Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
8 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u (3) u punt 1(e) tal-Artikolu 3 tal-anness – Kunċett ta’ ‘klawżola inġusta’ – Klawżola li għandha bħala għan jew bħala effett li timponi kumpens ta’ ammont sproporzjonament għoli fuq konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu – Artikolu 4(2) – Klawżoli li jaqgħu taħt id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt – Kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn konsumatur u kummerċjant – Klawżola li timponi penalità fuq il-konsumatur għal kull jum ta’ ħlas tardiv – Klawżola li teżiġi lill-konsumatur, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt qabel tmiem il-perijodu minimu ta’ impenn minħabba raġuni attribwibbli lill-konsumatur, iħallas lill-kummerċjant l-ammont dovut għall-perijodu residwali”
Fil-Kawżi magħquda C‑872/24 u C‑909/24,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Arad (il-Qorti tal-Kontea ta’ Arad, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Diċembru 2024 (Kawża C‑872/24), u permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Diċembru 2024 (Kawża C‑909/24), fil-proċeduri
Digi România SA
vs
VK (C‑872/24),
u
Investcapital Ltd
vs
PN (C‑909/24),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn S. Rodin, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, N. Piçarra (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Investcapital Ltd, minn Y. Beşleagă, A. Stoica u V. Stoica, avocaţi,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Boitoş u P. Kienapfel, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (3) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), tal-Artikoli 101, 105 u 107 kif ukoll tal-punt 2.4 tal-Anness IX tad-Direttiva 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36.).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn Digi România SA, impriża rregolata mid-dritt Rumen, u VK, konsumatur (Kawża C‑872/24), u Investcapital Ltd, impriża rregolata mid-dritt Rumen, u PN, konsumatur (Kawża C‑909/24), dwar l-ammonti mitluba minn dawn l-impriżi abbażi ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konklużi ma’ dawn il-konsumaturi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
3 It-tmien u d-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu:
“[b]illi ż-żewġ programmi tal-Komunità għal politika tal-protezzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur [...] saħqet fuq l-importanza li jiġu salvagwardati l-konsumaturi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt; billi din il-protezzjoni għandha tkun provduta mil-liġijiet u r-regolamenti li jew jiġu armonizzati f’livell Komunitarju jew jiġu adottati direttament f’dak il-livell;
[...]
[b]illi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; [...] [i]s-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti [...]”
4 Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur.
5 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
(b) ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;
(ċ) ‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”
6 L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
[...]
3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”
7 Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13:
“L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”
8 L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
9 L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
10 Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva:
“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”
11 L-Anness tad-Direttiva 93/13, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)”, fil-punt 1(e) tiegħu, jirreferi, b’mod partikolari, għal dawk li għandhom l-għan jew l-effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.
Id-Direttiva 2002/22
12 Il-premessa 30 tad-Direttiva 2002/22, li ġiet abrogata b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2020, konformement mal-Artikolu 125 tad-Direttiva 2018/1972, kienet tipprovdi:
“[...] B’żieda mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tirrelata mal-kuntratti, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill [93/13] u d-Direttiv[i] [97/7] u [93/13], japplikaw għal transazzjonijiet tal-konsumatur li jirrelataw ma’ networks u servizzi elettroniċi. [...]”
13 Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/22 kien ifformulat kif ġej:
“Il-paragrafi 2, 3 u 4 japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità għall-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttiv[i] [97/7] u [93/13], u r-regoli nazzjonali b’konformità mar-regoli tal-Komunità.”
Id-Direttiva 2018/1972
14 Il-premessa 258 tad-Direttiva 2018/1972 tipprovdi:
“[...] B’żieda ma’ din id-Direttiva, ir-rekwiżiti tal-liġi eżistenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tirrelata mal-kuntratti, b’mod partikolari d-Direttiva [93/13] u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64)], japplikaw għal transazzjonijiet tal-konsumatur li jirrelataw man-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. [...]”
