SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Kostruzzjoni ta’ bastimenti — Ex Repubblika Demokratika Ġermaniża — Għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti — Għajnuna marbuta mal-kompetittività — Nuqqas ta’ ħlas eċċessiv”

Fil-Kawża T-68/05,

Aker Warnow Werft GmbH, stabbilita f’Rostock (il-Ġermanja),

Kvaerner ASA, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja),

inizjalment irrappreżentati minn M. Schütte, avukat, u B. Immenkamp, solicitor, imbagħad minn M. Schütte,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft (ĠU 2005, L 120, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili (Relatur), President, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-21 ta’ Diċembru 1990, il-Kunsill adotta d-Direttiva 90/684/KEE, dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti (ĠU L 380, p. 27). Din id-direttiva tipprevedi l-possibbiltà ta’ għoti, skont ċerti proċeduri, ta’ għajnuna mill-Istat, minn naħa, għat-tħaddim u min-naħa l-oħra, għar-ristrutturazzjoni, favur impriżi ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem il-“tarzni”) li jinsabu fil-Komunità Ewropea.

2

Rigward l-għajnuna għat-tħaddim li huma rilevanti biss fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684 jiddisponi li “l-għajnuna għall-produzzjoni favur [it-tarzni] tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, sakemm l-ammont totali tal-għajuna mogħtija minn kuntratt [ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti] ma jaqbiżx, f’sussidju ekwivalenti, limitu massimu komuni espress f’perċentwali tal-valur kuntrattwali qabel l-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(2)(a) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel ma tiġi implementata, kull skema ta’ għajnuna ġdida jew eżistenti intiża mid-Direttiva 90/684.

3

Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Mejju u tal-, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 90/684, bi skemi ta’ għajnuna dwar it-tarzni li jinsabu fit-territorju Ġermaniż, u, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.

4

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 1991 mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna nnotifikati. Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat, rigward “għajnuna għall-produzzjoni marbuta ma’ kuntratti” msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, li, “skont il-programm ta’ għajnuna intiża sabiex tiġġieled il-kompetizzjoni, it-tarzni [kollha] Ġermanżi [jistgħu] jibbenefikaw minn sussidji li jirrappreżentaw 9.5% tal-valur kuntrattwali (8.7% tal-valur kuntrattwali qabel l-għajnuna), meta dawn it-tarzni jkunu f’kompetizzjoni ma’ tarzni oħrajn ta’ pajjiż li fihom ingħataw iktar sussidiji”. Id-deċiżjoni tat- ħadet post id-deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet adottat permezz ta’ ittra tat- u li ppermettiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti lit-tarzni Ġermaniżi għajnuna kontra l-kompetizzjoni (Wettbewerbshilfe, iktar ’il quddiem “għanjuna għall-kompetittività”).

5

Fl-20 ta’ Lulju 1992, il-Kunsill adotta d-Direttiva 92/68/KEE, li temenda d-Direttiva 90/684 (ĠU L 219, p. 54). Id-Direttiva 92/68 kellha l-għan li tippermetti lit-tarzni li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża biss li jibbenfikaw minn limitu ta’ għajnuna ogħla minn dak previst fid-Direttiva 90/684, u li tiġi ffaċilitata r-ristrutturazzjoni tagħhom billi titnaqqas il-kapaċità eċċessiva fis-suq dinji tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti.

6

Id-Direttiva 92/68 tintroduċi fid-Direttiva 90/684 l-Artikolu 10a(1) sa (3) li jgħid dan li ġej:

“1.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(6) u (7), il-Kapitolu II [dwar għajnuna għat-tħaddim] ma japplikax għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u trasformazzjoni ta’ bastimenti li joperaw fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża fl-1 ta’ Lulju 1990.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 1993, l-għajnuna għat-tħaddim favur attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti tat-tarzni msemmija mill-paragrafu 1 tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, bil-kundizzjoni li:

a)

l-għajnuna intiża sabiex tiġi ffaċilitata l-kontinwità ta’ operazzjonijiet f’dawn it-tarzni matul dan il-perijodu ma jeċċedux, għal kull wieħed minnhom, limitu massimu ta’ 36% tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ riferiment ikkalkolat abbażi ta’ tliet snin ta’ attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti, wara ristrutturazzjoni; din l-għajnuna trid tkun ingħatat sal-31 ta’ Diċembru 1993;

b)

ebda għajnuna oħra għall-produzzjoni ma tista’ tingħata għal kuntratti ffirmati bejn l-1 ta’ Lulju 1990 u l-;

c)

[ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] taċċetta li twettaq, skont kalendarju approvat mill-Kummissjoni u, f’kull każ, qabel il-31 ta’ Diċembru 1995, tnaqqis reali u irriversibbli ta’ kapaċità ta’ 40% netti mill-kapaċità li kienet teżisti fl-, li kienet ta’ 545000 [CGT];

d)

[Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tressaq il-prova quddiem il-Kummissjoni, fil-forma ta’ rapporti annwali stabbiliti minn awditur indipendenti, li l-għajnuna mogħtija tapplika esklużivament għall-attivitajiet ta’ tarzni li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża; l-ewwel minn dawn ir-rapporti għandu jingħata lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Frar 1993;

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna msemmija f’dan l-artikolu ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Permezz ta’ kuntratt tas-7 ta’ Ottubru 1992 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ akkwist”) konkluż wara proċedura ta’ sejħa għal offerti segwiti minn negozjati esklużivi, it-Treuhandanstalt (iktar ’il quddiem it-“THA”), l-organizzazzjoni pubblika responsabbli mir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni tat-tarzni li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża, biegħet it-tarzna tal-Ġermanja tal-Lvant Neue Warnow Werft, il-predeċessur ta’ Kvaerner Warnow Werft (iktar ’il quddiem “KWW”), lill-grupp Norveġiż Kvaerner. KWW b’hekk saret Aker Warnow Werft.

8

Fit-30 ta’ Ottubru 1992, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-kuntratt ta’ akkwist kif ukoll bi pjan provviżorju tal-ħlas tal-għajnuna mill-Istat sabiex KWW tkun tista’ tirristruttura t-tarzna. Mill-Artikoli 7 u 12 tal-kuntratt ta’ akkwist jirriżulta, essenzjalment, li l-għajnuna mill-Istat, li minnha KWW kellha l-ħsieb li tibbenefika sabiex tirristruttura t-tarzna Warnow Werft, għandha tingħata bin-nifs u li l-ħlas tagħha kien suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 1993 mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-emendi għall-iskema ta’ għajnuna għall-kompetittività li l-Kummissjoni kienet approvat fid-deċiżjoni tagħha tat-.

10

Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Frar 1993, il-Kummissjoni tfakkar il-limiti ta’ sussidji awtorizzati fid-deċiżjoni tagħha tat-.

11

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu 1993 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), tas- (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), tal-, tat- u tal-, mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni awtorizzat, skont id-Direttiva 90/684 kif emendata bid-Direttiva 92/68, l-għoti bin-nifs lil KWW ta’ għajnuna, minn naħa, għat-tħaddim u, min-naħa l-oħra, għar-ristrutturazzjoni għat-tarzna Warnow Werft.

12

L-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni biss huma rilevanti fir-rigward tal-għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW.

13

L-ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW, dan li ġej:

“Fl-20 ta’ Lulju 1992, il-Kunsill adotta d-Direttiva [92/68] li emendat id-Direttiva [90/984] dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Id-Direttiva l-ġdida [92/68] tipprevedi eċċezzjoni għall-iiskema ta’ għajnuna għat-tħaddim favur it-tarzni tal-ex [Repubblika Demokratika Ġermaniża], sabiex issir ristrutturazzjoni li issa hija urġenti, sabiex jerġgħu jsiru kompetittivi.

Dwar il-privatizzazzjoni tat-[tarzna Warnow Werft], il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-gvern Ġermaniż il-verżjoni definittiva [tal-kuntratt ta’ akkwist], flimkien ma’ spjegazzjonijiet. Waqt laqgħa fit-2 ta’ Frar 1993, l-awtoritajiet Ġermaniżi taw speċifikazzjonijiet addizzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tiġbor l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-iskema speċjali tad-Direttiva [92/68] kinux sodisfatti fil-każ [tat-tarzna Warnow Werft …]

Meta l-Kummissjoni approvat din id-deroga, hija żgurat lill-Kunsill li hija kienet ser tuża s-setgħat tagħha ta’ verifika u ta’ sorveljanza sabiex it-tarzni [li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża] jiksbu biss l-għajnuna strettament meħtieġa għar-ristrutturazzjoni tagħhom.

[…]

[I]l-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [90/684] dwar il-kostruzzjoni ta’ bastimenti u d-Direttiva [92/68], il-ħlas tal-ewwel pagament bin-nifs tal-għajnuna [għat-tarzna Warnow Werft] fil-Ġermanja. Dan il-pagament bin-nifs jikkonsisti fi:

—

[DEM] 45500000 bħala għajnuna għat-tħaddim, [DEM] 11700000 bħala kumpens għal parti mit-telf li jirriżulta minn [kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] wara l-1 ta’ Lulju 1990, li bħalissa qegħdin jiġu eżegwiti, u [DEM] 6100000 bħala għajnuna għall-kompetittività kif ukoll ħlas ta’ [DEM] 27750000 fil-kapital tagħha.

