fatturazzjoni elettronika, li diġà qed tiġi implimentata, u d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa mimlija minn qabel, aktar ikun hemm ċans li jitnaqqsu l-lakuni tas-sistema tat-taxxa, tiġi ssimplifikata l-konformità u jitnaqqsu l-kostijiet. Fl-istess ħin, il-preżentazzjoni elettronika tal-PIT għadha baxxa u ferm taħt il-medja tal-UE. |
|
(21) |
Is-sistema tas-sigurtà soċjali espandiet gradwalment f'dawn l-aħħar snin, u saret dejjem aktar għalja. Ħafna benefiċċji soċjali, bħat-13-il pagament tal-pensjoni permanenti, l-allokazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu tal-ġenituri u s-sussidji tal-enerġija, ma humiex immirati b'mod effettiv lejn gruppi vulnerabbli, filwaqt li l-miżuri tal-enerġija, li issa jkopru 90 % tal-unitajiet domestiċi, għadhom joħolqu distorsjoni fuq is-sinjali tal-prezzijiet tas-suq. |
|
(22) |
Is-Slovakkja għad għandha nuqqas serju ta' akkomodazzjoni, filwaqt li żżomm l-aktar stokk baxx ta' akkomodazzjoni per capita fl-UE; l-attività tal-kostruzzjoni qed tkompli tiddgħajjef u fl-ewwel nofs tal-2025 inbdew biss 7 241 akkomodazzjoni ġdida. Dan it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jallinja ma' tnaqqis aktar ġenerali fil-qasam tal-iżvilupp residenzjali peress li, minn mindu laħqu l-ogħla livell fl-2021, il-permessi tal-bini naqsu b'mod kostanti matul l-2024 biex issa l-istokk ġenerali tal-akkomodazzjoni tas-Slovakkja jinsab ferm taħt il-medja tal-UE. Filwaqt li ġie adottat Att ġdid dwar il-Bini mmirat lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' permessi, l-implimentazzjoni tiegħu tinsab fl-istadji bikrija tiegħu, u l-effetti għad iridu jimmaterjalizzaw. Bl-istess mod, is-settur tal-kiri huwa sottożviluppat, bil-proporzjon ta' akkomodazzjoni għall-kiri ferm taħt il-medja tal-UE u ma juri l-ebda tkabbir maż-żmien. Id-data taċ-ċensiment tenfasizza tnaqqis qawwi fl-abitazzjonijiet privati tal-kiri, li fl-2021 kien biss ta' 0,86 %. L-akkomodazzjoni soċjali hija wkoll insuffiċjenti ferm, u tirrappreżenta biss 2,5 % tal-istokk totali, l-anqas proporzjon fl-UE. Dawn in-nuqqasijiet sistemiċi jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-komunitajiet emarġinati, b'mod partikolari lill-familji Rom, li 86 % minnhom jgħixu f'kundizzjonijiet iffullati żżejjed u ta' sikwit f'insedjamenti segregati mingħajr infrastruttura bażika bħal aċċess affidabbli għall-ilma. Il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni prekarji jimminaw l-integrazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni u fl-impjiegi. Barra minn hekk, il-problema tal-għajxien bla dar fis-Slovakkja żdiedet b'mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin. Dawn l-isfidi huma aggravati mill-fatt li l-allowances għall-akkomodazzjoni jkopru biss parti minima mill-kostijiet tal-kiri, u ma jipprovdux appoġġ sinifikattiv biex il-kirjiet jkunu affordabbli. |
|
(23) |
L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(24) |
L-implimentazzjoni fis-Slovakkja tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), għadha taħt il-medja tal-UE, kemm f'dik li hija għażla kif ukoll fil-pagamenti tal-proġetti. Huwa importanti li tagħti spinta u tgħaġġel l-isforzi biex tiżgura li l-istrumenti jagħtu l-frott malajr, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Is-Slovakkja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, is-Slovakkja għadha tħabbat wiċċha ma' sfidi, inkluż dawk relatati mal-investiment u l-innovazzjoni fir-R&Ż, id-diġitalizzazzjoni, il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità u l-inklużjoni tar-Rom. Fl-istess ħin, is-Slovakkja jeħtieġ li taċċellera l-implimentazzjoni tal-JTF peress li r-riżorsi jridu jiġu żborżati sa tmiem l-2026. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mis-Slovakkja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (18), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(25) |
Ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tas-Slovakkja qed jiffaċċaw sfidi addizzjonali li jxekklu l-prospetti tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali peress li l-isfidi strutturali eżistenti huma aggravati. L-impatt mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jżid il-pressjonijiet tas-sigurtà, ifixkel l-attivitajiet ekonomiċi transfruntieri u jnaqqas l-attraenza tal-investiment. |
