Brussell, 28.11.2019

COM(2019) 608 final

ANNESS

ta'

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li taġġorna d-direttivi ta' negozjar għan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) ma’ pajjiżi u reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).



ANNESS

Direttivi għan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (“FSE”) ma’ pajjiżi u reġjuni Afrikani tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)

1.Preambolu

Minbarra r-referenza ġenerali għall-Ftehim ta’ Cotonou u l-Ftehim suċċessur tiegħu, se ssir referenza speċjali, fost l-oħrajn, għal dan li ġej:

·L-impenn tal-partijiet li jippromwovu u jħaffu l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali tal-Istati tal-AKP, bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-paċi, għall-prosperità u għas-sigurtà u jkun promoss ambjent politiku stabbli u demokratiku;

·L-impenn tal-partijiet għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. li jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tas-Sħubija bejn l-AKP-UE u l-governanza tajba, li tikkostitwixxi element fundamentali tas-Sħubija AKP-UE.

·L-impenn tal-partijiet fuq sett ta’ prinċipji u regoli maqbula internazzjonalment li għandhom l-għan li jrawmu relazzjoni ta’ appoġġ reċiproku bejn il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-appoġġ tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, u l-Ftehim ta’ Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima;

·L-impenn tal-partijiet li jiffukaw is-sħubija tagħhom fuq l-għan li jnaqqsu u eventwalment jeqirdu l-faqar, konsistenti mal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija; li tinbena, għalhekk, il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn l-AKP u l-UE dwar l-inizjattivi ta’ integrazzjoni reġjonali li jeżistu fil-pajjiżi tal-AKP;

·L-għan tal-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali AKP-UE biex titrawwem l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-Istati tal-AKP fl-ekonomija dinjija, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-għażliet politiċi u l-prijoritajiet ta’ żvilupp tagħhom, u b’mod partikolari l-istrateġiji tagħhom stess għat-tnaqqis tal-faqar (b’mod partikolari l-Programmi Strateġiċi għat-Tnaqqis tal-Faqar) u b’hekk jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli tagħhom u jingħata kontribut għall-qerda tal-faqar fil-pajjiżi tal-AKP;

·L-impenn tal-partijiet li jappoġġaw il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali fi ħdan il-Grupp ta’ Stati AKP u li jrawmu l-integrazzjoni reġjonali bħala strument ewlieni għall-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija;

·L-impenn tal-partijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali u li joħolqu dinamika kummerċjali ġdida bejniethom bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-pajjiżi tal-AKP għal ekonomija globali liberalizzata;

·L-impenn tal-partijiet li jqisu l-ħtiġijiet u l-livelli differenti ta’ żvilupp tal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP;

·L-impenn tal-partijiet li jirrispettaw l-obbligi tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u biex imexxu ‘l quddiem l-għanijiet tad-WTO;

·L-objettiv konġunt tal-partijiet li jtejbu l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ u li jiksbu liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ fi prodotti u servizzi, skont ir-regoli tad-WTO, filwaqt li jitqies il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi tal-AKP u r-restrizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed jiffaċċjaw;

·L-impenji tal-partijiet biex jiżguraw li l-isforzi mwettqa fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-ftehim suċċessur tiegħu u dawk meħuda fil-qafas tal-FSEs isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

2.Natura u Kamp tal-Applikazzjoni tal-Ftehim

L-FSEs għandhom jimmiraw għall-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-għażliet politiċi u prijoritajiet ta' żvilupp tagħhom, li permezz tagħhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli tagħhom u jikkontribwixxu biex jintemm il-faqar fil-pajjiżi tal-AKP.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti fil-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid AKP-UE, ladarba applikabbli, in-negozjati għandhom jimmiraw li jistabbilixxu Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (“FSEs”) ma’ sottogruppi tal-AKP definiti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(3) tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti fil-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid AKP-UE, ladarba applikabbli, b’kont meħud tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali fi ħdan l-AKP.