[…]”

14

It-tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, rigward għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW, dan li ġej:

“Minħabba l-obbligi li attwalment daħal għalihom il-gvern Ġermaniż [f’dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ produzzjoni tat-tarzna Warnow Werft], il-Kummissjoni […] ddeċidiet, skont id-Direttiva [90/684] dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti u d-Direttiva [92/68] li emendat id-Direttiva [90/684], li ma toġġezzjonax għat-tieni pagament bin-nifs ta’ għajnuna għat-[tarzna Warnow Werft] fil-Ġermanja; dan il-pagament bin-nifs jikkonsisti fi:

—

[DEM] 617100000 bħala għajnuna għat-tħaddim, li minnhom [DEM] 113500000 jitħallsu fi flus kontanti; f’din l-aħħar ċifra huma inklużi [DEM] 66900000 ta’ għajnuna għall-kompetittività u [DEM] 46600000 sabiex ikopru parti mit-telf li jirriżulta minn kuntratti [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] iffirmati qabel fl-1 ta’ Lulju 1990. Din l-għajnuna għat-tħaddim hija l-ogħla minn dik l-għajnuna li tista’ titħallas lit-tarzna [Warnow Werft] għal kuntratti konklużi sal-.

[…]”

15

Fit-8 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/675/KE, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil KWW (ĠU L 274, p. 23). L-imsemmija deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/416/KE, tad- (ĠU L 156, p. 39), li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li sa fejn KWW kienet qabżet il-limitu tal-kapaċità ta’ produzzjoni awtorizzata għas-sena 1998, l-għajnuna għal ammont ta’ DEM 82200000 li ngħatatilha kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

16

Fil-15 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/336/KE, dwar l-għajunna mill-Istat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil KWW (ĠU L 120, p. 12), li fiha kkonkludiet, essenzjalment, li sa fejn KWW kienet qabżet il-limitu tal-kapaċità tal-produzzjoni awtorizzata wkoll għas-sena 1997, l-għajnuna għal ammont ta’ DEM 12600000 li ngħatatilha kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

17

Fit-28 ta’ Frar 2002, fis-sentenza tagħha Kvaerner Warnow Werft vs Il-Kummissjoni (T-227/99 u T-134/00, Ġabra p. II-1205), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punti 15 u 16 hawn fuq peress li, essenzjalment, il-Kummissjoni żbaljat meta qabblet il-kunċett ta’ limitu ta’ kapaċità ma limitu ta’ produzzjoni effettiva. Fid-, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft (C-181/02 P, Ġabra p. I-5703), l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

18

Fl-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/374/KE dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur KWW (ĠU 2005, L 120, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19

Fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija talbet, fis-16 ta’ Ġunju 1999, informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-oriġini tal-fondi li, skont informazzjoni ppubblikata fl-istampa Ġermaniża fit-, kienu ppermettew lil KWW tagħti self ta’ madwar EUR 205000000 lil Kvaerner. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li t-talbiet tagħha kienu intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija fondi “mhumiex ġejjin minn pagamenti għall-għajnuna għal ristrutturazzjoni mħallsa b’eċċess lil [KWW] jew jekk għandhomx elementi oħra ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20

Skont l-eżami tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-movimenti tal-flus kontanti [bejn KWW u Kvaerner] ma jidhrux li jirriżultaw minn għajnuna eċċessiva mogħtija waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni li ntemm fl-1995” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessi 120 u 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont l-informazzjoni li ngħatatilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, KWW irċeviet għajnuna mill-Istat li taqbeż DEM 25999000, li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont totali ta’ għajnuna li KWW irċeviet “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri DEM 430100000, u t-telf reali marbut mal-kuntratti ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti mġarrab minn KWW (iktar ’il quddiem it-“telf marbut mal-kuntratti”), jiġifieri DEM 404101000.

22

Il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata li:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat [għal ammont] ta’ EUR 13293077 (DEM 25999000) mogħtija mir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] favur [KWW] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Ir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna illegali msemmija fl-Artikolu 1 minn [KWW].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti, Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA, ippreżentaw dan ir-rikors.

24

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Diċembru 2007 u tas-, stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, jwieġbu l mistoqsijiet bil-miktub u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

25

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti talbu li ċerti dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza jiġu sfilzati mill-proċess peress li dawn id-dokumenti ma kinux rilevanti għall-kwistjoni fil-kawża (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”). Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-, il-Kummissjoni sostniet li d-dokumenti kkontestati kienu rilevanti sabiex tingħata risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bagħtitilha.

