|
30.8.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 307/195 |
P8_TA(2017)0209
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems) (COM(2017)0157 – C8-0131/2017 – 2017/2058(BUD))
(2018/C 307/36)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0157 – C8-0131/2017), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0196/2017), |
|
A. |
billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassisti fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; |
|
B. |
billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-“FEG”); |
|
C. |
billi l-Unjoni tippromwovi l-globalizzazzjoni; billi l-Unjoni tieħu ħsieb lill-individwi li, mumentanjament, ikunu soġġetti għal bidliet fis-suq globali; billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jintroduċu mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex jistabbilixxu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex jestendu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu lill-persuni li jaħdmu għal rashom u liż-żgħażagħ, u biex jiffinanzjaw inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji; |
|
D. |
billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li ngħataw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) f'Nokia Oy (Nokia Network Systems) u fi tliet fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni, li fil-biċċa l-kbira joperaw fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (Uusimaa) (FI1B), Länsi-Suomi (Pirkanmaa) (FI19) u Pohjois- ja Itä-Suomi (Pohjois-Pohjanmaa) (FI1D) u billi, mid-945 ħaddiema mogħtija s-sensja li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG, 821 huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri; |
|
E. |
billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li minn tal-anqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni; |
|
1. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għalhekk, il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 641 800 skont dak ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 403 000; |
|
2. |
Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Novembru 2016 u li, wara li l-Finlandja prontament ipprovdiet informazzjoni addizzjonali, il-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2017 u ġiet innotifikata lill-Parlament dakinhar stess; |
|
3. |
Ifakkar li s-settur “Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi” diġà kien is-suġġett ta' 15-il applikazzjoni għal intervent mill-FEG, li tlieta minnhom ġew ippreżentati mill-Finlandja (4), ilkoll abbażi tal-kriterji ta' globalizzazzjoni; jinnota li erbgħa minn dawn il-15-il applikazzjoni kienu jikkonċernaw kumpaniji Nokia; jinnota li r-rapporti finali għall-każ tal-2012 juru li 44 % mill-parteċipanti f'attivitajiet taħt il-FEG kienu f'impjieg sa sentejn wara d-data tal-applikazzjoni tal-Finlandja għal intervent mill-FEG u l-każ tal-2013 juri li 65 % kienu f'impjieg; jistenna li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni, li hija mistennija sat-30 ta' Ġunju 2017 (5), tinkludi informazzjoni dettaljata dwar ir-rata ta' riintegrazzjoni fuq żmien twil għal min jirċievi l-assistenza mill-FEG, skont l-appell li diġà għamel fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016 (6); |
|
4. |
Ifakkar li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni jiżvolġu rwol strutturalment kruċjali fl-ekonomija Finlandiża; jikkunsidra li s-sensji l-aktar riċenti li ngħataw f'Nokia Oy jirriflettu tendenza li qed tolqot lill-industrija teknoloġika Finlandiża kollha kemm hi, fejn in-numri tal-impjegati f'dawn l-aħħar sentejn huma estremament instabbli b'riżultat tal-pressjoni għolja biex tiżdied l-effiċjenza u tinżamm il-kompetittività tal-prodotti; |
|
5. |
Ifakkar li l-industrija tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni hija sensittiva ħafna għall-bidliet fis-suq globali; jinnota li l-kompetizzjoni fi ħdan is-settur hija waħda globali, u dan ifisser li l-parteċipanti kollha fis-suq jistgħu jikkompetu għall-istess klijenti u li l-post fejn ikun jinsab il-persunal u l-kuntest kulturali tiegħu għandhom sinifikat limitat; |
|
6. |
Jinnota li s-sensji li ngħataw f'Nokia Oy huma parti mill-programm ta' trasformazzjoni dinjija tal-kumpanija li huwa meħtieġ sabiex din tkun tista' tikkompeti mar-rivali tagħha fl-Asja tal-Lvant; |
|
7. |
Jindika li, b'segwitu għall-istabbiliment ta' impriża konġunta ma' Siemens fil-qasam tat-teknoloġiji tan-netwerks, Nokia Oy ħadet għadd ta' miżuri, inklużi trasferiment tar-riżorsi tagħha lejn it-teknoloġiji tal-ġejjieni u riduzzjoni tal-persunal, immirati biex tnaqqas l-ispejjeż operattivi annwali tagħha b'EUR 900 miljun sa tmiem l-2018; |