L-FSEs għandhom ikunu diretti lejn it-trawwim ta’ integrazzjoni ekonomika eqreb bejn il-partijiet, billi jitneħħew progressivament l-ostakoli għall-kummerċ ta’ bejniethom u billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ, b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tad-WTO.

L-FSEs għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-ftehim suċċessur tiegħu, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Parti III, it-Titolu II tiegħu. In-negozjati tal-FSEs għandhom għalhekk b’mod partikolari jqisu l-livelli differenti ta’ żvilupp tal-partijiet kif ukoll tar-restrizzjonijiet partikolari ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi tal-AKP u l-kapaċità li jadattaw u jaġġustaw l-ekonomiji tagħhom għall-proċess ta’ liberalizzazzjoni.

3.Kummerċ ta' Prodotti

3.1.Għan

L-FSEs għandhom ikunu diretti lejn l-istabbiliment ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles bejn il-partijiet, fuq il-bażi tal-objettivi ta’ żvilupp tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-ftehim suċċessur tiegħu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-WTO. huwa mifhum, għalhekk, li l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq li ġejjin se jkunu disponibbli biss fil-kuntest ta’ dawn il-FSEs.

3.2.Dazju tal-importazzjoni

·Importazzjoni fl-Unjoni Ewropea

L-FSEs għandhom jibnu fuq u jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq attwalment ipprovduti taħt il-Ftehim ta’ Cotonou u l-ftehim suċċessur tiegħu. L-arranġamenti speċifiċi għal aktar tneħħija ta’ tariffi għandhom jiġu stabbiliti matul in-negozjati, b’kont meħud tal-interessi eżistenti u potenzjali tal-pajjiżi tal-AKP u tal-impatt tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ b’mod partikolari fuq l-integrazzjoni reġjonali fi ħdan l-AKP.


·Importazzjonijiet fil-pajjiżi AKP

Bl-objettiv prinċipali tal-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali u politiki adegwati, in-negozjati se jsegwu (1) l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq importazzjonijiet mill-KE għal sostanzjalment il-kummerċ kollu matul perjodu tranżitorju, u (2) it-tneħħija ta’ kull imposta li jkollha effett ekwivalenti għal dazji doganali mad-dħul fis-seħħ tal-FSEs.

L-iskeda tal-eliminazzjoni tat-tariffi u l-kopertura tal-prodott finali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mill-pajjiżi tal-AKP se jirriflettu r-restrizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed jiffaċċjaw, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jadattaw l-ekonomiji tagħhom għall-proċess ta’ liberalizzazzjoni. Għalhekk, perjodu tranżitorju, kompatibbli mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-ftehim suċċessur tiegħu u r-regoli tad-WTO, se jiġi applikat b’mod flessibbli, biex jitqiesu r-restrizzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi tal-AKP ikkonċernati. L-istess flessibbiltà se tiġi applikata fir-rigward tal-kopertura tal-prodotti u l-kalendarju/ir-ritmu ta’ impenji ta’ liberalizzazzjoni mill-pajjiżi tal-AKP.

F’dan il-kuntest, il-partijiet se jeżaminaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, l-impatt potenzjali ta’ mekkaniżmi ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni fuq il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ.

Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-pajjiżi tal-AKP għandhom jagħtu lill-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe ħin trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament MFN. Dan ma japplikax fir-rigward ta’ konċessjonijiet magħmula bejn il-pajjiżi tal-AKP jew mill-pajjiżi tal-AKP għal pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw fil-qafas ta’ ftehimiet reġjonali jew dispożizzjonijiet kummerċjali oħra kompatibbli mar-rekwiżiti tad-WTO.

Matul in-negozjati, u fid-dawl tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ftehimiet milħuqa fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-ftehim suċċessur tiegħu, se jitqiesu l-interessi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, l-FSEs jistgħu b’mod partikolari jipprovdu miżuri speċifiċi favur prodotti minn dawn ir-reġjuni, immirati lejn l-integrazzjoni tagħhom fil-kummerċ intrareġjonali fuq medda qasira ta’ żmien, skont id-dispożizzjoni tad-WTO.