Id-Direttiva dwar il-VAT
15 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), jipprovdi:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”
Id-dritt Rumen
16 L-Artikolu 4 tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniști și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi bejn il-Kummerċjanti u l-Konsumaturi), tas‑6 ta’ Novembru 2000 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 543, tat‑3 ta’ Awwissu 2012), li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen, jipprovdi:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata direttament mal-konsumatur titqies bħala inġusta jekk, ikkunsidrata iżolament jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt, toħloq, bi ħsara għall-konsumatur u kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fede, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.
[...]
4. L-Anness, li jifforma parti integrali minn din il-liġi, jinkludi, bħala eżempju, lista ta’ klawżoli meqjusa bħala inġusti.”
17 Il-paragrafu 1(i) tal-anness ta’ din il-liġi jipprevedi:
“Dispożizzjonijiet kuntrattwali li jobbligaw lil konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu jħallas kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli meta mqabbel mad-dannu mġarrab mill-kummerċjant għandhom jitqiesu bħala klawżoli inġusti”.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑872/24
18 Fil‑5 ta’ Settembru 2013, VK ikkonkluda ma’ Digi România kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli u ta’ aċċess għall-internet, li ġie estiż permezz ta’ emenda tas‑27 ta’ Ġunju 2016. Peress li VK ma ħallasx il-pagamenti mensili dovuti, Digi România invokat il-klawżola ta’ xoljiment awtomatiku li tinsab f’dan il-kuntratt u, għall-perijodu bejn l‑2019 u l‑2022, hija talbet lil VK is-somma ta’ 807.25 lei Rumen (RON) (madwar EUR 161.45) fir-rigward ta’ dejn prinċipali li jikkorrispondi għall-fatturi dovuti u mhux imħallsa, flimkien ma’ penalitajiet moratorji kkalkolati bir-rata ta’ 0.2 % tad-dejn prinċipali għal kull jum ta’ dewmien.
19 Digi România adixxiet lill-Judecătoria Arad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Arad, ir-Rumanija) b’azzjoni kontra VK, intiża għall-irkupru tal-ammont dovut bħala fatturi mhux imħallsa, kif ukoll għal kumpens ta’ ammont ta’ RON 289.92 (madwar EUR 57.98) għall-attivazzjoni tas-servizz u għall-użu tal-pakkett Optim illimitat.
20 Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, il-Judecătoria Arad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Arad) ċaħdet parzjalment din l-azzjoni. Din il-qorti ddikjarat inġusta l-klawżola kuntrattwali li tipprevedi penalitajiet għal ħlas tardiv sa 0.2 % tad-dejn prinċipali għal kull jum ta’ dewmien, minħabba li hija kienet timponi fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, kumpens ta’ ammont manifestament sproporzjonat meta mqabbel mad-dannu mġarrab mill-kummerċjant. Hija ppreċiżat li, meta kkalkolata fuq sena, ir-rata tal-penalitajiet moratorji kienet tammonta għal 73 % tad-dejn prinċipali, li teċċedi b’mod sinjifikattiv ir-rata ta’ interessi legali, stabbilita għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment tal-Banca Națională a României (il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija), miżjuda b’erba’ punti perċentwali.
Il-Kawża C‑909/24
21 Bejn it‑23 ta’ Novembru u t‑8 ta’ Diċembru 2017, PN ikkonkluda ma’ Orange România S.A. erba’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli u ta’ aċċess għall-internet. Peress li PN ma ħallsitx il-pagamenti mensili dovuti, Orange România bbażat ruħha fuq il-klawżola ta’ xoljiment awtomatiku li tinsab f’dawn il-kuntratti u talbet lil PN, minn naħa, is-somma ta’ RON 272.62 (madwar EUR 54.52) bħala dejn prinċipali li jikkorrispondi għas-servizzi pprovduti u mhux imħallsa, li magħha żdiedu penalitajiet moratorji kkalkolati bir-rata ta’ 0.5 % tad-dejn prinċipali għal kull jum ta’ dewmien, u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ RON 5 648.64 (madwar EUR 1 129.72) bħala danni għan-nuqqas ta’ osservanza tat-tul ta’ impenn ta’ 24 xahar previst mill-imsemmija kuntratti.
