IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.6.2021
COM(2021) 321 final
2021/0154(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall
{SWD(2021) 146 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.6.2021
COM(2021) 321 final
2021/0154(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall
{SWD(2021) 146 final}
2021/0154 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tal-Portugall. Fl-2019, il-prodott domestiku gross per capita (PDG per capita) tal-Portugall kien ta’ 67 % tal-medja tal-UE. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali tal-Portugall naqas b’7,6 % fl-2020 u huwa mistenni li jonqos bi 3,9 % b’mod kumulattiv fl-2020 u l-2021. Aspetti fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju jinkludu l-istokkijiet kbar ta’ dejn estern, privat u tal-gvern, u tkabbir baxx fil-produttività; barra minn hekk, nuqqasijiet fl-investiment jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed jipparteċipa u jieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li nġabu mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjonijiet lill-Portugall fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-pandemija tiġi indirizzata b’mod effettiv, tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi tingħata prijorità lill-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u jiġi żgurat aċċess ugwali għal kura tas-saħħa u kura fit-tul ta’ kwalità. Huwa rrakkomanda wkoll li jittejjeb il-livell ġenerali tal-ħiliet tal-popolazzjoni (b’enfasi fuq il-ħiliet diġitali u li jiżdied l-għadd ta’ gradwati f’oqsma relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika), kif ukoll li jiġu appoġġati l-impjiegi ta’ kwalità u li titnaqqas is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Portugall biex itejjeb l-effettività u l-adegwatezza tax-xbieki ta’ sikurezza soċjali u jiggarantixxi protezzjoni soċjali u appoġġ għad-dħul suffiċjenti u effettivi. Huwa rrakkomanda li l-investiment jiġi ffukat fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni, it-trasport ferrovjarju u l-infrastruttura tal-portijiet, it-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u tal-enerġija, u l-estensjoni tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet reġjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li jiġu implimentati miżuri biex jiġi żgurat aċċess għal-likwidità għad-ditti fil-kuntest tal-pandemija, biex il-proġetti ta’ investiment pubbliku jiġu antiċipati u biex jiġi promoss l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Fl-aħħar nett, huwa rrakkomanda li jitwettqu riformi biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-ostakli regolatorji u amministrattivi li jirriżultaw mil-liċenzjar u t-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet regolatorji fi professjonijiet regolati u li tiżdied l-effiċjenza tal-qrati amministrattivi u tat-taxxa u l-proċedimenti ta’ insolvenza u rkupru. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni ssib li r-rakkomandazzjoni dwar it-teħid, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tal-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru li jirriżulta, ġiet implimentata bis-sħiħ. Inkiseb progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri temporanji mmirati lejn l-iżgurar tal-aċċess għal-likwidità għad-ditti, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
(3)Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat reviżjoni fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 għall-Portugall. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Portugall qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi relatati ma’ stokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku, u self improduttiv li għadu għoli, f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività.
(4)[Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro rrakkomandat lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex, fost l-oħrajn, jiżguraw pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru, u biex ikomplu jtejbu l-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill irrakkomandat ukoll li jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja u li tiġi kkompletata l-UEM u jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro. [Jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiġix adottata saż-żmien tal-adozzjoni tas-CID, neħħi l-premessa].
(5)Fit-22 ta’ April 2021, il-Portugall ippreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din il-preżentazzjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza qed tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali u l-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.
(6)Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument ta’ Rkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 3 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Huma għandhom jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat ta’ investiment u riformi madwar l-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u l-investimenti u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, dawn ir-riformi u l-investimenti se jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.
Rispons bilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri
(8)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li jitqiesu l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat u l-appoġġ għas-self mitlub.
(9)Il-pjan jinkludi miżuri li jikkontribwixxu għas-sitt pilastri kollha, b’għadd sinifikanti ta’ komponenti tal-pjan li jindirizzaw diversi pilastri. Approċċ bħal dan jikkontribwixxi biex jiżgura li kull pilastru jiġi indirizzat b’mod komprensiv b’mod koerenti. Barra minn hekk, minħabba l-isfidi speċifiċi tal-Portugall, il-fokus partikolari fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ponderazzjoni globali bejn il-pilastri, huwa meqjus bħala bbilanċjat b’mod adegwat.
(10)Il-pjan jipprevedi li tittieħed firxa wiesgħa ta’ miżuri relatati mal-klima, b’madwar tliet kwarti tal-komponenti kollha jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika. Miżuri bħal dawn jinkludu ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-bini, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-pjan jindirizza l-isfidi diġitali relatati f’diversi oqsma, b’madwar nofs il-komponenti kollha jikkontribwixxu, inkluż id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, u l-espansjoni tan-negozju bil-ħsieb li tingħata spinta lit-tranżizzjoni diġitali tan-nisġa produttiva. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi relatati man-nuqqas ta’ ħiliet diġitali, il-pjan jinkludi miżuri għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni kif ukoll tat-taħriġ vokazzjonali, fost l-oħrajn, biex jiġu pprovduti kwalifiki rilevanti għas-suq, tiżdied ir-rilevanza tat-tagħlim għall-adulti, u l-għadd ta’ gradwati fil-korsijiet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM), b’mod partikolari fl-IT.