|
(26) |
Is-Slovakkja qed tħabbat wiċċha ma' diversi sfidi relatati mal-ambjent tan-negozju u l-amministrazzjoni pubblika, id-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-sistema tal-ġustizzja u ta' kontra l-korruzzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-industrija, l-iżvilupp ta' mobbiltà b'emissjonijiet żero, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. |
|
(27) |
L-ambjent tan-negozju tas-Slovakkja għadu mxekkel minn qafas regolatorju imprevedibbli. L-użu frekwenti ta' proċeduri leġiżlattivi mħaffa u emendi mibdija minn membri tal-Parlament, li ta' sikwit jevitaw li jgħaddu mill-proċedura standard tal-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, jikkontribwixxu għall-instabbiltà regolatorja. Għalkemm formalment hemm qafas ta' regolamentazzjoni aħjar fis-seħħ, dan jiġi applikat inkonsistentement u fil-biċċa l-kbira b'mod formalistiku, li jillimita l-effett tiegħu fuq it-titjib tal-kwalità u l-prevedibbiltà tal-leġiżlazzjoni. Minħabba f'hekk, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-valutazzjonijiet tal-impatt mhumiex integrati b'mod adegwat fil-proċess leġiżlattiv, u l-miżuri reċenti, inkluż dawk skont l-RRP ma wasslux ħlief għal titjib żgħir. Fl-istess waqt, il-piż amministrattiv għadu għoli, bi proċeduri kumplessi u rekwiżiti ta' konformità li jkomplu jfixklu l-attività tan-negozju. Fl-aħħar nett, fis-Slovakkja għad hemm ostakli regolatorji u amministrattivi għas-Suq Uniku, li jaffettwaw il-forniment transfruntier ta' servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, b'mod partikolari permezz ta' projbizzjonijiet tas-sewqan frammentati u regoli restrittivi dwar il-bejgħ bl-imnut. |
|
(28) |
Il-frammentazzjoni tal-istrutturi ta' governanza lokali tkompli ddgħajjef il-forniment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità. Għadd kbir ta' muniċipalitajiet żgħar, li ta' sikwit ikollhom biss kapaċità amministrattiva limitata u finanzjament insuffiċjenti meta mqabbel mar-responsabbiltajiet tagħhom, jillimitaw l-ippjanar effettiv tal-investiment u l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Filwaqt li sar xi progress fit-titjib tal-koordinazzjoni strateġika fil-livell ċentrali u l-akkomunament tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livell lokali permezz tal-pilotaġġ ta' ċentri ta' servizz kondiviżi, il-kooperazzjoni intermuniċipali għadha limitata u għadha ma nbdietx riforma komprensiva tal-governanza lokali. |
|
(29) |
It-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku ddgħajfu minħabba bidliet leġiżlattivi reċenti. Iż-żieda fil-limiti għall-pubblikazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri naqqsu l-piż amministrattiv iżda żiedu wkoll ir-riskji għall-kompetizzjoni u t-trasparenza, b'mod partikolari għal kuntratti taħt il-limitu. Il-proċeduri tal-akkwist għadhom twal, u l-użu tal-kriterji tal-għoti bl-irħas prezz għadu jiddomina, u dan jillimita l-adozzjoni ta' kunsiderazzjonijiet relatati mal-kwalità u mal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja. L-iżgurar ta' sorveljanza effettiva u t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet kompetenti fis-salvagwardja tal-kompetizzjoni u t-trasparenza huma essenzjali biex tittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tiġi appoġġata l-governanza tajba. |
|
(30) |
Għad hemm tħassib dwar is-sistema ġudizzjarja u l-qafas kontra l-korruzzjoni, filwaqt li l-kapaċità li tiġi identifikata, investigata u mħarrka l-korruzzjoni ta' livell għoli kompliet tmur għall-agħar. Il-perċezzjoni u l-esperjenza rrapportata tal-korruzzjoni meta jsir in-negozju fis-Slovakkja għadhom għoljin ħafna. Ir-riskji identifikati fl-2024 u fl-2025 wara l-għeluq ta' aġenziji speċjalizzati kontra l-korruzzjoni (l-Uffiċċju Speċjali tal-Prosekuzzjoni u l-Aġenzija Nazzjonali kontra l-Kriminalità) u r-riforma tal-liġi kriminali, li qassret il-perjodi ta' preskrizzjoni u naqqset is-sentenzi għal reati kriminali ta' korruzzjoni, komplew jimmaterjalizzaw. Dan iseħħ flimkien mal-eżerċizzju tas-setgħa mill-Prosekutur Ġenerali li jannulla d-deċiżjonijiet finali tal-prosekuturi inferjuri u tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-istadju ta' qabel il-proċess. Wara