Il-pajjiżi tal-AKP għandhom jimpenjaw ruħhom, tal-inqas, li jestendu awtomatikament it-trattament mogħti lill-Unjoni Ewropea lill-partijiet l-oħra kollha tal-FSE kkonċernat, preferibbilment qabel il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ vis-à-vis l-Unjoni Ewropea.

Fejn iseħħu diffikultajiet serji bħala riżultat tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, il-pajjiżi tal-AKP jistgħu, f’konsultazzjoni mal-Unjoni Ewropea, jissospendu temporanjament l-applikazzjoni tal-iskeda ta’ liberalizzazzjoni u, fejn meħtieġ, jimmodulaw mill-ġdid ir-rata ta’ progress lejn l-istabbiliment finali taż-żona ta’ kummerċ ħieles, f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tad-WTO.

Il-pjanijiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-iskeda tal-pajjiżi tal-AKP għandhom ikunu parti mill-FSEs. Dan għandu jinkludi l-listi xierqa ta’ prodotti kif ukoll l-iskedi ta’ żmien għat-tneħħija tat-tariffi. Dawn il-listi u l-iskedi se jiġu ffinalizzati matul in-negozjati.

·Dazji bażiċi

Id-dazji bażiċi li għalihom għandu jiġi applikat it-tnaqqis miftiehem għandhom ikunu d-dazji MFN effettivament applikati mill-pajjiżi tal-AKP fil-jum tal-iffirmar tal-FSEs. Huma għandhom jiġu definiti f’lista mehmuża ma’ kull FSE.

3.3.Dispożizzjonijiet ġenerali

Dazji tal-esportazzjoni. Kwalunkwe dazju tal-esportazzjoni applikat fil-kummerċ bejn il-partijiet għandu jiġi eliminat fuq skeda ta’ żmien miftiehma li ma taqbiżx l-għaxar snin.

Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi u l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti applikati għall-esportazzjoni jew l-importazzjoni fil-kummerċ bejn il-partijiet għandhom jitneħħew mad-dħul fis-seħħ tal-FSEs.

It-trattament nazzjonali u l-miżuri fiskali. Provvediment ta’ trattament nazzjonali standard, li jiżgura li l-prodotti tal-partijiet jirċievu trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil prodotti simili ta’ oriġini nazzjonali, se jiġi inkluż fl-FSEs. Kull miżura jew prattika fiskali interna diskriminatorja li diġà teżisti se jiġu eliminati mid-dħul fis-seħħ tal-FSEs.

Klawsola ta’ eżenzjoni fiskali. L-FSEs se jinkludu klawsola ta’ eżenzjoni fiskali f’konformità mal-Artikolu 52 tal-Ftehim ta’ Cotonou u mad-dispożizzjoni rilevanti ta’ eżenzjoni tat-taxxa tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

Veloċità varjabbli. Fejn kompatibbli mal-għanijiet ta’ integrazzjoni tar-reġjuni AKP ikkonċernati, l-FSEs għandhom jipprovdu għal veloċità varjabbli fil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, filwaqt li jitqies il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi tal-AKP ikkonċernati kif ukoll tal-intensitajiet differenti ta’ integrazzjoni li jistgħu jeżistu fir-reġjun, skont il-proċess tal-integrazzjoni interna tar-reġjun.

Klawsola ta’ sigurtà tal-ikel. Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet immirati lejn it-trawwim tas-sigurtà tal-ikel f’konformità mar-regoli tad-WTO.

Salvagwardji. Id-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja għandhom japplikaw, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-WTO.

Antidumping. Jekk waħda mill-partijiet issib li qed isir dumping jew sussidju ta’ ħsara fil-kummerċ mill-parti l-oħra fit-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-GATT, tista’ tieħu miżuri xierqa kontra din il-prattika, skont ir-regoli u l-prattiċi tal-GATT/WTO. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu kont speċjali tas-sitwazzjoni partikolari ekonomika u soċjali tal-pajjiżi tal-AKP ikkonċernati.

