Brussell, 24.2.2022

COM(2022) 67 final

2022/0046(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju d-Disponiment minnhom, fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Artikolu 6(2) ta’ dik il-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tirrigwarda Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea, b’rabta mal-proposta biex jinbidel l-Artikolu 6 ta’ din il-Konvenzjoni. Il-laqgħa hija skedata li ssir f’Ġunju 2022.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata fit-22 ta’ Marzu 1989 u daħlet fis-seħħ fl-1992. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Konvenzjoni 1 . Il-Konvenzjoni għandha 188 Parti.

Is-sies tal-Konvenzjoni hu sistema tal-kontroll għall-esportazzjoni, għall-importazzjoni u għat-tranżitu ta’ ċerti tipi ta’ skart, permezz tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”. L-esportazzjonijiet tal-iskart soġġetti għall-Konvenzjoni għandhom jiġu notifikati bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-importazzjoni u tat-tranżitu. In-notifiki għandhom isiru bil-miktub u għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni speċifikati fl-Anness V A tal-Konvenzjoni. L-esportazzjoni tal-iskart tista’ ssir biss jekk u meta l-Istati kollha kkonċernati jkunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni).

Is-sistema tal-kontroll tal-Konvenzjoni tapplika għall-iskart perikoluż definit fl-Artikolu 1 u elenkat fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni, kif ukoll għall-iskart elenkat fl-Anness II, li jinkludi l-iskart miġbur mill-unitajiet domestiċi, residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku u ċertu skart tal-plastik. Fl-Anness IX, il-Konvenzjoni telenka wkoll entrati tal-iskart li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni u s-sistema tal-kontroll tagħha sakemm dan l-iskart ma jkunx fih materjal minn xi kategorija tal-Anness I sal-punt li jwassal l-iskart biex jesponi xi karatteristiċi perikolużi tal-Anness III.

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea hija l-korp deċiżjonali prinċipali tal-Konvenzjoni. Hija għandha s-setgħa temenda l-Annessi tal-Konvenzjoni u tiltaqa’ kull sentejn.

Il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea (CoP15) se ssir f’żewġ sessjonijiet: l-ewwel sessjoni online saret bejn is-26 u t-30 ta’ Lulju 2021 u l-laqgħa se titkompla matul sessjoni wiċċ imb wiċċ f’Ġinevra, bejn is-6 u s-17 ta’ Ġunju 2022.

2.3.L-emenda proposta għall-Konvenzjoni

Il-Federazzjoni Russa ressqet proposta biex tiġi kkunsidrata fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, imfassla biex temenda l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni (“l-att previst”) 2 .

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni hija kif ġej: “L-Istat importatur għandu jwieġeb lin-notifikatur bil-kitba, fejn jagħti l-kunsens tal-moviment fuq kondizzjonijiet jew mingħajrhom, jiċħad il-permess tal-moviment, jew jitlob tagħrif addizzjonali”.

Dan l-att previst jipproponi li tinbidel din is-sentenza permezz taż-żieda ta’ limitu ta’ żmien ta’ 30 jum li fih pajjiż ta’ importazzjoni jenħtieġ li jwieġeb lin-notifikatur (biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-vjeġġ ippjanat, jiċħad il-permess għal dan il-vjeġġ, jew jitlob informazzjoni addizzjonali). Barra minn hekk, il-proposta tikkonsisti fit-tħassir tal-“,” bejn “mingħajrhom” u “jiċħad”, biex il-virgola tiġi sostitwita b’ “jew”.

Il-Konvenzjoni hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart 3 (minn hawn ’il quddiem “id-WSR”). Kwalunkwe modifika għall-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-UE wara li tkun ġiet implimentata permezz ta’ emendi ta’ dan ir-Regolament.

Ir-regoli attwali li japplikaw għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha diġà jipprevedu skadenza ta’ 30 jum għall-pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur (ara l-Artikolu 8 tad-WSR). Dan japplika wkoll għall-pajjiżi oħra tal-OECD, skont id-Deċiżjoni tal-OECD 4 .

Għall-Unjoni, l-unika konsegwenza prattika tal-bidliet marbuta mal-proposta tal-Federazzjoni Russa tkun relatata mal-proċedura għall-esportazzjoni ta’ skart notifikat lejn pajjiżi mhux tal-OECD. Peress li l-esportazzjoni tal-iskart tal-Anness VIII u l-Anness II lejn pajjiżi mhux tal-OECD hija pprojbita skont id-WSR, il-bidla kkawżata mill-proposta Russa tkun relatata biss ma’ “skart mhux elenkat” (jiġifieri skont il-proposta Russa, pajjiżi mhux tal-OECD li jimpurtaw skart mhux elenkat mill-UE jkollhom iwieġbu lin-notifikatur fi żmien 30 jum), li, skont l-Artikolu 3(1)(b)(iii) u (iv) tad-WSR, huma soġġetti għall-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”. L-emenda proposta mill-Federazzjoni Russa tkun tfisser li, għal dawn il-każijiet, il-pajjiż importatur ikollu jirrispondi fi żmien 30 jum lin-notifikatur ta’ vjeġġ mill-Unjoni destinat għal pajjiż mhux tal-OECD.