26

It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li d-dokumenti kkontestati jiġu sfilzati mill-proċess, sa fejn ġew ippreżentati mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domandi li sarulha. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tagħtiha ċerti dokumenti fi żmien ħmistax-il ġurnata. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba fit-. Permezz ta’ ittra tat-, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija dokumenti.

27

Il-proċedura orali ngħalqet fil-25 ta’ April 2008.

28

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

—

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

—

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

—

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

—

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fuq il-mertu

30

Ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħhom. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni żbaljat meta kkontestat fid-deċiżjoni kkontestata għajnuna eżistenti, u li hija ma setgħetx tordna li din tiġi rkuprata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-fatt li KWW ma kienet irċeviet ebda għajnuna eċċessiva inkwantu l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti huwa fir-realtà inqas mill-ammont ta’ telf reali mġarrab f’dan ir-rigward. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mid-dewmien fil-ftuħ tal-proċedura u mill-imġiba tal-Kummissjoni qabel il-ftuħ ta’ tagħha. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas lura.

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli kkonkludiet li KWW irċeviet ammont totali ta’ għajnuna ta’ DEM 430100000, li jikkorrispondi għal DEM 450000000 ta’ għajnuna sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti u DEM 62500000 ta’ għajnuna għall-kompetittività, li minnhom għandu jitnaqqas l-ammont ta’ DEM 82400000 ta’ għajnuna għat-tħaddim awtorizzata mill-Kummissjoni iżda mhux imħallsa lil Kvaerner, sabiex tkopri t-telf reali tagħha marbut mal-kuntratti, li jammonta għal DEM 404101000. It-tieni motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet.

32

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li KWW irċeviet, għas-self biss marbut mal-kuntratti, għajnuna mħallsa fi flus kontanti ta’ ammont totali ta’ DEM 58300000, kif jirriżulta mill-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, u mhux ta’ DEM 450000000, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

33

Peremzz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ammont ta’ DEM 62500000 li rċeviet KWW bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività li ma ngħatatx ma kellhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ammont totali tal-għajnuna mogħtija sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti.

34

Peress li dawn iż-żewġ partijiet huma intiżi li jistabbilixxu li l-ammont totali ta’ għajnuna li rċeviet KWW sabiex tkopri t-telf tagħha tal-kuntratti ma jeċċedix l-ammont totali tat-telf reali sostnuti f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis opportun li tibda l-eżami tagħha bit-tieni parti tat-tieni motiv.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-għajnuna rċevuta li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

35

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet is-somma ta’ DEM 62500000, mogħtija bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa, fl-ammont totali ta’ għajnuna li KWW irċeviet sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont totali ta’ għajnuna li rċeviet sabiex tkopri t-telf tagħha ta’ tħaddim marbut mal-kuntratti kien inqas mill-ammont tat-telf tagħha reali sostnut f’dan ir-rigward u, għalhekk, KWW ma bbenefikat minn ebda għajnuna eċċessiva.

36

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-għajnuna għall-kompetittività tikkostitwixxi wkoll għajnuna għat-tħaddim, madankollu hija ma kellhiex l-għan li tikkumpensa esklużivament it-telf marbut mal-kuntratti, hekk kif jirriżulta mill-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll mid-dokumenti nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, l-għajnuna għall-kompetittività hija intiża fil-fatt sabiex it-tarzni kollha li jinsabu fil-Komunità jibqgħu kompetittivi mat-tarzni Ażjatiċi li jibbenefikaw minn sussidji tali li joħolqu distorsjoni fis-suq dinji tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Il-fatt li l-ammont tal-għajnuna għall-kompetittività kien iddeterminat skont l-ammont tal-kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti ma jfissirx madankollu li l-għoti tal-imsemmija għajnuna jiddependi mit-telf li l-imsemmija kuntratti jistgħu joħolqu. Ir-rikorrenti jallegaw għalhekk li KWW setgħet liberament talloka l-għajnuna għal-kompetittività għal spejjeż oħra ta’ tħaddim milli għat-telf maħluq mill-kuntratti.

