Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 12(1)(a) – Direttiva 2008/98/KE – Vjeġġi – Oġġezzjonijiet għall-vjeġġi ta’ skart destinat għall-irkupru – Setgħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li toġġezzjona għall-vjeġġi – Raġunijiet – Nuqqas ta’ konformità mal-pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġar tal-iskart”

Fil-Kawża C‑447/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti ta’ Budapest-Kapitali, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2025, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura

Surovina RECE d.o.o.

vs

Pest Vármegyei Kormányhivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, S. Gervasoni (Relatur) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Surovina RECE d.o.o., minn Z. Faludi, ügyvéd,

–        għal Pest Vármegyei Kormányhivatal, minn A. Bartus, Z. Szurovecz u R. Tarnai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u P. Thalmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Melo Sampaio, D. Milanowska u Zs. Teleki, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46, u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61), u tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Surovina RECE d.o.o., kumpannija Slovena, u l-Pest Vármegyei Kormányhivatal (id-dipartimenti amministrattivi tal-Kontea ta’ Pest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità Ungeriża”), dwar deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ifformulat oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ skart mis-Slovenja lejn l-Ungerija li Surovina RECE kellha l-intenzjoni li twettaq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1013/2006

3        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “l-imsemmi regolament, intitolat “Oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ skart destinat għall-irkupru”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn tiġi preżentata notifika dwar vjeġġ ta’ skart ippjanat destinat għall-irkupru, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu, fi żmien tletin jum mid-data tat-trażmissjoni tar-rikonoxximent mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni skond l-Artikolu 8, jagħmlu oġġezzjonijiet motivati bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet imsemmija hawn taħt u skond it-Trattat:

(a)      li l-vjeġġ jew l-irkupru ppjanat ma jkunx skond id-Direttiva 2006/12/KE, partikolarment l-Artikoli 3, 4, 7 u 10 tagħha; jew

(b)      li l-vjeġġ jew l-irkupru ppjanat ma jkunx skond il-liġi nazzjonali relattiva għall-protezzjoni ta' l-ambjent, għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward ta’ azzjonijiet imwettqa fil-pajjiż li joġġezzjona; jew

[...]”

 Id-Direttivi 2006/12/KE u 2008/98

4        Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9) tħassret, b’effett mit‑12 ta’ Diċembru 2010, bid-Direttiva 2008/98, li tipprevedi li r-riferimenti għad-Direttiva 2006/12 għandhom jinftiehmu bħala li saru għad-Direttiva 2008/98.

5        L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2006/12 kien jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jippermettux iċ-ċaqliq ta’ l-iskart li ma jikkonformax mal-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġar ta’ l-iskart. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [Ewropea] u lill-Istati Membri dwar tali miżuri.”

6        Il-premessa 39 tad-Direttiva 2008/98 tiddikjara:

“Skond ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-vjeġġi ta’ skart li mhumiex skond il-pjanijiet tagħhom ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart. B’deroga minn dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi li jillimitaw il-vjeġġi ta’ skart li jkun dieħel għal inċineraturi klassifikati bħala rkupru, fejn ikun ġie stabbilit li l-iskart nazzjonali ser ikollu jintrema jew li l-iskart ser ikollu jiġi trattat b’mod li mhux koerenti mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-immaniġġar ta’ l-iskart. Huwa rikonoxxut li ċerti Stati Membri jistgħu ma jkunux kapaċi jipprovdu netwerk li jinkludi l-firxa sħiħa tal-faċilitajiet għall-irkupru finali fit-territorju tagħhom.”

7        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ awto‑suffiċjenza u viċinanza”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“B’deroga mir-Regolament (KE) Nru 1013/2006, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jipproteġu n-network tagħhom, jillimitaw il-vjeġġi ta’ skart li jkun dieħel iddestinat għall-inċineraturi li huwa kklassifikat bħala rkupru, fejn ġie stabbilit li tali vjeġġi jkollhom il-konsegwenza li l-iskart nazzjonali jkollu jintrema jew li l-iskart ikun irid trattat b’mod li mhuwiex koerenti mal-pjan nazzjonali tagħhom ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali deċiżjoni. [...]”

8        Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistabbilixxu, skond l-Artikoli 1, 4, 13 u 16, pjan wieħed jew iżjed għall-immaniġġar ta’ l-iskart.