Il-proċedura biex tiġi emendata l-Konvenzjoni hija rregolata mill-Artikoli 17 tal-Konvenzjoni. Kwalunkwe emenda bħal din trid tiġi adottata f’laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Emenda ssir vinkolanti fuq dawk il-Partijiet li jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(5) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, il-konferma formali jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand id-Depożitarju. L-emendi adottati skont il-paragrafi 3 jew 4 ta’ hawn fuq għandhom jidħlu fis-seħħ bejn il-Partijiet li jkunu aċċettawhom fid-90 jum wara li d-Depożitarju jkun irċieva l-istrument tagħhom għar-ratifika, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew l-aċċettazzjoni minn għand mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet li jkun aċċettaw l-emendi għall-Protokoll interessat, għajr jekk jiġi pprovdut xorta oħra f’dan il-Protokoll. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għal kull Parti oħra fid-90 jum wara illi din l-Parti tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni tal-emendi”. Għalhekk hemm bżonn ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni minn tliet kwarti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (jiġifieri 141 Parti) biex kwalunkwe emenda tal-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ.

Sa issa, il-korp tal-Konvenzjoni ġie emendat darba, permezz taż-żieda tal-Artikolu 4A u ż-żieda sussegwenti ta’ Anness VII (“l-emenda dwar il-Projbizzjoni ta’ Basilea”) għall-Konvenzjoni. Din l-emenda ġiet miftiehma mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tielet laqgħa tagħha fl-1995 u daħlet fis-seħħ fl-2019, għal dawk il-Partijiet li rratifikawha.

3.POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

(1)Jenħtieġ li l-Unjoni ma tappoġġax l-emenda tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni kif propost mill-Federazzjoni Russa.

(2)L-ewwel parti tal-emenda (limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għall-pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur) ma ġġib l-ebda bidla kbira għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, peress li l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum li għandhom il-pajjiżi importaturi biex iwieġbu lin-notifikatur, li jinsab fl-emenda proposta, diġà japplika għall-maġġoranza tal-vjeġġi nnotifikati mill-UE u l-Istati Membri tagħha skont il-liġi tal-Unjoni (bl-eċċezzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ skart mhux elenkat lejn pajjiżi mhux tal-OECD). Lanqas ma jbiddel l-obbligi għall-UE/l-Istati Membri tagħha li jirċievu notifiki, peress li l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum biex iwieġbu diġà japplika skont il-liġi tal-Unjoni.

(3)It-tieni parti tal-emenda (is-sostituzzjoni ta’ virgola b’ “jew”) ma tidhirx meħtieġa u toħloq inċertezza legali. Il-formulazzjoni attwali hija ċara biżżejjed li l-pajjiż importatur jista’ jirreaġixxi bi tliet modi differenti meta jwieġeb lin-notifikatur (jagħti l-kunsens għall-moviment, jiċħad il-permess għal dan il-moviment, jew jitlob informazzjoni addizzjonali). Għalhekk m’hemmx bżonn li din is-sentenza tiġi emendata.

(4)Il-proċess relatat mal-emendar tal-Konvenzjoni huwa ta’ piż kbir u jieħu ħafna ħin, speċjalment peress li jirrikjedi li kull Parti tipproċedi bil-proċess intern ta’ ratifika tagħha u limitu ta’ tliet kwarti tal-Partijiet kollha biex jirratifikaw l-emenda qabel ma tidħol fis-seħħ. Din l-emenda tista’ wkoll fl-aħħar mill-aħħar ikollha impatt limitat, peress li l-emendi huma vinkolanti biss fuq dawk li rratifikawhom. Għalhekk, l-emenda proposta mhux se tindirizza t-titjib tal-effettività tal-Konvenzjoni b’mod effiċjenti peress li din se tniedi proċess twil u pedantiku fi ħdan il-Konvenzjoni u għall-Partijiet tagħha.