37

Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-għajnuna għall-kompetittività ġiet awtorizzata skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684 u l-linji gwida għall-għoti tal-għajnuna għall-kompetittività lit-tarzni li jinsabu fil-Ġermanja fit-territorju msemmi fl-Artikolu 3 tal-Ftehim tal-unifikazzjoni (Richtlinen für die Gewährung von Wettbeverbshilfen an Werften in der Bundesrepublik Deutschland auf dem in Artikel 3 des Einigungsvertrages genannten Gebiet, iktar ’il quddiem il-“linji gwida Ġermaniżi”) tat-22 ta’ Lulju 1991 (Bundesanzeiger 1991, p. 5153). Ir-rikorrenti jsostnu li l-imsemmija linji gwida ġew innotifikati u approvati mill-Kummissjoni. Issa, minn dawn jirriżulta, b’mod partikolari, li indipendentement mill-fatt li l-għajnuna għall-kompetittività setgħet ingħatat skont il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti jew le, din xorta tista’ tintuża għall-ispejjeż ta’ tħaddim, minflok għat-telf ikkawżat mill-imsemmija kuntratti.

38

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-għajnuna għall-kompetittività tikkostitwixxi somma definittiva, li ma tistax tiġi rkuprata. Min-naħa, huma josservaw li l-linji gwida Ġermaniżi jipprevedu espressament li l-għajnuna għall-kompettività mogħtija ma tistax titħallas lura. Min-naħa l-oħra, huma jallegaw li l-għajnuna għall-kompetittività li ngħatat lil KWW ma kinitx użata sabiex tkopri telf marbut mal-kuntratti iżda li hija ġiet allokata, mill-aspett ta’ kontabbiltà, għar-riżervi ta’ KWW li kienu tnaqqsu minn spejjeż oħra ta’ tħaddim.

39

Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ma żbaljatx meta inkludiet l-ammont ta’ għajnuna rċevuta bħala għajnuna għall-kompetittività fl-ammont totali tal-għajnuna li rċeviet KWW sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti sa fejn, kif hija kkonstatat fil-premessi 94 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna għall-kompetittività, minn naħa, kienet ġiet awtorizzata sabiex tkopri t-“telf matul ir-ristrutturazzjoni” u, min-naħa l-oħra, kienet “forma ta’ dħul” li ppermetta lil KWW tnaqqas it-telf tagħha marbut mal-kuntratti u, għalhekk, il-ħtieġa tagħha ta’ għajnuna għat-tħaddim.

40

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-għajnuna għall-kompetittività ngħatat skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684 u li hija kellha l-għan li tippermetti lit-tarzni kollha li jinsabu fil-Komunità jiġġieldu l-kompetizzjoni inġusta pprattikata minn ċerti pajjiżi Ażjatiċi li jissussidjaw it-tarzni li jinsabu fit-territorju tagħhom. Minn naħa, il-Kummissjoni tispjega f’dan ir-rigward li, għalkemm mhux meħtieġ li KWW issostni telf marbut mal-kuntratti sabiex tibbenefika mill-għajnuna għall-kompetittività, jibqa’ l-fatt li din l-għajnuna ġiet ikkalkolata skont il-prezz tal-bejgħ stabbilit f’kull kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti konkluż. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-għoti tal-imsemmija għajnuna kellha l-effett li tnaqqas it-telf marbut mal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-ammont totali tal-għajnuna mogħtija biss fir-rigward tat-telf marbut mal-kuntratti peress li jirriżulta minn ittra li hija bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-27 ta’ Novembru 1992 li KWW kienet aċċettat li tirċievi l-ammont ta’ DEM 450000000 ta’ għajnuna bħala telf marbut mal-kuntratti, u mhux DEM 569600000 bħalma kien inizjalment maħsub bejn it-THA u Kvaerner waqt in-negozjati esklużivi tagħhom, biss minħabba l-fatt li l-għajnuna għall-kompetittività kienet tingħatalha wkoll sabiex tkopri t-telf tagħha marbut mal-kuntratti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet, fl-ammont ta’ għajnuna riċevuta sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-kuntratti, l-ammont ta’ DEM 62500000 mogħtija bħala kumpens tal-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa.

42

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi miġjuba mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 59).

43

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-Kummissjoni wettqet raġunament fi tliet stadji fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tasal għall-konklużjoni li KWW rċeviet għajnuna għal-ammont ta’ DEM 25999000, ikkategorizzat bħala eċċess fid-dawl tal-ammont ta’ telf reali tagħha marbut mal-kuntratti.

44

Preliminarjament, wara li fakkret, fil-premessi 13 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi differenti ta’ għajnuna awtorizzata b’mod partikolari fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażat ruħha fuq ir-rapport tal-awditur ta’ KWW dwar l-użu tal-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 1995, mibgħut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fid- (iktar ’il quddiem ir-“rapport tad-”), sabiex tikkonstata li KWW rċeviet l-għajnuna li ġejja:

—

DEM 450000000 sabiex jiġi kopert tat-telf marbut mal-kuntratti;

—

DEM 62500000 bħala kumpens għal-fatt li KWW ma rċevietx l-għajnuna għall-kompetittività.