(11)Il-pjan ikopri b’mod estensiv it-tielet pilastru ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bi kważi l-komponenti kollha jikkontribwixxu direttament. Il-koeżjoni ekonomika, il-produttività u l-kompetittività huma koperti direttament minn kważi l-komponenti kollha tal-pjan, li jindirizzaw diversi sfidi interrelatati, bħall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-forniment universali tas-servizzi soċjali, il-kontribut għall-innovazzjoni, it-teknoloġiji ġodda u d-dekarbonizzazzjoni, id-dematerjalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u l-kontribut għall-finanzjament tad-ditti u l-iżvilupp tas-swieq kapitali. Id-dimensjonijiet tal-koeżjoni soċjali u territorjali huma marbutin mill-qrib, b’mod partikolari fir-reġjuni Portugiżi inqas żviluppati. L-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mistiedna jaqdu rwol ċentrali fil-forniment ta’ diversi servizzi bbażati fil-komunità, billi jiżguraw kopertura territorjali wiesgħa, f’oqsma bħall-akkomodazzjoni soċjali, il-kindergarten u l-indukrar bikri tat-tfal u l-edukazzjoni, l-għoti tal-kura tas-saħħa, is-servizzi tal-kura fit-tul u ċ-ċentri ta’ kura ta’ matul il-jum soċjali għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
(12)Madwar nofs il-komponenti kollha jikkontribwixxu għas-saħħa, ir-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, billi huma koperti minn miżuri bħat-tisħiħ tan-networks nazzjonali għall-kura tas-saħħa primarja, il-kura kontinwa u palljattiva, il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u servizzi soċjali integrati innovattivi fiż-żoni metropolitani ta’ Lisbona u Porto. L-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ssaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u r-reżiljenza tal-amministrazzjoni pubblika. Il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss huma koperti minn għadd ta’ miżuri bi kważi terz tal-komponenti kollha direttament relatati magħha, b’impatt dirett fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, bħaż-żieda fil-kapaċità tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni vokazzjonali u l-korsijiet ta’ taħriġ u l-edukazzjoni terzjarja, inkluż għall-korsijiet STEAM, it-titjib tal-karriera taż-żgħażagħ u l-prospetti ta’ dħul, iż-żieda fl-ammont ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti fl-edukazzjoni għolja. Dan huwa akkumpanjat mill-miżura dwar id-diġitizzazzjoni tal-edukazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ tagħmir personali tal-IT lill-istudenti.
L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
(13)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jindirizza b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, indirizzati lill-Portugall jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(14)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall, minkejja l-fatt li l-Portugall ġeneralment wieġeb b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li l-ekonomija tiġi appoġġata permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u fl-2021, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni biex jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2020, filwaqt li titqies il-konċessjoni marbuta ma’ avvenimenti mhux tas-soltu li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja, ma għadhiex rilevanti, kemm minħabba l-iskadenza tal-perjodu baġitarju korrispondenti kif ukoll minħabba l-attivazzjoni f’Marzu 2020 tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-kuntest tal-kriżi tal-pandemija.
(15)Il-pjan jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha, jew subsett sinifikanti tagħhom, deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Portugall mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-servizzi soċjali u tas-sistema tas-saħħa, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħiliet, ir-RuŻ u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni klimatika u diġitali, l-ambjent tan-negozju u s-sistema ġudizzjarja .
(16)Il-pjan jinkludi riforma strutturali fiskali komprensiva li hija mistennija ttejjeb sostanzjalment il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u ssaħħaħ il-kontroll ġenerali tan-nefqa, il-kosteffiċjenza u l-ibbaġitjar adegwat. Riforma bħal din tinkludi passi gradwali li huma mistennija li jwasslu għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Liġi Qafas Baġitarja tal-2015, li tagħmel ir-rieżamijiet tal-infiq karatteristika strutturali tal-proċess baġitarju annwali tal-Portugall u tiżgura l-evalwazzjoni ex post tal-kisbiet fl-effiċjenza, u ssaħħaħ l-akkwist ċentralizzat. Din ir-riforma hija mistennija wkoll li ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tal-intrapriżi tal-istat, permezz tal-implimentazzjoni ta’ mudell ġdid għall-analiżi u d-divulgazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni tagħhom, sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ aktar f’waqtu, trasparenti u komprensiv. Huwa jipprevedi wkoll għodod ta’ ppjanar u ġestjoni li għandhom jintużaw biex tiżdied ir-responsabbiltà, bħal kuntratti ta’ ġestjoni mġedda biex jinxterrdu prattiki ta’ ġestjoni orjentati lejn il-prestazzjoni. Dik ir-riforma hija akkumpanjata minn investiment fis-sistemi ta’ informazzjoni għall-ġestjoni finanzjarja pubblika.