22 Wara l-assenjazzjoni minn Orange România lil Investcapital, fit‑30 ta’ Marzu 2022, tal-pretensjoni kontra PN taħt il-kuntratti msemmija fil-punt preċedenti, Investcapital adixxiet lill-Judecătoria Arad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Arad) b’azzjoni kontra PN, intiża għall-irkupru tal-ammonti li jikkorrispondu għal din il-pretensjoni, flimkien mal-interessi legali b’effett mid-data li fiha ġiet adita dik il-qorti.
23 Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, il-Judecătoria Arad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Arad) iddikjarat inġusta, għal raġunijiet identiċi għal dawk stabbiliti fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Marzu 2024, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-klawżola kuntrattwali li timponi penalitajiet għal ħlas tardiv sa 0.5 % tad-dejn prinċipali għal kull jum ta’ dewmien. Hija ddikjarat inġusta wkoll il-klawżola kuntrattwali li tawtorizza lill-kummerċjant jitlob il-ħlas ta’ danni fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, għal raġuni imputabbli lill-konsumatur, ta’ kuntratt li jipprevedi perijodu ta’ impenn ta’ 24‑il xahar sa fejn, minn naħa, din il-klawżola ma kinitx ġiet innegozjata direttament ma’ dan il-konsumatur u, min-naħa l-oħra, sa fejn kienet timponi fuq dan tal-aħħar il-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont li jeċċedi dak tad-dannu mġarrab mill-kummerċjant minħabba dan ix-xoljiment.
24 Adita b’appelli ppreżentati minn Investcapital u Digi România, mis-sentenzi mogħtija fit‑22 ta’ Frar u fil‑21 ta’ Marzu 2024 rispettivament, it-Tribunalul Arad (il-Qorti tal-Kontea ta’ Arad, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis neċessarju, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk u, skont il-każ, sa fejn id-Direttiva 93/13 hija applikabbli għall-klawżoli li jimponu penalitajiet għal ħlas tardiv inklużi fil-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan is-settur ta’ attività, bħal dik li tirregola b’mod ġenerali l-interessi moratorji, ma tipprevedi ebda limitazzjoni fir-rigward tal-penalitajiet moratorji imposti fuq il-konsumatur, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari, għas-servizzi bankarji. Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-klawżoli jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u tistaqsi jekk din tal-aħħar tippermettix li jitnaqqsu l-penalitajiet moratorji previsti mill-imsemmija klawżoli.
25 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klawżola li tinsab fil-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konklużi fil-kuntest tal-Kawża C‑909/24, li tipprovdi li l-konsumatur, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt għal raġuni imputabbli lilu, huwa obbligat iħallas danni li jikkorrispondu għall-ammont li kien ikollu jħallas għall-perijodu residwu ta’ impenn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat tali ammont bħala remunerazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, jimplikax li l-klawżola kuntrattwali li tipprevedi dan l-ammont għandha tiġi kklassifikata bħala klawżola dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Din il-qorti tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv u li, għaldaqstant, skont dan l-Artikolu 4(2), tali klawżola ma tistax tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fid-dawl ta’ din l-aħħar direttiva fir-rigward tan-natura inġusta tagħha.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Arad (il-Qorti tal-Kontea ta’ Arad) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel d-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑872/24:
“1) Il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, li timponi ċerta limitazzjoni tal-interessi moratorji fil-kuntest tar-relazzjonijiet ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża, għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mill-operat ta’ impriża b’kontenut normattiv differenti, b’tali mod li ma tistabbilixxix limitu għal dawn il-penalitajiet applikabbli għar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (telefonija mobbli u provvista tal-internet) u konsumatur, iżda tistabbilixxi tali limitazzjoni għal relazzjonijiet oħra, bħal pereżempju l-attivitajiet bankarji, għandu jiġi kkunsidrat bħala element kostituttiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikoli 56 et seq. TFUE, kif irregolata fil-qasam settorjali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mid-Direttiva [2002/22] u mid-Direttiva [2018/1972], jew, għall-kuntrarju, limitazzjoni tal-imsemmija penalitajiet favur il-konsumaturi tista’ ssir b’mod ġudizzjarju, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [93/13], u b’mod partikolari tal-punt [1](e) tal-anness ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li tista’ titqies li hija inġusta klawżola li tirrikonoxxi lill-bejjiegħ jew lill-fornitur id-dritt li jeżiġi minn kull konsumatur li ma jeżegwixxix l-obbligu li jħallas kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli?
