European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/498

27.1.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/498)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Štajersko prekmursko bučno olje”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-SI-0418-AM01 — 29.10.2025

1.   Isem il-prodott

“Štajersko prekmursko bučno olje”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Is-Slovenja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Titolu

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Forestrija u l-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi jitqiesu bħala emendi standard peress li ma jinkludux bidla fl-isem tal-indikazzjoni ġeografika jew fl-użu ta’ dak l-isem, ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika, u ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Deskrizzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, fit-taqsima 1.2. Preżentazzjoni fil-qosor tal-prodott, il-punt 1.2.1 Preżentazzjoni tal-prodott, it-Tabella 1: Il-kompożizzjoni fiżikokimika tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” hija sostitwita b’tabella ġdida.

Tabella Ġdida 1: Kompożizzjoni fiżikokimika tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje”

Kontenut ta’ aċidu grass ħieles (bħala aċidu olejku) (%)

mass. 3,0

Ilma u sustanzi volatili oħrajn (%)

mass. 0,4

numru tal-jodju (gI/100 g)

99–125

materjal insaponifikabbli (%)

sa 1,2

Valur tal-perossidu (mmolO2/kg

mass. 10,0

numru tas-saponifikazzjoni (mg KOH/g żejt)

185–197

densità (20 °C/20 °C)

0,916–0,923

indiċi refrattiv (20 °C)

1,465–1,475

Kompożizzjoni tal-aċidi grassi (%):

C14:0

ND–0,2

C16:0

6 – 16

C16:1

ND-0,3

C18:0

3 –16

C18:1

16 – 49

C18:2

32 – 58

C18:3

ND-1,0

C20:0

ND-1,0

C20:1

ND-0,5

C22:0

ND-0,3

L-iskop ta’ din l-emenda huwa li ċerti parametri fiżikokimiċi tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” jiġu allinjati mal-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tikkettar tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje”

Deskrizzjoni

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tirrigwarda l-emenda tal-Kapitolu 1.3 “Tikkettar tal-i‘Štajersko prekmursko bučno olje’” fis-sens li tħassar l-obbligu li titwaħħal it-tikketta bil-logo bil-kulur tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” fuq l-i“Štajersko prekmursko bučno olje”.

Ir-raġuni għat-tħassir huwa li l-logo bil-kulur tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa t-trade mark kollettiv ta’ Golica GIZ (l-applikant għar-reġistrazzjoni u l-emenda) u jintuża mill-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Peress li min jipproduċi l-i“Štajersko prekmursko bučno olje” ma huwiex obbligat jissieħeb f’Golica GIZ, ma huwiex xieraq li dawk li ma humiex membri jintalbu jużaw il-logo bil-kulur tal-assoċjazzjoni.

Fl-istess taqsima, il-kliem “filwaqt li huwa fakultattiv li tintwera t-tikketta nazzjonali tal-kwalità” tħassar ukoll.

Ir-raġuni għat-tħassir hija li l-użu tat-tikketta nazzjonali tal-kwalità diġà huwa rregolat bil-liġi nazzjonali u huwa fakultattiv.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Štajersko prekmursko bučno olje”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-SI-0418-AM01 — 29.10.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Štajersko prekmursko bučno olje”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Is-Slovenja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

15 – XAĦMIJIET U ŻJUT TAL-ANNIMALI, VEĠETALI JEW MIKROBIĊI U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TAL-ANNIMALI JEW VEĠETALI

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

L-i“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa żejt veġetali li jittiekel u mhux raffinat, li jsir billi ż-żrieragħ ta’ qara’ aħmar tal-ogħla kwalità, li jinkisbu mill-qara’ aħmar taż-żejt, jiġu inkaljati u ppressati. L-i“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa ta’ lewn aħdar skur fl-aħmar u għandu riħa u togħma aromatika u tipika. Għandu kompożizzjoni tajba ta’ aċidi grassi: fih madwar 20 % ta’ aċidi grassi saturati, madwar 35 % ta’ aċidi grassi monoinsaturati u madwar 45 % ta’ aċidi grassi poliinsaturati. L-i“Štajersko Prekmursko bučno olje” huwa wkoll sors rikk ta’ tokoferoli, billi fih madwar 50 mg ta’ vitamina E għal kull 100 g ta’ żejt. Iż-żejt fih ukoll vitamini, mikroelementi, karotenodji, amminoaċidi rari u kulur naturali (klorofilla).