Dawk il-pjanijiet, weħidhom jew flimkien, għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

2.      Il-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinkludu analiżi tal-qagħda kurrenti ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart fl-entità ġeografika kkonċernata, kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu għat-titjib fil-preparazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi ta’ l-iskart u evalwazzjoni ta’ kif il-pjan ser jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Il-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinkludu [...]

4.      Il-pjan għall-immaniġġar ta’ l-iskart jista’ jkun fih [...]

5.      Il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti [...]”

9        Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/12 u dawk tad-Direttiva 2008/98, li tinsab fl-Anness V ta’ din tal-aħħar, dan l-Artikolu 28 jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/12.

 Id-dritt Ungeriż

10      Il-leġiżlatur Ungeriż adotta l-A hulladékról szóló 2012. évi CLXXXV. törvény (il-Liġi Nru CLXXXV tal‑2012, dwar l-Iskart) (Magyar Közlöny 2012/160) sabiex jittrasponi d-Direttiva 2008/98 fl-ordinament ġuridiku intern.

11      Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“L-awtorità tal-immaniġġar tal-iskart għandha topponi l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu ta’ skart destinat għall-irkupru jew għar-rimi taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006.”

12      L-Artikolu 21(1) tal-imsemmija liġi, f’dik l-istess verżjoni, jipprovdi:

“Minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ din il-liġi, l-awtorità tal-immaniġġar tal-iskart għandha tqajjem oġġezzjonijiet dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu ta’ skart fl-Ungerija wkoll, meta:

[...]

b)      minħabba l-iskart li għandu jiġi importat fl-Ungerija, l-iskart prodott fit-territorju tal-Ungerija jiġi ttrattat b’mod inkompatibbli mal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart.”

13      Il-1704/2021 (X. 6.) Korm. határozat a 2021–2027 közötti időszakra szóló Országos Hulladékgazdálkodási Tervről (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1704, li tistabbilixxi Pjan Nazzjonali ta’ Mmaniġġar tal-Iskart għall-Perijodu 2021‑2027), tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (Magyar Közlöny 2021/184) ipprevediet l-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart. Skont dan il-pjan, l-importazzjoni ta’ fjuwil li jirriżulta minn skart ta’ oriġini barranija ma għandhiex tikkomprometti l-irkupru ta’ fjuwil li jirriżulta minn skart ta’ oriġini nazzjonali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Surovina RECE ressqet quddiem l-awtorità kompetenti Slovena talba għal awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ 1 100 vjeġġ, mis-Slovenja, Stat Membru ta’ dispaċċ, lejn l-Ungerija, Stat Membru ta’ destinazzjoni, ta’ skart ikklassifikat bħala “fjuwil derivat mill-iskart” (Refuse Derived Fuel), li jirrappreżenta total ta’ 25 000 tunnellata ta’ skart. Hija indikat li dan l-iskart kien iddestinat għall-produzzjoni, minn kumpannija stabbilita fl-Ungerija, ta’ “fjuwil solidu rkuprat” (Solid Recovered Fuel). Din it-talba ntbagħtet lill-awtorità Ungeriża, fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2024, l-awtorità Ungeriża oġġezzjonat għall-vjeġġi ta’ dan l-iskart. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-Artikolu 12(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1013/2006 kif ukoll fuq id-Direttivi 2006/12 u 2008/98. Skont l-awtorità Ungeriża, dawn il-vjeġġi ma kinux konformi mal-pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart għall-perijodu 2021–2027 – strument ta’ ppjanar li kien sar obbligatorju permezz tad-Direttiva 2008/98, li bis-saħħa tiegħu l-importazzjoni ta’ fjuwil ta’ oriġini barranija ma kellhiex tikkomprometti l-irkupru ta’ fjuwil ta’ oriġini Ungeriża. Issa, skont l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-kwantità ta’ fjuwil mill-iskart importat fl-Ungerija matul l-aħħar snin żdiedet b’tali mod li kienet tikkomprometti l-irkupru tal-iskart prodott fl-Ungerija.