r-riorganizzazzjoni tal-pulizija u l-prosekuzzjoni, l-għadd ta' każijiet ta' korruzzjoni identifikati u mħarrka ra tnaqqis drastiku. Diversi kawżi ta' profil għoli marbuta mal-korruzzjoni ġew affettwati irrimedjabbilment minħabba li tnaqqsu l-livelli tas-sanzjonijiet għal reati ta' korruzzjoni u tqassar il-perjodu meta t-trasgressuri jitressqu quddiem il-ġustizzja. F'Diċembru 2025, it-tentattiv biex jiżżarma l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Whistleblowers qajjem aktar tħassib dwar il-qafas kontra l-korruzzjoni u li whistleblowers potenzjali jkunu jibżgħu jippreżentaw informazzjoni dwar il-korruzzjoni ta' livell għoli. B'mod ġenerali, dawn l-iżviluppi komplew jenfasizzaw in-nuqqas ta' qafas robust kontra l-korruzzjoni, li bħalissa jwassal għal interferenza bla bżonn. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-ispeċjalizzazzjoni insuffiċjenti tal-awtoritajiet kompetenti. |
|
(31) |
Fis-sistema ġudizzjarja, ir-riforma tal-mappa ġudizzjarja ġiet stabbilita u qed tiġi evalwata. Madankollu, għad hemm tħassib dwar is-salvagwardji li għadhom insuffiċjenti għall-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju, li ngħataw setgħat ġodda, pereżempju fil-proċeduri dixxiplinari, għalkemm il-gvern reċentement ħa inizjattivi rigward it-tneħħija tagħhom mill-kariga. Dawn l-iżviluppi joħolqu riskji diretti għall-ambjent tan-negozju u regolatorju tas-Slovakkja. |
|
(32) |
Is-Slovakkja għamlet progress fl-infrastruttura diġitali kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali, bl-operaturi privati tat-telekomunikazzjoni jinvestu fin-networks tal-gigabits u tal-5G. Madankollu, iridu jsiru aktar sforzi dwar il-kopertura fiż-żoni rurali, li hija relattivament ħażina, b'infiq pubbliku limitat. Il-miżuri leġiżlattivi introdotti fl-2025, inkluż il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni u l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, mistennija jappoġġaw l-introduzzjoni tal-infrastruttura diġitali, iżda għad hemm xi diffikultajiet regolatorji. L-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji diġitali fis-Slovakkja għadha tfixkel il-kompetittività u t-tkabbir, u fl-2025 kienu biss 57 % biss tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li laħqu intensità diġitali bażika, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 71 %. In-nuqqas ta' ħiliet diġitali suffiċjenti u opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet fost l-impjegati u d-diffikultajiet biex jiġu attirati speċjalisti tal-ICT joħolqu sfidi sinifikanti għan-negozji. Minkejja għadd ta' sforzi li qed isiru, il-frammentazzjoni, in-nuqqas ta' fokus fuq l-esperjenza tal-utenti u t-twassil bil-mod tal-gvern elettroniku jdgħajfu l-kredibbiltà tar-riforma, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa għal governanza mtejba tad-data, interoperabbiltà u integrazzjoni ulterjuri tas-servizzi tal-gvern elettroniku. |
|
(33) |
Is-Slovakkja, li fl-2025 kienet kklassifikata bħala “innovatur emerġenti”, irreġistrat disparità dejjem akbar bejn il-prestazzjoni tagħha u l-medja tal-UE. L-infiq tas-settur pubbliku fuq ir-R&Ż naqas minn 0,45 % fl-2023 għal 0,39 % fl-2024, ferm taħt il-medja tal-UE. Fl-2023, il-gvern ħa l-impenn li jżomm trajettorja ta' żidiet annwali fl-infiq pubbliku fuq ir-R&Ż, li sal-2030 għandha tilħaq iż -0,67 % tal-PDG. Din it-trajettorja jeħtieġ li tinżamm biex tittejjeb il-kompetittività tas-Slovakkja, ikkomplementata minn stimolu ulterjuri tal-investiment privat fir-R&Ż, li għadu baxx wisq. |
|
(34) |
L-ambjent Slovakk tar-R&I għadu frammentat, u sar progress limitat fit-titjib tal-kollaborazzjoni bejn in-negozji u s-settur tar-riċerka. L-ekosistema tar-R&I hija nieqsa mill-prevedibbiltà minħabba qafas istituzzjonali sottożviluppat mingħajr responsabbiltajiet assenjati b'mod ċar. Il-promozzjoni tal-prattiki żviluppati skont l-RRP marbuta mat-twettiq ta' evalwazzjonijiet internazzjonali għall-aġġudikazzjoni ta' għotjiet u għat-trasferimenti tal-għarfien ser tkun kruċjali biex tikkontribwixxi għall-kwalità tal-outputs tar-riċerka u żżid il-probabbiltà tagħhom ta' kummerċjalizzazzjoni b'suċċess. Sabiex tkompli tiġi inċentivata l-kollaborazzjoni fost in-negozji u l-akkademja u b'mod partikolari t-trasferiment tat-teknoloġija, ikun ta' benefiċċju għas-Slovakkja li ssegwi l-aħjar prattika internazzjonali dwar is-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati fl-universitajiet. |
