IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2021
COM(2021) 395 final
REVIŻJONI ANNWALI TAL-KUMMISSJONI
tar-Rapporti Annwali ta’ Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2021
COM(2021) 395 final
REVIŻJONI ANNWALI TAL-KUMMISSJONI
tar-Rapporti Annwali ta’ Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011
1. Introduzzjoni:
Din ir-reviżjoni annwali għall-2019 tkopri attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni appoġġati uffiċjalment imwettqa fl-Unjoni Ewropea fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, jiġifieri tranżazzjonijiet fuq terminu medju u twil b’perjodu ta’ ripagament ta’ sentejn jew aktar. Dan ir-rieżami la jkopri tranżazzjonijiet ta’ kreditu ta’ esportazzjoni 1 fit-terminu l-qasir u lanqas ma jkopri attivitajiet imwettqa minn ċerti Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni (ECAs - Export Credit Agencies) lil hinn mill-qasam tal-attivitajiet ta’ kreditu appoġġjati uffiċjalment (bħall-assigurazzjoni tal-investimenti).
Din ir-reviżjoni annwali hija prodotta mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri, kif previst mir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76 KE u 2001/77/KE 2 . Dan ir-Regolament jipprevedi fl-Anness I tiegħu li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni Rapport Annwali tal-Attività sabiex tiżdied it-trasparenza fil-livell tal-Unjoni. B’mod aktar preċiż, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-pretensjonijiet imħallsa u l-irkupri, l-impenji ġodda, l-iskoperturi, l-imposti tal-primjum u l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jistgħu jirriżultaw minn attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali, iżda wkoll dwar kif ir-riskji ambjentali, li jistgħu jġorru riskji rilevanti oħra, jiġu kkunsidrati fl-attivitajiet tal-kreditu għall-esportazzjoni b’appoġġ uffiċjali tal-ECAs tagħhom. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tipproduċi analiżi annwali għall-Parlament Ewropew ibbażata fuq din l-informazzjoni, inkluża evalwazzjoni rigward il-konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tinnota r-Riżoluzzjoni adottata fit-2 ta’ Lulju 2013 mill-Parlament Ewropew dwar l-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 3 u ġibdet l-attenzjoni partikolari tal-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’din ir-Riżoluzzjoni - bħar-rakkomandazzjoni lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni u l-Kummissjoni biex jikkonsultaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-metodoloġija tar-rappurtar. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni u l-Kummissjoni qed jaħdmu fuq aġġornament tal-metodoloġija ta’ rappurtar użata mill-Istati Membri biex jippreżentaw Rapporti Annwali tal-Attività, li jissejjaħ mudell tal-lista ta’ kontroll. Intlaħaq qbil dwar metodoloġija ta’ rappurtar riveduta u mtejba u din se tintuża fir-rappurtar li jibda mis-sena kalendarja 2020.
2. Rapporti Annwali tal-Attività li waslu għas-sena kalendarja 2019:
Ir-Rapporti Annwali tal-Attività għas-sena kalendarja 2019 waslu mingħand 22 Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, Spanja u l-Iżvezja u r-Renju Unit 4 . Is-sitt Stati Membri l-oħra (Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u Malta), ma ppreżentawx rapport peress li ma pprovdewx krediti għall-esportazzjoni appoġġati uffiċjalment fis-sens tar-Regolament 1233/2011 matul is-sena ta’ rappurtar.
Għall-2019, ir-Rapporti Annwali tal-Attività kollha mill-Istati Membri kienu bbażati fuq il-mudell tal-lista ta’ kontroll (fil-format preċedenti tiegħu; kif imsemmi hawn fuq, se jintuża format aġġornat li jibda mir-rappurtar tal-2020). Xi Stati Membri rabtu l-informazzjoni li ppreżentaw fil-mudell tal-lista ta’ kontroll mar-rapporti disponibbli pubblikament (eż. rapporti annwali, politiki għar-reviżjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti). Ta’ min jinnota li l-ECAs ivarjaw fl-istatus legali u, fil-każ ta’ xi Stati Membri, il-krediti għall-esportazzjoni appoġġati uffiċjalment huma pprovduti minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew istituzzjoni finanzjarja li topera taħt mandat pubbliku. F’dak il-każ, ir-Rapporti Annwali tal-Attività ovvjament ikopru biss l-attivitajiet tas-settur pubbliku ta’ kumpaniji bħal dawn, li huma separati mill-attivitajiet tas-settur privat.