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Il-varjetajiet ta’ żrieragħ tal-qara’ aħmar għall-produzzjoni tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” ma humiex stabbiliti. Jintużaw iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar (Cucurbita pepo). Iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar iridu jkunu b’saħħithom, misjurin, ħodor skuri u ħielsa minn kull togħma jew riħa barranija li tkun tindika tibdil dannuż. Il-parametri fiżikokimiċi li ġejjin jintużaw biex jiġu ċċekkjati ż-żrieragħ tal-qara’ aħmar li jintużaw għall-i“Štajersko prekmursko bučno olje”:

—

il-preżenza ta’ impuritajiet, li ma tistax taqbeż il-1 %,

—

il-kontenut ta’ ndewwa, li ma jistax jaqbeż id-9 %,

—

il-kontenut minimu ta’ żejt: 40 %

—

il-proporzjon massimu ta’ żrieragħ imħassra (qodma, imkissra): 15 %.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji kollha tal-ipproċessar taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar — il-wasla, il-ħżin, it-tindif, it-tnixxif, it-tħin, l-irrumblar, l-inkaljar, l-ippressar, is-sedimentazzjoni u l-kontroll tal-kwalità (l-analiżi fiżikokimika u l-analiżi organolettika) — iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-i“Štajersko prekmursko bučno olje” irid ikun traċċabbli. Kull produttur għandu d-dritt li juża l-imballaġġ u t-tikketta tiegħu stess. Madankollu, l-isem protett “Štajersko prekmursko bučno olje” irid jidher fuq it-tikketta jew xi mkien ieħor fuq l-imballaġġ, flimkien mal-pajjiż tal-oriġini (is-Slovenja), miktub b’ittri tal-istess daqs u fl-istess kamp viżiv bħall-isem protett, u s-simbolu tal-Unjoni.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Ir-reġjun fejn isir l-i“Štajersko prekmursko bučno olje” miż-żrieraġħ tal-qara’ aħmar huwa delimitat b’linja li tgħaddi minn Dravograd għal Slovenj Gradec, Mislinja u Velenje (fejn it-triq prinċipali tifforma l-konfini), Šoštanj, Mozirje, Nazarje, Vransko, Prebold, Zabukovica u Laško. Minn hemm, il-konfini jibqgħu sejrin tul ix-xmajjar Savinja u Sava, jaqbżu Radeče, Sevnica, Krško u Brežice sa Obrežje, u mbagħad jgħaddu tul il-fruntiera nazzjonali mal-Kroazja sal-fruntiera nazzjonali mal-Ungerija, u tul il-fruntiera nazzjonali mal-Ungerija sal-fruntiera nazzjonali mal-Awstrija, u mbagħad tul il-fruntiera nazzjonali tal-Awstrija (tul il-medda ta’ Karavanke) lura għal Dravograd.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq

☑

reputazzjoni

☐

kwalità nominali

☐

karatteristiċi oħrajn tal-prodott

Sommarju tar-rabta

L-i“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa speċjalità kulinarja taż-żona ġeografika stabbilita fil-punt 4. Il-produzzjoni taż-żejt taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar fi Štajerska u f’Prekmurje hija tradizzjoni, kif jixhdu kitbiet dwar l-ewwel pressa taż-żejt taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar fi Fram sa mill-1750. Il-produzzjoni fuq skala kbira taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar fir-reġjun wasslet għall-istabbiliment ta’ diversi fabbriki tal-ipproċessar taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar f’żejt permezz ta’ metodi artiġjanali (Slovenska Bistrica, Središče ob Dravi, Selo pri Pragerskem, eċċ.). Fl-1904, Albert Stigar stabbilixxa fabbrika fi Slovenska Bistrica għall-ipproċessar taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar f’żejt taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar b’metodi artiġjanali. Fi Prekmurje ma hemmx impjanti tal-ipproċessar kbar; hemm biss impjanti żgħar li jappartjenu għall-bdiewa. Bidwi minn dawn huwa Feri Vučak f’Vadarci f’Goričko. Il-mitħna/L-impjant tal-ipproċessar tiegħu għadu jaħdem wara 130 sena u issa qed jitħaddem mir-raba’ ġenerazzjoni tal-familja tiegħu. Ir-reputazzjoni tal-i“Štajersko prekmursko bučno olje” qed tinfirex lil hinn mis-Slovenja f’pajjiżi Ewropej oħra, fl-Istati Uniti tal-Amerka, fl-Awstralja, fir-Russja eċċ., kif jixhed, fost l-oħrajn, il-premju li rebaħ fl-2007 għall-aktar prodott innovattiv fil-kompetizzjoni IFE07 (International food & drink event) f’Londra.

Referenza elettronika (url) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.gov.si/assets/ministrstva/MKGP/PODROCJA/HRANA/SHEME-KAKOVOSTI/SPECIFIKACIJE-EVROPSKA-KOMISIJA/SPBO_POTRJ_SPEC_september_25.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/498/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)