|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/2206 |
19.3.2024 |
Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(C/2024/2206)
Preambolu
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) jikkunsidraw li huwa fl-interess komuni tagħhom li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom permezz tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, bl-arranġamenti ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib li jipprevedi, li jieħdu post dawk fil-Protokoll tat-22 ta’ Frar 2012.
Dawn l-arranġamenti huma parti mill-ħolqien ta’ ambjent li jwassal għal involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea u għall-iżvilupp ta’ djalogu strutturat kontinwu bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
Bis-saħħa tar-rwol mogħti lilu mit-Trattati, il-Kumitat għandu responsabbiltà partikolari li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effettività tal-istituzzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kumitat, bħala intermedjarju privileġġat bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13 tat-TUE, għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-implimentazzjoni minn dawn l-istituzzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tat-TUE.
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw fit-twettiq tat-tliet missjonijiet fundamentali tal-Kumitat kif identifikati mill-Istqarrija tal-Missjoni tiegħu:
|
— |
li jgħin biex jiġi żgurat li l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jkunu marbutin aħjar maċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali u ċiviċi fuq il-post billi jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea, u li jagħmel użu mill-esperjenza, ir-rappreżentanza, id-djalogu u l-isforzi tal-membri tal-Kumitat biex jiżguraw kunsens li jaqdi l-interess ġenerali; |
|
— |
li jippromovi l-iżvilupp ta’ Unjoni Ewropea iktar parteċipattiva li tkun iktar f’kuntatt mal-opinjoni pubblika, billi jaġixxi bħala forum istituzzjonali li jirrappreżenta, jinforma, jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata u jiżgura d-djalogu magħha; |
|
— |
li jippromovi l-valuri li fuqhom hija msejsa l-integrazzjoni Ewropea u javvanza l-kawża tad-demokrazija parteċipattiva kif ukoll ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-Ewropa u madwar id-dinja. |
Il-Kummissjoni tappoġġja t-tisħiħ tar-rwol konsultattiv tal-Kumitat (imwettaq mis-sezzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) u l-korpi tal-Kumitat, bħall-osservatorji jew il-gruppi ad hoc), kemm upstream kif ukoll downstream tat-tfassil tal-politika u tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni tappoġġja sħubija mill-qrib mal-Kumitat, bil-għan li tinkiseb Unjoni ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli u li tieħu vantaġġ sħiħ mis-soċjetà u mill-ekonomija diġitali. Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaqblu dwar l-importanza li jiġu protetti l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea u l-istat tad-dritt filwaqt li l-Unjoni Ewropea ssir post attraenti għan-negozju u timmira lejn livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent.
Il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li għandhom applikazzjoni ġenerali, kif previst fl-Artikoli 8 sa 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw fl-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni bil-għan li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħha.
Il-Kummissjoni u l-Kumitat iqisu din il-kooperazzjoni bħala għodda privileġġata għall-organizzazzjoni ta’ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE.
Il-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi tal-Kumitat biex jiffaċilita u jippromovi u jistruttura d-djalogu u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, kif ukoll inizjattivi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili inġenerali. Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-inizjattivi tal-Kumitat biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet man-network tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri, sabiex il-Kumitat ikun jista’ jaqdi rwol sħiħ bħala vettur għall-aspettattivi u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata.
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jistgħu fil-futur jidentifikaw modi kif isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, pereżempju fis-segwitu għall-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
I. Relazzjonijiet istituzzjonali u amministrattivi
Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni
|
1. |
Il-miri strateġiċi tal-President tal-Kumitat għandhom jiressqu quddiem l-Assemblea Plenarja fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni. |
|
2. |
Fl-ewwel semestru ta’ kull sena, il-Kumitat b’mod ġenerali jħabbar il-prijoritajiet politiċi ewlenin tiegħu fir-rigward tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara u kif il-Kumitat beħsiebu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu.
Għandha tiġi organizzata laqgħa mill-inqas darba fis-sena bejn il-President u/jew il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat u l-President tal-Kumitat matul it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, bil-għan ukoll li jiġu eżaminati kwistjonijiet ta’ interess komuni. |
|
3. |
Fit-tieni semestru ta’ kull sena, il-Kumitat jorganizza dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea li matulu l-President tal-Kummissjoni jew il-Viċi President responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat jippreżenta l-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea għas-sena ta’ wara. |
Laqgħat u skambju ta’ informazzjoni
|
4. |
Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sessjonijiet plenarji, sabiex jiddiskutu l-linji gwida strateġiċi fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom u kwalunkwe kwistjoni determinata minn qabel bi ftehim komuni. Il-membri tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jitolbu li jinstemgħu mill-Assemblea Plenarja. Il-membri tal-Kummissjoni jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-uffiċjali għolja, jistgħu jitolbu li jinstemgħu fid-dibattiti tal-Bureau tal-Kumitat dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni.