Status quo. Il-partijiet se jaqblu li l-ebda dazji ġodda ma jiġu introdotti u lanqas ma jiżdiedu d-dazji eżistenti u li l-ebda restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda u lanqas miżuri li għandhom effett ekwivalenti m’għandhom jiġu introdotti minn waħda mill-partijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet bejn ir-raggruppament reġjonali u l-UE.

Trasparenza. Iż-żewġ naħat se jkunu meħtieġa li jikkomunikaw lil xulxin l-iskeda tariffarja doganali tagħha u kull emenda sussegwenti li jsirulha.

Klawsola ta’ eċċezzjonijiet. Il-Ftehim se jinkludi klawsola ta’ eċċezzjoni standard li tippermetti li jittieħdu miżuri, pereżempju, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku, il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, il-konservazzjoni ta’ riżorsi naturali li jinħlew, eċċ., dment li tali miżuri jiġu applikati f’konformità mar-regoli tad-WTO.

Klassifikazzjoni tal-oġġetti. Is-Sistema Armonizzata għandha tapplika għall-klassifikazzjoni ta’ prodotti fil-kummerċ bejn il-Partijiet.

3.4.Regoli ta’ oriġini, kooperazzjoni amministrattiva u responsabbiltà.

In-negozjati dwar ir-regoli ta’ oriġini, il-kooperazzjoni amministrattiva u r-responsabbiltà finanzjarja għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli ta’ oriġini preferenzjali standard tal-UE u fuq ir-regoli tal-oriġini eżistenti taħt kull FSE. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għandha tivvaluta kwalunkwe talba speċifika għal bidliet fir-regoli ta’ oriġini, ippreżentata mill-Istat(i) tal-AKP, bil-għan li tissimplifika r-regoli eżistenti u ttejjeb l-aċċess attwali għas-suq għall-AKPs. 

Il-Ftehim se jagħti s-setgħa lill-Partijiet Kontraenti biex jieħdu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva jew ta’ ġestjoni ħażina. Fir-rigward tal-kwistjoni tat-telf ta’ dazji doganali marbuta mal-ġestjoni ħażina ta’ importazzjonijiet preferenzjali miżuri xierqa jistgħu jiġu identifikati abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill orizzontali.

3.5.Id-dwana, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u miżuri kontra l-frodi

In-negozjati għandhom jimmiraw li jissimplifikaw ir-rekwiżiti u l-proċeduri kollha relatati mal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċessi doganali, il-liċenzjar tal-importazzjoni, il-valutazzjoni doganali, ir-regoli ta’ tranżitu u l-ispezzjoni tal-merkanzija qabel il-ġarr, abbażi tal-ogħla standards internazzjonali u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO. Il-Ftehim se jinkludi Protokoll dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali. Se jinkludi wkoll klawsola kontra l-frodi biex jiġi evitat l-abbuż ta’ preferenzi tariffarji.

4.Kummerċ fis-Servizzi u Investiment

4.1.Ambitu

Il-Ftehim se jipprovdi għal liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka ta’ kummerċ f’servizzi u investiment li jimmira lejn l-assigurazzjoni ta’ livell komparabbli ta’ opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq, konsistenti mar-regoli rilevanti tad-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu V tal-GATS, b’kont meħud tal-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi AKP ikkonċernati. [Il-ftehimiet se jipprevedu li s-servizzi awdjoviżivi jiġu ttrattati b’mod separat fi ftehimiet speċifiċi għal kooperazzjoni u sħubija kulturali bejn il-partijiet. Dawn il-ftehimiet se jiżguraw il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kif ukoll lll-AKP jippreservaw u jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiddefinixxu u jimplimentaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom għall-preservazzjoni tad-diversità kulturali tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxu, jippreservaw u jippromwovu l-valuri kulturali u l-identitajiet tal-AKP, biex irawmu d-djalogu interkulturali billi jtejbu l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi kulturali ta’ dawn il-pajjiżi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

Il-partijiet se jaqblu li l-ebda miżura ġdida jew aktar diskriminatorja ma tiġi introdotta minn waħda mill-partijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet bejn ir-raggruppament reġjonali u l-Unjoni Ewropea.

Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni se jsir fuq bażi asimmetrika. Il-pajjiżi tal-AKP se jingħataw ċertu miżura ta’ flessibbiltà skont il-livell tal-iżvilupp tagħhom f’termini ġenerali kif ukoll f’termini ta’ settur u sottosettur skont id-dispożizzjonijiet tal-GATS, b’mod partikolari dawk relatati mal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fil-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni.

Għall-Unjoni Ewropea, il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jaqbeż l-10 snin.

Għan-naħa tal-AKP, perjodu tranżitorju, kompatibbli mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-ftehim suċċessur tiegħu u r-regoli tad-WTO, se jiġi applikat b’mod flessibbli, biex jitqiesu r-restrizzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi tal-AKP ikkonċernati.

Il-pajjiżi tal-AKP li huma parti mill-FSE se jintrabtu li japplikaw tal-anqas l-istess arranġamenti bejniethom li japplikaw għall-Unjoni Ewropea.

L-FSEs se jerġgħu jikkonfermaw l-impenji li saru taħt it-termini tal-Artikolu 42 tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

4.2.Arranġamenti prattiċi

Fejn iġġustifikat minn restrizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali partikolari li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi tal-AKP, in-negozjati jistgħu jiġu posposti. F’dan il-każ, il-partijiet għandhom regolarment jivvalutaw is-sitwazzjoni matul in-negozjati tal-FSE. Huma se jiżguraw li l-fażi preparatorja għal dawn in-negozjati tintuża attivament għat-tħejjija għan-negozjati, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ appoġġ adatt għall-iżvilupp ta’ servizzi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou b’mod partikolari l-Artikolu 41(5) tiegħu u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

5.Pagamenti kurrenti u Movimenti ta’ Kapital

L-FSEs se jerġgħu jikkonfermaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-Artikolu 12 tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

Bil-għan li jissaħħu u jiġu żviluppati s-swieq finanzjarji, il-partijiet għandhom ifittxu li jinnegozjaw il-ftuħ ulterjuri tas-suq kapitali lil hinn mill-investiment dirett, filwaqt li jirrispettaw il-ftehimiet monetarji eżistenti u filwaqt li jqisu l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju xieraq.

Il-ftehimiet se jinkludu klawsola li tipprevedi r-reviżjoni possibbli ta’ dan il-kapitolu biex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-obbligi magħmula fi ħdan il-qafas tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u ftehimiet rilevanti oħra, inklużi l-impenji taħt il-GATS.

6.Oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-Kummerċ

6.1.Ġenerali

L-FSEs se jikkonfermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou 1 u l-ftehim suċċessur tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi), l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, il-kummerċ u l-ambjent, il-kummerċ u l-istandards tax-xogħol, il-politika tal-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet se jiġu riveduti fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati kummerċjali multilaterali li ġejjin.

6.2.Oqsma speċifiċi

B’żieda ma’ dan, dan li ġej japplika fir-rigward taL-oqsma li ġejjin:

Investiment. F’konformità mal-objettiv li “jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar konsistenti mal-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli” (u fir-rigward tal-Artikoli 1, 29, 75 sa 78, u tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba jkun applikabbli, il-partijiet jaqblu li jistabbilixxu qafas regolatorju li għandu jiffaċilita, itejjeb u jistimula investiment sostenibbli ta’ benefiċċju reċiproku bejniethom. Dan il-qafas se jkun ibbażat fuq prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ftuħ, trasparenza u stabbiltà.

Fejn identifikat miż-żewġ partijiet bħala qasam ta’ negozjar, u soġġett għal direttivi ta’ negozjar speċifiċi għall-pajjiż jew għar-reġjun, jistgħu jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, li għandhom japprovaw l-aħjar riżultati miftiehma fil-fora internazzjonali kompetenti jew bilateralment. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw protezzjoni b’saħħitha tal-investituri u l-investimenti, filwaqt li jippreservaw bis-sħiħ id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw fit-territorji tagħhom li jiksbu għanijiet leġittimi ta’ politika.