3. Analiżi tar-Rapporti Annwali tal-Attività:
(a)Informazzjoni ġenerali:
Il-qafas regolatorju applikabbli (Regolament (UE) Nru 1233/2011) jistabbilixxi r-regoli ġenerali għal tranżazzjonijiet u programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni.
Fl-2019, 22 Stat Membru tal-UE provdew programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, ġestiti minn 27 aġenzija differenti (ara d-dettalji fl-Anness, it-Tabella 2) u dipartimenti tal-gvern relatati. L-ambitu u t-tip ta’ programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni pprovduti, kif ukoll l-istruttura organizzattiva għall-operazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni, ivarjaw. F'xi Stati Membri, l-ECA tkun dipartiment tal-gvern jew aġenzija pubblika. F’oħrajn, kumpanija privata (normalment assiguratur) taġixxi bħala ECA taħt mandat pubbliku u superviżjoni tal-gvern. Mhuwiex rari li l-Istati Membri li joffru kategoriji differenti ta’ programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni jkollhom aktar minn ECA waħda eż. waħda li tipprovdi garanziji u assigurazzjoni (prodotti tal-assigurazzjoni) u oħra li tipprovdi finanzjament (prodotti bankarji) jew li jkollha istituzzjoni separata li tipprovdi skemi ta’ kompożizzjoni tal-imgħax.
Fir-rigward tat-tipi ta’ appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni offruti mill-ECAs tal-UE fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, l-aktar forma komuni tibqa’ sempliċi kopertura (jiġifieri assigurazzjoni jew garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni) li kienet ipprovduta mit-22 Stat Membru kollha matul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri offrew ukoll forom oħra ta’ appoġġ koperti mir-Regolament 1233/2011 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati 5 , bħal self dirett jew finanzjament (jiġifieri appoġġ finanzjarju għal tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni pprovduti direttament mill-ECAs) u rifinanzjament (jiġifieri finanzjament mill-ġdid ta’ self kummerċjali li appoġġa tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni pprovduti mill-ECAs) 6 , iżda wkoll finanzjament ta’ proġetti u forom differenti ta’ għajnuna marbuta.
B’mod ġenerali, l-ECAs joffru varjetà ta’ programmi differenti biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti kategoriji, b’mod partikolari l-SMEs. Għandu jiġi nnutat ukoll li diversi Stati Membri żviluppaw prodotti ta’ kreditu għall-esportazzjoni speċifiċi għas-settur pereżempju għall-manifattura tal-inġenji tal-ajru (inklużi prodotti mfassla apposta bħall-garanzija inkondizzjonali tal-Airbus), il-bini tal-bastimenti u l-infrastruttura ferrovjarja. Dan jista’ jirrifletti l-ftehim settorjali separat fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fejn xi termini u kundizzjonijiet b’mod partikolari termini ta’ ħlas lura jew rati tal-imgħax huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ industriji partikolari.
Ġeneralment, il-prattiki u l-istandards ta’ sottoskrizzjoni qed isiru dejjem aktar simili fost l-Istati Membri u l-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati qed jinkludi għadd dejjem jikber ta’ kwistjonijiet. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu d-differenzi li ġejjin peress li jagħmluha diffiċli li jsir paragun sħiħ. L-ewwel nett, l-Istati Membri, fi ħdan il-forom ġenerali ta’ appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, żviluppaw varjetà wiesgħa ta’ programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Filwaqt li prodott partikolari jista’ jkun komuni għal ECAs multipli, it-termini u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu jistgħu ma jkunux l-istess. It-tieni nett, l-impatt ta’ programm ta’ kreditu għall-esportazzjoni ovvjament jiddependi wkoll fuq il-karatteristiċi tal-ekonomija nazzjonali u fuq il-kapaċità tas-swieq finanzjarji privati.
