|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3015 |
12.12.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/3015 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Novembru 2024
dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Kif rikonoxxut fil-Preambolu għall-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni Nru 29 dwar ix-xogħol furzat (il-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), ix-xogħol furzat jikkostitwixxi ksur serju tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, jikkontribwixxi għat-tkomplija tal-faqar u jxekkel lil kulħadd milli jkollu xogħol deċenti. L-ILO ddikjarat l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat jew obbligatorju bħala prinċipju tad-drittijiet fundamentali. L-ILO tikklassifika l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO, inkluż l-issupplimentar tal-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni Nru 29 u l-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat (il-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO) bħala konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u toħroġ rakkomandazzjonijiet biex ix-xogħol furzat jinżamm milli jseħħ, jiġi eliminat u jiġi rimedjat, bħar-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol Furzat (Miżuri Supplimentari) Nru 203. L-ILO żviluppat diversi indikaturi użati biex tidentifika u tindika każijiet ta’ xogħol furzat, bħat-theddid u l-ħsara fiżika u sesswali reali, l-abbuż ta’ vulnerabbiltà, l-abbuż ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u s-sahra eċċessiva, il-qerq, ir-restrizzjoni tal-moviment jew il-konfinament għall-post tax-xogħol jew żona limitata, l-iżolament, il-jasar tad-dejn, iż-żamma tal-pagi jew it-tnaqqis eċċessiv fil-pagi, iż-żamma ta’ passaporti u ta’ dokumenti tal-identità jew it-theddida ta’ denunzja lill-awtoritajiet meta l-ħaddiem ikollu status ta’ immigrazzjoni irregolari. Ix-xogħol furzat huwa ħafna drabi marbut mal-faqar u d-diskriminazzjoni. Il-manipulazzjoni tal-kreditu u tad-dejn, jew mill-impjegaturi jew inkella mill-aġenti ta’ reklutaġġ, għadha fattur ewlieni li jżomm lil ħaddiema vulnerabbli “ostaġġi” f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat. Skont il-korpi superviżorji tal-ILO, ix-xogħol fil-ħabsijiet, inkluż meta jitwettaq għal kumpaniji privati, ma jikkostitwixxix fih innifsu xogħol furzat, dment li dan isir fuq bażi volontarja, għall-benefiċċju tal-priġunier u huwa komparabbli mal-kundizzjonijiet ta’ relazzjoni tax-xogħol ħielsa. Ix-xogħol komunitarju bħala sanzjoni penali alternattiva għall-priġunerija jenħtieġ li dejjem ikun fl-interess pubbliku u jenħtieġ li, fl-ebda ċirkostanza, ma jiġi abbużat mill-istati bħala mezz biex jiddegradaw il-persuna kkundannata jew biex iċaħħdu dik il-persuna mid-dinjità tagħha. F’każijiet li fihom ix-xogħol jew is-servizz jiġi impost billi tiġi sfruttata l-vulnerabbiltà tal-ħaddiem, b’theddida ta’ penali, dik it-theddida ma għandhiex bżonn tieħu l-forma ta’ sanzjoni penali iżda tista’ tieħu l-forma ta’ telf ta’ drittijiet jew benefiċċji. |
|
(2) |
L-użu tax-xogħol furzat huwa mifrux madwar id-dinja. Huwa stmat li madwar 27,6 miljun persuna kienu f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat fl-2021. Gruppi vulnerabbli u marġinalizzati f’soċjetà huma partikolarment suxxettibli li jiġu mġegħlin iwettqu xogħol furzat. Tali gruppi jinkludu n-nisa, it-tfal, il-minoranzi etniċi, il-persuni b’diżabilità, il-persuni minn kasti aktar baxxi, il-persuni indiġeni u tribali u l-migranti, speċjalment migranti mingħajr dokumenti, li għandhom status prekarju u li joperaw fl-ekonomija informali. Anke meta ma jkunx impost mill-Istat, ix-xogħol furzat spiss ikun konsegwenza tal-assenza jew in-nuqqas ta’ governanza tajba fir-rigward ta’ ċerti operaturi ekonomiċi u wirja tal-falliment tal-istat li jinforza d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli u marġinalizzati. Ix-xogħol furzat jista’ jseħħ ukoll bħala riżultat tal-kunsens taċitu tal-awtoritajiet. 86 % tal-każijiet kollha ta’ xogħol furzat iseħħ fis-settur privat, b’mod partikolari permezz tal-isfruttament tax-xogħol furzat ta’ 17,3-il miljun persuna. L-obbligi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu prevedibbli u ċari sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa u effettiva u jingħata kontribut biex jintemm ix-xogħol furzat. |
|
(3) |
L-eradikazzjoni tax-xogħol furzat fil-forom kollha tiegħu, inkluż ix-xogħol furzat impost mill-Istat, hija prijorità għall-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem huma stabbiliti bis-sħiħ fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Sabiex tintlaħaq il-Mira 8.7 tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni jenħtieġ li tirrispetta u tippromwovi l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet tat-tfal. L-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jipprojbixxi b’mod espliċitu l-iskjavitù, is-servitù, ix-xogħol furzat jew obbligatorju u t-traffikar ta’ bnedmin, u l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprevedi li ħadd ma għandu jkun meħtieġ iwettaq xogħol furzat jew obbligatorju. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem interpretat ripetutament l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali bħala li jirrikjedi li l-Istati Membri jippenalizzaw u jipprosegwixxu b’mod effettiv kwalunkwe att li jżomm persuna fis-sitwazzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. Id-dritt għal rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet fundamentali huwa dritt tal-bniedem, u element fundamentali fil-proċess ta’ prosekuzzjoni effettiva tar-reati. Il-liġi eżistenti tal-Unjoni, il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGP), ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju u l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), bħall-Linji gwida għall-Impriżi Multinazzjonali dwar Imġiba Responsabbli fin-Negozju, jaffermaw li l-vittmi għandhom id-dritt għal rimedju effettiv għall-ksur jew għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju, inkluż ix-xogħol furzat. |
|
(4) |
L-Istati Membri kollha rratifikaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO fil-qasam tax-xogħol furzat, jiġifieri l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO u l-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO, u l-Konvenzjoni Nru 182 tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol Furzat tat-Tfal (“Konvenzjoni Nru 182 tal-ILO”). Għalhekk, huma legalment obbligati jipprevjenu u jeliminaw l-użu tax-xogħol furzat u li jirrapportaw regolarment lill-ILO. |
|
(5) |
Permezz tal-politiki u l-inizjattivi leġiżlattivi tagħha, l-Unjoni tfittex li teqred l-użu tax-xogħol furzat u tippromwovi x-xogħol deċenti u d-drittijiet tal-ħaddiema mad-dinja kollha. L-Unjoni tippromwovi d-diliġenza dovuta f’konformità mal-linji gwida u mal-prinċipji internazzjonali stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-ILO, l-OECD u n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol furzat ma jkollux post fil-ktajjen tal-provvista tal-impriżi stabbiliti fl-Unjoni. |
|
(6) |
Il-politika kummerċjali tal-Unjoni tappoġġa l-ġlieda kontra x-xogħol furzat f’relazzjonijiet kummerċjali kemm unilaterali kif ukoll bilaterali. Il-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni jinkludu impenn sabiex jiġu ratifikati u implimentati b’mod effettiv il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li jinkludu l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO u l-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-kummerċ u tal-ġeneri jistabbilixxu lenti tal-ġeneru li tkun essenzjali għat-tisħiħ ekonomiku tal-pożizzjoni tan-nisa sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat skont il-ġeneri. Barra minn hekk, il-preferenzi tariffarji unilaterali skont l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-Unjoni jistgħu jiġu rtirati għal ksur serju u sistematiku tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO u tal-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO. |
|
(7) |
Ix-xogħol furzat għandu impatt distint fuq il-gruppi vulnerabbli u emarġinati, bħat-tfal, in-nisa, il-migranti, ir-rifuġjati jew il-popli indiġeni, u għalhekk approċċ intersezzjonali u sensittiv għall-ġeneru huwa essenzjali biex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat b’mod effettiv. Għalhekk, dan ir-Regolament huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-ftehimiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni Nru 182 tal-ILO, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, id-Dikjarazzjoni ta’ Beijing ta’ Settembru 1995, il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-popli indiġeni u tribali. |
|
(8) |
Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tarmonizza d-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż ix-xogħol jew is-servizzi furzati, u tistabbilixxi regoli dwar penali minimi. Kwalunkwe regola stabbilita li tikkonċerna l-projbizzjoni tat-tqegħid u t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti domestiċi jew importati magħmulin b’xogħol furzat, jew l-esportazzjoni ta’ tali prodotti, u l-obbligu li jiġi żgurat li tali prodotti jiġu rtirati mis-suq tal-Unjoni (“il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmula permezz ta’ xogħol furzat”), jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal dik id-Direttiva, u b’mod partikolari għall-kompetenza tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji sabiex jinvestigaw u jipproċessaw reati relatati mat-traffikar ta’ bnedmin, inkluż l-isfruttament ta’ ħaddiema. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirrikjedi li l-importaturi tal-Unjoni ta’ minerali jew metalli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament iwettqu obbligi ta’ diliġenza dovuta konsistenti mal-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, u r-rakkomandazzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta stabbiliti fih. Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fih obbligi għall-operaturi ekonomiċi sabiex iwettqu d-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema. Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jirrikjedi diliġenza dovuta rigward ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
(10) |
Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li ċerti operaturi ekonomiċi kull sena jippubblikaw dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji li fihom jirrapportaw dwar l-impatt tal-attività tagħhom fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati u fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fuq ix-xogħol furzat, u fuq kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà korporattiva emendat dak ir-rekwiżit billi introduċiet obbligi ta’ rapportar dettaljati għall-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-ktajjen tal-provvista globali. L-informazzjoni li l-impriżi jiżvelaw dwar id-drittijiet tal-bniedem jenħtieġ li tinkludi, fejn rilevanti, informazzjoni dwar ix-xogħol furzat fil-ktajjen tal-valur tagħhom. |
|
(11) |
Bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, multilaterali. Kwalunkwe miżura introdotta mill-Unjoni li taffettwa l-kummerċ jenħtieġ li tkun konformi mad-WTO. |
|
(12) |
F’Lulju 2021, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppubblikaw gwida dwar id-diliġenza dovuta għan-negozji tal-UEbiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. |
|
(13) |
Kif rikonoxxut fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni ġusta globali u rkupru sostenibbli, minkejja l-politiki attwali u l-qafas leġiżlattiv, hija meħtieġa aktar azzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-eliminazzjoni tal-prodotti mix-xogħol furzat mis-suq tal-Unjoni u, għalhekk, bħala kontribut ulterjuri għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat madwar id-dinja. |
|
(14) |
Il-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni, kif minquxa fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, jinkludu l-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u futur tax-xogħol iċċentrat fuq il-bniedem li jiżgura r-rispett għall-prinċipji fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-djalogu soċjali kif ukoll ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet u l-protokolli rilevanti tal-ILO, it-tisħiħ tal-ġestjoni responsabbli fil-ktajjen tal-provvista globali u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. |
|
(15) |
Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmulin b’xogħol furzat (9), tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang (10) u tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja (11) il-Parlament Ewropew ikkundanna bil-qawwa x-xogħol furzat u sejjaħ għal projbizzjoni fuq prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Għalhekk, hija kwistjoni ta’ tħassib morali pubbliku li prodotti magħmulin b’xogħol furzat jistgħu jkunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni jew li jiġuesportati lejn pajjiżi terzi mingħajr mekkaniżmu effettiv sabiex jiġu pprojbiti jew irtirati prodotti bħal dawn. |
|
(16) |
Sabiex jitlesta l-qafas leġiżlattiv u ta’ politika tal-Unjoni dwar ix-xogħol furzat, it-tqegħid u t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat jew l-esportazzjoni ta’ prodotti mmanifatturati domestikament jew importati magħmulin b’xogħol furzat jenħtieġ li jkunu pprojbiti u jenħtieġ li jiġi żgurat li dawk il-prodotti jiġu rtirati mis-suq tal-Unjoni. |
|
(17) |
Bħalissa ma hemm l-ebda liġi tal-Unjoni li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jżommu u jissekwestraw direttament, jew jordnaw l-irtirar ta’ prodott fuq il-bażi ta’ sejba li jkun sar, kemm jekk kompletament kif ukoll parzjalment, b’xogħol furzat. |
|
(18) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat tapplika għal prodotti li għalihom intuża xogħol furzat fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-manifattura, tal-ħsad jew tal-estrazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluż fil-ħidma jew fl-iproċessar relatat ma’ tali prodotti. Jenħtieġ li l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat tapplika għall-prodotti kollha, ta’ kwalunkwe tip, inklużi l-komponenti tagħhom, u jenħtieġ li tapplika għall-prodotti irrispettivament mis-settur, mill-oriġini, kemm jekk ikunu domestiċi jew importati, jew jitqiegħdu jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni jew jiġu esportati. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-għoti ta’ servizzi tat-trasport. |
|
(19) |
Jenħtieġ li l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali sabiex jiġi abolit ix-xogħol furzat. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “xogħol furzat” tiġi allinjata mad-definizzjoni stabbilita fil-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO li tiddikjara li x-xogħol furzat jew obbligatorju jfisser kull xogħol jew servizz li jsir minn kwalunkwe persuna taħt it-theddida ta’ xi penali u li għalih il-persuna msemmija ma tkunx offriet li tagħmlu b’mod volontarju, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe xogħol jew servizz imwettaq bil-liġijiet dwar is-servizz militari obbligatorju għal xogħol ta’ natura purament militari; kwalunkwe xogħol jew servizz li jifforma parti mill-obbligi ċiviċi normali taċ-ċittadini ta’ pajjiż kompletament awtonomu; kwalunkwe xogħol jew servizz imwettaq minn kwalunkwe persuna bħala konsegwenza ta’ kundanna f’qorti tal-ġustizzja, dment li x-xogħol jew is-servizz imsemmi jitwettaq taħt is-superviżjoni u l-kontroll ta’ awtorità pubblika u li l-imsemmija persuna ma tkunx impjegata jew imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ individwi, kumpaniji jew assoċjazzjonijiet privati; kwalunkwe xogħol jew servizz imwettaq f’każijiet ta’ emerġenza, jiġifieri, fil-każ ta’ gwerra jew ta’ diżastru jew theddida ta’ diżastru, bħal nirien, għargħar, karestija, terremoti, epidemiji vjolenti jew mard epiżootiku, invażjoni minn annimali, insetti jew organiżmi ta’ ħsara veġetali, u b’mod ġenerali kwalunkwe ċirkostanza li tipperikola l-eżistenza jew il-benesseri tal-popolazzjoni kollha jew parti minnha; u servizzi komunali minuri ta’ tip li, billi jitwettqu mill-membri tal-komunità fl-interess dirett tal-imsemmija komunità, jistgħu għalhekk jitqiesu bħala obbligi ċiviċi normali li jaqgħu fuq il-membri tal-komunità, dment li l-membri tal-komunità jew ir-rappreżentanti diretti tagħhom ikollhom id-dritt li jiġu kkonsultati fir-rigward tal-ħtieġa għal tali servizzi. |
|
(20) |