(17)Ir-riformi u l-investimenti huma inklużi wkoll biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u jikkontribwixxu għal aċċess ugwali għal kura tas-saħħa u kura fit-tul ta’ kwalità. Riformi u investimenti bħal dawn notevolment jipprevedu t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-kura tas-saħħa primarja, is-saħħa mentali u s-servizzi tal-kura fit-tul, flimkien ma’ passi biex jittejbu l-effiċjenza u l-artikolazzjoni bejn l-elementi differenti tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Miżuri speċifiċi huma mmirati lejn it-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa reġjonali tar-reġjun ultraperiferiku ta’ Madeira u lejn id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa kemm ta’ Madeira kif ukoll tal-Azores. Barra minn hekk, it-tlestija tar-riforma tal-mudell ta’ governanza tal-isptarijiet pubbliċi tindirizza l-kawżi ewlenin tal-arretrati persistenti fl-isptarijiet pubbliċi. Din ir-riforma hija mistennija li tgħaqqad l-awtonomija akbar tal-isptarijiet f’termini ta’ investiment u deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ, b’monitoraġġ imsaħħaħ u responsabbiltà aktar b’saħħitha, u b’hekk tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni tal-arretrati b’mod dejjiemi.
(18)Il-pjan jindirizza l-isfidi soċjali billi jipprovdi rispons sinifikanti għall-ħtieġa ta’ titjib fl-effettività u l-adegwatezza tax-xbieki ta’ sikurezza soċjali, b’mod partikolari permezz ta’ riformi u investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali u s-servizzi soċjali, b’enfasi fuq l-anzjani, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli b’diżabilità. Riformi u investimenti bħal dawn jipprevedu l-approvazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għad-Djar u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Faqar, u programm ta’ appoġġ għall-aċċess għall-akkomodazzjoni permezz tal-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew ir-rinnovazzjoni ta’ abitazzjonijiet eżistenti, il-ħolqien u r-rinnovazzjoni ta’ postijiet fil-faċilitajiet soċjali, it-tisħiħ tal-kura bbażata fuq id-dar u l-komunità, it-twaqqif ta’ timijiet ta’ intervent soċjali fil-muniċipalitajiet tal-Portugall kontinentali, programmi integrati biex jappoġġaw komunitajiet żvantaġġati f’żoni metropolitani fil-bżonn, u jagħmlu s-servizzi tas-sigurtà soċjali aktar faċli għall-utent permezz tad-diġitalizzazzjoni.
(19)Il-pjan jinkludi riformi u investimenti li jindirizzaw ostakli dejjiema li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju. Dawn jinkludu t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet li jaffettwaw diversi professjonijiet regolati biex titrawwem il-kompetizzjoni, ir-rieżami tar-rekwiżiti ta’ liċenzjar tan-negozju u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” fir-relazzjonijiet mal-amministrazzjoni pubblika biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, u l-modernizzazzjoni u l-effiċjenza akbar tas-sistema tal-ġustizzja, filwaqt li tinkiseb iż-żieda fl-effiċjenza marbuta mad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri.
(20)Qed jiġu introdotti investimenti sinifikanti biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ aġendi tal-innovazzjoni f’setturi ewlenin, inklużi aġendi ekoloġiċi li għandhom l-għan li jrawmu rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju. L-investimenti huma previsti wkoll biex irawmu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura sostenibbli. Il-pjan jinkludi wkoll investimenti għar-rikapitalizzazzjoni ta’ ditti bħall-ħolqien ta’ veikolu bi skop speċjali li sussegwentement jinvesti f’ditti Portugiżi vijabbli fil-forma ta’ finanzjament ta’ ekwità u kważi ekwità.
(21)Il-pjan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tranżizzjoni klimatika. Dan jinkludi investimenti mmirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi produttivi, kif ukoll miżuri biex tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Il-pjan huwa mistenni li jagħmel it-trasport urban aktar sostenibbli billi jsaħħaħ l-awtoritajiet tal-ġestjoni tat-trasport pubbliku u billi jinvesti fl-estensjoni tan-networks tal-metro kif ukoll tas-sistemi ta’ tranżitu rapidu bil-ferrovija ħafifa u bix-xarabank fiż-żoni metropolitani ta’ Lisbona u Porto u billi jixtri vetturi b’emissjonijiet żero għall-flotta tat-trasport pubbliku. Il-miżuri għandhom l-għan ukoll li jippromwovu investimenti fl-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni kontinentali u ultraperiferiċi ta’ Madeira u l-Azores. Riformi u investimenti sinifikanti għandhom jipproteġu l-foresti biex itaffu l-impatt tat-tibdil fil-klima. Il-programmi ta’ Ppjanar u Ġestjoni tal-Pajsaġġ huma mistennija jfasslu x-xenarju mixtieq ta’ territorji vulnerabbli biex iżidu r-reżiljenza tagħhom għar-riskji assoċjati mat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari n-nirien rurali u t-telf tal-bijodiversità, u biex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni territorjali permezz taż-żieda tad-daqs medju tal-proprjetà agrikola, il-bidla fl-użu tal-art u l-ippjanar ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda.