2) L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari tal-punt [1](e) tal-anness ta’ din id-direttiva, jimplikaw, fil-kuntest tal-analiżi tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola penali li tiffissa l-ammont tal-interessi moratorji dovuti minn konsumatur għan-nuqqas ta’ ħlas mal-iskadenza tal-korrispettiv għall-fatturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (telefonija mobbli u provvista tal-internet) għal [0.2] % għal kull jum ta’ dewmien:
– obbligu għall-qorti li tirreferi għall-ammont tal-imsemmija interessi kkalkolati fuq sena, jiġifieri għar-rata ta’ 182.5 % fis-sena, b’tali mod li n-natura inġusta tal-imsemmija penalitajiet tista’ tiġi ddeterminata esklużivament billi dawn jitqabblu f’analiżi mal-ammont tal-interessi legali li jkun applikabbli li kieku l-partijiet ma kinux iffissaw ammont iddeterminat ta’ interessi moratorji
jew
– il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll it-tul effettiv li għalih qiegħda tintalab il-penalità ta’ 0.5 %, jiġifieri n-numru ta’ ġranet relatati ma’ din it-talba, u tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, il-portata effettiva tal-ammont mitlub bħala penalità meta mqabbla mal-ammont tad-dejn prinċipali?
3) Fil-kuntest tal-analiżi tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola penali li tiddetermina l-ammont tal-interessi moratorji dovuti minn konsumatur minħabba nuqqas ta’ ħlas mal-iskadenza tal-korrispettiv għall-fatturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (telefonija mobbli u provvista tal-internet) għal [0.2] % għal kull jum ta’ dewmien, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-punt [1](e) tal-Anness ta’ din id-direttiva, jimponu jew le li l-qorti tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra s-somom dovuti mill-konsumatur, l-eventwali dannu mġarrab mill-bejjiegħ jew mill-fornitur li, min-naħa tiegħu, huwa marbut ma’ relazzjonijiet ġuridiċi li fil-kuntest tagħhom jassumi obbligi analogi f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-interessi moratorji li huwa jkollu jħallas minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ ħlas tiegħu stess?
4) Ammont ta’ penalità għal dewmien iddeterminat b’mod konkret jista’ jitqies li huwa inġust sa fejn jeċċedi l-ammont tad-dejn prinċipali dovut minn konsumatur?”
27 Fil-Kawża C‑909/24, it-Tribunalul Arad (il-Qorti tal-Kontea ta’ Arad) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari identiċi għal dawk magħmula fil-Kawża C‑872/24, kif ukoll il-ħames sas-seba’ domanda preliminari segwenti:
“5) Il-kjarifika magħmula mill-[Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C-295/17, EU:C:2018:942)] tal-ammont iddeterminat minn qabel li operatur ekonomiku jirċievi fil-każ ta’ xoljiment antiċipat mill-klijent tiegħu, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għal dak li dan l-operatur kien jirċievi matul il-bqija ta’ dan il-perijodu fl-assenza ta’ tali xoljiment, fis-sens li din tikkostitwixxi remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u li hija suġġetta, bħala tali, għat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jew le natura awtonoma, b’tali mod li din il-klassifikazzjoni tapplika esklużivament għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-VAT, jew din tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni anki fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, bil-għan li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola li tiffissa tali spejjeż, minħabba l-klassifikazzjoni tagħha bħala klawżola relatata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u mal-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bi ħlas, min-naħa l-oħra, sakemm din il-klawżola titqies li hija mfassla b’mod ċar u komprensibbli?