16      Surovina RECE ppreżentat rikors quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Hija sostniet li l-awtorità Ungeriża ma setgħetx tqajjem oġġezzjonijiet għall-vjeġġi kkonċernati billi tibbaża ruħha fuq ir-Regolament Nru 1013/2006 kif ukoll fuq id-Direttivi 2006/12 u 2008/98, peress li din l-aħħar direttiva, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2006/12, tawtorizza tali oġġezzjonijiet biss għall-vjeġġi ta’ skart iddestinat għall-inċineraturi, li ma huwiex il-każ tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17      L-awtorità Ungeriża talbet li dan ir-rikors jiġi miċħud minħabba li hija ma qajmitx oġġezzjonijiet fuq il-bażi tad-Direttiva 2008/98 u li hija bbażat ruħha biss fuq ir-Regolament Nru 1013/2006 u fuq il-leġiżlazzjoni Ungeriża li timplimentah.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, peress li din id-dispożizzjoni għadha qed tirreferi għad-Direttiva 2006/12 u b’mod partikolari għall-Artikoli 3, 4, 7 u 10 tagħha. Issa, l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva kien jippermetti li jiġu preklużi l-vjeġġi ta’ skart li ma humiex konformi mal-pjanijiet nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart, b’tali mod li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni setgħu, permezz ta’ applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 12(1) (a) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, jifformulaw oġġezzjonijiet għal vjeġġ ta’ skart billi jinvokaw tali pjanijiet. Din il-qorti tirrileva li d-Direttiva 2008/98, li tissostitwixxi d-Direttiva 2006/12, madankollu ma tinkludix dispożizzjoni ekwivalenti għal dan l-Artikolu 7(4). Għalhekk hija tistaqsi jekk, permezz tal-applikazzjoni konġunta ta’ dan l-Artikolu 12(1)(a) u tad-Direttiva 2008/98, awtorità tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandhiex il-possibbiltà li tifformula oġġezzjonijiet għal vjeġġ ta’ skart destinat għall-irkupru li ma jkunx konformi mal-pjan tagħha ta’ mmaniġġar tal-iskart. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/98, li jippermetti lil tali awtoritajiet jillimitaw, sabiex jipproteġu n-network tagħhom, l-importazzjonijiet ta’ skart iddestinat għall-inċineraturi u li huwa kklassifikat bħala rkupru, jirrigwarda każ differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih l-iskart ikkonċernat ma huwiex intiż sabiex jiġi inċinerat. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk id-dritt li jsiru oġġezzjonijiet għal vjeġġ ta’ skart li ma jkunx konformi ma’ pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar ta’ skart jirriżultax mill-premessa 39 ta’ din id-direttiva, li tiddikjara, f’termini ġenerali, il-possibbiltà għall-Istati Membri li “jieħdu l-miżuri neċessarji” sabiex jipprevjenu kull vjeġġ ta’ dan it-tip. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, minkejja li l-premessa ta’ att huwa nieqes minn effett legali vinkolanti, dan l-att jista’ jiġi interpretat fid-dawl tiegħu. Barra minn hekk, hija tippreċiża li d-domandi tagħha ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 12(1)(a) tar-[Regolament Nru 1013/2006], moqri flimkien mal-premessa 39 u mal-Artikolu 16(1) tad-[Direttiva 2008/98], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’ jqajjem oġġezzjonijiet kontra t-trasferiment ta’ skart li ġej minn Stat Membru ieħor tad-dispaċċ u li ma jkunx intiż għall-inċineraturi iżda għall-irkupru, billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li t-trasferiment previst ma huwiex konformi mal-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetti lil din tal-aħħar tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Lidl Italia (Prattiki kummerċjali żleali dwar prodotti tal-ikel), C‑301/25, EU:C:2026:357, punt 25).

21      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni sħiħa tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni fuq il-bażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, l-eżattezza tal-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha tiġi adita (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua, C‑370/16, EU:C:2018:344, punti 31 u 32).

22      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/98, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw, fuq il-bażi tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ mmaniġġar tal-iskart, l-importazzjoni tal-iskart sabiex jipproteġu n-network tagħhom ta’ trattament tal-iskart, dan ikopri biss “skart [...] iddestinat għall-inċineraturi li huwa kklassifikat bħala [operazzjoni ta’] rkupru”.