|
(35) |
L-opportunitajiet għall-SMEs biex jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp huma limitati, peress li l-iskema attwali ta' inċentivi tat-taxxa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija preġudikata lejn kumpaniji akbar. It-titjib tal-iskemi ta' inċentivi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-orjentament tal-politiki tar-riċerka u l-iżvilupp aktar lejn l-SMEs jistgħu jrawmu l-potenzjal tat-tkabbir tas-Slovakkja. |
|
(36) |
L-ekonomija tas-Slovakkja, inkluż is-settur industrijali kbir u intensiv fl-enerġija tagħha, għadha qed tiffaċċa sfidi ta' kompetittività fost l-isforzi ta' modernizzazzjoni u l-ilħuq tal-objettivi klimatiċi. L-industrija għadha settur kbir f'termini ta' konsum tal-enerġija u intensità tal-karbonju, għalkemm it-tnejn naqsu f'dawn l-aħħar snin minħabba titjib fl-effiċjenza u bidliet strutturali. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija għadhom joħolqu sfida sinifikanti għan-negozji, u jirriflettu kwistjonijiet strutturali. Sabiex tinkiseb tranżizzjoni kosteffettiva lejn id-dekarbonizzazzjoni filwaqt li tinżamm il-kompetittività industrijali, is-Slovakkja jeħtieġ li tkompli tinvesti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tagħmel progress fl-elettrifikazzjoni tal-proċessi industrijali. Dan jista' jiġi inċentivat ukoll permezz ta' miżuri li jtejbu l-proporzjon tal-prezz bejn l-elettriku u l-gass naturali. Il-potenzjal tal-manifattura domestika fil-produzzjoni ta' teknoloġiji ta' produzzjoni b'emissjonijiet żero netti għadu mhux utilizzat biżżejjed. L-integrazzjoni ta' setturi industrijali emerġenti fil-ktajjen tal-valur tal-UE u l-qalba lejn prodotti aktar xprunati mill-innovazzjoni jibqgħu opportunità ewlenija għall-ekonomija Slovakka. |
|
(37) |
Minkejja l-isforz tas-Slovakkja fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass naturali u fit-tnaqqis tad-domanda, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi għadha sinifikanti, u dan jesponi lill-pajjiż għal riskji esterni. Fl-2025, madwar 50 % tal-gass naturali u aktar minn 80 % taż-żejt kien ta' oriġini Russa. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku tas-Slovakkja kien fost l-aktar baxxi fl-UE fl-2025, filwaqt li l-potenzjal tal-enerġija mir-riħ tal-pajjiż għadu mhux sfruttat. Id-dekarbonizzazzjoni tas-Slovakkja tiddependi b'mod predominanti fuq l-enerġija nukleari, wara l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam fl-2023. Il-prezzijiet medji tal-elettriku għadhom influwenzati b'mod sinifikanti mill-gass naturali għali. It-tnaqqis tas-sehem tagħha fil-ġenerazzjoni tal-elettriku jgħin biex jistabbilizza s-sistema tal-elettriku tas-Slovakkja, iwassal għal prezzijiet tal-elettriku aktar affordabbli u jappoġġa l-kompetittività. Is-Slovakkja ħadet passi biex taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli u ttejjeb il-qafas leġiżlattiv bħala parti mill-RRP tagħha, iżda l-introduzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għadha bil-mod wisq. In-nuqqas ta' ċertezza fit-tul għall-investituri fl-enerġija rinnovabbli għadu ostaklu strutturali ewlieni għall-iżvilupp ta' proġetti ġodda. B'mod partikolari, l-espansjoni tal-użu tal-irkanti tal-enerġija u ż-żieda fil-kuntratti fit-tul jappoġġaw l-iżvilupp ta' proġetti rinnovabbli akbar, filwaqt li jiftħu soluzzjonijiet ġodda ta' dekarbonizzazzjoni għall-industriji intensivi fl-enerġija. |
|
(38) |
Sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet akbar għall-elettrifikazzjoni tal-industrija u l-mobbiltà sostenibbli, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu aċċellerati l-investimenti l-ġodda fil-grilja u tiżdied il-kapaċità tagħha. L-avvanz tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ permezz ta' użu akbar ta' soluzzjonijiet rinnovabbli jgħin biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u jikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija aktar affordabbli. Minbarra li tavvanza l-elettrifikazzjoni, it-tranżizzjoni tat-tisħin lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju tista' tissaħħaħ b'estensjoni tas-soluzzjonijiet ġeotermali, ladarba s-Slovakkja tibbenefika minn kundizzjonijiet ġeoloġiċi favorevoli f'xi postijiet. |