Il-laqgħat bejn il-presidenti jew ir-rappreżentanti tas-sezzjonijiet u tas-CCMI u l-membri korrispondenti tal-Kummissjoni jew uffiċjali għolja tal-Kummissjoni għandhom jiġu organizzati mill-inqas darba fis-sena biex jiġu eżaminati kwistjonijiet ta’ interess komuni u attivitajiet konġunti. Dawn il-laqgħat jistgħu jkunu laqgħat ad hoc jew isiru fil-qafas ta’ laqgħa jew konferenza tas-sezzjoni/tas-CCMI. |
|
5. |
Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni huma involuti fil-ħidma tal-Kumitat dwar id-dossiers li għalihom huma responsabbli u għandhom jattendu, kemm jista’ jkun, il-laqgħat li għalihom ikunu mistiedna. Huma jippreżentaw proposti tal-Kummissjoni jew kwalunkwe dokument ieħor li għandu jiġi eżaminat u jipprovdu informazzjoni dwar il-progress tad-dossiers.
Huma jikkooperaw mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom mill-Kumitat dwar id-dossiers li huma responsabbli għalihom. |
|
6. |
Il-koordinaturi jew il-persuni responsabbli maħtura minn kull dipartiment tal-Kummissjoni u s-segretarjati tas-sezzjonijiet u tas-CCMI, b’mod partikolari, għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-ippjanar tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ ħidma tas-sezzjonijiet, u jidentifikaw attivitajiet konġunti.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-aġenda tal-laqgħat tagħha li jmiss lill-Presidenza tal-Kumitat. Il-koordinaturi maħtura minn kull dipartiment tal-Kummissjoni għandhom jiltaqgħu mas-segretarjat tal-Kumitat mill-inqas darba fis-sena sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar l-attivitajiet jew l-inizjattivi ewlenin ta’ interess komuni mwettqa jew ippjanati mill-Kummissjoni jew mill-Kumitat. |
Inizjattivi ta’ kooperazzjoni konġunta
|
7. |
Abbażi tal-prijoritajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat, il-Kumitat jista’ jiġi mistieden jieħu sehem, f’konformità mar-regoli applikabbli, fil-forom rilevanti kollha tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jindirizzaw suġġetti li huma fil-kompetenza tal-Kumitat. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni u l-Kumitat jistgħu jiddeċiedu li jimmaniġġjaw b’mod konġunt il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni jew inizjattivi futuri li jindirizzaw kwistjonijiet fil-kompetenza tal-Kumitat.
Fejn meħtieġ, il-Kumitat jista’ jaħdem mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni f’diversi livelli dwar suġġetti speċifiċi. Tali attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jkunu bilaterali, li jikkonsistu fi skambju ta’ għarfien u parteċipazzjoni konġunta f’avvenimenti u inizjattivi ta’ darba. |
II. Funzjoni konsultattiva tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
8. |
Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ programmazzjoni leġiżlattiva adatta u informazzjoni bikrija b’mod partikolari fil-każ ta’ fajls urġenti u sensittivi. Il-Kumitat jagħmel ħiltu biex iżomm f’moħħu l-prijoritajiet u l-iskadenzi tal-Kummissjoni fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu stess. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipprovdi lill-Kumitat informazzjoni dwar l-għażla taż-żmien tal-proposti tagħha fil-qafas tal-iskambji regolari bejn is-sezzjonijiet u s-CCMI u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.
Jekk il-Kummissjoni timmodifika l-proposta b’mod sostanzjali wara l-konsultazzjoni inizjali tal-Kumitat, u fejn it-Trattati jipprevedu konsultazzjoni obbligatorja, hija għandha tiżgura li l-Kumitat jiġi konsultat mill-ġdid. |
Konsultazzjoni fakultattiva u Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja
|
9. |
Abbażi tal-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni u l-eżami tal-prijoritajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jibgħat lil dan tal-aħħar lista ta’ proposti li għalihom hija prevista konsultazzjoni fakultattiva. Din il-lista tinkludi wkoll dokumenti ta’ natura mhux leġiżlattiva li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni biħsiebha titlob l-opinjoni tal-Kumitat.