23      Il-Kummissjoni ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri “fjuwil derivat mill-iskart”, huwa intiż sabiex jiġi ttrasformat, permezz ta’ inċinerazzjoni, fi “fjuwil solidu rkuprat”, fejn din l-inċinerazzjoni tikkostitwixxi operazzjoni ta’ rkupru. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-fatti, f’dan il-każ dik tad-destinazzjoni tal-iskart, madankollu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza. Issa, fid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssemmi skart destinat għall-irkupru mingħajr inċinerazzjoni. L-awtorità Ungeriża wkoll tindika li opponiet il-vjeġġ tal-iskart inkwistjoni mingħajr ma bbażat ruħha fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/98. Konsegwentement, l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tidhirx li hija rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

24      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tad-Direttiva 2008/98, għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jqajjem oġġezzjonijiet għall-vjeġġ ta’ skart li joriġina minn Stat Membru ieħor, iddestinat għall-irkupru mingħajr ma jiġi inċinerat, minħabba li dan il-vjeġġ ma jkunx konformi mal-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest li fih jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 94). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tindika elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Provincie Oost-Vlaanderen u Sogent, C‑236/24, EU:C:2025:321, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      L-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet immotivati għal vjeġġ ippjanat ta’ skart destinat għall-irkupru meta l-vjeġġ jew l-irkupru previst ma jkunx konformi mad-Direttiva 2006/12. Din id-dispożizzjoni ssemmi, b’mod mhux eżawrjenti, kif juri l-użu tat-terminu “partikolarment”, ċerti artikoli ta’ din id-direttiva. Peress li d-Direttiva 2008/98 issostitwixxiet, mit‑12 ta’ Diċembru 2010, id-Direttiva 2006/12, ir-riferimenti għal din tal-aħħar għandhom jinftiehmu fis-sens li saru għad-Direttiva 2008/98 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness V ta’ din l-aħħar direttiva. Konformement ma’ din it-tabella ta’ korrelazzjoni, ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/12 għandu jinftiehem fis-sens li issa jirreferi għall-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98, dispożizzjoni li tirregola l-istabbiliment, mill-Istati Membri, ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart.

27      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu jopponu vjeġġ ta’ skart li ma jkunx konformi mad-Direttiva 2008/98 u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 28 tagħha. Dan huwa l-każ meta l-vjeġġ ikkonċernat ma jkunx konformi ma’ pjan wieħed jew iktar għall-immaniġġar tal-iskart adottati konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni.

28      It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006. Dan huwa partikolarment il-każ fil-premessa 39 tad-Direttiva 2008/98, iċċitata wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, fejn “[s]kond ir-[Regolament Nru 1013/2006], l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-vjeġġi ta’ skart li mhumiex skond il-pjanijiet tagħhom ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart”. Għalkemm din il-premessa ċertament ma għandhiex valur legali vinkolanti, hija madankollu tista’ tipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jiċċaraw ir-rieda tal-awturi ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Regione Veneto (Vjeġġ ta’ skart muniċipali mħallat), C‑315/20, EU:C:2021:912, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Jista’ jiġi rrilevat ukoll li qabel id-Direttiva 2008/98, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2006/12, iżda wkoll l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat‑18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3), kienu jipprevedu, f’termini simili, li “[l]-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jippermettux iċ-ċaqliq ta’ l-iskart li ma jikkonformax mal-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġar ta’ l-iskart”.

30      F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-oriġini tad-Direttiva 2008/98 ma turi ebda element li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jneħħi, f’din id-direttiva, ir-raġuni għal oġġezzjoni dwar il-vjeġġ ta’ skart ibbażata fuq l-assenza ta’ konformità mal-pjanijiet nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart.

31      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024, dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, rettifika fil-ĠU L, 2025/90042), applikabbli mill‑21 ta’ Mejju 2026, jipprevedi espliċitament li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ skart destinat għall-irkupru meta “l-iskart ikkonċernat ma jkunx se jiġi ttrattat f’konformità mal-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart jew mal-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart imfassla mill-pajjiżi tad-dispaċċ jew tad-destinazzjoni, rispettivament, skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE”.

32      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98, jista’ jiġi interpretat biss fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprekludu ċ-ċaqlieq ta’ skart li ma jkunx konformi mal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tagħhom.

33      It-tielet nett, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 u mil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni.