6) Fil-każ li r-risposta għad-domanda [preċedenti] tkun li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq hija awtonoma u, għalhekk, din l-interpretazzjoni hija applikabbli esklużivament għad-Direttivi dwar il-VAT, jekk u sa liema punt l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/22 kif ukoll tal-Artikoli 101, 105 u 107 tad-Direttiva 2018/1972, u tal-kontenut tal-punt 3(iv) tal-Parti A tal-Anness VIII, u tal-punt 2.4 tal-Anness IX għal din l-aħħar direttiva, jippermettu l-klassifikazzjoni bħala inġusta ta’ klawżola kuntrattwali mdaħħla f’kuntratt ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (telefonija mobbli u provvista tal-internet) li jaqgħu taħt id-Direttiva 2002/22 jew id-Direttiva 2018/1972 li tistabbilixxi ammont li jista’ jintalab bħala kumpens minn operatur ekonomiku u li jikkorrispondi għall-ammont li dan l-operatur kien jirċievi għall-bqija tal-perijodu inkwistjoni fl-assenza ta’ tali xoljiment, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat mill-konsumatur, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn, konformi, fit-tul tiegħu, mal-limitu ta’ 24 xahar impost mill-Artikolu 105 tad-Direttiva 2018/1972:
– meta mqabbel mal-ammont ta’ din is-somma u abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu bħala sproporzjonat għad-dannu mġarrab mill-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, jew
– fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta’ żbilanċ ġuridiku bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet minħabba l-fatt li huwa biss il-konsumatur, u mhux il-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet, li huwa responsabbli għall-ħlas ta’ tali penalità, meta l-istess kuntratt jimponi fuq il-fornitur il-ħlas ta’ kumpens ugwali għall-korrispettiv tas-servizz mhux ipprovdut jew ipprovdut indebitament jekk dan tal-aħħar ma josservax il-parametri ta’ kwalità ddefiniti minn qabel?
7) Fil-kuntest tal-analiżi tad-domanda preċedenti, x’inhi r-rilevanza tal-fatt li l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (telefonija mobbli u provvista tal-internet) ibbenefika, matul perijodu minimu ta’ 24 xahar, minn ċerti offerti promozzjonali li jikkonsistu fi tnaqqis fil-prezz meta xtara apparat jew servizzi, meta l-fatti kkonstatati juru li l-valur tat-tnaqqis huwa inkluż fil-valur tal-abbonament ikkalkolat għall-perijodu kuntrattwali kollu?”
28 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Frar 2025, il-Kawżi C‑872/24 u C‑909/24 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda
29 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-każ, tirriformula d-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis neċessarju li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha u li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom jista’ jrendi superfluwa l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).
30 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis ġustament li l-klawżoli kuntrattwali kontenzjużi li jipprevedu penalitajiet moratorji jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx l-għan jew l-effett li jimponu fuq il-konsumatur li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu kumpens ta’ ammont sproporzjonat, u jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwiex possibbli li dan l-ammont jitnaqqas. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 2(b) u (ċ), mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, li din il-qorti ma rreferietx għalihom fil-formulazzjoni tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, huma suffiċjenti sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi interpretat l-Artikolu 56 TFUE.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 1(e) tal-anness tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 2(b) u (ċ), mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż bejn kummerċjant u konsumatur li timponi fuq dan tal-aħħar penalitajiet għal ħlas tardiv ta’ ċertu ammont, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan is-settur ta’ attività ma tipprevedi ebda limitazzjoni fir-rigward tal-ammont ta’ dawn il-penalitajiet, għall-kuntrarju ta’ dik li tirregola setturi oħra ta’ attività ekonomika. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi, minn naħa, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura eventwalment sproporzjonata tal-ammont tal-penalitajiet kuntrattwalment imposti fuq il-konsumatur, u, min-naħa l-oħra, jekk l-istess direttiva tippermettix lill-qorti nazzjonali tnaqqas tali ammont.
32 Fl-ewwel lok, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 93/13 hija direttiva ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, moqri fid-dawl tat-tmien premessa ta’ din id-direttiva, din hija intiża li tapplika għall-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur, kif iddefiniti rispettivament fl-Artikolu 2(ċ) u (b) tal-imsemmija direttiva, indipendentement mis-settur tal-attività ekonomika kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce, C‑365/23, EU:C:2025:192, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Konsegwentement, id-Direttiva 93/13 hija applikabbli għal kuntratti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn kummerċjant u konsumatur, mingħajr ma jkollha effett f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika għal dan is-settur ta’ attività u li ma tipprevedi ebda limitu massimu tal-penalitajiet għal ħlas tardiv li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur. Minn dan isegwi li l-klawżoli li jinsabu f’tali kuntratti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura inġusta tagħhom, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u l-punt 1(e) tal-anness tagħha.