Abbażi tad-definizzjoni ta’ xogħol furzat speċifikata fil-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO u użata f’dan ir-Regolament, l-“indikaturi tax-xogħol furzat tal-ILO” u l-linji gwida tal-ILO bit-titolu “Hard to See, Harder to Count” (Diffiċli biex Tarahom, Aktar Diffiċli biex Tgħoddhom) jistabbilixxu l-aktar sinjali komuni li jindikaw l-eżistenza possibbli ta’ xogħol furzat u jenħtieġ li jitqiesu meta jiġi implimentat dan ir-Regolament. Madankollu, dawk l-indikaturi jistgħu ma jkunux biżżejjed għall-identifikazzjoni ta’ xogħol furzat impost minn awtoritajiet tal-Istat, li hija bbażata fuq politiki koerċittivi sistemiċi u globali li jirrikjedu indikaturi addizzjonali u mfassla speċifikament. |
|
(21) |
Id-definizzjoni ta’ “xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat” jenħtieġ li tiġi allinjata mal-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO, li speċifikament tipprojbixxi l-użu ta’ xogħol furzat jew xogħol obbligatorju bħala mezz ta’ koerċizzjoni jew edukazzjoni politika jew bħala kastig għall-espressjoni ta’ fehmiet politiċi jew fehmiet ideoloġikament opposti għas-sistema politika, soċjali jew ekonomika stabbilita. Tipprojbixxi wkoll l-użu ta’ xogħol furzat bħala metodu ta’ mobilizzazzjoni u li jintuża għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku, bħala mezz ta’ dixxiplina tal-ħaddiema, bħala kastig għall-parteċipazzjoni fi strajks, jew bħala mezz ta’ diskriminazzjoni razzjali, soċjali, nazzjonali jew reliġjuża. |
|
(22) |
Il-bejgħ mill-bogħod, inkluż il-bejgħ online, jenħtieġ li jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ prodott offrut li jinbiegħ online jew b’mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, il-prodott jenħtieġ li jitqies li huwa disponibbli fis-suq jekk l-offerta għall-bejgħ tkun immirata għall-utenti finali fl-Unjoni. F’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar id-dritt internazzjonali privat, jenħtieġ li titwettaq analiżi każ b’każ sabiex jiġi stabbilit jekk offerta hijiex immirata għall-utenti finali fl-Unjoni. Jenħtieġ li offerta għall-bejgħ titqies bħala mmirata għall-utenti finali fl-Unjoni jekk l-operatur ekonomiku rilevanti jiddirezzjona, bi kwalunkwe mezz, l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru. Għall-analiżijiet każ b’każ, jenħtieġ li f’dan ir-rigward jitqiesu l-fatturi rilevanti, bħaż-żoni ġeografiċi li lejhom ikun possibbli d-dispaċċ, il-lingwi disponibbli u użati għall-offerta jew għall-ordni, il-mezzi ta’ pagament, l-użu tal-munita tal-Istat Membru jew isem tad-dominju rreġistrat f’wieħed mill-Istati Membri. Fil-każ ta’ bejgħ online, is-sempliċi fatt li l-interfaċċa tal-operaturi ekonomiċi jew l-interfaċċa tal-fornituri tas-swieq online tkun aċċessibbli fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti jew domiċiljati l-utenti finali ma huwiex biżżejjed. Il-fatt li l-prodotti offruti għall-bejgħ online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod jitqiesu li jkunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni jekk l-offerta għall-bejgħ tkun immirata lejn utenti finali fl-Unjoni jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ tali prodotti skont dan ir-Regolament, anki jekk ikunu għadhom ma humiex fil-fatt imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-mument tal-offerta għall-bejgħ online jew b’mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod. Tali prodotti jridu jkunu konformi mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fil-mument meta fil-fatt jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u, fil-każ ta’ prodotti li jidħlu fl-Unjoni, meta jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali “rilaxx għal ċirkolazzjoni libera”. Il-fatt li prodott, offrut li jinbiegħ online jew b’mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, jitqies li jkun disponibbli fis-suq jekk l-offerta għall-bejgħ tkun immirata għall-utenti finali fl-Unjoni, jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli rigward il-prodotti li jidħlu jew joħorġu mis-suq tal-Unjoni. |
|
(23) |
Kien hemm żieda fl-użu ta’ servizzi intermedjarji, b’mod partikolari s-swieq online, għall-bejgħ ta’ prodotti. F’dan ir-rigward, kwalunkwe informazzjoni relatata mal-bejgħ ta’ prodotti li jiksru l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat stabbilita f’dan ir-Regolament jenħtieġ li titqies bħala kontenut illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-obbligi u l-miżuri stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(24) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jidentifikaw ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Meta jaħtru l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji u li l-persunal tagħhom ikollu l-kompetenzi u l-għarfien neċessarji, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet tal-ħaddiema, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tal-ġestjoni tal-katina tal-provvista u tal-proċessi ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkoordinaw mill-qrib mal-awtoritajiet tal-ispezzjonijiet tax-xogħol nazzjonali u mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, inklużi dawk responsabbli għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin b’tali mod li jevita milli jipperikola l-investigazzjonijiet minn tali awtoritajiet. |
|
(25) |
Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ twettiq ta’ investigazzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob l-assistenza ta’ korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni b’mandat xieraq. Dawk il-kompiti jistgħu jinkludu: li jiġu pproċessati sottomissjonijiet ta’ informazzjoni, tiġi appoġġata l-allokazzjoni ta’ investigazzjonijiet, jitwettqu l-investigazzjonijiet preliminari u l-investigazzjonijiet, tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u bejniethom, tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni internazzjonali, jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għodod ta’ appoġġ u, jekk xieraq, tiġi appoġġata l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet doganali u tiġi appoġġata l-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompitu tal-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala awtorità kompetenti ewlenija, li tieħu deċiżjonijiet biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala awtorità kompetenti ewlenija, jenħtieġ li teżerċita s-setgħat tagħha b’mod imparzjali, trasparenti u bir-rispett dovut għall-obbligi tas-segretezza professjonali u jenħtieġ li jkollha l-għarfien espert meħtieġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-mezzi biex tiffinanzja l-persunal meħtieġ u l-kostijiet relatati biex twettaq il-kompiti fdati lilha skont dan ir-Regolament u tibni l-għarfien espert meħtieġ. |
|
(26) |
L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu ggwidati mill-prinċipju tal-proporzjonalità meta jimplimentaw dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw, b’mod partikolari, li l-miżuri u l-azzjonijiet kollha mwettqa matul il-fażi preliminari tal-investigazzjoni u matul l-investigazzjoni u dawk stabbiliti fid-deċiżjoni jkunu xierqa u meħtieġa biex jintlaħaq l-għan mixtieq u ma jimponux piż eċċessiv fuq l-operaturi ekonomiċi. |
|
(27) |
Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti maħturin skont dan ir-Regolament u l-awtoritajiet maħturin skont liġi rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjonijiet u fid-deċiżjonijiet tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti maħturin skont dan ir-Regolament jitolbu informazzjoni minn awtoritajiet rilevanti oħra, fejn neċessarju, dwar jekk l-operaturi ekonomiċi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati jkunux soġġetti għal diliġenza dovuta u jwettquhiex fir-rigward tax-xogħol furzat f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta u t-trasparenza fir-rigward tax-xogħol furzat. Meta jitolbu informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li, fejn possibbli, isegwu l-prinċipju ta’ darba biss tal-Kummissjoni, permezz ta’ kooperazzjoni u djalogu akbar bejn l-awtoritajiet li huma involuti fis-sorveljanza tar-regolamentazzjoni tal-prodott. Għall-istess finijiet, u fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti maħturin skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jinfurmaw lil awtoritajiet rilevanti oħra, bħall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom. |
|
(28) |
L-infurzar uniformi tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu jista’ jinkiseb biss permezz ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni. Tali skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Kummissjoni. |
|
(29) |
Għall-ġbir, għall-ipproċessar u għall-ħżin tal-informazzjoni, f’forma strutturata, dwar kwistjonijiet relatati mal-investigazzjonijiet, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u mal-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw is-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni għas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), f’konformita’ mal-att ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tadotta skont dan ir-Regolament (“l-ICSMS”). Jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali jkollhom aċċess għal dik is-sistema sabiex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament. Huwa possibbli wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jużaw sistemi ta’ komunikazzjoni eżistenti oħra biex jikkomunikaw ma’ awtoritajiet oħra fl-Istat Membru tagħhom stess, sakemm dan ma jaffettwax l-obbligu tal-użu tal-ICSMS għall-finijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(30) |
Sabiex jiġi ottimizzat u jitħaffef il-proċess ta’ kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu, huwa neċessarju li jkun permess trasferiment awtomatizzat tad-data bejn l-ICSMS u s-sistemi doganali. Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn tliet trasferimenti differenti ta’ data fid-dawl tal-finijiet rispettivi tagħhom. L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat jenħtieġ li jiġu kkomunikati mill-ICSMS lis-Sistema elettronika ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (14), mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe evoluzzjoni futura tal-ambjent ta’ ġestjoni tar-riskju doganali, għall-użu mill-awtoritajiet doganali sabiex jidentifikaw prodotti li jistgħu jikkorrispondu għal deċiżjoni bħal din. Jenħtieġ li l-interfaċċi disponibbli tal-ambjent doganali jintużaw għal dawk l-ewwel trasferimenti ta’ data. It-tieni, fejn l-awtoritajiet doganali jidentifikaw prodott bħal dan, il-ġestjoni tal-każijiet tkun neċessarja sabiex, fost l-oħrajn, jittrasferixxu n-notifika tas-sospensjoni, il-konklużjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-eżitu tal-azzjonijiet meħudin mill-awtoritajiet tad-dwana. L-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana jenħtieġ li jappoġġa dawk it-tieni trasferimenti ta’ data bejn l-ICSMS u s-sistemi doganali nazzjonali. It-tielet, is-sistemi doganali fihom informazzjoni dwar prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni u li jitilqu minnu li tkun rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu dmirijiethom iżda li ma tkunx aċċessibbli għalihom. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti tiġi estratta u trażmessa lill-ICSMS. Jenħtieġ li t-tliet interkonnessjonijiet ikunu awtomatizzati ħafna u faċli sabiex jintużaw, sabiex jiġi limitat kwalunkwe piż addizzjonali għall-awtoritajiet doganali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali u mal-awtoritajiet kompetenti, l-atti ta’ implimentazzjoni neċessarji sabiex tiddetermina r-regoli proċedurali, l-arranġamenti prattiċi u l-elementi tad-data li għandhom jiġu ttrasferiti bejn l-ICSMS u s-sistemi doganali u kwalunkwe rekwiżit anċillari ieħor. |
|
(31) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data indikattiva u mhux eżawrjenti tar-riskji tax-xogħol furzat biex tappoġġa l-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tal-ksur potenzjali tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat u tgħin lill-operaturi ekonomiċi jidentifikaw riskji possibbli ta’ xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrikorri għal għarfien espert estern biex tiżviluppa l-bażi tad-data. Jenħtieġ li l-bażi tad-data tidentifika r-riskji tax-xogħol furzat f’żoni ġeografiċi speċifiċi jew fir-rigward ta’ prodotti jew gruppi ta’ prodotti speċifiċi, b’enfasi partikolari fuq riskji mifruxa u severi ta’ xogħol furzat, abbażi ta’ informazzjoni affidabbli u verifikabbli minn istituzzjonijiet internazzjonali, bħall-ILO u n-NU, u istituzzjonijiet ta’ riċerka jew akkademiċi. Dik il-bażi tad-data jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku permezz tal-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat. Meta jkun hemm evidenza affidabbli u verifikabbli li l-prodotti magħmula f’setturi ekonomiċi speċifiċi f’żoni ġeografiċi speċifiċi jippreżentaw riskju għoli li jkunu saru b’xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat, dawk is-setturi f’dawk iż-żoni jenħtieġ li jkunu identifikati fil-bażi tad-data stabbilita skont dan ir-Regolament. |
|
(32) |
L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) jista’ jkollhom riżorsi u kapaċità limitati sabiex jiżguraw li l-prodotti li jqiegħdu jew iqiegħdu disponibbli fis-suq tal-Unjoni jkunu ħielsa minn xogħol furzat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat, li jenħtieġ li jqisu wkoll id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar l-indikaturi tar-riskju tax-xogħol furzat, inkluż kif jiġu identifikati, li jenħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni indipendenti u verifikabbli, inklużi rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-ILO. |
|
(33) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprevjeni piż amministrattiv bla bżonn għall-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa miżuri ta’ akkumpanjament biex tappoġġa l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi u s-sħab kummerċjali tagħhom fl-istess katina tal-provvista, b’mod partikolari l-SMEs. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru punti ta’ kuntatt għall-SMEs għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jkunu il-helpdesks eżistenti tan-negozji u tad-drittijiet tal-bniedem jew il-punti ta’ kuntatt tad-diliġenza dovuta. L-SMEs jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, billi jużaw l-informazzjoni pprovduta fil-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkoordinaw ma’ awtorità kompetenti biex tappoġġahom matul l-investigazzjoni. Riżorsi ta’ appoġġ suffiċjenti jenħtieġ li jkunu wkoll disponibbli online b’mod ċar u li jinftiehem għall-SMEs. |
|
(34) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar kif jiddjalogaw mal-awtoritajiet kompetenti sabiex tgħin lill-operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari lill-SMEs, kif ukoll lil partijiet ikkonċernati oħrajn, jikkonformaw mal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ ukoll linji gwida biex tgħin lil kwalunkwe persuna jew assoċjazzjoni fis-sottomissjoni tal-informazzjoni. |
|
(35) |
Filwaqt li tqis il-varjetà tal-liġi tal-Unjoni li tittratta kwistjonijiet ta’ xogħol furzat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-SMEs, dwar kif għandhom japplikaw l-obbligi differenti li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni. |
|
(36) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi ekonomiċi u mill-awtoritajiet kompetenti. Il-linji gwida għall-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jinkludu gwida dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat, inkluż għal tipi differenti ta’ fornituri u setturi ta’ attività, dwar l-aħjar prattiki biex jintemm u jiġi rrimedjat ix-xogħol furzat u dwar id-diżimpenn responsabbli. Rimedju għandu jinftiehem li huwa restituzzjoni tal-persuna jew persuni jew il-komunitajiet affettwati għal sitwazzjoni ekwivalenti jew qrib kemm jista’ jkun tas-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku x-xogħol furzat ma seħħx, proporzjonat għall-involviment tal-kumpanija fix-xogħol furzat, inkluż kumpens finanzjarju jew mhux finanzjarju pprovdut mill-kumpanija lil persuna jew persuni affettwati mix-xogħol furzat u, fejn applikabbli, ir-rimborż tal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi għal kwalunkwe miżura ta’ rimedju meħtieġa. Gwida għall-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li tiffoka fuq informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-gwida dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat tibni fuq il-Gwida dwar id-diliġenza dovuta għan-negozji tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, ippubblikata mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna f’Lulju 2021. Jenħtieġ li l-linji gwida jkunu konsistenti ma’ linji gwida oħrajn tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward u mal-linji gwida rilevanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-linji gwida jenħtieġ li jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jiddependu mill-esperjenza u l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. Jenħtieġ li r-rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mill-ILO, kif ukoll sorsi ta’ informazzjoni indipendenti u verifikabbli oħrajn jiġu kkunsidrati għall-identifikazzjoni tal-indikaturi tar-riskju. |