|
(39) |
Il-penetrazzjoni baxxa ħafna tal-mobbiltà b'emissjonijiet żero fis-Slovakkja hija murija minn wieħed mill-aktar perċentwali baxxi għal reġistrazzjonijiet ġodda ta' vetturi b'emissjonijiet żero fl-UE, iżda wkoll tal-introduzzjoni tardiva tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment b'emissjonijiet żero. Għalkemm is-Slovakkja adottat xi riformi skont l-RRP, l-inċentivi li jappoġġaw l-introduzzjoni ta' vetturi u infrastruttura b'emissjonijiet żero għadhom ma mmaterjalizzawx. L-introduzzjoni ta' inċentivi deskritti fil-pjan ta' azzjoni għall-elettromobbiltà hija kruċjali biex is-settur privat ikun jista' jagħmel investimenti ulterjuri sinifikanti. Bl-istess mod, l-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju Slovakka qed tiġi modernizzata biss bil-mod, u dan jillimita l-attraenza tagħha kemm għall-użu tal-passiġġieri kif ukoll għall-użu kummerċjali. Barra minn hekk, is-Slovakkja ma għandhiex approċċ ċentralizzat għall-finanzjament fit-tul għall-kostruzzjoni u r-rinnovazzjonijiet tal-infrastruttura nazzjonali tat-trasport. Dan jista' jittejjeb permezz ta' kontribuzzjonijiet baġitarji nazzjonali fissi u prevedibbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport, li għandhom jintużaw flimkien ma' finanzjament Ewropew u finanzjament pubbliku-privat. Barra minn hekk, il-fażijiet ta' qabel l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport jeħtieġ li jiġu ssimplifikati aktar biex jiġu aċċellerati l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' għażliet ta' trasport xierqa fis-Slovakkja, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, ta' sikwit jillimita l-mobbiltà u l-aċċess għal servizzi essenzjali għall-unitajiet domestiċi affettwati b'introjtu baxx. B'mod partikolari, il-konnettività tat-trasport pubbliku għadha lura, kif għadhom lura wkoll l-użu ta' għażliet ta' mobbiltà attiva, miżuri tat-trasport fuq talba, u taxis soċjali għal unitajiet domestiċi b'introjtu baxx fir-reġjuni l-aktar affettwati, bħal fiċ-ċentru u fil-Lvant tas-Slovakkja. |
|
(40) |
Filwaqt li l-pjan ta' adattament għat-tibdil fil-klima tas-Slovakkja jinsab fis-seħħ, l-implimentazzjoni tal-politiki dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima għadha lura minħabba nuqqas ta' tħejjija istituzzjonali, sensibilizzazzjoni baxxa fil-livell reġjonali u lokali u grad inadegwat ta' kooperazzjoni interministerjali. Il-kwalità tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma qed ikomplu jmorru għall-agħar, anke minħabba l-alternazzjonijiet idromorfoloġiċi u l-kontaminazzjoni mill-pestiċidi, li għandhom impatt fuq il-produttività tal-industrija u l-agrikoltura, u s-saħħa tal-bniedem. Filwaqt li sar xi progress fir-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ, is-Slovakkja għadha f'riskju li ma tilħaqx il-miri tal-iskart muniċipali u tal-iskart mill-imballaġġ, kif ukoll il-mira tagħha għall-2035 dwar l-iskart muniċipali li jintrema f'landfills. Il-produttività tal-agrikoltura, il-forestrija u l-industriji relatati mal-ilma hija affettwata wkoll min-natura degradanti tal-ekosistemi, b'impatti ekonomiċi kbar. Dan huwa kkawżat l-aktar minn pressjonijiet bħall-forestrija u l-agrikoltura mhux sostenibbli, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-ispeċi invażivi. |
|
(41) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fl-oqsma tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lis-Slovakkja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(42) |
Il-qgħad għoli fit-tul ta' gruppi sottorappreżentati, b'mod partikolari r-Rom, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u l-ħaddiema akbar fl-età, għadu problema, u japprofondixxi d-diskrepanzi fil-ħiliet u d-disparitajiet reġjonali. Madankollu, filwaqt li s-sitwazzjoni hija agħar fir-reġjuni tal-Lvant tal-pajjiż, l-investimenti fil-politiki biex jgħinu lill-gruppi vulnerabbli jsibu jew iżommu l-impjieg għadhom baxxi. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa, hija mxekkla mid-disponibbiltà u l-użu insuffiċjenti ta' servizzi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità għolja, partikolarment għat-tfal taħt l-età ta' tliet snin, u d-disparitajiet qegħdin jolqtu ħażin lil gruppi żvantaġġati. Barra minn hekk, l-arranġamenti flessibbli tax-xogħol, bħall-opportunitajiet ta' xogħol part-time u t-telexogħol, għadhom limitati ħafna. |