34      Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi sistema armonizzata ta’ proċeduri li permezz tagħhom il-moviment tal-iskart jista’ jiġi limitat sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2004, EU‑Wood‑Trading, C‑277/02, EU:C:2004:810, punt 34, u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Ragn‑Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 49).

35      Għandu jitfakkar ukoll li l-pjanijiet nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart previsti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98 jinkludu analiżi tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart fl-entità ġeografika kkonċernata, b’mod partikolari tal-produzzjoni u tal-flussi ta’ skart kif ukoll tal-installazzjonijiet ta’ rimi u ta’ rkupru eżistenti. Dawn il-pjanijiet għandhom ukoll jiddeterminaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw, f’kundizzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-preparazzjoni tal-iskart għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru jew ir-rimi tiegħu u jevalwaw il-kontribut tiegħu għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għat-twettiq tal-għanijiet tagħha. Skont l-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva, dawn il-pjanijiet għandhom barra minn hekk josservaw il-ġerarkija tal-iskart, stabbilita fl-Artikolu 4 tagħha, li bis-saħħa tagħha l-irkupru huwa ppreferut għar-rimi, u għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-ambjent, kif ifakkar l-Artikolu 13 tal-istess direttiva.

36      F’dan il-każ, il-pjan Ungeriż għall-immaniġġar tal-iskart għall-perijodu 2021‑2027 jindika l-kapaċitajiet ta’ trattament tal-iskart disponibbli fl-Ungerija, b’mod partikolari l-kapaċitajiet ta’ rkupru tal-fjuwil sekondarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fid-dawl ta’ dawn il-kapaċitajiet u taż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ dawn il-fjuwils sekondarji, li setgħu wasslu għar-rimi f’landfill ta’ skart nazzjonali tal-istess natura, dan il-pjan jipprevedi li dawn l-importazzjonijiet ma għandhomx jikkompromettu l-irkupru tal-iskart nazzjonali. Skont l-awtorità Ungeriża li opponiet il-vjeġġ tal-iskart inkwistjoni, dan il-pjan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni.

37      Issa, l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti mill-pjan Ungeriż tista’ tippreġudika l-għan li l-irkupru tal-iskart nazzjonali jiġi ppreferut fuq ir-rimi tiegħu, konformement mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98. Din l-assenza ta’ implimentazzjoni ċċaħħad ukoll il-pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġar tal-iskart mill-effettività tagħhom, meta fil-verità dawn il-pjanijiet nazzjonali jikkostitwixxu l-istrument prinċipali ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iskart.

38      Barra minn hekk, peress li l-Istati Membri huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/98, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-pjan nazzjonali tagħhom għall-immaniġġar tal-iskart, din tal-aħħar hija f’pożizzjoni li tikkontrolla l-konformità tiegħu mal-għanijiet u mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iskart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C‑209/98, EU:C:2000:279, punt 99) – obbligu ta’ konformità li barra minn hekk huwa previst fl-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva. Fi kwalunkwe każ, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistħarrġu l-konformità ta’ dawn il-pjanijiet mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ, wara li jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, għall-finijiet ta’ risposta utli għall-qorti tar-rinviju, li hija wkoll din tal-aħħar li għandha tivverifika li, konformement mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Ragn‑Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 64), l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq il-pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart huma bbażati fuq raġunijiet preċiżi speċifiċi għal kull vjeġġ ippjanat jew għal kull grupp ta’ vjeġġi li għandhom l-istess karatteristiċi.

39      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tad-Direttiva 2008/98, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jqajjem oġġezzjonijiet għall-vjeġġ ta’ skart li joriġina minn Stat Membru ieħor, iddestinat għall-irkupru mingħajr ma jiġi inċinerat, għar-raġuni li dan il-vjeġġ ma jkunx konformi mal-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, meta dan il-pjan ikun ġie stabbilit konformement mal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, moqrija fid-dawl tal-premessa 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jqajjem oġġezzjonijiet għall-vjeġġ ta’ skart li joriġina minn Stat Membru ieħor, iddestinat għall-irkupru mingħajr ma jiġi inċinerat, għar-raġuni li dan il-vjeġġ ma jkunx konformi mal-pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, meta dan il-pjan ikun ġie stabbilit konformement mal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.