|
(37) |
Peress li x-xogħol furzat huwa problema globali u minħabba n-nisġiet ta’ ktajjen tal-provvista globali, huwa neċessarju li tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali kontra x-xogħol furzat, li tkun ittejjeb ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, kif xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn u tiskambja informazzjoni magħhom sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, inkluż ma’ pajjiżi b’leġiżlazzjoni simili fis-seħħ, isseħħ b’mod strutturat bħala parti mill-istrutturi ta’ djalogu eżistenti ma’ dawk il-pajjiżi, jew, jekk ikun neċessarju, strutturi ta’ djalogu speċifiċi li jinħolqu fuq bażi ad hoc. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni tkun tista’ tinkludi skambji ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tax-xogħol furzat, bħal dawk identifikati fil-bażi tad-data, u dwar deċiżjonijiet biex jiġu pprojbiti l-prodotti, iżda jenħtieġ li ma tinkludix informazzjoni dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu biex ixerrdu informazzjoni dwar dan ir-Regolament u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tax-xogħol furzat mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni u miżuri ta’ akkumpanjament biex jappoġġaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-isforzi tagħhom biex jeliminaw ix-xogħol furzat mill-ktajjen tal-provvista globali, kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjenti abilitanti f’pajjiżi terzi biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem. |
|
(38) |
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, jenħtieġ li titħalla tissottometti informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti meta tqis li l-prodotti magħmulin b’xogħol furzat jitqiegħdu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni u jenħtieġ li tiġi informata bl-eżitu tal-valutazzjoni tas-sottomissjoni ta’ informazzjoni tagħhom. Is-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni dwar allegat ksur jenħtieġ li jsiru permezz ta’ punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni u jsir disponibbli fuq il-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat. Sabiex jiġi żgurat l-użu faċli għas-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-użu tal-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni u jenħtieġ li tkun tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-regoli proċedurali, il-mudelli u d-dettalji tas-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni. Sottomissjonijiet ta’ informazzjoni li huma manifestament mhux kompluti, infondati jew magħmula in mala fede jenħtieġ li jitwarrbu. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati biex tiġi żgurata il-protezzjoni ta’ kwalunkwe persuna assoċjata mas-sottomissjoni jew mal-informazzjoni li tkun tinsab fiha, inkluż minn ritaljazzjoni. |
|
(39) |
L-informaturi jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti lejn informazzjoni ġdida biex jassistuhom fl-identifikazzjoni ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u jippermettuhom jieħdu azzjoni. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti adegwati li jippermettu lill-informaturi jwissu lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur reali jew potenzjali ta’ dan ir-Regolament u li l-informaturi jiġu protetti mir-ritaljazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) tkun applikabbli għar-rapportar tal-ksur ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur bħal dan, sakemm jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dik id-Direttiva. |
|
(40) |
Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, jenħtieġ li, skont dan ir-Regolament, l-applikabbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/1937 fir-rigward ta’ rapporti ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur tiġi riflessa f’dik id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/1937 jiġi emendat skont dan. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li, mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dik l-emenda tkun riflessa fil-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati f’konformità ma’ dik id-Direttiva. Madankollu, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali mhijiex kondizzjoni għall-applikabbiltà ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tar-rapportar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament jew il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw. |
|
(41) |
Sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi portal web uniku fil-livell tal-Unjoni, disponibbli għall-pubbliku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(42) |
Meta jidentifikaw ksur potenzjali tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, jenħtieġ li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet kompetenti jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u jivvalutaw l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom. Sabiex jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju fil-prijoritizzazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu s-sehem tal-parti tal-prodott suspettat li jkun sar b’xogħol furzat fil-prodott finali, il-kwantità u l-volum tal-prodotti kkonċernati, u l-iskala u s-severità tax-xogħol furzat suspettat, inkluż jekk ix-xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat jistax ikun ta’ tħassib. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu wkoll id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi u l-kumplessità tal-katina tal-provvista, u jiffukaw sa fejn ikun possibbli fuq l-operaturi ekonomiċi u, fejn rilevanti, il-fornituri tal-prodotti li jkunu eqreb lejn ir-riskju ta’ xogħol furzat u li jkollhom l-akbar influwenza biex jipprevjenu, jimmitigaw u jtemmu l-użu tax-xogħol furzat. |
|
(43) |
Qabel ma tibda investigazzjoni, l-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li tkun tista’ titlob informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jiġu vvalutati u wkoll mingħand partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi l-persuni jew l-assoċjazzjonijiet li jkunu ppreżentaw l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti. L-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li tkun tista’ tagħżel li ma titlobx informazzjoni addizzjonali mingħand l-operaturi ekonomiċi jekk tivvaluta li dan jista’ jwassal għal tentattiv minn dawk l-operaturi ekonomiċi li jaħbu sitwazzjoni ta’ xogħol furzat u b’hekk jipperikolaw l-investigazzjoni. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tibda investigazzjoni fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni kollha disponibbli jew fuq il-bażi ta’ kwalunkwe fatt ieħor disponibbli fejn ma kienx possibbli li jinġabru l-informazzjoni u l-evidenza matul il-fażi preliminari tal-investigazzjoni, tistabbilixxi li jkun hemm tħassib sostanzjat li kien hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. |
|
(44) |
Sabiex tiżdied l-effettività tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xoghol furzat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħtu żmien raġonevoli lill-operaturi ekonomiċi sabiex jidentifikaw, jimmitigaw, jipprevjenu u jġibu fi tmiemu r-riskju ta’ xogħol furzat, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, il-kumplessità tal-proċess u l-għadd ta’ partijiet ikkonċernati involuti. |
|
(45) |
Qabel ma jibdew investigazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija titlob mingħand l-operaturi ekonomiċi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati li jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħudin sabiex jimmitigaw, jipprevjenu, iġibu fi tmiemhom ir-riskji ta’ xogħol furzat jew jirrimedjaw il-każijiet ta’ xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom fir-rigward tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati. Jenħtieġ li t-twettiq ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat jikkontribwixxi biex jgħin lill-operatur ekonomiku jkun f’riskju aktar baxx li jkollu xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tiegħu. Diliġenza dovuta xierqa f’konformita’ mal-liġi tal-Unjoni rilevanti u ma’ standards internazzjonali tista’ tgħin biex jiġi identifikat u indirizzat ix-xogħol furzat fil-katina tal-provvista. Dak jimplika li jenħtieġ li ma tinbeda l-ebda investigazzjoni meta l-awtorità kompetenti ewlenija tqis li ma jkun hemm l-ebda tħassib sostanzjat ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, jew li r-raġunijiet għal tħassib sostanzjat ġew eliminati, pereżempju minħabba, iżda mhux biss, il-leġiżlazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew kwalunkwe diliġenza dovuta oħra applikabbli fir-rigward tax-xogħol furzat li tiġi applikata b’mod li jimmitiga, jipprevjeni u jtemm ir-riskju ta’ xogħol furzat. |
|
(46) |
Meta titlob informazzjoni matul l-investigazzjoni, l-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li tipprijoritizza, sa fejn ikun possibbli u konsistenti mat-twettiq effettiv tal-investigazzjoni, lill-operaturi ekonomiċi li qegħdin jiġu investigati u li jkunu involuti fil-passi tal-katina tal-provvista kemm jista’ jkun qrib ta’ fejn x’aktarx iseħħ ir-riskju ta’ xogħol furzat u tqis id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi u l-kwantità tal-prodotti kkonċernati, kif ukoll l-iskala tax-xogħol furzat suspettat. |
|
(47) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ewlenin iġorru l-piż li jistabbilixxu jekk ix-xogħol furzat intużax fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-manifattura, tal-ħsad jew tal-estrazzjoni ta’ prodott imqiegħed jew imqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jew għall-esportazzjoni, inkluż fil-ħdim jew fl-ipproċessar relatat mal-prodott fuq il-bażi tal-informazzjoni u tal-evidenza kollha miġbura matul l-investigazzjoni, inkluża l-fażi preliminari tagħha. Sabiex jiġi żgurat id-dritt tagħhom għal proċess xieraq, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom l-opportunità li jipprovdu informazzjoni fid-difiża tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti matul l-investigazzjoni. Meta, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni minn awtorità kompetenti ewlenija, operatur ekonomiku jew awtorità pubblika jirrifjutaw jew jonqsu, mingħajr ġustifikazzjoni valida, milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba, jipprovdu informazzjoni mhux kompluta jew skorretta bl-objettiv li jimblokkaw l-investigazzjoni, jipprovdu informazzjoni qarrieqa jew inkella jimpedixxu l-investigazzjoni, inkluż meta jiġi identifikat riskju ta’ xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tkun tista’ tistabbilixxi li l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat tkun inkisret abbażi ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti u verifikabbli oħra miġbura matul il-fażi preliminari tal-investigazzjoni jew matul l-investigazzjoni. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tqis ukoll dawk il-fatturi meta tirrevedi deċiżjoni meħuda fuq dik il-bażi. |
|
(48) |
Meta l-awtorità kompetenti ewlenija tistabbilixxi li l-operaturi ekonomiċi jkunu kisru l-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, jenħtieġ li hija tipprojbixxi mingħajr dewmien l-introduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali prodotti fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni tagħhom mill-Unjoni, u tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew investigati jirtiraw il-prodotti kkonċernati li jkunu diġà saru disponibbli fis-suq tal-Unjoni u jagħtu bħala donazzjoni prodotti li jitħassru għall-finijiet ta’ kawżi ta’ karità jew ta’ interess pubbliku. F’każijiet ta’ prodotti li ma jkunux jitħassru, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jirriċiklaw tali prodotti, u jekk dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li jaraw li l-prodotti jinqerdu, isiru inoperabbli, jew jiddisponu minnhom b’xi mod ieħor skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluża l-liġi tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Madankollu, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni ta’ tfixkil fil-ktajjen tal-provvista ta’ importanza strateġika jew kritika għall-Unjoni u, f’dan ir-rigward, għall-prodotti, li r-rimi tagħhom ibiddel il-funzjonament xieraq tas-suq intern u ta’ tali ktajjen tal-provvista. F’dawk il-każijiet, bħala deroga mill-obbligu li tiġi imposta ordni biex il-prodott ikkonċernat jintrema, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija, fejn xieraq, tkun tista’ tordna li l-prodott ikkonċernat jinżamm għal perjodu definit, a spejjeż tal-operaturi ekonomiċi. Meta tivvaluta l-importanza strateġika jew kritika ta’ prodott għall-Unjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija, b’mod partikolari, tqis il-lista ta’ setturi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113 (17) kif ukoll il-prodotti elenkati fir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Meta jivvalutaw jekk ikunx xieraq li jkun hemm deroga mill-obbligu li tiġi imposta ordni ta’ rimi, l-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li żżomm f’moħħha l-probabbiltà li l-operaturi ekonomiċi konċernatijikkonformaw mal-kundizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjoni li tistabbilixxi ksur ta’ projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin permezz ta’xogħol furzat fil-perjodu definit mill-awtorità kompetenti ewlenija. Il-perjodu stabbilit mill-awtorità kompetenti ewlenija jippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati juru li jkunu eliminaw ix-xogħol furzat fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, billi jkunu temmuh fil-katina tal-provvista tagħhom. Il-fatt li wieħed ibiddel katina tal-provvista, fis-sens li jiddependi minn fornituri differenti, ma jistax jitqies bħala metodu ta’ eliminazzjoni ta’ xogħol furzat fir-rigward tal-prodott ikkonċernat minn dik id-deċiżjoni, peress li jirriżulta fi prodott differenti. Jekk l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jipprovdu l-evidenza li turi li jkunu eliminaw ix-xogħol furzat fir-rigward tal-prodott kkonċernat, l-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi t-tqegħid u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali prodotti fis-suq tal-Unjoni, u dan iwassal għall-irtirar tagħha, u għalhekk il-prodotti kkonċernati ma jibqgħux jinżammu milli jidħlu fis-suq. Jekk l-operaturi ekonomiċi kkonċernati ma jipprovdux tali evidenza, huma jenħtieġ li jikkonformaw mal-ordni li jarmu l-prodotti kkonċernati wara l-iskadenza tal-perjodu inkluż fid-deċiżjoni li tipprojbixxi t-tqegħid u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali prodotti fis-suq tal-Unjoni, li jkun fiha l-ordni li l-prodotti jinżammu għal perjodu definit. |
|
(49) |
F’deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ prodottti magħmulin b’xogħol furzat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tiddikjara s-sejbiet tal-investigazzjoni, u l-informazzjoni li tirfed is-sejbiet, u tistabbilixxi żmien raġonevoli li fih l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jikkonformaw ma’ dik id-deċiżjoni, kif ukoll informazzjoni li tidentifika l-prodott li għalih tapplika d-deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni neċessarji sabiex tispeċifika d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża f’tali deċiżjonijiet. Id-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti ewlenija jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku. |
|
(50) |
Fl-istabbiliment ta’ żmien raġonevoli li fiħ tikkonforma ma’ ordnijiet stabbiliti f’deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tqis d-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. |
|
(51) |
Sabiex jiġi infurzar effettiv, id-deċiżjonijiet meħudin minn awtorità kompetenti ewlenija fi Stat Membru wieħed jenħtieġ li jiġu rrikonoxxuti u infurzati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħrajn fir-rigward ta’ prodotti bl-istess informazzjoni ta’ identifikazzjoni mill-istess katina tal-provvista li għalihom instab xogħol furzat. |
|