|
(43) |
Is-Slovakkja qed tiffaċċa sfidi persistenti fis-sistema tal-edukazzjoni u l-ħiliet tagħha, li jillimitaw it-tkabbir fit-tul u l-eżiti tas-suq tax-xogħol. Sar progress limitat fit-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi, speċjalment fost l-istudenti żvantaġġati, inkluż fil-komunitajiet Rom emarġinati. Ir-riformi leġiżlattivi reċenti introduċew miżuri mmirati lejn it-titjib tal-litteriżmu fil-matematika u t-tisħiħ tal-kompetenzi fundamentali. Sehem għoli ta' studenti ma għandhomx profiċjenza minima fis-suġġetti ewlenin, b'riżultati taħt il-medja tal-UE. L-assenteiżmu u t-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, ikomplu jdgħajfu l-eżiti edukattivi. Minkejja r-riformi li għaddejjin bħalissa, l-aċċess għal miżuri ta' appoġġ għadu insuffiċjenti, b'mod partikolari għall-istudenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, u dan ixekkel l-aċċess ugwali u inklużiv għal edukazzjoni ta' kwalità. |
|
(44) |
Għad hemm nuqqasijiet sinifikanti ta' ħiliet, li jaffettwaw aktar minn nofs l-intrapriżi, u jirriflettu spariġġ bejn il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li sar xi progress fit-tagħlim għall-adulti, il-parteċipazzjoni għadha baxxa, speċjalment fost il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol għadha taħt il-medja tal-UE, u għad hemm diskrepanzi fil-ħiliet diġitali bażiċi u parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fl-oqsma STEM. Ġew adottati miżuri għar-riforma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għat-tisħiħ tal-perkorsi STEM permezz tat-tisħiħ tal-litteriżmu fil-matematika fil-livell sekondarju għoli. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiżdiedu t-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet, jissaħħaħ it-taħriġ tal-għalliema, tittejjeb l-implimentazzjoni tar-riformi kurrikulari, u tiżdied ir-reġistrazzjoni fl-oqsma STEM, inkluż permezz tat-trasformazzjoni tal-iskejjel industrijali sekondarji f'istituzzjonijiet speċjalizzati orjentati lejn l-oqsma STEM u kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-impjegaturi u mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Fl-istess ħin, ir-riżultati batuti fil-livell terzjarju, l-għadd għoli ta' studenti li ma jkomplux u r-rati baxxi ta' ritorn, b'mod partikolari f'setturi b'domanda għolja, huma ta' piż fuq id-disponibbiltà ta' ħaddiema tas-sengħa. F'dan il-kuntest, l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol għadha limitata u frammentata, u ma hemmx qafas komprensiv li jappoġġa l-inklużjoni fit-tul tagħhom. It-tisħiħ taż-żamma u tal-attrazzjoni ta' professjonisti tas-sengħa jgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema u tiġi appoġġata l-kompetittività ekonomika. |
|
(45) |
Ir-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa tas-Slovakkja għadha taħt pressjoni sinifikanti minħabba nuqqas ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa u professjonisti li qed jikbru fl-età. Il-livelli tal-persunal jinsabu taħt il-medja tal-UE, b'nuqqas ta' 21 % ta' prattikanti ġenerali u bi kważi kwart tal-infermiera li qed joqorbu l-età tal-irtirar. Minkejja ż-żidiet reċenti fis-salarji għal xi persunal mediku, għad hemm diffikultà li dawn jinżammu, minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, ftit interess fil-karrieri tal-kura primarja, u migrazzjoni 'l barra. L-isforzi biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-forza tax-xogħol u fl-infrastruttura għadhom inadegwati, il-kura preventiva irċeviet biss 2,7 % tal-infiq fuq is-saħħa fl-2023 – li huwa ferm taħt il-medja tal-UE. Minkejja l-kliniċi ffinanzjati mill-RRP u l-espansjonijiet tal-iskrinjar, dawn il-miżuri għadhom ma wasslu għall-ebda titjib sinifikanti fl-aċċess jew fl-ekwità. Id-dejn persistenti u d-dewmien twil fil-ħlas fl-isptarijiet statali ewlenin jirriflettu l-ineffiċjenza tas-sistema, flimkien ma' spejjeż għolja li n-nies ikollhom iħallsu minn buthom. Il-RRP ikkontribwixxa għal xi titjib fil-koordinazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Madankollu, hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex jissaħħu l-kura primarja u l-kura preventiva, speċjalment għan-nies vulnerabbli, tiġi żgurata l-provvista ta' prodotti mediċi kritiċi u tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul. |