45

Dwar l-ammont ta’ DEM 62500000 riċevut bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa, jirriżulta mill-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li għajnuna għall-kompetittività kienet ġiet awtorizzata fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għal ammont totali ta’ DEM 73000000, iżda li parti mill-imsemmi ammont, jiġifieri DEM 10500000, ma kinux ingħataw definittivament lil KWW, peress li ngħata lilha ammont ta’ DEM 62500000 biss.

46

Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 91 u 117 tad-deċiżjoni kkontestata, li KWW ma kinitx eżegwiet ċerti kuntratti dwar ċerti tipi ta’ bastimenti (“Kassettenschiffe”) u li hija għalhekk ma kienet irċeviet ebda għajnuna għal dan il-għan. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna li hija kienet awotrizzat għal kompetizzjoni għall-ammont korrispondenti għall-imsemmija kuntratti, jiġifieri DEM 34600000, li kienu jagħmlu parti mill-għajnuna totali għat-tħaddim ta’ ammont ta’ DEM 617100000 awtorizzata fit-tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

47

Il-Kummissjoni kkonstatat b’hekk, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti rċevew ammont totali ta’ għajnuna, “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni”, ta’ DEM 512500000, li jikkorrispondi għal DEM 450000000 sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntrtatti u għal DEM 62500000 bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa.

48

It-tieni nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ telf reali marbut mal-kuntratti ta’ KWW, hekk kif jirriżulta mir-rapporti tal-espert li ngħataw lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-30 ta’ Ġunju 1999, jammonta għal DEM 404101000.

49

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li KWW irċeviet għajnuna akbar mit-telf reali marbut mal-kuntratti ta’ ammont ta’ DEM 108399000.

50

It-tielet nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 116 u 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li KWW ma rċevietx ammont ta’ DEM 82400000 ta’ “għajnuna għat-tħaddim [li hija stess kienet] awtorizzat għar-ristrutturazzjoni”, u li jikkorrispondi għall-“annullament ta’ djun qodma”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li “tikkumpensa għajnuna eċċessiva għal telf marbut mal-kuntratti bl-ammont mhux riċevut ta’ għajnuna għat-tħaddim jidher konformi mal-impenn meħud minn[ha] fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jirċievi biss l-għajnuna meħtieġa għar-ristrutturazzjoni”.

51

Il-Kummissjoni ddeduċiet minn din l-aħħar konstatazzjoni l-konsegwenza, fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ DEM 82400000 għandu jitnaqqas mill-għajnuna eċċessiva ta’ ammont ta’ DEM 108399000 li KWW irċeviet għat-telf marbut mal-kuntratti.

52

Huwa b’hekk fid-dawl tat-tliet konstatazzjonijiet li KWW, l-ewwel nett, irċeviet ammont totali ta’ għajnuna “waqt ir-ristrutturazzjoni” ta’ DEM 512500000, it-tieni nett, sostniet telf reali marbut mal-kuntratti għal ammont totali ta’ DEM 404101000 u, it-tielet nett, ma bbenefikatx mill-ħlas ta’ għajnuna ta’ DEM 82400000 li kienet ġiet awtorizzata, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li KWW ibbenefikat minn għajnuna li teċċedi ammont ta’ DEM 25999000 li għandu jitħallas lura.

53

Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ammont ta’ DEM 62500000 li KWW rċeviet bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa tagħmel parti mill-għajnuna intiża, u li serviet, sabiex tkopri t-telf reali marbut mal-kuntratti u li l-imsemmi ammont seta’ jiġi rkuprat, għall-inqas parzjalment.

54

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi preżunt li KWW kienet rċeviet DEM 450000000 ta’ għajnuna abbażi tat-telf marbut mal-kuntratti biss u li, kif jallegaw ir-rikorrenti, l-ammont ta’ DEM 62500000 ta’ għajnuna għall-kompetittività ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, allura hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat għajnuna eċċessiva. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-għajnuna totali rċevuta abbażi tat-telf marbut mal-kuntratti jkun, wara tnaqqis ta’ għajnuna ta’ DEM 82400000 mhux imħallsa, ta’ ammont ta’ DEM 367600000, li huwa inqas mill-ammont totali ta’ DEM 404101000 li jikkorrispondi għat-telf reali sostnut minn KWW f’dan ir-rigward.

55

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ DEM 62500000 mogħtija lil KWW bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont totali tal-għajnuna li KWW rċeviet sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti.

56

L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-għajnuna awtorizzata sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti u l-għajnuna għall-kompetittività jagħmlu t-tnejn parti mill-kategorija ta’ għajnuna għat-tħaddim prevista mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684.

