IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.11.2019
COM(2019) 587 final
2019/0260(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (“il-Ftehim”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha
Il-Ftehim jirrappreżenta ftehim komprensiv li jieħu post id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali eżistenti li ġew konklużi bejn l-Istati Membri u l-Kanada. Il-Ftehim jelimina r-restrizzjonijiet kollha eżistenti fuq id-drittijiet kemm tal-kumpaniji tat-trasport tal-ajru tal-Unjoni kif ukoll fuq id-drittijiet tal-kumpaniji tat-trasport tal-ajru Kanadiżi biex joperaw bejn punti fl-Unjoni Ewropea u punti fil-Kanada. F’dan ir-rigward, il-Ftehim jelimina l-ostakli għall-kapaċità tal-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni li jibbenefikaw mid-dritt tal-istabbiliment fl-Unjoni, inkluż id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, b’rabta mal-forniment ta’ servizzi tal-ajru lejn u mill-Kanada.
Il-ftehim daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Mejju 2019.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt ġie mwaqqaf bl-Artikolu 17 tal-Ftehim. Il-kompiti ewlenin tiegħu huma li jrawwem il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet u li jqis kull kwistjoni relatata mat-tħaddim jew mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż, iżda mhux limitat għal dawn li ġejjin: (a) it-twettiq ta’ eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw is-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim; (b) l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar bidliet fil-liġi nazzjonali u l-politiki domestiċi, li jaffettwaw il-Ftehim; (c) il-kunsiderazzjoni ta’ oqsma potenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ftehim, inkluż ir-rakkomandazzjoni ta’ emendi għall-Ftehim; (d) ir-rakkomandazzjoni tal-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-emendi meħtieġa biex l-Istati Membri l-ġodda jsiru Partijiet għal dan il-Ftehim; u (e) id-diskussjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-investiment, is-sjieda u l-kontroll, u l-ikkonfermar meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-ftuħ, b’mod progressiv, tad-drittijiet tat-traffiku kif stabbilit fl-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu wkoll jiżviluppa l-kooperazzjoni u jrawwem skambji fil-livell tal-esperti b’rabta ma’ inizjattivi leġiżlattivi jew regolatorji ġodda.
Meta jiġi previst b’mod espliċitu li jsir hekk mill-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet, filwaqt li d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’kunsens. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, b’deċiżjoni, ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
Waqt l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt (“l-att previst”).
Il-fini tal-att previst hi li, f’konformità mal-Artikolu 17(8) tal-Ftehim, jadotta r-Regoli ta’ proċedura li jirfdu l-organizzazzjoni tal-Kumitat Konġunt sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni tkun immirata lejn l-adozzjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt Kanada – UE. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali, peress li jimponi obbligi fuq il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Fid-dawl ta’ dan, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw it-trasport bl-ajru.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Minħabba li l-att tal-Kumitat Konġunt se jistabbilixxi r-Regoli ta’ proċedura tiegħu, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.
2019/0260 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/702 u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Mejju 2019.
(2)L-Artikolu 17 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-implimentazzjoni u l-funzjonament korretti tal-Ftehim.
(3)L-Artikolu 17(8) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt irid jadotta r-Regoli ta’ proċedura tiegħu.
(4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li r-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun.
(5)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President