|
(46) |
Is-servizzi tal-kura fit-tul għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed u għadhom pjuttost limitati, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli. Minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ, in-nefqa pubblika fuq il-kura fit-tul mistennija togħla fuq terminu medju u twil. In-nuqqas ta' ħaddiema u d-disparitajiet reġjonali jillimitaw il-forniment tas-servizzi, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u fir-reġjuni tal-Lvant tas-Slovakkja. Minkejja li għall-ewwel iddaħħlu uħud mir-riformi u l-investimenti skont l-RRP, l-aċċess għal kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità għadu mhux l-istess fir-reġjuni kollha u s-servizzi bbażati fil-komunità għadhom ma humiex żviluppati biżżejjed. |
|
(47) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fir-rigward tas-Slovakkja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tmien u d-disa' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (6) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
|
(48) |
Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mas-suq tal-akkomodazzjoni u d-dejn tal-unitajiet domestiċi. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (5) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-bilanċi esterni u tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (5) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 47. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li, fl-2026 u fl-2027, is-Slovakkja tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tibqa' taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, bil-ħsieb li ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv filwaqt li tuża l-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tvarja t-taxxi b'mod aktar effiċjenti, inkluż billi tnaqqas id-diżinċentivi fis-suq tax-xogħol, u tuża aktar it-tassazzjoni ambjentali u rikorrenti fuq il-proprjetà. Tissimplifika s-sistema tat-tassazzjoni u ttejjeb l-effiċjenza tal-infiq, inkluż billi tallinja r-rieżamijiet tal-infiq mal-proċess baġitarju. Tkompli ssaħħaħ il-konformità mat-taxxa, inkluż billi tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni tat-taxxa. Iżżomm l-inċentivi tal-prezzijiet għall-iffrankar tal-enerġija u timmira l-infiq soċjali aħjar. Tħaffef il-kostruzzjoni billi tissimplifika l-ippjanar spazjali u l-proċeduri għall-għoti ta' permessi, tespandi s-suq tal-kiri privat, u tippromwovi akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, inkluż iż-żamma tal-akkomodazzjoni għal gruppi vulnerabbli. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Taċċellera l-isforzi biex timplimenta l-programmi tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi u tal-flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. Tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi, tas-sigurtà u tal-preparatezza ċivili uniċi li jaffettwaw lir-reġjuni fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, inkluż il-ħtieġa li jsir investiment f'infrastruttura b'użu doppju. |
|
3. |
Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi toħloq qafas regolatorju aktar prevedibbli, u tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jiġu integrati fil-proċess leġiżlattiv. Tindirizza l-ostakli li fadal għall-forniment tas-servizzi. Tindirizza l-frammentazzjoni tal-istrutturi ta' governanza, inkluż billi tħejji riforma tal-governanza lokali. Ittejjeb il-provvista u l-esperjenza tal-utent tas-servizzi tal-Gvern elettroniku. Taċċerta t-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku. Issaħħaħ is-sistema ġudizzjarja, fosthom l-indipendenza, u ttejjeb l-effettività tal-qafas kontra l-korruzzjoni, inkluż billi tiżgura detezzjoni, investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet adegwati, awtonomi u effettivi ta' każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u kapaċità suffiċjenti u speċjalizzata fil-livell tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni. |
|
4. |
