|
2.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 206/16 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-31 ta’ Lulju 2013
dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, ta’ pjanijiet ta’ kontroll u ta’ programmi ta’ kontroll komuni għall-użin ta’ prodotti tas-sajd skont l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009
(notifikata bid-dokument C(2013) 4908)
(It-testi bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Isvediż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)
(2013/418/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 60(1) u (3) u l-Artikolu 61 tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-preżentazzjoni ta’ pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, ta’ pjanijiet ta’ kontroll u ta’ programmi ta’ kontroll komuni mill-Istati Membri
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, Stat Membru għandu jiżgura li l-prodotti tas-sajd kollha jintiżnu mal-iżbark, qabel ma l-prodotti tas-sajd jinħażnu, jiġu ttrasportati jew jinbiegħu, fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet tal-kontroll, dment li dak l-Istat Membru ma jkunx adotta pjan ta’ teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni. Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni bħal dan għandu jkun skont il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stipulata fl-Artikolu 76(1) u l-Anness XIX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (2). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, Stat Membru jista’ jippermetti li l-prodotti tas-sajd jintiżnu wara t-trasport mill-post tal-iżbark jekk dawn jiġu ttrasportati lejn destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm dak l-Istat Membru jkun adotta pjan ta’ kontroll approvat mill-Kummissjoni. Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni bħal dan għandu jkun konformi mal-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stipulata fl-Artikolu 77(1) u fl-Anness XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru li fih jiġu żbarkati l-prodotti tas-sajd jista’ jippermetti t-trasport qabel l-użin ta’ dawn il-prodotti lil xerrejja reġistrati, stabbilimenti tal-irkant reġistrati jew korpi jew persuni oħra li huma responsabbli għall-ewwel kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd fi Stat Membru ieħor, sakemm l-Istati Membri kkonċernati jkunu adottaw programm ta’ kontroll komuni approvat mill-Kummissjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Programm ta’ teħid ta’ kampjuni bħal dan għandu jkun skont il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stipulata fl-Artikolu 77(3) u fl-Anness XXII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni approvat, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/474/UE (3), l-ewwel grupp ta’ pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni adottati mill-Ġermanja, mill-Irlanda, mil-Litwanja, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Polonja, mill-Finlandja u mir-Renju Unit u ta’ pjanijiet ta’ kontroll adottati mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Irlanda, mill-Polonja, mill-Finlandja u mir-Renju Unit. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/78/UE (4), il-Kummissjoni approvat it-tieni grupp ta’ pjanijiet ta’ teħid ta’ kampjuni adottati mill-Bulgarija, mil-Latvja, mis-Slovenja u mill-Isvezja u pjan ġdid ta’ teħid ta’ kampjuni adottat mill-Pajjiżi l-Baxxi, pjan ta’ kontroll adottati minn Franza u programm ta’ kontroll komuni miftiehma mill-Irlanda u minn Franza. |
|
(5) |
Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/78/UE, pjan ta’ teħid ta’ kampjuni ġie ppreżentat fis-27 ta’ Frar 2013 minn Spanja, pjan ta’ kontroll ġie ppreżentat fit-8 ta’ Novembru 2012 mill-Isvezja u programmi ta’ kontroll komuni ġew ppreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2012, u mill-Belġju u minn Franza u fl-14 ta’ Novembru 2012 mill-Belġju u mill-Irlanda. Dan il-pjan għat-teħid ta’ kampjuni, dan il-pjan ta’ kontroll u dawn il-programmi ta’ kontroll komuni huma konformi mal-metodoloġiji rilevanti bbażati fuq ir-riskju. Għalhekk, dawn għandhom jiġu approvati. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tirrevoka l-approvazzjoni jekk jidher illi l-Istat Membru kkonċernat ma japplikax jew mhux qed japplika bis-sħiħ il-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, il-pjan ta’ kontroll jew il-programm ta’ kontroll komuni. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni se tissorvelja l-applikazzjoni tal-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, tal-pjan ta’ kontroll u tal-programm ta’ kontroll komuni kemm fir-rigward tat-tħaddim effettiv tagħhom kif ukoll tar-reviżjoni regolari tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat. Għal dik ir-raġuni l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet. Jekk jidher li tali pjan jew programm ma jiżgurax użin adegwat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jissottometti pjan jew programm rivedut lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni
1. Il-pjan għat-teħid ta’ kampjuni ppreżentat fis-27 ta’ Frar 2013 minn Spanja għall-finijiet tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huwa approvat.
2. Il-pjan ta’ kontroll ippreżentat fl-8 ta’ Novembru 2012 mill-Isvezja għall-użin ta’ prodotti tas-sajd wara t-trasport lejn destinazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huwa approvat.
3. Il-programmi ta’ kontroll komuni ppreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2012 mill-Belġju u minn Franza u dawk sottomessi fl-14 ta’ Novembru 2012 mill-Belġju u mill-Irlanda għall-użin ta’ prodotti tas-sajd wara t-trasport lejn destinazzjoni fi Stat Membru ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma approvati.
Artikolu 2
Revoka
Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka l-approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jekk jidher illi l-Istat Membru kkonċernat ma japplikax jew mhux qed japplika bis-sħiħ il-pjan għat-teħid tal-kampjuni, il-pjan ta’ kontroll jew il-programm ta’ kontroll komuni tiegħu.
Artikolu 3
Rapport
Qabel l-1 ta’ April 2014, l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, rapport dwar l-applikazzjoni tal-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, tal-pjan ta’ kontroll u tal-programmi ta’ kontroll komuni msemmija f’dak l-Artikolu.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lill-Irlanda, lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju ta’ Spanja u lir-Renju tal-Isvezja.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kummissjoni
Maria DAMANAKI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.