Akkwisti pubbliċi. L-FSEs se jkollhom l-għan li jiżguraw trasparenza sħiħa fir-regoli u l-metodi tal-akkwist fil-livelli kollha tal-gvern skont il-prinċipji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (WTO). Barra minn hekk, il-partijiet se jfittxu liberalizzazzjoni progressiva tas-swieq tal-akkwist tagħhom abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u b’kont meħud tal-livelli ta’ żvilupp tagħhom.

Standards, Regolamenti Tekniċi, u Valutazzjoni ta’ Konformità. L-FSEs għandu jkun fihom kapitolu komprensiv dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT), li jibni fuq il-Ftehim tad-WTO dwar l-OTK.

Standards Sanitarji u Fitosanitarji. L-FSEs għandu jkun fihom kapitolu komprensiv dwar l-Istandards Sanitarji u Fitosanitarji (SPS), li jibni fuq il-Ftehim tad-WTO dwar l-SPS.

Protezzjoni tad-data. L-FSEs se jistabbilixxu l-objettiv li ssir ħidma lejn l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ data personali bejn il-partijiet, maħluq minn nuqqas ta’ protezzjoni adegwata għal data personali, permezz ta’, fost l-oħrajn, skambju ta’ informazzjoni u esperti.

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali. L-FSEs għandhom joħolqu livell adegwat, ibbilanċjat u effettiv ta’ protezzjoni u jipprovdu dispożizzjonijiet ta’ infurzar ċivili u konfinali fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

Kummerċ u Kompetizzjoni: L-FSEs għandu jkollhom l-għan li jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni, is-sussidji u l-intrapriżi tal-istat. Id-dispożizzjonijiet ma jimpedixxux it-twettiq tas-servizzi pubbliċi.

Kummerċ u żvilupp sostenibbli: L-FSEs għandhom jaderixxu mal-prinċipji u r-regoli rilevanti maqbula internazzjonalment dwar ix-xogħol (inkluż in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tas-sessi), u aspetti ambjentali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż is-sajd sostenibbli u dawk relatati mat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-Ftehim ta’ Pariġi. L-FSEs għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta’ dawn ir-regoli, kif ukoll mekkaniżmu biex jindirizza kwalunkwe tilwim li jinqala’ bejn il-Partijiet.

Djalogu dwar l-Agrikoltura: Minħabba r-rilevanza tas-settur agrikolu għall-iżvilupp soċjoekonomiku u s-sigurtà tal-ikel tal-pajjiżi tal-AKP, l-FSEs jistgħu jipprevedu djalogu dwar l-agrikoltura (Sħubija Agrikola), li jista’ jkopri kwistjonijiet bħall-komoditajiet u l-katini ta’ valur reġjonali, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u sistemi tal-ikel sostenibbli.

6.3.Implimentazzjoni

Il-Kunsill tal-FSE (ara hawn taħt, il-punt 8), megħjun minn Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni magħmul minn esperti tekniċi għolja, se jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni se jiltaqa’ fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena. Huwa se jfassal rapporti annwali li jivvalutaw il-progress li jkun sar u jifformula rakkomandazzjonijiet dwar miżuri għal aktar kisbiet, inkluż l-għoti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

7.Kumplimentarjetà

L-FSEs u l-istrateġiji ta’ żvilupp tal-imsieħba tal-AKP (b’mod partikolari l-PRSPs) għandhom ikunu ta’ appoġġ reċiproku. B’mod partikolari, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-objettivi tal-FSEs, il-partijiet AKP se jimpenjaw ruħhom li jintegraw bis-sħiħ l-FSEs fi ħdan l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom u li l-UE tagħmel l-istess fi ħdan l-istrateġiji tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan ikun jinkludi t-trawwim ta’ appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat b’mod partikolari l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) inkluża d-dimensjoni tas-sessi. Huma se jimpenjaw ruħhom li jallokaw riżorsi adegwati għal dak il-għan fil-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

8.Qafas Istituzzjonali

Għal kull FSE se jiġi stabbilit Kunsill Konġunt tal-FSE, li se jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

–jiżgura li l-FSE jopera kif suppost;

–jistudja l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn il-partijiet;

–ifittex metodi xierqa biex jiġu evitati problemi li jistgħu jinqalgħu f’oqsma koperti mill-FSE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ta’ żvilupp tal-FSEs;

–jiġu skambjati opinjonijiet u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ interess komuni relatata mal-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, inklużi azzjonijiet futuri għall-implimentazzjoni xierqa tal-FSE u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi pprovduta kooperazzjoni għall-iżvilupp skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.