(52) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ewlenin skont dan ir-Regolament, wara li jkunu pprovdew informazzjoni sostanzjali ġdida li turi li l-prodotti mqiegħda jew imqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni jew maħsubin sabiex jiġu esportati mis-suq tal-Unjoni huma f’konformità mal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Jenħtieġ li l-awtoritaà kompetenti ewlenija tirtira d-deċiżjoni tagħha għall-futur meta l-operaturi ekonomiċi juru li jkunu kkonformaw ma’ dik id-deċiżjoni u eliminaw ix-xogħol furzat mill-operazzjonijiet jew mill-ktajjen tal-provvista għall-prodotti kkonċernati. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ewlenin skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli. |
|
(53) |
Jekk l-operaturi ekonomiċi jonqsu milli jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ewlenija sa tmiem il-perjodu ta’ żmien stabbilit, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-prodotti kkonċernati jkunu pprojbiti milli jitqiegħdu jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni, jew milli jiġu esportati jew jiġu irtirati mis-suq tal-Unjoni u li kwalunkwe prodotti li jitħassru li jibqgħu għand l-operaturi ekonomiċi rilevanti jingħataw bħala donazzjoni għall-finijiet ta’ kawżi ta’ karità jew ta’ interess pubbliku. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li prodotti li ma jitħassrux jiġu riċiklati, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, li dawn jinqerdu, isiru inoperabbli, jew jiddisponu minnhom b’xi mod ieħor f’konformità mal-liġi nazzjonali b’mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni, inkluża l-liġi tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart u dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli a spejjeż tal-operaturi ekonomiċi. Fejn possibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-metodu ta’ rimi jew qerda magħżul mill-għażliet kollha disponibbli jkollu l-iżgħar impatt ambjentali possibbli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-infurzar tad-deċiżjonijiet fit-territorju tagħhom stess, inkluż deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni. Wara li deċiżjoni tiġi kkomunikata permezz tal-ICSMS, l-awtoritajiet kompetenti kollha kkonċernati b’dik id-deċiżjoni jenħtieġ li jipproċedu bl-azzjonijiet ta’ infurzar rilevanti previsti f’dan ir-Regolament. |
|
(54) |
L-effett fuq it-trattament xieraq tal-annimali jenħtieġ li jitqies meta tiġi infurzata l-projbizzjoni tat-tqegħid u t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq jew jiġu esportati prodotti magħmulin bl-użu ta’ xogħol furzat sabiex l-annimali kkonċernati jinħelsu minn kwalunkwe uġigħ, dwejjaq jew tbatija li jistgħu jiġu evitati. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni rigward il-benessri tal-annimali, bħar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (19) u (KE) Nru 1099/2009 (20). |
|
(55) |
Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ewlenin li jistabbilixxu ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet doganali, li jenħtieġ li jimmiraw li jidentifikaw il-prodott ikkonċernat minn prodotti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu responsabbli mill-infurzar ġenerali tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni kif ukoll tal-prodotti li jidħlu jew li joħorġu minn dak is-suq. Peress li x-xogħol furzat huwa parti mill-proċess tal-manifattura u ma jħalli l-ebda traċċa fuq il-prodott, u billi r-Regolament (UE) 2019/1020 ikopri biss prodotti mmanifatturati u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod awtonomu skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 fl-applikazzjoni u fl-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Jenħtieġ li l-organizzazzjoni speċifika tal-kontrolli ta’ kull Stat Membru tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u għad-dispożizzjonijiet ġenerali tiegħu dwar is-setgħat ta’ kontroll u ta’ superviżjoni tal-awtoritajiet doganali. |
|
(56) |
L-informazzjoni li bħalissa hija pprovduta jew disponibbli għall-awtoritajiet doganali mill-operaturi ekonomiċi tinkludi biss informazzjoni ġenerali dwar il-prodotti iżda ma tinkludix informazzjoni dwar il-manifattur jew il-produttur u l-fornituri tal-prodotti kif ukoll informazzjoni speċifika dwar il-prodotti. Sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jidentifikaw prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu li jiksru dan ir-Regolament u li, għalhekk, jenħtieġ li jitwaqqfu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw lill-awtoritajiet doganali informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ prodotti li għalihom tirrelata deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ewlenija. Jenħtieġ li din tinkludi informazzjoni dwar il-manifattur jew il-produttur u l-fornituri tal-prodotti kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-prodott innifsu. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jidentifikaw il-prodotti li għalihom tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta bl-użu, fost l-oħrajn, tal-bażi tad-data stabbilita skont dan ir-Regolament kif ukoll l-informazzjoni u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ewlenin kodifikati fis-ICSMS. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, atti ta’ implimentazzjoni neċessarji sabiex tispeċifika d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali mill-operaturi ekonomiċi. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi d-deskrizzjoni, l-isem jew il-marka tal-prodott, ir-rekwiżiti speċifiċi skont il-liġi tal-Unjoni għall-identifikazzjoni tal-prodott, bħal tip, referenza, mudell, numru tal-lott jew tas-serje mwaħħal fuq il-prodott, jew ipprovdut fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott, jew l-identifikatur uniku tal-passaport tal-prodott diġitali kif ukoll dettalji dwar il-manifattur jew il-produttur u l-fornituri tal-prodott, inklużi, għal kull wieħed minnhom, l-isem, l-isem kummerċjali jew it-trademark reġistrata tagħhom, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, in-numru ta’ identifikazzjoni uniku tagħhom fil-pajjiż li huma stabbiliti fih u, fejn disponibbli, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tagħhom. Ir-rieżami tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se jqis l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni doganali tal-informazzjoni meħtieġa li tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali minn operaturi ekonomiċi għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament u, b’mod aktar wiesa’, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida u appoġġ għall-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-SMEs, dwar kif jiġbru l-informazzjoni meħtieġa. |
|
(57) |
L-awtoritajiet doganali li jidentifikaw prodott li jista’ jkun kopert minn deċiżjoni kkomunikata mill-awtorità kompetenti ewlenija li tistabbilixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat jenħtieġ li jissospendu r-rilaxx ta’ dak il-prodott u jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti minnufih. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jilħqu konklużjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli dwar il-każ innotifikat lilhom mill-awtoritajiet doganali, jew billi jikkonfermaw jew jiċħdu li l-prodott ikkonċernat ikun kopert minn deċiżjoni. Fejn neċessarju u debitament ġustifikat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu awtorizzati jirrikjedu ż-żamma tas-sospensjoni tar-rilaxx tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li jitqies id-dannu potenzjali għall-operatur ekonomiku. Fin-nuqqas ta’ konklużjoni mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu ta’ żmien speċifikat, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jirrilaxxaw il-prodotti jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti u l-formalitajiet applikabbli l-oħrajn kollha. Ġeneralment, jenħtieġ li r-rilaxx ta’ prodott għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ma jitqiesx bħala prova ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni, peress li tali rilaxx mhux neċessarjament jinkludi valutazzjoni sħiħa ta’ tali konformità. |
|
(58) |
Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li prodott jikkorrispondi għal deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xoġħol furzat, jenħtieġ li jinformaw minnufih lill-awtoritajiet doganali li jenħtieġ li jirrifjutaw ir-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu, meta awtorità kompetenti titlob dan u f’isem u taħt ir-responsabbiltà ta’ dik l-awtorità kompetenti, alternattivament jikkonfiskaw dak il-prodott u jpoġġuh għad-dispożizzjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti u taħt l-awtorità tagħha. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti rilevanti tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiżgura li l-prodott ikkonċernat jintrema b’mod xieraq, inkluż permezz tad-donazzjoni tiegħu lill-kawżi ta’ karità jew ta’ interess pubbliku, ir-riċiklar tiegħu jew ir-rimi tiegħu f’konformità mal-liġi nazzjonali b’mod konsistenti mal-liġi tal-Unjoni a spejjeż tal-operatur ekonomiku rilevanti. |
|
(59) |
Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija tqis b’mod debitu r-riskju ta’ diżimpenn minn operaturi ekonomiċi li jew huma relatati ma’ prodotti jew reġjuni fil-bażi tad-data, jew li l-prodott tagħhom tneħħa mis-suq tal-Unjoni, kif ukoll il-konsegwenzi fuq il-ħaddiema affettwati. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ewlenija, fejn xieraq, tappoġġja lill-operaturi ekonomiċi biex jadottaw u jwettqu miżuri xierqa u effettivi ħalli jtemmu x-xogħol furzat. Id-diżimpenn responsabbli jinkludi l-konformità mal-ftehimiet kollettivi u l-artikolazzjoni tal-miżuri ta’ eskalazzjoni. |
|
(60) |
Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-prodotti matul is-sospensjoni tar-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni, inklużi l-ħżin jew il-qerda u r-rimi tagħhom f’każ ta’ rifjut tar-rilaxx ta’ tali prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, jenħtieġ li jiġu ddeterminati mill-awtoritajiet doganali, fejn applikabbli, skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jekk il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jkunu jirrikjedu proċessar ulterjuri, dawn iridu jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali xierqa li tippermetti tali proċessar f’konformità mal-Artikoli 220, 254, 256, 257 u 258 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(61) |
Meta, sabiex jingħata effett lill-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, ikun neċessarju li tiġi pproċessata data personali skont dan ir-Regolament, tali proċessar jenħtieġ li jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Jenħtieġ li kwalunkwe proċessar ta’ data personali skont il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat ikun soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (22) u (UE) 2018/1725 (23) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(62) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni rigward ir-regoli proċedurali u d-dettalji tal-arranġamenti għall-użu tal-ICSMS; ir-regoli proċedurali, il-mudelli u d-dettalji għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar l-allegat ksur tal-projbizzjoni fuq it-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni jew l-esportazzjoni tagħhom; id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni li jistabbilixxu li jkun sar ksur tal-projbizzjoni fuq it-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni jew l-esportazzjoni tagħhom; l-irtirar ta’ dawk id-deċiżjonijiet; id-dettalji tal-kontenut ta’ dawk id-deċiżjonijiet u tad-deċiżjonijiet ekwivalenti adottati mill-awtoritajiet kompetenti ewlenin; u l-arranġamenti u d-dettalji għall-għoti jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar prodotti speċifiċi jew gruppi ta’ prodotti lill-awtoritajiet doganali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). |
|
(63) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati marbuta mal-irtirar tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu li jkun sar ksur tal-projbizzjoni fuq it-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza. |
|
(64) |
Sabiex ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament jiġu ssupplimentati jew emendati, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (25). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(65) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jaġixxu b’mod effettiv, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni addizzjonali li tidentifika l-prodott ikkonċernat li l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet doganali jew jipprovdulhom fir-rigward tal-prodotti li jidħlu jew joħorġu mis-suq tal-Unjoni. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun informazzjoni li tidentifika l-prodott ikkonċernat, informazzjoni dwar il-manifattur jew il-produttur u informazzjoni dwar il-fornituri tal-prodott. L-awtoritajiet doganali jeħtieġ li jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni malajr dwar prodotti speċifiċi identifikati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ewlenin sabiex jieħdu azzjonijiet u miżuri b’mod effettiv u rapidu. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-atti delegati jiġu adottati skont proċedura ta’ urġenza. |
|
(66) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom is-setgħa li jimponu u jimplimentaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet fejn l-operatur ekonomiku jkun naqas milli jikkonforma ma’ deċiżjoni li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti magħmula permezz ta’ xogħol furzat. Ir-regoli dwar il-penali, applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu kif xieraq elementi bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, ksur preċedenti mill-operatur ekonomiku, il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe fattur mitiganti jew aggravanti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ gwida għall-Istati Membri dwar il-metodu għall-kalkolu tal-penali finanzjarji u l-limiti applikabbli, u n-Network tal-Unjoni Kontra Prodotti mix-Xogħol Furzat jenħtieġ li jippromwovi l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni ta’ tali penali. |
|
(67) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Jenħtieġ li r-rapport jivvaluta l-kontribut ta’ dan ir-Regolament għall-eliminazzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat mis-suq tal-Unjoni u għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat kif ukoll għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi eliminat ix-xogħol furzat. Ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta wkoll l-impatt ta’ dan ir-Regolament, fuq in-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, u fuq il-vittmi, kif ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji ġenerali tal-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat. Ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta aktar l-allinjament ta’ dan ir-Regolament ma’ liġi rilevanti oħra tal-Unjoni. |
|
(68) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta, li jinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv. F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti ewlenija li twettaq l-investigazzjoni jenħtieġ li tinforma lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u l-konsegwenzi possibbli tagħha. Sabiex jiġi żgurat id-dritt tagħhom għal proċess xieraq, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom l-opportunità li jipprovdu informazzjoni fid-difiża tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom matul l-investigazzjoni. L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jitolbu lill-awtorità kompetenti ewlenija tirrieżamina d-deċiżjoni li taffettwahom, billi jipprovdu informazzjoni sostanzjali ġdida. Id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju previst fil-liġi nazzjonali applikabbli. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 263 tat-TFUE. |
|
(69) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, li l-operaturi ekonomiċi jiġu pprojbiti milli jqiegħdu u jqiegħdu disponibbli fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw prodotti mis-suq tal-Unjoni magħmulin b’xogħol furzat sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jingħata kontribut għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(70) |
Sabiex jingħata lok għall-applikazzjoni immedjata tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett, objettiv u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jipprojbixxu lill-operaturi ekonomiċi milli jqiegħdu u jqiegħdu disponibbli fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw prodotti mis-suq tal-Unjoni magħmulin b’xogħol furzat sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jingħata kontribut għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat.