34 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/22, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, kif ukoll mill-premessa 258 tad-Direttiva 2018/1972, li minnha jirriżulta espressament li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 japplikaw għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mwettqa mill-konsumaturi.
35 Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola kuntrattwali konkluża bejn konsumatur u kummerċjant għandha titqies inġusta jekk ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur.
36 Kif jistabbilixxi l-Artikolu 3(3) ta’ din id-Direttiva, l-anness tagħha jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli kuntrattwali li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, fosthom fil-punt 1(e) ta’ dan l-anness, dawk li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jimponu fuq il-konsumatur li ma jeżegwixxix l-obbligi tiegħu kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli.
37 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ammont ta’ tali kumpens għandu jkun proporzjonat man-natura tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Topaz, C‑211/17, EU:C:2019:906, punti 58 u 59).
38 Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk il-livell tar-rata ta’ interessi moratorji stabbilita minn klawżola li tistabbilixxi penalitajiet moratorji hijiex xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għanijiet tagħha mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan, il-qorti kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet u, b’mod partikolari, tqabbel ir-rata ta’ interessi moratorji prevista kuntrattwalment mar-rata ta’ interessi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 74).
39 F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Istati Membri jistgħu, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, li jippermettilhom jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur, jistabbilixxu lista nazzjonali ta’ klawżoli li għandhom jiġu kklassifikati bħala inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru pollakk ta’ klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punti 39, 40 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 Meta l-Istati Membri jestendu l-protezzjoni prevista fil-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13 u fl-anness tagħha billi jiddikjaraw bħala inġusti, b’mod ġenerali, il-klawżoli standard li huma elenkati fil-punt 1 ta’ dan l-anness, ma huwiex meħtieġ eżami addizzjonali tal-klawżola kuntrattwali kontenzjuża skont il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, sakemm tali klawżola tkun materjalment ekwivalenti għal dik prevista mil-lista nazzjonali, fir-rigward b’mod partikolari tal-effetti li hija tipproduċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru pollakk ta’ klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punti 42 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
41 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 193/2000 u l-anness ta’ din il-liġi huma intiżi sabiex jistabbilixxu lista nazzjonali ta’ klawżoli li għandhom jiġu kklassifikati bħala inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 61). Fost il-klawżoli standard elenkati f’dan l-anness hemm, fil-paragrafu 1(i), dik li timponi lil konsumatur li ma jeżegwixxix l-obbligi kuntrattwali tiegħu jħallas kumpens ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mad-dannu mġarrab mill-kummerċjant.
42 Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-klawżoli kuntrattwali li jimponu interessi moratorji fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jeħtiġux eżami addizzjonali skont il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, sakemm, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, dawn il-klawżoli jkunu materjalment ekwivalenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li huma jipproduċu, għall-klawżola li tinsab fil-paragrafu 1(i) tal-anness tal-Liġi Nru 193/2000. F’dan ir-rigward, il-professjonist ikkonċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta din l-ekwivalenza quddiem il-qorti kompetenti, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja skont il-proċeduri previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Getin Noble Bank et (Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli), C‑531/22, EU:C:2024:58, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk qorti ta’ Stat Membru tistax, meta tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li timponi penalitajiet moratorji, mingħajr madankollu ma tillimita l-ammont tagħhom, tnaqqas dan tal-aħħar abbażi tad-Direttiva 93/13, mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn kummerċjant ma jorbtux lil dan il-konsumatur, kif ipprovdut fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. It-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi li tali kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet “[skont] dawn il-klawżoli” jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti “mingħajr il-klawżoli inġusti”.
44 Mill-kliem tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-qrati nazzjonali huma obbligati jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma jipprekludix dan, mingħajr ma jkunu awtorizzati jirrevedu l-kontenut ta’ din tal-aħħar. Dan il-kuntratt għandu jibqa’ jeżisti, fil-prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra għajr dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżola inġusta, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali eżistenza tkun legalment possibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2024, Investcapital, C‑658/23, EU:C:2024:716, punti 48, 52 u 56).