|
8. |
Jinnota li l-persuni li sfaw tilfu xogħolhom minn Nokia Oy fl-2016 huma kollha persuni gradwati mill-Università (40 %) jew għandhom livell sekondarju (60 %) u kienu jaħdmu fis-settur tal-ipprogrammar u d-disinn, u li f'ħafna każijiet il-ħiliet professjonali tagħhom spiċċaw skaduti; jinnota li 21 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom aktar minn 54 sena, li hija età meta jkun notevolment diffiċli li jinstab impjieg ġdid fuq is-suq tax-xogħol; jinnota barra minn hekk li r-rati tal-qgħad ilhom ogħla mill-medja nazzjonali fi tnejn mit-tliet reġjuni kkonċernati, u li l-qgħad fost dawk b'livell għoli ta' edukazzjoni qiegħed kumplessivament fi grad għoli f'dawn ir-reġjuni, fejn is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għall-impjegati ta' aktar minn 50 sena; |
|
9. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-Finlandja fasslet il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li l-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi laqqa' lil Grupp ta' Ħidma li jinkludi lir-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u lis-sħab soċjali, nazzjonali u reġjonali; |
|
10. |
Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' tirwim u miżuri preparatorji oħra, (ii) servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi, (iii) taħriġ, (iv) għotjiet għal negozji ġodda, (v) valutazzjonijiet minn esperti, (vi) sussidji fuq il-pagi, u (vii) allowances għall-ispejjeż ta' vjaġġar, ta' soġġorn u ta' ġarr; jinnota li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jinnota li dawn il-miżuri se jgħinu biex dawk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jsibu impjieg ġdid; |
|
11. |
Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu anqas minn 13,34 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ; |
|
12. |
Jilqa' l-fatt li s-servizz tan-netwerk EURES qed jintuża biex ir-reklami għal impjiegi barranin jiġu mgħoddija lill-Finlandiżi li qed ifittxu xogħol; jinnota li se jiġu organizzati avvenimenti ta' reklutaġġ internazzjonali fuq livell reġjonali b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-FEG u tal-EURES; jilqa' dawn il-miżuri u l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qed jinkoraġġixxu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jisfruttaw kompletament id-dritt tagħhom ta' moviment liberu; |
|
13. |
Jilqa' l-varjetà ta' taħriġ u servizzi konsultattivi li se tiġi pprovduta, flimkien mal-appoġġ għal min ikun qed ifittex xogħol barra mill-Finlandja u għan-negozji ġodda; jikkunsidra li dawn il-miżuri huma partikolarment adegwati minħabba l-profil tal-etajiet u l-ħiliet tal-ħaddiema kkonċernati; |
|
14. |
Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati fit-2 ta' Ġunju 2016, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost; |
|
15. |
Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u li jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli; |
|
16. |
Jilqa' l-fatt li ġie allokat l-ammont ta' EUR 59 000 għall-informazzjoni u r-reklamar, u jisħaq fuq l-importanza tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji eliġibbli jipparteċipaw fil-miżuri bl-appoġġ tal-FEG; |
|
17. |
Jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar; jinnota li rapportar sistematiku rigward is-servizzi li jkollhom l-appoġġ mill-FEG se jqawwi l-użu korrett tal-fondi; jilqa' l-fatt li ġie allokat ammont ta' EUR 20 000 għall-kontroll u r-rapportar |
|
18. |
Jinnota li Nokia Network Systems hija konformi mal-obbligi legali tagħha u kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti; |
|
19. |
Jisħaq li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; |
|
20. |
Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu; |
|
21. |
Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jinnota li l-Finlandja kkonfermat li huwa minnu li l-kontribuzzjoni mill-FEG mhijiex se tissostitwixxihom; |
|
22. |
Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfittxu sinerġiji mal-azzjonijiet l-oħra ffinanzjati permezz ta' fondi nazzjonali jew tal-UE, u jutilizzaw programmi oħra tal-UE apparti l-miżuri fl-ambitu tal-FEG; |
|
23. |
Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG; |
|
24. |
Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni; |
|
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
26. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) FEG/2007/004 FI/Perlos, FEG/2012/006 FI/Nokia Salo, FEG/2013/001 FI/Nokia.
(5) L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014 (Testi adottati, P8_TA(2016)0361).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE)2017/951.)