(22)Il-pjan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tranżizzjoni diġitali kemm fir-reġjuni kontinentali kif ukoll f’dawk awtonomi ta’ Madeira u l-Azores. Riformi u investimenti sinifikanti huma ppjanati fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi biex jadottaw teknoloġiji u proċessi diġitali. L-investimenti u r-riformi fl-edukazzjoni u l-edukazzjoni vokazzjonali u s-sistemi ta’ taħriġ jiffokaw l-aktar fuq l-adattament tal-kurrikuli, il-metodi tat-tagħlim u r-riżorsi għall-provvista ta’ ħiliet diġitali adattati għall-ħtiġijiet partikolari ta’ gruppi differenti, bħall-istudenti, l-għalliema, il-forza tax-xogħol, in-negozji u l-impjegati taċ-ċivil. Riformi u investimenti sinifikanti oħra jimmiraw lejn id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika b’azzjonijiet previsti għall-amministrazzjoni pubblika ġenerali, is-sistema ġudizzjarja u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, bil-għan li l-amministrazzjoni pubblika ssir aktar effiċjenti, reżiljenti u aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini.
(23)Billi jindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pjan huwa mistenni li jikkontribwixxi wkoll biex jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi 4 relatati ma’ stokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku, f’kuntest ta’ self improduttiv għoli u tkabbir baxx fil-produttività.
Kontribut għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali
(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (c) u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.
(25)Is-simulazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni turi li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tal-Portugall b’1,5 % għal 2,4 % sal-2026 5 . Il-pjan Portugiż għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi pakkett ambizzjuż ta’ riformi u investimenti biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tal-pajjiż għax-xokkijiet u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika, istituzzjonali u soċjali tiegħu. Ir-riformi li jneħħu l-ostakli istituzzjonali u jrawmu l-kompetizzjoni, flimkien ma’ investimenti sinifikanti f’politiki attivi tas-suq tax-xogħol, RuŻ, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni jimmiraw lejn il-kawżi ewlenin tal-isfidi identifikati u huma mistennija li jagħtu spinta lill-kompetittività u l-produttività tal-pajjiż.
(26)Il-kontribuzzjonijiet ewlenin kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-impjiegi huma mistennija li jiġu minn investimenti u riformi fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni, inklużi l-ħiliet diġitali u t-taħriġ vokazzjonali, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, id-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi, u l-akkomodazzjoni. Oqsma ewlenin oħra ta’ intervent jinkludu l-kura tas-saħħa, il-kultura, l-infrastruttura tat-trasport, il-forestrija u l-ġestjoni tal-ilma, il-kwalità u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi l-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-servizzi ġudizzjarji u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.
(27)Il-pjan jipprevedi miżuri sinifikanti biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali li ilhom jeżistu, li għandhom ukoll impatt importanti fuq id-dimensjoni territorjali u d-distakk urban rurali, biex b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fil-Portugall u fl-Unjoni. Dawn ikopru l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul fid-dawl tat-tixjiħ demografiku rapidu, u li jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u soċjali. Il-vulnerabbiltajiet soċjali jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll permezz tal-għoti ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi soċjali li jiffukaw fuq l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, il-minoranzi etniċi u l-migranti, u permezz ta’ programmi integrati li jappoġġaw il-komunitajiet żvantaġġati f’żoni metropolitani fil-bżonn. Dan għandu jsaħħaħ in-networks tat-trasport pubbliku f’żoni urbani, li huwa partikolarment rilevanti għall-ħaddiema żvantaġġati li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, u jsaħħaħ id-drittijiet tax-xogħol, speċjalment għal kuntratti tax-xogħol atipiċi marbuta mal-ekonomija diġitali. Dawn il-miżuri se jgħinu biex titwettaq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali approvat fis-Summit ta’ Porto tas-7 ta’ Mejju 2021 u huma mistennija li jikkontribwixxu għat-titjib tal-livelli tal-indikaturi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali.