Il-Kummissjoni tinnota li l-Kumitat jista’ fi kwalunkwe mument joħroġ Opinjoni f’oqsma fejn huwa tal-fehma li għandu l-kompetenza u l-għarfien espert adatti u jista’ jipprovdi valur miżjud. |
|
10. |
B’rispett dovut għat-Trattati, huwa importanti li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kumitat ikunu mmirati fl-għażliet tagħhom sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-kooperazzjoni tagħhom.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq konsultazzjoni fakultattiva fuq il-kriterji li ġejjin b’mod partikolari:
Il-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu biex jissemplifika l-ħidma tiegħu sabiex jiffoka fuq dawk l-Opinjonijiet li x’aktarx jipprovdu valur miżjud reali fit-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni. |
Opinjonijiet esploratorji
|
11. |
Bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-politiki tal-Unjoni u tal-ippjanar tal-ħidma tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Kumitat ifassal Opinjonijiet esploratorji f’kull qasam ta’ importanza partikolari għas-soċjetà ċivili organizzata, f’liema oqsma hija tqis li l-Kumitat għandu l-kompetenza u l-għarfien espert.
Ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-Programm ta’ Ħidma tagħha, il-Kummissjoni u l-Kumitat jiddiskutu l-inizjattivi tal-Kummissjoni bil-għan li jidentifikaw b’mod konġunt ħames suġġetti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ Opinjonijiet esploratorji. Tali talbiet għal Opinjonijiet esploratorji jiġu kkomunikati lill-Kumitat mill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat, akkumpanjati minn indikazzjonijiet preċiżi dwar is-suġġett u l-iskadenza, jekk ikun hemm, għall-ħruġ tal-Opinjoni. Il-Kumitat jadotta l-Opinjoni esploratorja tiegħu sal-iskadenza u, fi kwalunkwe każ, fil-ħin qabel l-adozzjoni ta’ proposta kif ippjanat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-Kumitat jagħmlu ħilithom biex jinkorporaw dawn it-talbiet għal Opinjonijiet esploratorji f’approċċ integrat, li jippermetti li l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-soċjetà ċivili jitqiesu bl-aktar mod wiesa’ possibbli. |
Trażmissjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni u l-istruttura tal-Opinjonijiet tal-Kumitat
|
12. |
Il-Kummissjoni tibgħat id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kumitat sabiex jaqdi l-funzjoni konsultattiva tiegħu fl-istess waqt mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. |
|
13. |
Sabiex l-Opinjonijiet tiegħu jkunu aktar faċli biex jiġu segwiti, il-Kumitat jagħmel ħiltu biex b’mod partikolari:
|
Segwitu tal-Opinjonijiet
|
14. |
Il-Kummissjoni tipprovdi segwitu kif imiss għall-Opinjonijiet imħejjija mill-Kumitat fit-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni, inklużi l-Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni sistematikament tagħti raġunijiet għas-segwitu jew le tal-proposti għal tibdil u s-suġġerimenti sostantivi fl-Opinjonijiet tal-Kumitat.
Għall-Opinjonijiet esploratorji, il-Kummissjoni tipprovdi segwitu politiku, inkluża, fejn possibbli, informazzjoni mill-membru kompetenti tal-Kummissjoni matul is-sessjoni plenarja wara dik li fiha tiġi adottata l-Opinjoni inkwistjoni. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni tirreferi għall-Opinjoni esploratorja tal-Kumitat fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta leġiżlattiva tagħha. Il-proposti għal bidliet f’dokumenti leġiżlattivi, meta jiġu aċċettati mill-Kummissjoni, għandhom jiġu inkorporati minn din tal-aħħar kemm jista’ jkun possibbli fil-proposti emendati tagħha, jekk ikun hemm. |
Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar
|
15. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw sabiex jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tfassil aħjar tal-liġijiet u għall-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-Kumitat jikkontribwixxi billi jressaq il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ibbażat fuq l-evidenza.