B’dawn ir-riżervi f’moħħna, it-tabella ta’ hawn taħt li telenka l-iskopertura għar-riskju nominali aggregat mill-31 ta’ Diċembru 2019 tipprovdi mill-inqas idea ġenerali tad-daqs tal-akbar skemi ta’ kreditu għall-esportazzjoni tat-tip “kopertura sempliċi”.
|
Tabella 1. Appoġġ uffiċjali fil-forma ta’ kopertura sempliċi fl-2019 (f’miljuni ta’ EUR) L-akbar kontributuri tal-UE skont l-iskopertura għar-riskju nominali aggregat |
|
|
Il-Ġermanja |
87 914 |
|
Franza |
59 174 |
|
L-Italja |
58 859 |
|
L-Isvezja |
27 573 |
|
Il-Finlandja |
25 489 |
Kif diġà ssemma hawn fuq, l-ECAs tal-UE huma attivi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma lil hinn mill-ambitu tar-rappurtar skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011. Dan tal-aħħar essenzjalment ikopri attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq terminu medju u twil (kif definit mill-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati). Madankollu, ħafna ECAs tal-UE joffru wkoll prodotti bħal krediti għall-esportazzjoni għal żmien qasir, garanziji ta’ ittri ta’ kreditu, garanziji tar-riskju tal-manifattura u prodotti tal-assigurazzjoni tal-investiment. Informazzjoni dettaljata tista’ tinstab fit-Taqsimiet II u IV tal-mudell ta’ rappurtar użat għar-Rapporti Annwali tal-Attività, kif ukoll fir-rapporti annwali ġenerali li ħafna Stati Membri jirreferu espliċitament għalihom.
B’mod ġenerali, ir-Rapporti Annwali tal-Attività jipprovdu informazzjoni finanzjarja rilevanti dwar il-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li jkun enfasizzat li skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011, dan ir-rappurtar irid isir skont il-qafas leġiżlattiv nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv. Dan jirriżulta f’xi differenzi fil-preżentazzjoni. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda osservazzjoni speċifika dwar l-aspetti finanzjarji tar-Rapporti Annwali tal-Attività 7 .
(b)Trattament ta’ “riskji ambjentali li jistgħu jġibu magħhom riskji rilevanti oħrajn”:
Skont il-Paragrafu 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, l-Istati Membri fir-Rapporti Annwali ta’ Attività tagħhom jiddeskrivu kif ir-riskji ambjentali, li jistgħu jġorru riskji rilevanti oħra, jitqiesu fl-attivitajiet ta’ krediti għall-esportazzjoni appoġġati uffiċjalment tal-ECAs tagħhom.
Il-paragrafu 2 tal-Anness I fir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 isemmi kemm riskji ambjentali kif ukoll “riskji rilevanti oħra”. Bħal fis-snin preċedenti, l-Istati Membri jinterpretaw ir-riskji ambjentali u r-riskji assoċjati b’mod wiesa’, u fil-valutazzjonijiet tagħhom jinkludu mhux biss riskji ambjentali, iżda wkoll riskji finanzjarji u soċjali b’mod aktar ġenerali. Biex jitqiesu dawn ir-riskji, il-prattiki ta’ diliġenza dovuta rrappurtati jinkludu valutazzjonijiet ex ante u proċeduri ta’ evalwazzjoni, li matulhom ir-riskji jiġu identifikati u apprezzati u jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eliġibbiltà tat-tranżazzjonijiet għall-appoġġ. Il-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju huma formalizzati f’politiki ddedikati, li xi ECAs għażlu li jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom. Proċeduri ta’ valutazzjoni bħal dawn normalment jiddependu fuq it-tip u l-kategorija ta’ tranżazzjoni partikolari, skont prinċipju ta’ proporzjonalità (jiġifieri meta tranżazzjoni tkun aktar riskjuża u/jew akbar, aktar tkun intensa l-valutazzjoni). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-valutazzjonijiet jitwettqu minn esperti indipendenti esterni iżda dejjem aktar jiġu ġestiti minn speċjalisti ddedikati fi ħdan kull ECA. Barra minn hekk, il-prattiki standard ta’ diliġenza dovuta jinkludu t-tfassil ta’ klawżoli u kundizzjonijiet kuntrattwali, ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet kuntrattwali jekk ikun meħtieġ, u l-monitoraġġ tagħhom maż-żmien biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards u, jekk applikabbli, l-infurzar tal-miżuri ta’ mitigazzjoni. L-Istati Membri, fuq bażi kontinwa, qed jevalwaw mill-ġdid u jirfinaw il-proċessi interni tagħhom 8 .