(28)Miżuri importanti huma mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ, bħal miżuri biex tiżdied il-kapaċità tal-kindergartens u s-servizzi tal-kura tat-tfal u jiffavorixxu l-ħolqien ta’ impjiegi permanenti ta’ kwalità għaż-żgħażagħ. Il-pjan jenħtieġ li jrawwem ukoll ir-reġistrazzjoni f’korsijiet ta’ edukazzjoni terzjarja, speċjalment fid-dixxiplini STEAM, u jistabbilixxi network ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li joffru korsijiet postgradwatorji ta’ tul qasir. Il-miżuri jenħtieġ li jappoġġaw ukoll l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fis-sistema tal-edukazzjoni primarja u sekondarja bl-użu ta’ riżorsi diġitali fil-klassijiet, id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut edukattiv, il-ħolqien ta’ laboratorji b’teknoloġiji edukattivi bħal robots programmabbli.
La tagħmilx ħsara sinifikanti
(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d) u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali (Klassifikazzjoni A) fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).
(30)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jiżgura għal kull waħda mir-riformi u l-investimenti li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lil xi wieħed mis-sitt objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, jiġifieri l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi. Il-Portugall ipprovda ġustifikazzjonijiet skont il-gwida teknika “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-Kummissjoni Ewropea (2021/C 58/01). Fejn meħtieġ, il-Portugall ippropona l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiġi evitata ħsara sinifikanti, li jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ stadji importanti rilevanti.
(31)Ingħatat attenzjoni partikolari lill-miżuri li l-impatt tagħhom fuq l-objettivi ambjentali jeħtieġ skrutinju mill-qrib. Komponent 7 – Infrastrutturi, fih erba’ miżuri li jinvolvu l-kostruzzjoni jew it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq (RE-C7-I2, I3, I4 u I5). Sabiex tiġi evitata ħsara sinifikanti lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u lill-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza tal-Portugall jinkludi bħala miżura ta’ akkumpanjament l-investiment RE-C7-I0 – Espansjoni tan-Network tal-Iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi. Jenħtieġ li din tiddekarbonizza t-trasport bit-triq billi tagħmel disponibbli 15 000 stazzjon tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku sal-2025. Bl-istess mod, fir-rigward tal-miżuri ta’ ġestjoni tal-ilma fil-Komponent 9 – Ġestjoni tal-Ilma (TC-C9-I1 u I2), li jinkludu l-bini ta’ diga, impjant ta’ desalinizzazzjoni u miżuri ta’ tisqija u estrazzjoni tal-ilma, il-Portugall jenħtieġ li jiżgura wkoll li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lill-ambjent permezz tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe riżultat u kundizzjoni mill-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali rilevanti għal dawk il-miżuri, f’konformità mal-liġi ambjentali tal-UE, inkluża d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE). Dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jevita impatt sinifikanti fuq il-korpi tal-ilma rilevanti li jista’ jipperikola jew idewwem l-objettiv li jintlaħaq status jew potenzjal tajjeb. Għandha l-għan ukoll li tiżgura li l-ħabitats u l-ispeċijiet protetti li jiddependu direttament mill-ilma kkonċernat ma jiġux affettwati b’mod negattiv mill-miżuri.
Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità
(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e) u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 37,9 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima għall-2030.
(33)Ir-riformi u l-investimenti huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikanti biex javvanzaw l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Portugall kif stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2030 (NECP 2030) u l-Pjan Direzzjonali 2050 dwar in-Newtralità tal-Karbonju, u b’hekk jikkontribwixxu għall-mira u l-objettiv klimatiċi tal-Unjoni rispettivament. Sittax-il komponent fihom miżuri li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-klima, u 16-il komponent fihom miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali, inkluża l-bijodiversità. Il-bijodiversità hija mistennija li tittejjeb b’mod partikolari permezz ta’ titjib fil-ġestjoni tal-foresti, l-indirizzar ta’ żoni estensivi ta’ monokulturi mhux ġestiti u riskji għoljin ta’ nirien, jew il-promozzjoni ta’ ekonomija blu sostenibbli. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri proposti hija mistennija li jkollha impatt dejjiemi, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika, it-titjib tal-bijodiversità, u l-protezzjoni ambjentali.
(34)L-interventi tal-effiċjenza fl-enerġija jipprovdu parti kbira mill-kontribut għall-klima. Kontribuzzjonijiet sinifikanti oħra għall-klima jew għall-ambjent huma pprovduti minn investimenti fit-trasport urban sostenibbli jew fl-adattament u l-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni li jiffukaw fuq l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, ir-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-miżuri ta’ ġestjoni tal-foresti u tal-ilma, jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali. Ir-riformi għandhom l-għan li jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, jiżviluppaw proċessi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli u jtejbu l-ippjanar tat-trasport.
Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali
(35)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f) u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) huma mistennija jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 22,1 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/241.
(36)Kumplessivament, 14-il komponent fihom miżuri li jikkontribwixxu għall-objettiv diġitali b’approċċ wiesa’ u trażversali, b’erba’ komponenti ddedikati kompletament għat-tranżizzjoni diġitali. Riformi u investimenti sinifikanti huma ppjanati fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi u fil-forniment tal-ħiliet diġitali. Riformi u investimenti sinifikanti oħra jimmiraw lejn id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, is-sistema ġudizzjarja u l-ġestjoni finanzjarja pubblika. Investimenti oħra huma mmirati lejn id-diġitalizzazzjoni ta’ setturi speċifiċi bħall-edukazzjoni primarja u sekondarja, is-saħħa, il-kultura u l-ġestjoni tal-foresti.