Il-Kumitat jikkontribwixxi għall-evalwazzjonijiet ex post tal-Kummissjoni fuq talba tal-Kummissjoni. Abbażi tal-evalwazzjonijiet ippjanati għas-sentejn li ġejjin, il-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat jagħżel il-fajls li għalihom jixtieq jikkontribwixxi fil-forma ta’ opinjonijiet jew rapporti ta’ evalwazzjoni kif definit mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat. Il-Kumitat jista’ jkun involut ukoll fil-ħidma preparatorja matul l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet. F’dan il-qafas, il-Kumitat jista’ jappoġġja lill-Kummissjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni tagħha f’oqsma ta’ rilevanza partikolari għas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-Kumitat jista’ jikkondividi mal-kostitwenzi tiegħu l-konsultazzjonijiet pubbliċi li huma l-aktar rilevanti għalihom sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni. Il-Kumitat u l-Kummissjoni jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tal-programm REFIT, li huwa parti mill-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u mill-Pjattaforma Fit For Future. Il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw dwar il-prospettiva strateġika fil-livell amministrattiv fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS). Il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi wkoll għal ċerti attivitajiet ta’ prospettiva tal-Kummissjoni billi jipprovdi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-għarfien espert tal-membri u n-networks tiegħu. Il-Kummissjoni tappoġġja lill-Kumitat fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ prospettiva tiegħu billi tikkondividi l-informazzjoni u l-esperjenza, eż. dwar il-proċessi jew l-għodod eżistenti. |
III. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-soċjetà ċivili organizzata
Organizzazzjonijiet u networks tas-soċjetà ċivili
|
16. |
Il-Kumitat għandu responsabbiltà partikolari li jagħti ħajja lid-demokrazija parteċipattiva u t-TUE jagħti lill-Kumitat ambitu addizzjonali biex jaqdi r-rwol tiegħu ta’ intermedjarju privileġġat fid-djalogu bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Fid-dawl tal-Artikolu 11 tat-TUE, il-Kummissjoni u l-Kumitat jikkooperaw sabiex isaħħu aktar il-parteċipazzjoni u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, u biex irawmu involviment akbar ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċessi tat-tfassil tal-politika u t-tħejjija tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Kumitat jippromovu flimkien djalogu strutturat bejn l-organizzazzjonijiet u n-networks Ewropej tas-soċjetà ċivili, u bejnhom u l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt maħluq mill-Kumitat. Fir-rigward tal-politika ta’ konsultazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fejn ikun rilevanti, fuq l-appoġġ tal-Kumitat, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħha mas-soċjetà ċivili organizzata, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni billi jorganizza seduti, seminars u konferenzi konġunti mal-atturi kkonċernati dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika ta’ interess komuni u fejn għandu l-kompetenza u l-għarfien espert adatti, u b’mod partikolari l-avveniment annwali tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili, li matulu l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, għandha tkun rappreżentata minn membru tal-Kummissjoni. |
|
17. |
Il-Kumitat, bħala parti mill-funzjoni konsultattiva tiegħu, jorganizza, fil-forma ta’ seduti, seminars jew konferenzi, konsultazzjoni strutturata mas-soċjetà ċivili organizzata bil-għan li jinġabru kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati.
Il-Kummissjoni hija lesta li tikkoopera fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet bl-aktar mod adatt u bil-mezzi disponibbli, inkluż permezz ta’ appoġġ loġistiku u/jew finanzjarju. |
|
18. |
Il-Kummissjoni tilqa’ l-assistenza tal-Kumitat fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat jikkunsidra li jadotta Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar Inizjattivi validi taċ-Ċittadini Ewropej abbażi ta’ każ b’każ qabel ma l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar inizjattivi bħal dawn u meta s-suġġett tal-inizjattiva jkun fil-kompetenza tal-Kumitat.
Il-Kumitat huwa lest li jkompli jikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni tal-Jum annwali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala post għad-djalogu, l-iskambju tal-aħjar prattiki u n-networking, li matulu l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, tkun rappreżentata minn membru tal-Kummissjoni. |
Is-Semestru Ewropew
|
19. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat ikomplu jżidu s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom fl-oqsma ta’ politika li jikkonċernaw l-aktar lis-soċjetà ċivili organizzata, b’mod partikolari s-Semestru Ewropew, inklużi l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, l-approfondiment tas-suq intern, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-immigrazzjoni, il-provvista tal-enerġija, il-politiki dwar l-impjieg u l-ħiliet. Il-Kumitat jipprovdi l-kontribut tiegħu lill-Kummissjoni biex jappoġġja l-formulazzjoni tal-analiżi u r-rakkomandazzjoni ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew. Il-Kumitat isegwi l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew u, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat dwar l-istadji importanti ewlenin tal-eżerċizzju tas-Semestru dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet.