2. Dan ir-Regolament ma jkoprix l-irtirar ta’ prodotti li jkunu laħqu l-utenti finali fis-suq tal-Unjoni.
3. Dan ir-Regolament ma joħloqx obbligi addizzjonali ta’ diliġenza dovuta għall-operaturi ekonomiċi minbarra dawk diġà previsti fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“xogħol furzat” tfisser xogħol furzat jew obbligatorju kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO, inkluż it-tħaddim furzat tat-tfal; |
|
(2) |
“xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat” tfisser l-użu tax-xogħol furzat kif deskritt fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO; |
|
(3) |
“diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat” tfisser l-isforzi mill-operaturi ekonomiċi sabiex jimplimentaw rekwiżiti obbligatorji, linji gwida volontarji, rakkomandazzjonijiet jew prattiki sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw jew itemmu l-użu tax-xogħol furzat fir-rigward ta’ prodotti li jkunu se jitqiegħdu jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni jew li jkunu se jiġu esportati; |
|
(4) |
“tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas; |
|
(5) |
“tqegħid fis-suq” tfisser li prodott jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni; |
|
(6) |
“prodott” tfisser kwalunkwe oġġett li jista’ jiġi vvalutat fi flus u li, bħala tali, jista’ jkun is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, kemm jekk jiġi estratt, maħsud, prodott jew immanifatturat; |
|
(7) |
“prodott magħmul b’xogħol furzat” tfisser prodott li għalih intuża xogħol furzat kollu jew parti minnu fi kwalunkwe stadju tal-estrazzjoni, tal-ħsad, tal-produzzjoni jew tal-manifattura tiegħu, inkluż fil-ħdim jew fl-ipproċessar relatat ma’ prodott fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista tiegħu; |
|
(8) |
“katina tal-provvista” tfisser is-sistema ta’ attivitajiet, proċessi u atturi involuti fl-istadji kollha upstream ta’ prodott li jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq, jiġifieri l-estrazzjoni, il-ħsad, il-produzzjoni u l-manifattura ta’ prodott kollu jew parti minnu, inkluż fil-ħdim jew fl-ipproċessar relatat mal-prodott fi kwalunkwe wieħed minn dawk l-istadji; |
|
(9) |
“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni li jqiegħdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni prodotti fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw prodotti; |
|
(10) |
“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott jew li jkollha prodott iddiżinjat jew immanifatturat, u li tikkummerċjalizza dak il-prodott taħt isimha jew bit-trademark tagħha; |
|
(11) |
“produttur” tfisser il-produttur ta’ prodotti agrikoli kif imsemmi fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew il-produttur ta’ materja prima; |
|
(12) |
“fornitur ta’ prodott” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni fil-katina tal-provvista li testratta, taħsad, tipproduċi jew timmanifattura prodott kollu jew parti minnu, jew tintervjeni fil-ħdim jew l-ipproċessar relatat ma’ prodott fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista tiegħu, bħala manifattur jew fi kwalunkwe kapaċità oħra; |
|
(13) |
“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li hija stabbilita fl-Unjoni, li għaliha jkun sar disponibbli prodott jew bħala konsumatur barra minn kwalunkwe kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni jew bħala utent finali professjonali matul l-attivitajiet industrijali jew professjonali tagħha; |
|
(14) |
“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni; |
|
(15) |
“esportatur” tfisser esportatur kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (19), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (26); |
|
(16) |
“tħassib sostanzjat” tfisser indikazzjoni raġonevoli bbażata fuq informazzjoni oġġettiva, fattwali u verifikabbli għall-Kummissjoni jew għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jissuspettaw li x’aktarx prodott sar b’xogħol furzat; |
|
(17) |
“awtorità kompetenti ewlenija” tfisser l-awtorità responsabbli, skont l-Artikolu 15, għall-valutazzjoni tas-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, jiġifieri awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni; |
|
(18) |
“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; |
|
(19) |
“prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni” tfisser prodotti minn pajjiżi terzi maħsubin sabiex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew maħsubin għall-użu jew għall-konsum privat fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni u li jridu jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera”; |
|
(20) |
“prodotti li jkunu se jitilqu mis-suq tal-Unjoni” tfisser prodotti li jridu jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali “esportazzjoni”; |
|
(21) |
“rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; |
|
(22) |
“esportazzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
Artikolu 3
Projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat
L-operaturi ekonomiċi ma għandhomx iqiegħdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni prodotti li jsiru b’xogħol furzat, u lanqas ma għandhom jesportaw prodotti bħal dawn.
Artikolu 4
Bejgħ mill-bogħod
Il-prodotti offruti għall-bejgħ online jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ bejgħ mill-bogħod għandhom jitqiesu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jekk l-offerta tkun immirata lejn utenti finali fl-Unjoni. Offerta għall-bejgħ għandha titqies li tkun immirata lejn l-utenti finali fl-Unjoni jekk l-operatur ekonomiku rilevanti jidderieġi l-attivitajiet tiegħu, bi kwalunkwe mezz, lejn Stat Membru.
Artikolu 5
Awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu b’kooperazzjoni mill-qrib u jkunu responsabbli li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u uniformi ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha.
2. Meta Stat Membru jkun iddeżinja aktar minn awtorità kompetenti waħda, huwa għandu jiddemarka b’mod ċar id-dmirijiet rispettivi tagħhom u jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni u ta’ koordinazzjoni li jippermettu lil dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib u jeżerċitaw dmirijiethom b’mod effettiv.
3. Mhux aktar tard mill-14 ta’ Diċembru 2025, l-Istati Membri għandhom, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti deżinjati; u |
|
(b) |
l-oqsma ta’ kompetenza tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti. |
L-Istati Membri għandhom jaġġornaw regolarment l-informazzjoni stabbilita fil-punti (a) u (b).
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli għall-pubbliku fuq il-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat imsemmi fl-Artikolu 12 u għandha taġġorna regolarment dik il-lista, fuq il-bażi tal-aġġornamenti riċevuti mill-Istati Membri.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u bir-rispett dovut għall-obbligi tas-segretezza professjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħat, l-għarfien espert u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu investigazzjonijiet, inklużi riżorsi baġitarji suffiċjenti.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkoordinaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bħall-awtoritajiet tal-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, inklużi dawk responsabbli għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, u l-awtoritajiet iddeżinjati mill-Istati Membri taħt id-Direttiva (UE) 2019/1937.
7. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom is-setgħa li jimponu penali f’konformità mal-Artikolu 37, jew direttament, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, jew permezz tal-applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
KAPITOLU II
GOVERNANZA
Arikolu 6
Network tal-Unjoni Kontra Prodotti mix-Xogħol Furzat
1. B’dan huwa stabbilit Network tal-Unjoni Kontra Prodotti mix-Xogħol Furzat (“in-Network”).
2. In-Network għandu jservi bħala pjattaforma għall-koordinazzjoni u għall-kooperazzjoni strutturati bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, u għas-simplifikazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament, fl-Unjoni, u sabiex b’hekk l-infurzar isir aktar effettiv u koerenti.
3. In-Network għandu jkun magħmul minn rappreżentanti minn kull Stat Membru, minn rappreżentanti mill-Kummissjoni u, fejn xieraq, minn rappreżentanti mill-awtoritajiet doganali.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma tan-Network. Rappreżentant mill-Kummissjoni għandu jippresiedi l-laqgħat tan-Network.
5. Is-segretarjat tan-Network għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Is-segretarjat għandu jorganizza l-laqgħat tan-Network u jipprovdilu appoġġ tekniku u loġistiku.
6. Il-membri tan-Network għandhom jipparteċipaw b’mod attiv biex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti, u biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament.
7. In-Network għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:
|
(a) |
li jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet komuni ta’ infurzar sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament kif stabbilit fl-Artikolu 1; |
|
(b) |
li jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet; |
|
(c) |
li jagħti segwitu għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20; |
|
(d) |
fuq talba mill-Kummissjoni, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 11; |
|
(e) |
li jiffaċilita u jikkoordina l-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni, tal-għarfien espert u tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
|
(f) |
li jikkontribwixxi għal approċċi u għal prattiki amministrattivi uniformi bbażati fuq ir-riskju għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
|
(g) |
li jippromwovi l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tal-penali previsti fl-Artikolu 37; |
|
(h) |
li jikkoopera, kif xieraq, mas-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
|
(i) |
li jippromwovi l-kooperazzjoni, l-iskambju tal-persunal u l-programmi ta’ żjarat fost l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali, kif ukoll fost dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali; |
|
(j) |
li jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċità, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għall-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri; |
|
(k) |
fuq talba mill-Kummissjoni, li jipprovdi assistenza lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ approċċ ikkoordinat għall-involviment u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 13; |
|
(l) |
li jimmonitorja s-sitwazzjonijiet ta’ użu sistemiku ta’ xogħol furzat; |
|
(m) |
li jassisti fl-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar dan ir-Regolament; |
|
(n) |
li jippromwovi u jiffaċilita l-kollaborazzjoni fir-rigward tal-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament u għat-traċċabbiltà tal-prodotti; |
|
(o) |
li jiġbor data dwar ir-rimedju marbut mad-deċiżjonijiet u l-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom. |
8. Awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri jistgħu jattendu laqgħat tan-Network fuq bażi ad hoc. Esperti u partijiet ikkonċernati, inklużi rappreżentanti minn trade unions u organizzazzjonijiet oħra tal-ħaddiema, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tan-negozji, organizzazzjonijiet internazzjonali, awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, delegazzjonijiet tal-Unjoni u korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni b’għarfien espert fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tan-Network jew jipprovdu kontributi bil-miktub.
9. In-Network għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari u, fejn meħtieġ, fuq talba debitament motivata tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru.
10. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-Network ikollu r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 7, inklużi riżorsi baġitarji suffiċjenti.
11. In-Network għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 7
Sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni
1. Għall-finijiet tal-Kapitoli I, III, IV u V ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/1020 skont l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7, punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom aċċess għal dik is-sistema għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
2. Id-deċiżjonijiet ikkomunikati skont l-Artikolu 26(3) għandhom jiddaħħlu fl-ambjent rilevanti ta’ ġestjoni tar-riskji doganali.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interkonnessjoni li tippermetti l-komunikazzjoni awtomatizzata tad-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 26(3) mis-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-ambjent imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dik l-interkonnessjoni għandha tibda topera mhux aktar tard minn sentejn mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu.
4. It-talbiet u n-notifiki bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali skont il-Kapitolu V, it-Taqsima II kif ukoll il-messaġġi li jsegwu għandhom jiġu skambjati permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
5. Interkonnessjoni bejn is-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana għandha tiġi stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2399 għall-finijiet tal-iskambju ta’ talbiet u notifiki bejn l-awtoritajiet doganali u kompetenti skont il-Kapitolu V, it-Taqsima II ta’ dan ir-Regolament. Dik l-interkonnessjoni għandha tiġi stabbilita mhux aktar tard minn erba’ snin mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7, il-punt (a). It-talbiet, in-notifiki u l-messaġġi li jsegwu msemmijin fil-paragrafu 4 għandhom jiġu skambjati permezz ta’ dik l-interkonnessjoni malli din tkun operazzjonali.
6. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ, mis-sistema ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 56(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, informazzjoni dwar prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tibgħatha lis-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
7. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika r-regoli proċedurali u d-dettalji tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għal dan l-Artikolu, inklużi:
|
(a) |
il-funzjonalitajiet, l-elementi tad-data u l-proċessar tad-data, kif ukoll ir-regoli dwar il-proċessar ta’ data personali, il-kunfidenzjalità u l-kontroll tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; |
|
(b) |
il-funzjonalitajiet, l-elementi tad-data u l-proċessar tad-data, kif ukoll ir-regoli dwar il-proċessar ta’ data personali, il-kunfidenzjalità u l-kontroll għall-interkonnessjoni msemmija fil-paragrafu 3; |
|
(c) |
id-data li għandha tiġi trażmessa, kif ukoll ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-kontroll tagħha, f’konformità mal-paragrafu 6. |
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2).
Artikolu 8
Bażi tad-data ta’ żoni jew ta’ prodotti b’riskju ta’ xogħol furzat
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi tad-data, bl-assistenza ta’ għarfien espert estern jekk ikun meħtieġ. Din il-bażi tad-data għandha tipprovdi informazzjoni bbażata fuq l-evidenza li tkun indikattiva, mhux eżawrjenti, verifikabbli u aġġornata regolarment dwar riskji ta’ xogħol furzat f’żoni ġeografiċi speċifiċi jew fir-rigward ta’ prodotti speċifiċi jew gruppi ta’ prodotti, inkluż fir-rigward ta’ xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat. Il-bażi tad-data għandha tipprijoritizza l-identifikazzjoni ta’ riskji mifruxa u severi ta’ xogħol furzat.