(37)Minbarra li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali, dawn l-investimenti jindirizzaw ukoll l-isfidi relatati mal-livelli tal-ħiliet tal-popolazzjoni, b’mod partikolari l-litteriżmu diġitali tal-popolazzjoni adulta u l-ħtieġa li jiġu aġġustati l-ħiliet għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol. L-investimenti jikkontribwixxu wkoll biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-aċċess ugwali għat-teknoloġiji diġitali kif ukoll edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità.
(38)Ir-riformi u l-investimenti relatati mas-settur diġitali inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma mistennija li jkollhom impatt dejjiemi, b’mod partikolari fuq it-tranżizzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż, fuq is-sistema ġudizzjarja, fuq is-servizzi soċjali, fuq in-nisġa tan-negozju, fuq il-livelli tal-ħiliet tal-popolazzjoni u fuq is-servizzi tas-saħħa nazzjonali u reġjonali.
Impatt dejjiemi
(39)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (g) u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt dejjiemi fuq il-Portugall fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A).
(40)Il-pjan jippreżenta bidliet strutturali fl-amministrazzjoni pubblika, l-akkomodazzjoni, il-kapitalizzazzjoni u l-innovazzjoni tan-negozju, is-sistema tal-ġustizzja, il-professjonijiet regolati, u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. F’ħafna każijiet, il-miżuri f’diversi komponenti tal-pjan huma mfassla biex iżidu l-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet rilevanti, li huwa mistenni li jkollu impatt dejjiemi fuq il-kwalità tas-servizzi u l-ambjent tan-negozju.
(41)Fil-qasam tal-investiment, hija mistennija bidla strutturali dejjiema mill-istabbiliment, il-kapitalizzazzjoni u l-espansjoni tal-missjoni tal-Bank Promozzjonali Nazzjonali, Banco Português de Fomento. Iż-żieda proposta fil-kapitalizzazzjoni tal-banek hija mistennija li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi, b’mod partikolari għall-SMEs affettwati mill-kriżi, u li tagħti spinta lill-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fuq bażi fit-tul. Objettivi ta’ politika ewlenin oħra jinkludu t-trasferimenti tal-għarfien u t-teknoloġija lin-negozji, id-diversifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, u l-ilħuq ta’ investimenti fir-RuŻ ta’ 3 % tal-PDG sal-2030. Fl-aħħar nett, l-investimenti u l-politiki għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħha u jnaqqsu l-kontenut tal-importazzjoni tal-ekonomija Portugiża, u b’hekk itejbu l-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tal-pajjiż filwaqt li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.
(42)L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati b’mod sostantiv l-isfidi territorjali b’għeruq fondi u jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat.
Monitoraġġ u implimentazzjoni
(43)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h) u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.
(44)L-istruttura amministrattiva “Estrutura de Missão Recuperar Portugal” (“task force Recuperar Portugal”) jenħtieġ li timmonitorja u timplimenta l-pjan. . Ir-responsabbiltajiet tagħha huma definiti b’mod ċar u minquxa bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiżgura koordinazzjoni soda u mekkaniżmu ta’ rappurtar bejn din l-istruttura u korpi oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi taħt id-diversi komponenti. Hija assenjat b’mod ċar ir-responsabbiltajiet u struttura adegwata għall-implimentazzjoni tal-pjan, il-monitoraġġ tal-progress u r-rappurtar. It-task force jenħtieġ li tkun fis-seħħ sa tmiem l-implimentazzjoni tal-pjan.
(45)L-istadji importanti u l-miri tal-pjan Portugiż jikkostitwixxu sistema xierqa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan. Huma ċari u komprensivi biżżejjed biex jiżguraw li t-tlestija tagħhom tista’ tiġi intraċċata u vverifikata. Il-mekkaniżmi ta’ verifika, il-ġbir tad-data u r-responsabbiltajiet deskritti mill-awtoritajiet Portugiżi jidhru robusti biżżejjed biex jiġġustifikaw b’mod adegwat it-talbiet għal żborż mat-tlestija tal-istadji importanti u l-miri. L-istadji importanti u l-miri huma rilevanti wkoll għall-miżuri li diġà tlestew li huma eliġibbli skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament. It-twettiq sodisfaċenti ta’ dawn l-istadji importanti u l-miri maż-żmien huwa meħtieġ biex tiġi ġġustifikata talba ta’ żborż.
(46)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. Jista’ jintalab appoġġ tekniku bl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom.