(5)Filwaqt li ma tappoġġax l-emendi proposti, jenħtieġ li l-Unjoni tenfasizza li l-Partijiet jenħtieġ li jippromwovu funzjonament aħjar tal-proċedura ta’ notifika, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Basilea.  Dan jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ limiti ta’ żmien oħra għat-tweġibiet lin-notifikaturi, b’mod partikolari għall-pajjiżi ta’ tranżitu, kif ukoll l-inkoraġġiment tal-użu ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku ta’ data jew l-inkorporazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitajiet bi qbil minn qabel”, li joriġina mid-Deċiżjoni tal-OECD dwar movimenti transfruntieri ta’ skart, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Diġà hemm għadd ta’ proċessi għaddejjin fil-Konvenzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, li huma utli iżda s’issa taw biss riżultati limitati. Jenħtieġ li l-Unjoni tissottolinja l-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet u tesplora jekk dawn jistgħux jiġu indirizzati bħala parti minn inizjattivi eżistenti jew ġodda, li ma jimplikawx bidla fil-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni turi li lesta tilqa’ inizjattivi possibbli bħal dawn.

(6)Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-adozzjoni tal-emenda proposta, filwaqt li mhu se jkollha l-ebda valur miżjud ċar, lanqas mhi se tippreġudika l-interessi tal-Unjoni.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 5 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija korp stabbilit mill-Konvenzjoni.

L-att li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta huwa att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Dan kapaċi jinfluwenza l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart. Dan ir-Regolament jimplimenta l-Konvenzjoni billi fost l-oħrajn jistabbilixxi l-proċeduri għall-esportazzjonijiet mill-Unjoni, għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni kif ukoll għall-vjeġġi bejn l-Istati Membri.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ambjentali.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2022/0046 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju d-Disponiment minnhom, fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Artikolu 6(2) ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet approvata mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basilea tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu 6 .

(2)Skont l-Artikolu 15(5)(b) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, emendi għal din il-Konvenzjoni.

(3)Matul il-15-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022, il-Konferenza tal-Partijiet,għandha tikkunsidra l-adozzjoni tal-emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ppreżentati mill-Federazzjoni Russa. Dik il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għal pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur ta’ vjeġġ ta’ skart u biex jinkludi bidla oħra ppreżentata bħala editorjali.

(4)Jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet dwar din il-proposta, peress li, bħala emenda għat-test tal-Konvenzjoni, din għandha effetti legali. Jekk jiġi adottat mill-Konferenza tal-Partijiet, dan l-att ikun vinkolanti fuq l-Unjoni u jkollu impatt fuq il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri  r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart 7 .

(5)Jenħtieġ li l-Unjoni ma tappoġġax l-emendi ta’ hawn fuq għall-Konvenzjoni peress li dawn se jkunu jeħtieġu proċess twil u pedantiku biex jidħlu fis-seħħ u jidher sproporzjonat li tali proċess jitnieda għal emenda, li l-objettivi tagħha jistgħu jintlaħqu b’mezzi oħra. Pjuttost jenħtieġ li l-Unjoni tkun miftuħa għal inizjattivi mfassla biex itejbu l-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, bil-kundizzjoni li jkollhom kamp ta’ applikazzjoni usa’ mill-proposta ppreżentata lill-CoP15, li jkunu konformi mal-politiki u l-objettivi ġenerali tal-Unjoni u ma jkunux jeħtieġu emenda għall-Konvenzjoni. Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-adozzjoni tal-emenda proposta, għalkemm mhu se jkollha l-ebda valur miżjud ċar, lanqas mhi se tippreġudika l-interessi tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea għandha tkun li mhux se tappoġġa l-emendi tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, kif ippreżentati mill-Federazzjoni Russa.

2.Jekk jiġu ppreżentati proposti oħra biex jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel” waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea, l-Unjoni għandha tappoġġa dawn il-proposti soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)jitfasslu biex itejbu l-funzjonament ta’ dik il-proċedura, billi jindirizzaw id-dewmien u l-problemi esperjenzati mill-Istati tal-esportazzjoni, tat-tranżitu jew tal-importazzjoni biex jittrattaw in-notifiki u jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, sabiex l-iskart ikun jista’ jiġi ttrasportat bejn il-fruntieri mingħajr dewmien żejjed, meta l-vjeġġi inkwistjoni jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, mingħajr ħtieġa ta’ bidla għall-Konvenzjoni;

(b)jikkontribwixxu għall-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali; kif ukoll

(c)jappoġġaw l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmi ta’ kontroll stabbiliti fil-Konvenzjoni u jikkontribwixxu għaċ-ċarezza legali f’dak ir-rigward.

Artikolu 2

Fid-dawl ta’ żviluppi fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1.
(2)    Il-proposta tinsab fuq is-sit web tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, żur http://www.basel.int/TheConvention/Communications/tabid/1596/Default.aspx  
(3)    ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.
(4)    Id-Deċiżjoni dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru, https://legalinstruments.oecd.org/en/instruments/OECD-LEGAL-0266  
(5)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:UE:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(6)    ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1.
(7)    ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.