Tkompli tespandi l-konnettività tal-gigabits, b'mod partikolari f'żoni li ma humiex moqdijin tajjeb. Iżżid l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari fost l-SMEs, billi tneħħi l-konġestjonijiet fl-introduzzjoni tagħhom. Ittejjeb il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni billi żżid l-investiment pubbliku fir-R&Ż, tissimplifika l-governanza tar-R&I, tiffinanzja u tivvaluta sistemi, tinċentivizza l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u s-settur tar-riċerka u billi tirrevedi l-iskema ta' inċentivi tat-taxxa tar-R&Ż biex tagħti appoġġ akbar lill-SMEs. |
|
5. |
Tippromwovi l-investimenti biex tavvanza l-kompetittività industrijali, inkluż permezz tal-inċentivar tad-dekarbonizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni, u d-diversifikazzjoni ekonomika. Taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija biex titneħħa gradwalment id-dipendenza fuq is-sorsi Russi. Taċċellera l-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ u żżid l-effiċjenza fil-proċeduri għall-konnessjoni tas-sorsi ta' enerġija mal-grilja. Tappoġġa aktar investimenti fil-grilji, b'mod partikolari n-networks tal-elettriku, u fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tisħin. Tappoġġa l-introduzzjoni ulterjuri ta' mobbiltà mingħajr emissjonijiet, tirriforma l-ġestjoni tal-investiment fit-trasport u timmodernizza u ssaħħaħ l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport sostenibbli, b'mod partikolari n-network ferrovjarju. Issaħħaħ il-ġestjoni tal-iskart bħala riżorsa u l-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali u mill-imballaġġ, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, u żżid ir-reżiljenza tal-klima u tal-ilma, fosthom billi tintegra soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u tiffinalizza ż-żoni għall-parks nazzjonali. |
|
6. |
Issaħħaħ il-parteċipazzjoni ta' gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol b'mod partikolari f'reġjuni b'livell għoli ta' qgħad, u tippromwovi arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli. Iżżid id-disponibbiltà ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità għolja għat-tfal taħt l-età ta' tliet snin. Tiżgura aċċess ugwali u inklużiv għal edukazzjoni ta' kwalità fil-livelli kollha, b'enfasi fuq it-tagħlim ta' ħiliet bażiċi, inkluż għal tfal ġejjin minn kuntest żvantaġġat. Iżżid l-opportunitajiet ta' tiġdid u ta' titjib tal-ħiliet għall-adulti, inkluż billi tinvesti fil-ħiliet diġitali u fit-taħriġ tal-għalliema u żżid ir-reġistrazzjoni fil-programmi edukattivi STEM. Issaħħaħ iż-żamma ta' professjonisti tas-sengħa u tħajjarhom aktar biex tindirizza n-nuqqas ta' forza tax-xogħol. Ittejjeb il-provvista tal-kura primarja u tespandi l-miżuri tal-kura tas-saħħa preventiva. Issaħħaħ ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul u tiżgura kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità, b'mod partikolari billi tkompli tespandi s-servizzi bbażati fil-komunità. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(3) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5) SWD(2026) 142 final.
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovakkja (ĠU C, C/2025/645, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/645/oj).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja, adottata fil-21 ta' Jannar 2025. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tas-Slovakkja jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/slovakia_en.
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lis-Slovakkja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3974, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3974/oj).
(10) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(11) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.
(12) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.
(14) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(15) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(16) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(17) Peress li s-Slovakkja tibbenefika minn flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali, il-valutazzjoni tal-konformità tiffoka fuq dan it-tqabbil tal-aħħar.
(18) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3938/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)