L-Istati Membri kollha, b’eċċezzjoni waħda (il-Bulgarija, li mhijiex membru tal-OECD 9 ), jirrapportaw il-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali (l-“Approċċi Komuni”), li hija għodda ta’ valutazzjoni aċċettata u stabbilita sew fi ħdan l-OECD u għandha impatt normattiv barra l-OECD. Ħafna Stati Membri jiddikjaraw li huma japplikaw l-Approċċi Komuni, b’mod partikolari l-aspetti ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni definit mill-OECD. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha b’eċċezzjoni waħda (il-Bulgarija 10 ) jirrapportaw il-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tixħim u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. Huma jirrapportaw ukoll il-konformità mal-Prinċipji u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Promozzjoni ta’ Prattiki ta’ Self Sostenibbli fil-Forniment ta’ Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjali lil Pajjiżi bi Dħul Baxx. L-aderenza ma’ dan tal-aħħar timxi id f’id ma’ aderenza mill-qrib mal-politiki tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali fir-rigward ta’ prattiki ta’ self sostenibbli 11 .
Dawn it-tliet Rakkomandazzjonijiet tal-OECD — li jiffokaw speċifikament fuq il-krediti għall-esportazzjoni — għandhom rwol ewlieni iżda mhux esklussiv. Il-politiki tal-Istati Membri huma wkoll infurmati mill-istandards internazzjonali u l-acquis usa’ tal-UE. Ir-referenzi għall-objettivi, l-istandards u l-linji gwida tal-UE fir-rapporti juru li qed jitqiesu kemm l-istrumenti ta’ liġi mhux vinkolanti kif ukoll dawk vinkolanti u li l-ispirtu huwa importanti daqs l-ittra tal-liġi. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri jirrapportaw li jikkonformaw ma’ parametri referenzjarji internazzjonali oħra sabiex jagħtu skrutinju msaħħaħ lil sehem saħansitra akbar ta’ tranżazzjonijiet. Dawn jinkludu naturalment il-punti ta’ riferiment imsemmija fl-Approċċi Komuni, jiġifieri l-Istandards ta’ Prestazzjoni Ambjentali u Soċjali tal-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali
12
(Standards ta’ Prestazzjoni tal-IFC), il-Linji Gwida dwar is-Saħħa u s-Sikurezza u l-Ambjent tal-Grupp tal-Bank Dinji (Linji Gwida tal-EHS) u l-Politiki ta’ Salvagwardja tal-Bank Dinji
13
, iżda wkoll il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem
14
, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali għal imġiba responsabbli
15
, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
16
, id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol
17
u l-Prinċipji tal-Ekwatur
18
.
Stat Membru wieħed (l-Awstrija) jirrapporta li żviluppa metodoloġija ta’ valutazzjoni bbażata fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u wieħed (l-Iżvezja) jirreferi għall-adeżjoni tiegħu mal-Prinċipji tal-Patt Globali tan-NU. Barra minn hekk, xi Stati Membri jagħmlu referenzi espliċiti għal inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima
19
.
L-approċċi Komuni qed jitqiesu dejjem aktar bħala standard minimu. L-Istati Membri jikkwotaw dejjem aktar objettivi jew kunsiderazzjonijiet ta’ politika addizzjonali, li jikkomplementaw dawk imnaqqxa fl-Approċċi Komuni (eż. is-sostenibbiltà soċjali u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa). F’ħafna oqsma, l-Istati Membri japplikaw il-miżuri addizzjonali tagħhom stess sabiex jiżguraw li l-appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni jkun disponibbli biss għal tranżazzjonijiet li jissodisfaw sett strett ta’ standards, u li jistgħu jkunu marbuta mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Biex jingħata eżempju wieħed biss, fis-snin li għaddew, diversi ECAs ħadu deċiżjonijiet speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-klima, li jinkludu tmiem espliċitu tal-appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni lill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam 20 . Il-konverġenza tal-politika fl-UE hija murija mill-fatt li l-UE ppreżentat proposta lill-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati f’April 2021 biex ittemmu immedjatament il-forniment ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u għajnuna marbuta għas-settur tal-enerġija mill-faħam. L-Istati Membri jsemmu wkoll l-impenn kontinwu tagħhom biex itejbu u jiżviluppaw dixxiplini eżistenti.
(c)Informazzjoni oħra li tinsab fir-Rapporti Annwali tal-Attività
Il-maġġoranza tal-ECAs għandhom politika ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva 21 li tipikament tinvolvi mhux biss sforzi interni iżda wkoll djalogu mill-qrib mal-klijenti tal-ECA. F’dan il-kuntest, l-ECAs qed jevalwaw dejjem aktar il-prattiki tagħhom stess u qed jiżviluppaw pjanijiet biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom stess (politiki tal-ivvjaġġar, eċċ 22 .). Meta l-ECA tkun kumpanija privata, normalment ikollha politika waħda fl-attivitajiet kollha tagħha (pubblika u privata) u dawn ma jkunux distinti fir-rapporti dwar is-sostenibbiltà jew fil-politiki ppubblikati.