Il-kompożizzjoni, il-frekwenza, l-aġenda u l-post tal-laqgħat konġunti tal-Kunsill tal-FSE se jiġu miftiehma permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-partijiet.

Il-Kunsill tal-FSE se jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti mill-FSE. Huwa se jirrapporta lill-Kunsill tal-Ministri stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni għall-Grupp sħiħ tal-Istati AKP u l-Unjoni Ewropea.

L-FSE għandu jipprovdi konsultazzjonijiet u komunikazzjoni regolari mas-soċjetà ċivili.

9.Dispożizzjonijiet Finali

L-FSEs se jinkludu

–kapitolu dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim u klawsola dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli. Id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar materji relatati mal-kummerċ jew mal-kummerċ mhux se jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont ir-regoli tad-WTO, b’mod partikolari l-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim;

–klawsola dwar żviluppi futuri li tipprovdi li l-FSE jistgħu jiġu estiżi, b’mod partikolari permezz tal-adeżjoni, jew amalgamati, skont il-progress li sar fl-integrazzjoni reġjonali;

–klawsola dwar id-dħul fis-seħħ tagħhom, it-tul (mingħajr limitu), it-terminazzjoni, l-avviż meħtieġ għad-denunzja u klawsola ta’ applikazzjoni territorjali.

Għall-għan tal-FSEs, il-partijiet fuq in-naħa tal-AKP għandha tfisser ir-raggruppament reġjonali jew l-Istati Membri tagħha jew ir-raggruppament reġjonali u l-Istati Membri tagħha, skont l-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. L-FSEs għandhom japplikaw ukoll għal miżuri meħuda minn kwalunkwe awtorità statali, reġjonali jew lokali fit-territorji tal-partijiet.

10.Struttura u Organizzazzjoni tan-Negozjati

F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba jkun applikabbli, il-perjodu ta’ negozjati se jintuża wkoll għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur pubbliku u privat tal-pajjiżi tal-AKP bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jiddefinixxu u jimplimentaw strateġiji u politiki kummerċjali reġjonali u multilaterali xierqa. Dan se jinkludi miżuri għat-tisħiħ tal-kompetittività, għat-tisħiħ ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u għall-appoġġ ta’ inizjattivi ta’ integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali, fejn xieraq b’assistenza għal aġġustament baġitarju u riforma fiskali, kif ukoll għat-titjib tal-infrastruttura, u għat-titjib tal-investiment. Dawn il-miżuri se jiġu mmonitorjati minn Task Forces Preparatorji Reġjonali, li se jiġu stabbiliti b’mod konġunt mill-grupp reġjonali involut fin-negozjati tal-FSE u l-Unjoni Ewropea, fil-bidu tan-negozjati. It-Task Forces Preparatorji Reġjonali, fost l-oħrajn, se jipprovdi suġġerimenti biex jiġu kkunsidrati fi ħdan id-djalogu nazzjonali u reġjonali dwar l-ipprogrammar bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-AKP.

Se jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa biex jiġi żgurat li l-atturi mhux statali fl-UE u fil-pajjiżi AKP se jiġu infurmati u kkonsultati dwar il-kontenut tan-negozjati u li tiġi żgurata koordinazzjoni mad-djalogi AKP-UE li għaddejjin bħalissa.

(1)    L-Artikoli 45 sa 51 u 78 tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjoni rilevanti tal-Ftehim suċċessur tiegħu, ladarba applikabbli.