57

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, li siltiet minnhom ġew riprodotti fil-punti 13 u 14 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni ċara bejn l-għajnuna intiża sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti u l-għajnuna għall-kompetittività. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija deċiżjonijiet jipprevedu rispettivament ammont ta’ “għajnuna għall-kompetittività” ta’ DEM 6100000 u ta’ DEM 66900000, jiġifieri ammont totali ta’ DEM 73000000 li minnhom DEM 62500000 biss tħallsu u dan huwa fatt li mhuwiex ikkontestat mill-partijiet. Ma ġiex speċifikat li din l-għajnuna kellha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjonijiet jipprevedu rispettivament ammont ta’ għajnuna ta’ DEM 11700000 u ta’ DEM 46600000 li, fir-rigward tagħha, ġie speċifikament previst li din għadha sservi biss sabiex “tkopri parti mit-telf li ġej mill-kuntratti tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti ffirmati wara l-1 ta’ Lulju 1990”.

58

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ akkwist li l-Kummissjoni bbażat ruħha fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-punti 13 u 14 hawn fuq jirriżulta li l-għajnuna maħsuba għat-telf marbut mal-kuntratti kienet differenti minn dik marbuta mal-kompettività. Minn naħa, skont l-Artikolu 7(6) tal-kuntratt ta’ akkwist, it-THA kellha tagħti għajnuna għal ammont ta’ “DEM 450000000 sabiex jiġi ffinanzjat it-telf […] waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni dovut għan-nuqqas fil-produttività [ta’ KWW] u għal telf ieħor marbut man-nuqqas [f’dak il-mument] ta’ kompetittività ta’ [KWW]”. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi kuntratt, it-THA impenjat ruħha li tħallas ammont ta’ DEM 73000000 lil KWW fil-każ fejn din tal-aħħar ma tkunx irċeviet l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Bl-istess mod, fil-pjan provviżorju ta’ ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, li ġie anness mal-kuntratt ta’ akkwist u nnotifikat lill-Kummissjoni, l-ammonti ta’ għajnuna għall-kompetittività ġew ikkunsidrati b’mod separat mill-ammonti ta’ għajnuna intiża għall-kopertura ta’ telf ieħor ta’ tħaddim, inkluż dak marbut mal-kuntratti.

59

Għalhekk, għalkemm l-għajnuna intiża li tkopri t-telf marbut mal-kuntratti u l-għajnuna għall-kompetittività jagħmlu parti t-tnejn li huma mill-kategorija ta’ għajnuna għat-tħaddim imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, u dan skont id-dokumenti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikatilha, tagħmel distinzjoni bejniethom, li għandhom ikollhom għanijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, li jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti ta’ KWW u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ kompetittività tagħha.

60

It-tieni nett, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 1993, li biha l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-emendi magħmula, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, għall-iskema ta’ għajnuna għall-kompetittività favur tarzni Ġermaniżi, bl-ebda mod ma tgħid li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmija deċiżjonijiet li l-iskema ta’ għajnuna għall-kompetittività, innotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, kienet intiża sabiex it-tarzni Ġermaniżi jkunu jistgħu jibqgħu kompetittivi “meta jkunu f’kompetizzjoni ma’ tarzni ta’ pajjiżi li jagħtu għajnuna ogħla għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti”, mingħajr, madankollu, ma l-Kummissjoni tispjega għal liema telf speċifiku l-għajnuna għal-kompetittività għandha tintuża.

61

Il-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra hi stess li l-għajnuna għall-kompetittività mhijiex intiża neċessarjament sabiex tkopri telf marbut mal-kuntratti.

62

Minn naħa, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-iskema applikabbli għall-għajnuna għall-kompetittività, li “skont [l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684] it-tarzni [li jinsabu fit-territorju Ġermaniż] jistgħu jirċievu għajnuna [għall-kompetittività], indipendentement mill-fatt li l-kuntratt [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] kkonċernat qed isosnti telf jew le”, li, “[f]i kliem ieħor, ma kienx meħtieġ li jkun hemm telf marbut ma’ kuntratt [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] sabiex tibbenfika minn għajnuna [għall-kompetittività]”, jew ukoll, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, li “hu min hu jista’ jkollu din l-għajnuna, indipendentement mill-fatt li hemm telf jew le”. Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat, għall-inqas impliċitament, li ma hemmx rabta kawżali bejn l-għoti tal-għajnuna għall-kompetittività u l-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratti jikkawża telf jew le. Għalhekk hemm lok li f’dan ir-rigward jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tal-Kummissjoni li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti għall-motiv li l-ammont tal-imsemmija għajnuna ġie kkalkolat skont il-valur ta’ kull kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti konkluż.