2. Il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni indipendenti u verifikabbli, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-ILO u l-UN, jew organizzazzjonijiet istituzzjonali, ta’ riċerka jew akkademiċi.
Il-bażi tad-data ma għandhiex tiżvela pubblikament informazzjoni li ssemmi l-operaturi ekonomiċi direttament.
Il-bażi tad-data għandha tindika setturi ekonomiċi speċifiċi f’żoni ġeografiċi speċifiċi li għalihom ikun hemm evidenza affidabbli u verifikabbli li jeżisti xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data tkun faċilment aċċessibbli, inkluż għal persuni b’diżabbiltajiet, u ssir disponibbli għall-pubbliku, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sal-14 ta’ Ġunju 2026.
Artkolu 9
Punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ċentralizzat iddedikat għas-sottomissjoni tal-informazzjoni (“punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni”). Il-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni għandu jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan għandu jkun faċli għall-utent u disponibbli mingħajr ħlas.
2. L-informazzjoni dwar allegat ksur tal-Artikolu 3 għandha tiġi ppreżentata permezz tal-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika. Is-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni għandu jkun fihom informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi jew il-prodotti kkonċernati, jipprovdu r-raġunijiet u l-evidenza li jissostanzjaw il-ksur allegat, u fejn possibbli, id-dokumenti ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-regoli proċedurali, il-mudelli u d-dettalji relatati ma’ dawk is-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2).
3. Il-Kummissjoni għandha twarrab kwalunkwe sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni li tkun manifestament mhux kompluta, infondata jew li tkun saret in mala fede u tqassam is-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni miżmuma għal valutazzjoni mill-awtorità kompetenti ewlenija skont il-metodu għall-allokazzjoni ta’ investigazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 15.
4. L-awtorità kompetenti ewlenija inkarigata mill-valutazzjoni imsemmija fil-paragrafu 3 għandha tirrikonixxi li rċeviet is-sottomissjoni ta’ informazzjoni, tivvaluta l-informazzjoni b’mod diliġenti u imparzjali, u tinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika jew l-assoċjazzjoni kkonċernata dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tas-sottomissjoni ta’ informazzjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun.
5. L-awtorità kompetenti ewlenija tista’ titlob lill-persuna jew lill-assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tipprovdi informazzjoni addizzjonali.
6. F’każijiet fejn ikun hemm skadenza sinifikanti ta’ żmien bejn is-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni u deċiżjoni li wieħed jipproċedi b’investigazzjoni skont il-Kapitolu III, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha, sakemm ikun possibbli, tikkonsulta mal-persuna jew l-assoċjazzjoni li tissottometti l-informazzjoni biex tivverifika jekk is-sitwazzjoni, safejn jafu huma, tkunx inbidlet b’mod sinifikanti.
7. Id-Direttiva (UE) 2019/1937 għandha tapplika għar-rapportar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur bħal dan.
Artikolu 10
Miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs
Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa miżuri ta’ akkumpanjament biex tappoġġja l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi u tas-sħab kummerċjali tagħhom fl-istess katina tal-valur, b’mod partikolari l-SMEs. Fejn xieraq, informazzjoni dwar dawk il-miżuri għandha ssir disponibbli permezz tal-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat imsemmi fl-Artikolu 12.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw punti ta’ kuntatt biex tingħata informazzjoni lill-SMEs rigward kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-punti ta’ kuntatt jistgħu wkoll jagħtu assistenza lill-SMEs dwar dawk il-kwistjonijiet.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jorganizzaw ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-operaturi ekonomiċi dwar l-indikaturi tar-riskju tax-xogħol furzat u dwar kif jinvolvu ruħhom fi djalogu ma’ dawk l-awtoritajiet kompetenti matul investigazzjoni.
Artikolu 11
Linji gwida
Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tagħmel disponibbli, sal-14 ta’ Ġunju 2026, u taġġorna regolarment, linji gwida li għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
|
(a) |
gwida għall-operaturi ekonomiċi dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat, inkluż it-tħaddim furzat tat-tfal, li għandha tqis il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, filwaqt li tistabbilixxi rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat, linji gwida u rakkomandazzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi, tipi differenti ta’ fornituri tul il-katina tal-provvista, u setturi differenti; |
|
(b) |
gwida għall-operaturi ekonomiċi dwar l-aħjar prattiki biex jintemmu u jiġu rrimedjati tipi differenti ta’ xogħol furzat; |
|
(c) |
gwida għall-awtoritajiet kompetenti dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 8, 17 u 18, inklużi parametri referenzjarji biex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju tagħhom tal-investigazzjonijiet u l-linji gwida dwar l-istandard applikabbli tal-evidenza; |
|
(d) |
gwida għall-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 27 u, fejn xieraq, kwalunkwe dispożizzjoni oħra stabbilita fil-Kapitolu V, it-Taqsima II; |
|
(e) |
informazzjoni dwar l-indikaturi tar-riskju tax-xogħol furzat, inkluż kif iridu jiġu identifikati tali indikaturi, li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni indipendenti u verifikabbli, inklużi rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-ILO, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u t-trade unions, u fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li tistabbilixxi rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta dwar ix-xogħol furzat; |
|
(f) |
gwida għall-operaturi ekonomiċi dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tax-xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat; |
|
(g) |
gwida għall-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tal-prodotti dwar kif għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-awtoritajiet kompetenti skont il-Kapitolu III, b’mod partikolari dwar it-tip ta’ informazzjoni li trid tiġi sottomessa; |
|
(h) |
gwida dwar kif trid tiġi sottomessa l-informazzjoni skont l-Artikolu 9; |
|
(i) |
gwida għall-Istati Membri dwar il-metodu għall-kalkolu tal-penali finanzjarji u l-limiti minimi applikabbli; |
|
(j) |
aktar informazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan ir-Regolament u konformità miegħu min-naħa tal-operatur ekonomiku. |
Il-gwida msemmija fil-punti (a), (b) u (f) għandha tiffoka b’mod partikolari fuq li tgħin l-SMEs biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
Il-linji gwida msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida mogħtija f’konformità ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.
Artikolu 12
Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna regolarment sit web uniku (“Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat”) u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, fl-istess post u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-punti li ġejjin:
|
(a) |
l-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji tal-kuntatti tal-awtoritajiet kompetenti; |
|
(b) |
il-linji gwida; |
|
(c) |
il-bażi tad-data; |
|
(d) |
lista ta’ sorsi ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi sorsi li jagħmlu disponibbli data diżaggregata dwar l-impatt u l-vittmi tax-xogħol furzat, bħal data diżaggregata skont il-ġeneru jew data dwar it-tħaddim furzat tat-tfal, li tippermetti li xejriet speċifiċi skont l-età u l-ġeneru jiġu identifikati; |
|
(e) |
il-punt uniku għas-sottomissjoni tal-informazzjoni; |
|
(f) |
kwalunkwe deċiżjoni biex prodott jiġi pprojbit; |
|
(g) |
kwalunkwe rtirar ta’ projbizzjoni; |
|
(h) |
ir-riżultat tar-rieżamijiet. |
Artikolu 13
Kooperazzjoni Internazzjonali
1. Sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tikkoopera u tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.
2. Il-kooperazzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandha sseħħ b’mod strutturat, pereżempju fil-kuntest ta’ djalogi eżistenti ma’ pajjiżi terzi, bħad-drittijiet tal-bniedem u d-djalogi politiċi, djalogi dwar l-implimentazzjoni tal-impenji kummerċjali u ta’ żvilupp sostenibbli ta’ ftehimiet kummerċjali jew l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, u inizjattivi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni. Jekk meħtieġ, djalogi speċifiċi jistgħu jinħolqu fuq bażi ad hoc. Kooperazzjoni internazzjonali tista’ tinvolvi skambji ta’ informazzjoni dwar oqsma jew prodotti ta’ riskju ta’ xogħol furzat, tal-aħjar prattiki biex jintemm ix-xogħol furzat, u ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet biex jiġu pprojbiti l-prodotti, inklużi r-raġunijiet u l-evidenza tagħhom, b’mod partikolari ma’ pajjiżi terzi li għandhom leġiżlazzjoni simili fis-seħħ.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni u miżuri ta’ akkumpanjament biex jappoġġjaw l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-pajjiżi terzi biex jindirizzaw ix-xogħol furzat u l-kawżi fl-għeruq tiegħu.
KAPITOLU III
INVESTIGAZZJONIJIET
Artikolu 14
Approċċ ibbażat fuq ir-riskju
1. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom isegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju meta jivvalutaw il-probabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 3, meta jibdew u jwettqu l-fażi preliminari tal-investigazzjonijiet u meta jidentifikaw il-prodotti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.
2. Fil-valutazzjoni tagħhom tal-probabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 3, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin, kif xieraq, sabiex jagħtu prijorità lill-prodotti suspettati li jkunu saru b’xogħol furzat:
|
(a) |
l-iskala u s-severità tax-xogħol furzat suspettat, inkluż jekk ix-xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat jistax ikun ta’ tħassib; |
|
(b) |
il-kwalità u l-volum ta’ prodotti mqiegħda jew imqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni; |
|
(c) |
is-sehem tal-parti tal-prodott suspettata li saret b’xogħol furzat fil-prodott finali. |
3. Il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 3 għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni rilevanti, fattwali u verifikabbli kollha disponibbli għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet kompetenti, inkluż, iżda mhux limitat għal, dawn li ġejjin:
|
(a) |
informazzjoni u deċiżjonijiet kodifikati fis-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), inkluż kwalunkwe każ preċedenti ta’ konformità jew ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ operatur ekonomiku mal-Artikolu 3; |
|
(b) |
il-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 8; |
|
(c) |
l-indikaturi tar-riskju u informazzjoni oħra skont l-Artikolu 11, il-punt (e); |
|
(d) |
sottomissjonijiet tal-informazzjoni magħmula skont l-Artikolu 9; |
|
(e) |
informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni jew mill-awtorità kompetenti minn awtoritajiet oħra rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħall-awtoritajiet tad-diliġenza dovuta, tax-xogħol, tas-saħħa jew fiskali tal-Istati Membri, dwar il-prodotti u l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jiġu vvalutati; |
|
(f) |
kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta minn konsultazzjonijiet sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions. |
4. Meta jibdew investigazzjoni preliminari skont l-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha, sakemm tkun tista’, tiffoka fuq l-operaturi ekonomiċi u, fejn rilevanti, il-fornituri tal-prodotti involuti fil-passi tal-katina tal-provvista kemm jista’ jkun qrib fejn x’aktarx qed iseħħ ix-xogħol furzat u bl-akbar influwenza biex tipprevjeni, timmitiga u ittemm l-użu tax-xogħol furzat. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tqis wkoll id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, b’mod partikolari jekk l-operatur ekonomiku huwiex SME, u l-kumplessità tal-katina tal-provvista.
Artikolu 15
Allokazzjoni tal-investigazzjonijiet
1. Meta x-xogħol furzat suspettat ikun qed iseħħ barra mit-territorju tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala l-awtorità kompetenti ewlenija.
2. Meta x-xogħol furzat suspettat ikun qed iseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha taġixxi bħala l-awtorità kompetenti ewlenija.
Artikolu 16
Koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u assistenza reċiproka
1. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw dan ir-Regolament b’mod konsistenti u effiċjenti.
2. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tirrispetta d-dritt tal-operatur ekonomiku li jinstema’ fl-istadji kollha tal-proċess.
3. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha, fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien żejjed, tikkomunika permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) fil-każ li tiskopri informazzjoni ġdida dwar xogħol furzat suspettat li jseħħ f’territorju li għalih ma tkunx kompetenti skont l-Artikolu 15.
4. L-awtorità kompetenti ewlenija tista’ titlob l-appoġġ ta’ awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra. Dan jista’ jinkludi li titlob appoġġ sabiex tikkuntattja lill-operaturi ekonomiċi li l-post ta’ stabbiliment tagħhom ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew li l-lingwa tal-operazzjoni tagħhom tkun dik ta’ Stat Membru. Awtoritajiet kompetenti oħra li jkollhom interess fl-investigazzjoni jistgħu jitolbu li jkunu involuti mill-qrib fl-investigazzjoni.
5. Awtorità kompetenti li tkun irċeviet, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), talba għal informazzjoni minn awtorità kompetenti oħra għandha tagħti dik l-informazzjoni fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-data tar-riċevuta tat-talba.
6. L-awtorità kompetenti li tkun irċeviet talba għal informazzjoni tista’ titlob lill-awtorità kompetenti rikjedenti biex tikkomplementa l-informazzjoni li tinsab fit-talba jekk tikkonkludi li l-informazzjoni mogħtija inizjalment mhijiex biżżejjed.
7. L-awtorità kompetenti li tkun irċeviet talba għal informazzjoni tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ dik it-talba biss jekk turi li l-konformità mat-talba tfixkel b’mod sostanzjali t-twettiq tal-attivitajiet tagħha stess.
Artikolu 17
Fażi preliminari tal-investigazzjonijiet
1. Qabel ma tibda investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 18(1), l-awtorità kompetenti ewlenija għandha titlob informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati u, fejn rilevanti minn fornituri tal-prodotti oħra, dwar l-azzjonijiet rilevanti li ħadu sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw jew itemmu r-riskji ta’ xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom fir-rigward tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati, jew jirrimedjaw għalihom, inkluż fuq il-bażi ta’ kwalunkwe wieħed minn fost dawn li ġejjin, sakemm dan ma jipperikolax l-eżitu tal-valutazzjoni:
|
(a) |
il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali li tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta u ta’ trasparenza fir-rigward tax-xogħol furzat; |
|
(b) |
il-linji gwida maħruġin mill-Kummissjoni; |
|
(c) |
il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta tan-NU, tal-ILO, tal-OECD jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn, b’mod partikolari l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet relatati maż-żoni ġeografiċi, is-siti ta’ produzzjoni u l-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi li fihom hemm prattiki tax-xogħol furzat sistematiċi u mifruxa; |
|
(d) |
kwalunkwe diliġenza dovuta sinifikattiva oħra jew informazzjoni oħra fir-rigward tax-xogħol furzat fil-katina tal-provvista tagħhom. |
L-awtorità kompetenti ewlenija tista’ titlob informazzjoni dwar dawk l-azzjonijiet mingħand partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi l-persuni jew l-assoċjazzjonijiet li jkunu ssottomettew informazzjoni rilevanti, fattwali u verifikabbli skont l-Artikolu 9 u kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika oħra relatata ma’ prodotti jew żoni ġeografiċi li jkunu qed jiġu vvalutati, kif ukoll mingħand is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi rilevanti.