It-trasparenza hija kwistjoni vitali: L-Istati Membri joqogħdu attenti li jiżguraw li l-ECAs joperaw bl-aktar mod trasparenti possibbli filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità li tista’ tkun meħtieġa għal tranżazzjonijiet kummerċjali. Skont l-Approċċi Komuni 23 , il-proċedura armonizzata madwar l-ECAs tal-UE hija d-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dettaljata (inklużi rapporti tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u Soċjali) għal proġetti li jista’ jkollhom il-potenzjal li jkollhom impatti ambjentali jew soċjali negattivi minħabba l-karatteristiċi tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn billi jiżvelaw aktar informazzjoni dwar tranżazzjonijiet speċifiċi jew dwar il-proċeduri ta’ valutazzjoni tagħhom (b’xi eċċezzjonijiet, b’mod ġenerali, l-ECAs tal-UE jippubblikaw ammont kbir ta’ informazzjoni tradotta bl-Ingliż fuq is-siti web tagħhom).
(d)Konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni:
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fil-livell tal-UE, l-Istati Membri huma obbligati skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 li jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni Rapport Annwali tal-Attività, li jirrapporta f’konformità mal-qafas leġiżlattiv nazzjonali tagħhom ċerta informazzjoni finanzjarja u operattiva dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ kreditu għall-esportazzjoni, li jinkludi wkoll informazzjoni dwar kif jiġu indirizzati r-riskji ambjentali.
Skont il-Paragrafu 3 tal-Anness I “il-Kummissjoni għandha tipproduċi analiżi annwali għall-Parlament Ewropew ibbażata fuq din l-informazzjoni, inkluża evalwazzjoni rigward il-konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jelenka l-objettivi ġenerali tal-Unjoni fl-Artikolu 3 24 l-prinċipji u l-objettivi tal-Azzjoni Esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 21 tiegħu.
Fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tal-UE, issir referenza għall-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 206 fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-Istati Membri kollha li rrappurtaw jipprovdu evidenza li għandhom politiki stabbiliti biex jakkumpanjaw il-ġestjoni tal-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni tagħhom li huma konformi mal-objettivi tal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika speċifiċi għall-kreditu għall-esportazzjoni żviluppati fl-OECD — l-unika organizzazzjoni internazzjonali li żviluppat regoli speċjalizzati għal dan il-qasam ta’ politika s’issa — huma fl-użu komuni, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-attivitajiet tal-Istati Membri jmorru lil hinn minn dan il-livell.
Sabiex tapprofondixxi l-kapaċità tal-Kummissjoni li tkompli tivvaluta l-attivitajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u f’konsultazzjoni ma’ diversi partijiet ikkonċernati, ipproponiet lill-Istati Membri biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-Rapporti Annwali tal-Attività. Ġie żviluppat mudell rivedut u estiż għall-eżerċizzju ta’ rappurtar li se jintuża mill-Istati Membri mis-sena kalendarja 2020.
Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni dwar jekk l-Istati Membri humiex konformi mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni; il-Kummissjoni Ewropea wettqet ir-rieżami annwali tagħha f’konformità mal-Anness I. Bħala tali, ir-rieżami tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Attività ppreżentati mill-Istati Membri, u ma jistax jitqies eżawrjenti. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni disponibbli tipprovdi evidenza qawwija li l-ECAs huma konformi mal-Artikoli 3 u 21 tat-TUE u ma tipprovdix evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità minn ebda Stat Membru. Naturalment, l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jkunu jixtiequ jistabbilixxu miri politiċi aktar ambizzjużi b’mod konġunt. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tiffaċilita u tippromwovi djalogu interistituzzjonali f’dan ir-rigward iżda sadanittant trid twettaq l-evalwazzjoni tagħha skont il-Paragrafu 3 tal-Anness I.
Fir-rigward tal-konformità mal-obbligi internazzjonali u l-obbligi skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, ma kien hemm l-ebda tilwim fil-livell tad-WTO li jinvolvi programmi Ewropej ta’ kreditu għall-esportazzjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar. Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea ma rċeviet l-ebda lment dwar ksur potenzjali tal-liġi tal-UE li jinvolvi ECAs.