Estimi tal-prezzijiet
(47)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (i) u t-Taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija sa punt medju (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
(48)Il-Portugall ipprovda stimi tal-ispejjeż individwali għall-investimenti u r-riformi kollha b’kost assoċjat inkluż fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. It-tqassim tal-ispejjeż huwa ġeneralment dettaljat u sostanzjat sew. Fil-biċċa l-kbira l-istimi huma bbażati fuq tqabbil ma’ kuntratti ta’ akkwist għal servizzi simili, investimenti fil-passat ta’ natura simili jew konsultazzjonijiet tas-suq. Il-valutazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż u d-dokumenti ta’ sostenn juru li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż huma raġonevoli u plawżibbli. Madankollu, il-fatt li xi kultant il-metodoloġija użata mhijiex spjegata tajjeb biżżejjed u r-rabta bejn il-ġustifikazzjoni u l-ispiża nnifisha mhijiex ċara għalkollox tipprekludi klassifikazzjoni A għal dan il-kriterju ta’ valutazzjoni. Fl-aħħar nett, l-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
Ħarsien tal-interessi finanzjarji
(49)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (j) u t-Taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u minn programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(50)Is-sistema ta’ kontroll intern deskritta fil-pjan hija bbażata fuq proċessi u strutturi robusti u tidentifika b’mod ċar l-atturi (korpi/entitajiet) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll intern. Il-ġestjoni nazzjonali se tkun ċentralizzata fit-task force “Recuperar Portugal”. L-implimentazzjoni tal-pjan se tiġi kkuntrattata lil aġenziji pubbliċi jew korpi jew intermedjarji responsabbli f’livelli deċentralizzati. Is-sistema ta’ kontroll u arranġamenti rilevanti oħra, inkluż għall-ġbir u d-disponibbiltà ta’ data dwar ir-riċevituri finali, huma adegwati.
(51)Għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza l-Portugall se jagħmel użu mill-għodod tal-IT. Il-funzjonalitajiet tal-IT huma deskritti b’mod ċar fil-pjan. Il-Portugall indika li l-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi (IGF) se jwettaq l-ewwel awditu tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza qabel is-sottomissjoni tal-ewwel talba għal pagament (eskluż il-prefinanzjament) lill-Kummissjoni Ewropea.
Koerenza tal-pjan
(52)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (k) u t-Taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.
(53)Il-pjan Portugiż għall-irkupru u r-reżiljenza juri li hemm viżjoni strateġika u konsistenti fil-pjan kollu, u juri koerenza bejn il-komponenti u bejn il-miżuri individwali. Ir-riformi u l-investimenti f’kull komponent huma konsistenti u jsaħħu lil xulxin, u jeżistu sinerġiji u komplementarjetajiet bejn il-komponenti. L-ebda miżura proposta f’komponent ma tikkontradixxi jew iddgħajjef l-effettività ta’ xulxin, u lanqas ma ġew identifikati inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet bejn il-komponenti differenti.
Ugwaljanza
(54)Il-pjan fih sensiela ta’ miżuri li huma mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Dawn jinkludu riformi ddedikati għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn is-sessi u s-segregazzjoni okkupazzjonali, kif ukoll miżuri li jattiraw lin-nisa żgħażagħ fl-istudji STEAM. Il-parti tal-pjan li tittratta r-risponsi tal-politika soċjali tinkludi Strateġija Nazzjonali għall-Inklużjoni ta’ Persuni b’Diżabilità kif ukoll Strateġija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Faqar.
Awtovalutazzjoni tas-sigurtà
(55)Ġiet ipprovduta awtovalutazzjoni tas-sigurtà għall-investimenti fil-konnettività u l-kapaċitajiet diġitali, f’konformità mal-Artikolu 18(4), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241. L-awtovalutazzjoni tipprevedi matriċi ta’ riskji u miżuri ta’ mitigazzjoni. Total ta’ 18-il riskju possibbli huma identifikati, inklużi d-dipendenza fuq il-bejjiegħa, il-fornituri b’riskju għoli, it-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà, it-tfixkil tas-sistemi kritiċi. Il-matriċi tidentifika 13-il miżura ta’ mitigazzjoni li għandhom jiġu ppromulgati biex jilqgħu għar-riskji possibbli, inkluż ir-rekwiżit għall-approvazzjoni tas-sigurtà mill-fornituri, l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-fornituri meqjusa bħala ta’ riskju għoli, strateġiji b’diversi bejjiegħa u sistemi ta’ riżerva għal funzjonijiet kritiċi.
Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed
(56)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi investimenti transfruntiera fl-oqsma tal-ġustizzja. Huwa jaċċellera u jiżviluppa l-interoperabbiltà tal-informazzjoni ta’ rekords kriminali fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) u jippermetti l-pubblikazzjoni u t-tfittxija ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji interoperabbli permezz tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (European Case Law Identifier, ECLI). Jiffaċilita wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn entitajiet ġudizzjarji fuq il-bażi ta’ E-Codex u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni tal-Liċenzji tal-Karozzi u tas-Sewqan (European Car and Driving Licence Information System, EUCARIS) u tar-riżorsi ta’ identifikazzjoni transfruntiera bħal eIDAS. Inizjattivi transfruntiera oħra huma fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tan-negozju bit-twaqqif ta’ 16-il “Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali”, punti uniċi ta’ servizz li jgħinu lill-kumpaniji jtejbu l-proċessi tan-negozju/tal-produzzjoni, il-prodotti, jew is-servizzi li jużaw it-teknoloġiji diġitali. Iċ-ċentri inklużi fil-pjan huma mistennija li jikkontribwixxu għan-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Kollaborazzjonijiet transfruntieri oħra jistgħu jseħħu wkoll fil-qasam tal-idroġenu. Il-Portugall qed jaħdem ma’ Stati Membri oħra dwar l-iżvilupp ta’ Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (Important Project of Common European Interest, IPCEI) possibbli dwar l-idroġenu. Il-proġetti dwar l-idroġenu inklużi fil-pjan huma mistennija li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għal din l-inizjattiva.
Proċess ta’ Konsultazzjoni
(57)Il-pjan kien soġġett għal dibattitu wiesa’, konsultazzjonijiet pubbliċi formali, u seminars tematiċi bil-preżenza ta’ membri tal-gvern. B’mod parallel ma’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-gvern kellu serje ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali, bħall-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, il-Kunsill ta’ Koordinazzjoni Territorjali u l-Kunsill Nazzjonali tas-Saħħa. B’reazzjoni għall-kontribuzzjonijiet bil-miktub li waslu matul it-tieni konsultazzjoni pubblika, il-gvern introduċa għadd ta’ bidliet fil-pjan, inklużi wkoll żewġ komponenti ġodda: Komponent 4 - Kultura u Komponent 10 - Baħar.
(58)Għall-implimentazzjoni tal-pjan, il-Portugall waqqaf Kummissjoni Nazzjonali ta’ Monitoraġġ, magħmula minn rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u personalitajiet ewlenin tas-soċjetà ċivili, li jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-pjan se tkun miftuħa wkoll għall-iskrutinju pubbliku permezz tal-Portal dwar it-Trasparenza. Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.
Valutazzjoni pożittiva
(59)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar il-pjan Portugiż għall-irkupru u r-reżiljenza bis-sejba li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, skont l-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ self mhux ripagabbli.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(60)L-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall hija ta’ EUR 16 643 679 377. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għall-Portugall, il-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall jenħtieġ li tkun daqs l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Portugall.
(61)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-Portugall irid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għall-Portugall għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.
(62)Barra minn hekk, sabiex jiġu appoġġati riformi u investimenti addizzjonali, il-Portugall talab għal appoġġ fil-forma ta’ self. L-ammont ta’ self mitlub mill-Portugall huwa inqas minn 6,8 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tiegħu tal-2019 bil-prezzijiet kurrenti. L-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għall-Portugall u l-appoġġ għas-self mitlub.
(63)L-appoġġ li għandu jingħata għandu jiġi ffinanzjat mis-self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 7 . L-appoġġ jenħtieġ li jitħallas f’pagamenti parzjali ladarba l-Portugall ikun issodisfa b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(64)Il-Portugall talab prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja u ta’ 13 % tas-self. Dan l-ammont għandu jkun disponibbli għall-Portugall soġġett għad-dħul fis-seħħ u skont il-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-Ftehim ta’ Self previst fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.
(65)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza
Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti u l-istadji importanti u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura li jammonta għal EUR 13 907 294 284 8 . Ammont ta’ EUR 9 758 504 454 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkula ammont għall-Portugall daqs jew aktar minn dan l-ammont, ammont ieħor ta’ EUR 4 148 789 829 għandu jkun disponibbli biex ikun legalment impenjat mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.
2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Ammont ta’ EUR 1 807 948 257 għandu jsir disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-prefinanzjament u l-pagamenti parzjali jistgħu jiġu żborżati mill-Kummissjoni f’segment wieħed jew aktar. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
3.Il-prefinanzjament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u skont il-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.
4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali fuq il-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Portugall ikun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex wieħed ikun eliġibbli għal pagament, l-istadji importanti u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 3
Appoġġ fil-forma ta’ self
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 699 000 000.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-appoġġ fil-forma ta’ self disponibbli għall-Portugall fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Ammont ta’ EUR 350 870 000 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tas-self. Il-prefinanzjament u l-pagamenti parzjali jistgħu jiġu żborżati mill-Kummissjoni f’segment wieħed jew aktar. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
3.Il-prefinanzjament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u skont il-Ftehim ta’ Self previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.
4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Self għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Portugall ikun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri addizzjonali koperti bis-self u identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Biex wieħed ikun eliġibbli għall-pagament, l-istadji importanti u l-miri addizzjonali koperti mis-self għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 4
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President