Kull sena, il-Kumitat jippreżenta rapport li jivvaluta, bil-kooperazzjoni mill-qrib tan-network tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili, l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dak ir-rapport jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja qabel is-Summit Ewropew tar-Rebbiegħa. Il-Kumitat jistieden lill-membru responsabbli tal-Kummissjoni biex jipparteċipa fid-dibattitu u jippreżenta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli. |
Network ta’ Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali
|
20. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jagħmlu ħilithom biex irawmu s-sjieda tal-politiki tal-Unjoni miċ-ċittadini. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tilqa’ l-intenzjoni tal-Kumitat li jkompli bl-isforzi tiegħu biex jinvolvi n-network tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili. |
Id-dimensjoni esterna u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili barra mill-Unjoni
|
21. |
Il-Kumitat għandu l-għan li jappoġġja d-dimensjoni esterna tal-azzjoni tal-Unjoni billi jmexxi djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni li magħhom l-Unjoni għandha relazzjonijiet strutturati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi tiegħu biex issaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata barra mill-Unjoni u biex jippromovi kultura ta’ djalogu u konsultazzjoni u strutturi assoċjati ma’ proċess bħal dan.
Il-Kumitat u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jippromovu l-istabbiliment, u biex jiżguraw il-ġestjoni u l-operat, ta’ mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili inkarigati mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Il-Kumitat jikkoordina, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, laqgħat konġunti tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-UE u ta’ pajjiżi terzi relatati mal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali. |
IV. Nikkomunikaw l-Ewropa fi sħubija
|
22. |
It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat fil-qasam tal-komunikazzjoni biex l-Unjoni Ewropea titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha u lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa ta’ importanza ewlenija kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Kumitat. Il-komunikazzjoni dwar l-Ewropa maċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha. Informazzjoni u komunikazzjoni effettivi mill-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu primarjament bħala kompitu ta’ servizz pubbliku, sabiex iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fid-dibattitu Ewropew u fil-proċess demokratiku tat-tfassil tad-deċiżjonijiet u tal-politiki tal-Unjoni. |
|
23. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaqblu mal-fehma li huwa fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u li jikkooperaw mill-qrib għal dan l-għan.
Peress li l-komunikazzjoni tal-UE hija responsabbiltà kondiviża bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, il-Kummissjoni u l-Kumitat se jsegwu l-iskambji regolari tagħhom bejniethom u mal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż fil-livell tal-maniġment superjuri biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni. |
|
24. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaqblu dwar il-ħtieġa li l-komunikazzjoni tiġi integrata fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, minħabba l-kompożizzjoni tiegħu u r-rwol assenjat lilu mit-Trattati, il-Kumitat għandu rwol ewlieni x’jaqdi fil-ħolqien ta’ spazju pubbliku Ewropew ġenwin ta’ djalogu u diskussjoni dwar dawk il-kwistjonijiet li l-aktar iħassbu liċ-ċittadini u li se jiddeterminaw il-futur tal-proġett Ewropew. Il-membri tal-Kumitat jaġixxu bħala ambaxxaturi tal-Kumitat u jikkomunikaw ir-rwol u r-riżultati tanġibbli tal-Kumitat fil-livell nazzjonali u tal-UE. Kooperazzjoni interistituzzjonali aktar mill-qrib se tippermetti lill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu minn dan l-għarfien espert tal-Kumitat. |
|
25. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaħdmu flimkien fuq il-kopertura tal-media tal-avvenimenti konġunti tagħhom bl-użu tal-pjattaformi u tal-għodod ta’ komunikazzjoni disponibbli. Fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni pubbliċi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Kumitat jenfasizzaw ir-rwoli rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Kumitat jeżaminaw opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-monitoraġġ tal-media, inkluża l-possibbiltà li l-Kumitat jingħata aċċess għal ċerti servizzi tal-kamra tal-istampa tal-Kummissjoni. |
|
26. |
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaġġornaw u jiskambjaw il-listi tagħhom ta’ persuni ta’ kuntatt uffiċjali fil-livell tal-kwartieri ġenerali u fl-Istati Membri, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.
Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u punt ta’ kuntatt tal-Kumitat għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-pjani ta’ komunikazzjoni tagħhom u jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jipparteċipaw, fejn meħtieġ, fl-avvenimenti li jorganizzaw. Il-faċilitajiet tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, bi ftehim, ikunu disponibbli għall-inizjattivi tal-Kumitat fejn dan ikun adatt u loġistikament possibbli. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li ssir konsultazzjoni mal-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn meħtieġ. Kooperazzjoni msaħħa mar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni tista’ tinkludi appoġġ għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti lokali tal-Kumitat, pereżempju billi l-ġurnalisti jiġu mistiedna għal avvenimenti tal-Kumitat għall-istampa, possibbilment fil-bini tar-Rappreżentanzi, l-iskambju ta’ informazzjoni u potenzjalment kuntatti mal-miedia, jekk ir-riżorsi jippermettu u f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Il-laqgħat tal-Kapijiet tar-Rappreżentanza jistgħu jiġu ospitati mill-Kumitat, jew personalment, f’forma ibrida jew online, kull meta jkun hemm qbil komuni dwar il-ħtiġijiet u l-objettivi konkreti ta’ avvenimenti bħal dawn. |
|
27. |
Il-Kumitat, flimkien mal-membri tiegħu, l-organizzazzjonijiet imsieħba u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili, jikkostitwixxi network ewlieni ta’ informazzjoni u komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tipparteċipa, kull meta jkun possibbli, f’laqgħat organizzati mill-Kumitat mal-membri tiegħu, mal-organizzazzjonijiet ospitanti tal-membri, mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u ma’ istituzzjonijiet simili. |
V. Implimentazzjoni tal-Protokoll
|
28. |
L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tiġi mmonitorjata fuq bażi annwali mill-President tal-Kumitat u mill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat. Din tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni magħmula mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u l-Kumitat taħt is-superviżjoni tas-Segretarji Ġenerali tal-Kummissjoni u tal-Kumitat. |
Magħmul fi Brussell, fis-27 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni Ewropea
Maroš ŠEFČOVIČ
Viċi President
Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Christa SCHWENG
President
ANNESS
Dikjarazzjoni politika li takkumpanja l-Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Aħna, hawn taħt iffirmati, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, f’isem il-Kummissjoni, u l-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”), illum iffirmajna l-Protokoll imġedded dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Matul l-għaxar snin minn mindu ġie ffirmat fl-2012, il-Protokoll saħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat u saħħaħ il-kooperazzjoni tagħna. Dan il-Protokoll jirrifletti r-rieda tagħna li nġeddu, nikkonsolidaw u napprofondixxu aktar is-sħubija u l-kooperazzjoni tagħna.
Il-Kummissjoni, li hija stess iżżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili, tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala korp konsultattiv, li huwa Dar is-Soċjetà Ċivili Ewropea. Bħala tali, il-Kumitat huwa strumentali biex tiġi żgurata u żviluppata aktar id-demokrazija parteċipattiva. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tappoġġja l-inizjattivi tal-Kumitat biex tiffaċilita u tippromovi d-djalogu u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, kif ukoll inizjattivi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili inġenerali.
Għal dan l-għan, dan il-Protokoll imġedded dwar il-kooperazzjoni jintegra b’mod ċar l-isfidi ewlenin tal-aġenda politika Ewropea attwali u jipprovdi l-għodod u l-proċessi meħtieġa biex jindirizzahom. Il-Kummissjoni u l-Kumitat għandhom l-għan li jibbenefikaw mit-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika, jindirizzaw l-iżviluppi ġeopolitiċi b’mod li jħares ’il quddiem, ikomplu jinkorporaw il-prospettiva fit-tfassil tal-politika tal-UE, u jsaħħu l-governanza ekonomika tal-Ewropa.
Permezz tal-Protokoll, il-Kummissjoni u l-Kumitat jirrikonoxxu l-importanza ta’ sħubija mill-qrib u speċjali bejniethom bil-għan li tinkiseb Unjoni Ewropea li tkun ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mis-soċjetà u l-ekonomija diġitali.
Il-Kummissjoni u l-Kumitat jaffermaw mill-ġdid l-impenn sħiħ tagħhom fil-konfront tal-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-istat tad-dritt. Huma jqisu wkoll essenzjali li l-Unjoni Ewropea tibqa’ kompetittiva u toffri post attraenti għan-negozju, filwaqt li timmira lejn livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali.
Dan il-Protokoll imġedded dwar il-kooperazzjoni se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni politika u leġiżlattiva tagħhom.
Magħmul fi Brussell, fis-27 ta’ Ottubru 2022.
Viċi President
tal-Kummissjoni Ewropea
Maroš ŠEFČOVIČ
President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Christa SCHWENG
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2206/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)