2. L-operaturi ekonomiċi għandhom iwieġbu għat-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien 30 jum ta’ xogħol mill-jum li fih jirċievu tali talba. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jipprovdu kwalunkwe informazzjoni oħra li jistgħu jqisu utli għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu. Fejn meħtieġ, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu appoġġ minn punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 10, dwar kif jinvolvu ruħhom mal-awtorità kompetenti ewlenija.
3. Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mid-data tar-riċevuta tal-informazzjoni sottomessa mill-operaturi ekonomiċi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha tikkonkludi l-fażi preliminari tal-investigazzjoni tagħha fir-rigward ta’ jekk hemmx tħassib sostanzjat ta’ ksur tal-Artikolu 3, fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(3) u tal-informazzjoni sottomessa mill-operaturi ekonomiċi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Minkejja l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ tikkonkludi li hemm tħassib sostanzjat li kien hemm ksur tal-Artikolu 3 fuq il-bażi ta’ kwalunkwe fatt ieħor disponibbli, meta awtorità kompetenti ewlenija tkun qagħdet lura milli titlob informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(2), il-punti (a) sa (e).
5. L-awtorità kompetenti ewlenija ma għandhiex tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 18, u għandha tinforma lill-operaturi ekonomiċi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati kif xieraq, meta, fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija fi-Artikolu 14(3) u, jekk ikun hemm, tal-informazzjoni sottomessa mill-operaturi ekonomiċi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hi tqis li ma jkun hemm l-ebda tħassib sostanzjat li kien hemm ksur tal-Artikolu 3, jew li r-raġunijiet li mmotivaw l-eżistenza ta’ tħassib sostanzjat ikunu ġew eliminati, pereżempju minħabba, iżda mhux biss, il-leġiżlazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew kwalunkwe diliġenza dovuta oħra applikabbli fir-rigward tax-xogħol furzat kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li tiġi applikata b’mod li jiġi mitigat u jintemm ir-riskju tax-xogħol furzat, u għall-prevenzjoni tiegħu.
6. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tikkomunika, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 18
Investigazzjonijiet
1. L-awtorità kompetenti ewlenija li tiddetermina, skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 17, li hemm tħassib konċernat li kien hemm ksur tal-Artikolu 3, għandha tibda investigazzjoni dwar il-prodotti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u tinforma lill-operaturi ekonomiċi soġġetti għall-investigazzjoni, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mid-data tad-deċiżjoni li tibda t-tali investigazzjoni, fuq dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-bidu tal-investigazzjoni u l-konsegwenzi possibbli tagħha; |
|
(b) |
il-prodotti soġġetti għall-investigazzjoni; |
|
(c) |
informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-bidu tal-investigazzjoni, sakemm ma tkunx tfixkel l-eżitu tal-investigazzjoni; |
|
(d) |
id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jissottomettu kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra lill-awtorità kompetenti ewlenija, u d-data sa meta għandha tiġi ppreżentata tali informazzjoni. |
2. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tikkomunika, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), li tkun inbdiet investigazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Meta jintalbu mill-awtorità kompetenti ewlenija, l-operaturi ekonomiċi li jkunu qegħdin jiġu investigati għandhom jissottomettu kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti u neċessarja għall-investigazzjoni, inkluża informazzjoni li tidentifika l-prodotti li jkunu qegħdin jiġu investigati u fejn xieraq, li tidentifika l-parti tal-prodott li għalih l-investigazzjoni għandha tkun limitata, kif ukoll il-manifattur, il-produttur, il-fornitur tal-prodott, l-importatur jew l-esportatur ta’ dawk il-prodotti jew partijiet minnhom. Meta jitolbu tali informazzjoni, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha, sa fejn ikun possibbli, tagħti prijorità lill-operaturi ekonomiċi taħt investigazzjoni involuti fil-passi tal-katina tal-provvista kemm jista’ jkun qrib fejn x’aktarx qed iseħħ ix-xogħol furzat, u jqisu d-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari jekk l-operatur ekonomiku huwiex SME, il-kwantità tal-prodotti kkonċernati, il-kumplessità tal-katina tal-provvista, kif ukoll l-iskala tax-xogħol furzat issuspettat. Fejn meħtieġ, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu appoġġ minn punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 10 dwar kif jikkooperaw mal-awtorità kompetenti ewlenija.
4. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tistabbilixxi data ta’ skadenza ta’ mill-inqas 30 jum ta’ xogħol u mhux aktar minn 60 jum ta’ xogħol għall-operaturi ekonomiċi biex jissottomettu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu estensjoni ta’ dik id-data ta’ skadenza b’ġustifikazzjoni. Meta tiddeċiedi jekk tagħtix tali estensjoni, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha tqis id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, inkluż jekk l-operatur ekonomiku huwiex SME.
5. L-awtorità kompetenti ewlenija tista’ tiġbor informazzjoni mingħand jew tintervista lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika rilevanti li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni, inklużi l-operaturi ekonomiċi rilevanti jew kwalunkwe parti kkonċernata oħra.
6. L-awtorità kompetenti ewlenija tista’, fejn meħtieġ, twettaq il-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 19.
Artikolu 19
Ispezzjonijiet fuq il-post
1. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti ewlenija tqis li jkun neċessarju li twettaq ispezzjonijiet fuq il-post, hija għandha tagħmel dan filwaqt li tqis fejn ikun jinsab ir-riskju ta’ xogħol furzat.
2. Meta r-riskju ta’ xogħol furzat ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ twettaq l-ispezzjonijiet tagħha stess, f’konformità mal-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Jekk meħtieġ, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ titlob kooperazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħall-awtoritajiet tax-xogħol, tas-saħħa jew dawk fiskali.
3. Meta r-riskju ta’ xogħol furzat ikun jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni, il-Kummissjoni li taġixxi bħala l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji dment li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u li l-gvern tal-pajjiż terz li fih ikunu se jsiru l-ispezzjonijiet ikun ġie nnotifikat uffiċjalment u ma jqajjem l-ebda oġġezzjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob assistenza mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif xieraq, biex tiffaċilita tali kuntatti.
KAPITOLU IV
DEĊIŻJONIJIET
Artikolu 20
Deċiżjonijiet rigward il-ksur tal-Artikolu 3
1. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tivvaluta l-informazzjoni u l-evidenza kollha miġbura skont il-Kapitolu III u, fuq dik il-bażi, tistabbilixxi jekk il-prodotti, li tqiegħdu jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew li qed jiġu esportati, humhiex fi ksur tal-Artikolu 3, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli mid-data li fiha bdiet l-investigazzjoni skont l-Artikolu 18(1). L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew tagħlaq l-investigazzjoni fi żmien 9 xhur mid-data li fiha tkun bdiet l-investigazzjoni.
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ tistabbilixxi li l-Artikolu 3 jkun inkiser fuq il-bażi ta’ kwalunkwe fatt ieħor disponibbli fejn ma kienx possibbli li tinġabar informazzjoni u evidenza skont l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18(3), b’mod partikolari meta, b’rispons għal talba għall-informazzjoni, operatur ekonomiku jew awtorità pubblika:
|
(a) |
jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mingħajr ġustifikazzjoni valida; |
|
(b) |
jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien preskritt mingħajr ġustifikazzjoni valida; |
|
(c) |
jipprovdu informazzjoni mhux kompluta jew mhux korretta bl-objettiv li l-investigazzjoni tiġi mblokkata; |
|
(d) |
jipprovdu informazzjoni qarrieqa; jew |
|
(e) |
jimpedixxu bi kwalunkwe mod ieħor l-investigazzjoni, inkluż meta jiġi identifikat riskju ta’ xogħol furzat impost mill-awtoritajiet tal-Istat matul il-fażi preliminari tal-investigazzjoni jew matul l-investigazzjoni. |
3. Meta l-awtorità kompetenti ewlenija ma tkunx tista’ tistabbilixxi li l-prodotti kkonċernati tqiegħdu jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew li qed jiġu esportati bi ksur tal-Artikolu 3, hija għandha tagħlaq l-investigazzjoni u tinforma lill-operaturi ekonomiċi li kienu soġġetti għall-investigazzjoni ta’ dan. Hija għandha tinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1). L-għeluq tal-investigazzjoni ma għandux jipprekludi l-bidu ta’ investigazzjoni ġdida dwar l-istess prodott u operatur ekonomiku fil-każ ta’ informazzjoni rilevanti ġdida.
4. Meta l-awtorità kompetenti ewlenija tistabbilixxi li l-prodotti kkonċernati, tqiegħdu jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew li qed jiġu esportati bi ksur tal-Artikolu 3, hija għandha, mingħajr dewmien, tadotta deċiżjoni li jkun fiha:
|
(a) |
projbizzjoni fuq it-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni u fuq l-esportazzjoni tagħhom; |
|
(b) |
ordni li tirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi li kienu soġġetti għall-investigazzjoni sabiex jirtiraw il-prodotti li diġà tqiegħdu jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni jew ineħħu kontenut mill-interfaċċja online li jirreferi għall-prodotti jew l-elenki tal-prodotti kkonċernati; |
|
(c) |
ordni li tirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi li kienu soġġetti għall-investigazzjoni sabiex jiddisponu mill-prodotti kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 25 jew, jekk partijiet tal-prodott li jinstabu li jkunu bi ksur tal-Artikolu 3 ikunu sostitwibbli, ordni li tirrikjedi lil dawk l-operaturi ekonomiċi jarmu dawk il-partijiet ta’ dak il-prodott. |
Fejn rilevanti, il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu u l-ordni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom jidentifikaw il-partijiet tal-prodott li jinstabu li jinstabu li jkunu bi ksur tal-Artikolu 3, li jridu jiġu sostitwiti sabiex il-prodott jitqiegħed jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jew jiġi esportat.
5. B’deroga mill-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), u, fejn xieraq, sabiex jiġi evitat tfixkil għal katina tal-provvista ta’ importanza strateġika jew kritika għall-Unjoni, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ toqgħod lura milli timponi ordni biex tarmi l-prodott ikkonċernat skont il-paragrafu 4. Minflok, l-awtorità kompetenti ewlenija tista’ tordna li l-prodott ikkonċernat jinżamm għal perjodu ta’ żmien definit, li ma għandux ikun itwal miż-żmien neċessarju biex jiġi eliminat ix-xogħol furzat fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, għas-spejjeż tal-operaturi ekonomiċi.
Jekk l-operaturi ekonomiċi juru, matul dak il-perjodu ta’ żmien, li jkunu eliminaw ix-xogħol furzat mill-katina tal-provvista fir-rigward tal-prodott kkonċernat, mingħajr ma biddlu dak il-prodott u billi jtemmu x-xogħol furzat identifikat fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 21.
Jekk l-operaturi ekonomiċi ma jurux, matul dak il-perjodu ta’ żmien, li huma eliminaw ix-xogħol furzat mill-katina tal-provvista fir-rigward tal-prodott kkonċernat, mingħajr ma biddlu dak il-prodott u billi jtemmu x-xogħol furzat identifikat fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), ta’ dak il-paragrafu, għandu japplika.
6. Meta l-Kummissjoni taġixxi bħala l-awtorità kompetenti ewlenija, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi adottata permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2).
7. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tinnotifika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu lill-operaturi ekonomiċi kollha li tkun indirizzata lilhom u jikkomunikawha lill-awtoritajiet kompetenti kollha u meta applikabbli, lill-Kummissjoni, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1).
8. Deċiżjonijiet meħudin minn awtorità kompetenti ewlenija ta’ Stat Membru, skont il-paragrafu 4, għandhom jiġu rrikonoxxuti u infurzati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra, sa fejn ikunu jikkonċernaw prodotti bl-istess informazzjoni ta’ identifikazzjoni u li joriġinaw mill-istess katina tal-provvista li nstab li qed tuża xogħol furzat.
Artikolu 21
Rieżami tad-deċiżjonijiet rigward il-ksur tal-Artikolu 3
1. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tippermetti lill-operaturi ekonomiċi affettwati minn deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20 li jitolbu rieżami ta’ dik id-deċiżjoni fi kwalunkwe żmien. It-talba għal rieżami għandu jkun fiha informazzjoni li turi li l-prodotti jitqiegħdu jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jew li għandhom jiġu esportati f’konformità mal-Artikolu 3. Dik l-informazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni sostanzjali ġdida li ma tkunx tressqet għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti ewlenija matul l-investigazzjoni.
2. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tieħu deċiżjoni dwar it-talba msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 30 jum ta’ xogħol mill-wasla ta’ dik it-talba.
3. Meta l-operaturi ekonomiċi jkunu wrew li jkunu kkonformaw mad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20, u li jkunu eliminaw ix-xogħol furzat mill-operazzjonijiet jew mill-katina tal-provvista tagħhom fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha tirtira id-deċiżjoni tagħha għall-futur, tinforma lill-operaturi ekonomiċi u tneħħiha mill-Portal Uniku dwar ix-Xogħol Furzat.
4. Meta l-Kummissjoni taġixxi bħala l-awtorità kompetenti ewlenija, l-irtirar imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tal-proprjetà tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 35(3). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx 12-il xahar.
5. L-operaturi ekonomiċi li ġew affettwati minn deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20 ta’ awtorità kompetenti ewlenija ta’ Stat Membru għandu jkollhom aċċess għal qorti jew tribunal li jirrieżaminaw il-legalità proċedurali u sostantiva tad-deċiżjoni.
6. Il-paragrafu 5 huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tirrikjedi li l-proċeduri ta’ rieżami amministrattiv jiġu eżawriti qabel ir-rikors għal proċedimenti ġudizzjarji.
7. Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20adottati mill-awtorità kompetenti ewlenija ta‘ Stat Membru huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja meħuda mill-qrati jew mit-tribunali nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-istess operaturi ekonomiċi jew prodotti.
Artikolu 22
Kontenut tad-deċiżjonijiet
1. Id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20 għandu jkun fiha dawn kollha li ġejjin:
|
(a) |
is-sejbiet tal-investigazzjoni u l-informazzjoni u l-evidenza li jirfdu s-sejbiet; |
|
(b) |
limiti ta’ żmien raġonevoli għall-operaturi ekonomiċi sabiex jikkonformaw mal-ordnijiet, li ma għandux ikun anqas minn 30 jum; fil-każ ta’ oġġetti li jitħassru, ta’ annimali u ta’ pjanti, il-limitu ta’ żmien ma għandux ikun anqas minn għaxart ijiem ta’ xogħol; meta tistabbilixxi l-limiti ta’ żmien, l-awtorità kompetenti ewlenija għandha tqis id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operatur ekonomiku, inkluż jekk l-operatur huwiex SME, is-sehem tal-parti tal-prodott u jekk huwiex sostitwibbli; il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati għaż-żmien meħtieġ għall-konformità mal-ordnijiet differenti u mhux aktar milli neċessarju; |
|
(c) |
l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari d-dettalji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-prodott li għalihom tapplika d-deċiżjoni, inklużi d-dettalji dwar il-manifattur, il-produttur, il-fornituri tal-prodott, l-importatur, l-esportatur u, fejn xieraq, is-sit tal-produzzjoni; |
|
(d) |
fejn disponibbli u applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni doganali kif definita fl-Artikolu 5, punt 2, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; |
|
(e) |
informazzjoni dwar it-teħid ta’ stħarriġ ġudizzjarju kontra deċiżjoni. |
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20. Dawk id-dettalji għandhom, mill-inqas, jinkludu d-dettalji tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta jew li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali f’konformità mal-Artikolu 27(3) sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-prodotti skont l-Artikolu 26(4). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2).
KAPITOLU V
INFURZAR
Artikolu 23
Infurzar tad-deċiżjonijiet
1. Meta, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 22(1), il-punt (b), operatur ekonomiku jkun naqas milli jikkonforma mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 20, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għall-infurzar ta’ dik id-deċiżjoni u għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:
|
(a) |
il-projbizzjoni fuq it-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti kkonċernati u fuq l-esportazzjoni tagħhom; |
|
(b) |
l-irtirar mis-suq tal-Unjoni mill-awtoritajiet rilevanti ta’ -prodotti li diġà kienu mqiegħda jew imqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq, f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u nazzjonali; |
|
(c) |
ir-rimi ta’ prodotti rtirati u prodotti li jifdal għand l-operatur ekonomiku f’konformità mal-Artikolu 25, għas-spejjeż ta’ dak l-operatur ekonomiku; |
|
(d) |
ir-restrizzjoni ta’ aċċess għall-prodotti u għall-elenkar li jirriferu għal dawk il-prodotti billi l-parti terza rilevanti tintalab timplementa tali restrizzjoni. |
2. Jekk l-operatur ekonomiku jkun naqas milli jikkonforma mad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20, l-awtorità kompetenti għandha timponi jew direttament, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, jew permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, penali fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat skont l-Artikolu 37.
Artikolu 24
Irtirar u rimi ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat
1. Ordni biex tirtira u tarmi prodotti li tqiegħdu jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi kkomunikata, permezz tas-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1020 u kwalunkwe awtorità rilevanti oħra għall-prodotti kkonċernati.
2. L-infurzar tal-irtirar u tar-rimi tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti, b’koordinazzjoni ma’ kwalunkwe awtorità rilevanti oħra għall-prodotti kkonċernati.
Artikolu 25
Mod ta’ rimi ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat
F’konformità mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għar-rimi tal-prodotti, kif meħtieġ mill-Artikolu 20(4), il-punt (c), u mill-Artikolu 23(1), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament, rispettivament, għandhom jarmu dawk il-prodotti billi jirriċiklawhom jew, meta dan ma jkunx possibbli, billi jirrendu dawk il-prodotti inoperabbli. Prodotti li jitħassru għandhom jingħataw b’donazzjoni għal skopijiet ta’ karità jew ta’ interess pubbliku jew, meta dan ma jkunx possibbli, billi jirrendu dawk il-prodotti inoperabbli.
Artikolu 26
Kontrolli mill-awtoritajiet doganali
1. Il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli u għall-miżuri stabbiliti f’din it-Taqsima.
2. L-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att legali ieħor tal-Unjoni li jirregola l-ġestjoni tar-riskji doganali, il-kontrolli doganali u r-rilaxx ta’ oġġetti għaċ-ċirkolazzjoni libera u esportazzjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 952/2013.
3. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tikkomunika, mingħajr dewmien, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 20 biex jiġu pprojbiti t-tqegħid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni tagħhom.
4. L-awtoritajiet doganali għandhom jiddependu mid-deċiżjonijiet ikkomunikati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu sabiex jidentifikaw prodotti li jistgħu ma jikkonformawx mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, huma għandhom iwettqu kontrolli fuq prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu abbażi tal-ġestjoni tar-riskji kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 952/2013.
5. L-awtorità kompetenti ewlenija għandha tikkomunika, mingħajr dewmien, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kwalunkwe rtirar ta’ deċiżjoni, kif ukoll kwalunkwe emenda għaliha wara rieżami f’konformità mal-Artikolu 21.
Artikolu 27
Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tidentifika l-prodotti jew il-gruppi ta’ prodotti li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata lill-awtoritajiet doganali. Il-prodotti jew il-grupp ta’ prodotti kkonċernati għandhom jintgħażlu skont approċċ proporzjonat, li jibni, inter alia, fuq l-informazzjoni disponibbli fil-bażi tad-data, informazzjoni kkodifikata fis-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), u informazzjoni sostanzjata skambjata fin-Network.
2. Il-persuna li jkollha l-ħsieb li tqiegħed prodott kopert minn att delegat adottat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont il-proċeduri doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” jew “esportazzjoni” għandha tagħti jew tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali informazzjoni li tidentifika l-prodott, informazzjoni dwar il-manifattur jew il-produttur u informazzjoni dwar il-fornituri tal-prodott, sakemm l-għoti ta’ tali informazzjoni ma jkunx diġà meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni doganali msemmija fl-Artikolu 5, punt 2, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jiddefinixxu d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(2).
4. Meta prodott speċifiku jkun ġie identifikat f’deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20, sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jaġixxu minnufih dwar dak il-prodott speċifiku, il-proċedura prevista fl-Artikolu 34 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 28
Sospensjoni
Meta l-awtoritajiet doganali, permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom, jidentifikaw li prodott li jidħol fis-suq tal-Unjoni jew li joħroġ minnu jista’, skont deċiżjoni kkomunikata skont l-Artikolu 26(3), ikun bi ksur tal-Artikolu 3, huma għandhom jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dak il-prodott jew l-esportazzjoni tiegħu. L-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tagħhom dwar dik is-sospensjoni u jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu jekk il-prodott ikunx kopert minn deċiżjoni kkomunikata skont l-Artikolu 26(3).
Artikolu 29
Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni
1. Meta r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ prodott tkun ġiet sospiża f’konformità mal-Artikolu 28, dak il-prodott għandu jiġi rrilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jew jiġi esportat meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti u l-formalitajiet l-oħrajn kollha relatati ma’ tali rilaxx jew esportazzjoni u meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
fi żmien erbat ijiem ta’ xogħol mis-sospensjoni, jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux talbu lill-awtoritajiet doganali jżommu s-sospensjoni; fil-każ ta’ prodotti li jitħassru, ta’ annimali u ta’ pjanti, dak il-limitu ta’ żmien għandu jkun ta’ jumejn ta’ xogħol; |
|
(b) |
l-awtoritajiet kompetenti jkunu informaw lill-awtoritajiet doganali dwar l-approvazzjoni tagħhom għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament. |
2. Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandux jitqies bħala prova ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 30
Rifjut tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni
1. Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li prodott, li jkun ġie nnotifikat lilhom f’konformità mal-Artikolu 28, ikun prodott magħmul b’xogħol furzat skont deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20, huma għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet doganali ma jirrilaxxawhx għaċ-ċirkolazzjoni libera u lanqas li jippermettu li jiġi esportat.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom idaħħlu minnufih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fis-sistema tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) u jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali dwar dan. Mal-wasla ta’ tali notifika, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx jippermettu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ dak il-prodott u għandhom jinkludu wkoll l-avviż li ġej fis-sistema doganali ta’ proċessar tad-data u, fejn possibbli, fuq il-fattura kummerċjali li takkumpanja l-prodott u fuq kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament rilevanti ieħor:
“Prodott magħmul b’xogħol furzat - rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera/għall-esportazzjoni mhux awtorizzata - ir-Regolament (UE) 2024/3015”.
3. Meta r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott ikun ġie rrifjutat f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali għandhom jarmu dak il-prodott ikkonċernat skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.
4. Fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti, u f’isem u taħt ir-responsabbiltà ta’ dik l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet doganali jistgħu alternattivament jikkonfiskaw il-prodott li r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni tiegħu tkun ġiet rifjutata u jqegħduh għad-dispożizzjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti u taħt l-awtorità tagħha. F’każijiet bħal dawn, dik l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-prodott ikkonċernat jintrema f’konformità mal-Artikolu 25.
Artikolu 31
Skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni
1. Sabiex tkun tista’ ssir analiżi bbażata fuq ir-riskju ta’ prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jew li joħorġu minnu u sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli jkunu effettivi u li jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni relatata mar-riskju. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tassumi rwol ta’ koordinazzjoni.
2. Il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju neċessarja għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, għandhom isiru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013:
|
(a) |
bejn l-awtoritajiet doganali; |
|
(b) |
bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali. |
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 32
Kunfidenzjalità
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw biss l-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw l-identità ta’ dawk li jipprovdu informazzjoni, jew l-informazzjoni pprovduta, bħala kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm ma jkunx ġie ddikjarat mod ieħor minn dawk li jkunu taw l-informazzjoni.
3. Il-paragrafu 2 ma għandux jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiżvela informazzjoni ġenerali f’forma ta’ sommarju, dment li din l-informazzjoni ma jkunx fiha informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-fornitur tal-informazzjoni. Tali żvelar ta’ informazzjoni ġenerali f’forma sommarja għandha tqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati fil-prevenzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
Artikolu 33
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 27(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-13 ta’ Diċembru 2024.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 27(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 27(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 34
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 35
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 36
Emenda għad-Direttiva (UE) 2019/1937
Fil-Parti I.C.1 tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/1937, jiżdied il-punt li ġej:
|
“(iv) |
Ir-Regolament (UE) 2024/3015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L, 2024/3015, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3015/oj).”. |
Artikolu 37
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall- operaturi ekonomiċi għan-nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20 u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati f’konformità mal-liġi nazzjonali.
2. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 iqisu kif xieraq dan li ġej, kif applikabbli:
|
(a) |
il-gravità u d-durata tan-nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20; |
|
(b) |
kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20 preċedenti rilevanti mill-operatur ekonomiku; |
|
(c) |
il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti; |
|
(d) |
kwalunkwe fattur mitiganti jew aggravanti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħall-benefiċċji, gwadann jew telf finanzjarju evitat, direttament jew indirettament, min-nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20; |
3. L-Istati Membri għandhom, sal-14 ta’ Diċembru 2026, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri, u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
4. L-Istati Membri, meta jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom iqisu bl-akbar attenzjoni l-gwida msemmija fl-Artikolu 11, il-punt (i).
Artikolu 38
Evalwazzjoni u rieżami
1. Sal-14 ta’ Diċembru 2029 u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-infurzar u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni għandha b’mod partikolari tinkludi valutazzjoni ta’:
|
(a) |
jekk il-mekkaniżmu fis-seħħ jikkontribwix b’mod effettiv għall-objettiv ta’ dan ir-Regolament, kif stabbilit fl-Artikolu 1; |
|
(b) |
il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fi ħdan in-Network, kif ukoll l-awtoritajiet rilevanti l-oħra kollha fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
l-effettività tal-kooperazzjoni internazzjonali biex tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tax-xogħol furzat mill-ktajjen tal-provvista globali; |
|
(d) |
l-impatt fuq in-negozji, u b’mod partikolari fuq l-SMEs, inkluż fuq il-kompetittività tal-proċeduri relatati mal-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet; |
|
(e) |
il-kost tal-konformità għall-operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari l-SMEs; |
|
(f) |
il-kostijiet u benefiċċji ġenerali u l-effettività tal-projbizzjoni. |
Meta l-Kummissjoni tqis li hu xieraq, mar-rapport għandha tinthemeż proposta leġiżlattiva għall-emenda tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll jekk il-kamp ta’ applikazzjoni hemmx bżonn li jitwessa’ biex jinkludi servizzi anċillari għall-estrazzjoni, il-ħsad, il-produzzjoni jew il-manifattura ta’ prodotti.
3. Bħala parti mill-valutazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), ir-rapport għandu jkopri l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-vittmi tax-xogħol furzat, b’attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tan-nisa u tat-tfal. Il-valutazzjoni ta’ dan l-impatt għandha tkun ibbażata fuq monitoraġġ regolari ta’ informazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti.
4. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta aktar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu speċifiku biex jiġi indirizzat ix-xogħol furzat u jiġi rrimedjat għalih, inkluża valutazzjoni tal-impatt għall-implimentazzjoni ta’ tali mekkaniżmu.
Artikolu 39
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2027.
Madankollu, l-Artikoli 5(3), 7, 8, 9(2), 11, 33, 35 u 37(3) għandhom japplikaw mit-13 ta’ Diċembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C 140, 21.4.2023, p. 75.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2024.
(3) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalju u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206).
(7) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(8) Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).
(9) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 132.
(10) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 114.
(11) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 124.
(12) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(14) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(15) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(16) Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2113 tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri (ĠU L, 2023/2113, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2113/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).
(20) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(22) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(23) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(24) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(25) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
(26) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(27) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3015/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)