63

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3(1) tal-linji gwida Ġermaniżi jirriżulta li “[l-]għajnuna għall-kompetittività tista’ tingħata meta ordnijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni tal-[bastimenti] ġew konklużi b’mod definittiv mit-tarzni Ġermaniżi bejn l-1 ta’ Lulju 1990 u l-”. Madankollu, l-imsemmija linji gwida bl-ebda mod ma jispjegaw li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tingħata biss għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti u mhux għal telf ieħor marbut mat-tħaddim tat-tarzni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ dan ir-riferiment huwa konformi mal-għan stess tal-għajnuna għall-kompetittività li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), hija intiża li tippermetti lit-tarzni Ewropej kollha, u mhux biss lit-tarzna Warnow Werft, li tiġġieled kontra l-kompetizzjoni li hemm fis-suq dinji minn ċerti pajjiżi Ażjatiċi, u dan indipendentement mill-fatt jekk hemmx jew le, telf fl-imsemmija tarzni marbut mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti.

64

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 1993, il-linji gwida Ġermaniżi u l-għan stess tal-għajnuna għal-kompetittività, KWW ma kinitx obbligata talloka l-imsemmija għajnuna għal spejjeż speċifiċi bħalma huma t-telf marbut mal-kuntratti.

65

It-tielet nett, ir-rapport tad-9 ta’ Lulju 1996 jindika li KWW effettivament rċeviet somma ta’ DEM 62500000 bħala kumpens tal-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa u li l-imsemmija għajnuna taqa’ taħt l-għajnuna għat-tħaddim. Madankollu, dan ir-rapport ma jispeċifikax li din is-somma kellha l-għan li, u effettivament serviet sabiex, tkopri l-ispejjeż marbuta mal-kuntratti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-ammont li KWW rċeviet bħala kumpens tal-għajnuna għall-kompetittività kienet ġiet allokata, mill-aspett ta’ kontabbiltà, għar-riżervi ta’ KWW u mhux għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti.

66

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-rapport tad-9 ta’ Lulju 1996 sabiex tikkunsidra li l-għajnuna għall-kompetittività effettivament intużat biss sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti.

67

Ir-raba’ nett, għandu jiġi enfasizzat li, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu, essenzjalment, li KWW setgħet tuża l-għajnuna għall-kompetittività sabiex tkopri l-ispejjeż oħra barra dawk li jirriżultaw mit-telf marbut mal-kuntratti.

68

Għalhekk jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li saru qabel, minn naħa, li l-għajnuna għall-kompetittività tikkostiwixxi għajnuna għat-tħaddim li l-allokazzjoni tagħha setgħet liberament tiġi ddeterminata minn KWW u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx li l-imsemmija għajnuna kienet ġiet effettivament allokata minn KWW għall-kopertura għall-ispejjeż tagħha marbuta mal-kuntratti.

69

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-għajnuna li kienet ingħatat lil KWW sabiex tkopri biss it-telf marbut mal-kuntratti.

70

L-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistgħux jintlaqgħu.

71

L-ewwel nett, l-argumenti tal-Kummissjoni li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mogħti sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti għax l-imsemmija għajnuna tagħmel parti mill-ammont totali ta’ għajnuna awtorizzata “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni” jew għax din tikkostitwixxi “forma ta’ dħul” li jippermetti li jitnaqqas l-ammont ta’ għajnuna totali għat-tħaddim mogħti lil KWW għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti. Fil-fatt dawn l-argumenti bl-ebda mod ma jinvalidaw il-konstatazzjonijiet spjegati fil-punti 68 u 69 hawn fuq.

72

Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li Kvaerner, fil-kuntest tan-negozjati esklużivi li hija għamlet mat-THA għall-akkwist minn KWW tat-tarzna Warnow Werft, aċċettat li KWW tirċievi DEM 450000000 biss għat-telf marbut mal-kuntratti, u mhux DEM 569600000 kif fil-bidu kien maħsub, sabiex KWW tirċievi wkoll l-għajnuna għall-kompetittività, għandu jiġi miċħud ukoll bħala irrelevanti. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 68 hawn fuq, peress li l-Kummissjoni espressament awtorizzat l-għoti lil KWW ta’ għajnuna għall-kompetittività, l-imsemmija għajnuna ma tistax titiqies li hija għajnuna mogħtija lil KWW sabiex tkopri t-telf biss marbut mal-kuntratti, li għandha titħallas lura fil-każ ta’ ħlas eċċessiv.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv kif ukoll fuq il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

Fuq l-ispejjeż

74

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

75

F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA.

 

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Marzu 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.