45 Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għan u mill-iskema ġenerali tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni dgħajfa meta mqabbla mal-kummerċjant fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-istati Membri jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2024, Investcapital, C‑658/23, EU:C:2024:716, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Li kieku l-qorti nazzjonali tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dawn il-kuntratti, tali possibbiltà tkun tista’ timmina t-twettiq tal-għan fuq żmien twil previst f’dan l-Artikolu 7, peress li timmina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-kummerċjanti tal-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tali klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
47 Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-qorti nazzjonali, meta tkun stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola li timponi penalitajiet moratorji għal ħlas tardiv li tinsab f’kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, tillimita ruħha, anki jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzaha tagħmel dan, li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur minn din il-klawżola, iżda tobbligaha teskludi purament u sempliċement l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola fir-rigward tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2024, Investcapital, C‑658/23, EU:C:2024:716, punt 58).
48 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 1(e) tal-anness tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 2(b) u (ċ), mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż bejn kummerċjant u konsumatur li timponi fuq dan tal-aħħar penalitajiet għal ħlas tardiv ta’ ċertu ammont taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u tista’ tiġi ddikjarata bħala inġusta, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan is-settur ta’ attività ma tipprevedi ebda limitazzjoni fir-rigward tal-ammont ta’ dawn il-penalitajiet, għall-kuntrarju ta’ dik li tirregola setturi oħra ta’ attività ekonomika.
– fejn id-dritt nazzjonali jikklassifika espliċitament bħala inġusta klawżola kuntrattwali li jkollha bħala għan jew bħala effett li timponi fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli, jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, mingħajr ma jitwettaq eżami addizzjonali skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżoli li jkunu materjalment ekwivalenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li huma jipproduċu, għall-klawżola prevista mid-dritt nazzjonali, liema aspett għandu jiġu ddeterminat waqt seduta kontradittorja bejn il-kummerċjant u l-konsumatur, skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan mir-regoli proċedurali nazzjonali;
– il-qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli mingħajr ma tkun tista’ tnaqqas l-ammont tal-penalitajiet għal ħlas tardiv li huma jipprevedu.
Fuq il-ħames domanda
49 Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn għal raġuni imputabbli lilu, iħallas lill-kummerċjant ikkonċernat kumpens ta’ ammont li jikkorrispondi għall-pagamenti mensili residwi, minkejja li tali kumpens ġie kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, bħala “remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.
50 Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mad-dsatax-il premessa tagħha, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ma tirrigwardax, b’mod partikolari, id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sakemm dawn il-klawżoli jkunu mfassla b’mod ċar u komprensibbli.
51 Din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk eċċezzjoni għall-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentata minn din id-direttiva u, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 30).
52 Il-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[suġġett prinċipali] tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jinftiehmu bħala dawk li jistabbilixxu s-servizzi essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Għall-kuntrarju, il-klawżoli li huma ta’ natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza anki tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett ta’ “[suġġett prinċipali] tal-kuntratt” (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 F’dan il-każ, mid-dokumenti fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-Kawża C‑909/24 ma tiddeterminax is-servizzi essenzjali tal-kuntratt, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-prezz li l-konsumatur għandu jħallas bħala korrispettiv tagħhom, iżda hija intiża li tissanzjona l-aġir tal-konsumatur fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt għal raġuni imputabbli lilu qabel it-tmiem tal-perijodu minimu ta’ impenn previst. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, din il-klawżola ma taqax taħt il-kategorija ta’ dawk li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “[suġġett prinċipali] tal-kuntratt”, peress li hija intiża li tissanzjona l-ksur ta’ obbligu kuntrattwali, u mhux li tiddetermina l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punti 78 u 79).
54 In-natura inġusta tal-imsemmija klawżola tista’ għalhekk tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fid-dawl tad-Direttiva 93/13. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 57), ikklassifikat, għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, l-ammont iddeterminat minn qabel li l-konsumatur kellu jħallas lil operatur ekonomiku, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn għal raġuni imputabbli lil dan il-konsumatur, bħala “remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din l-aħħar direttiva.
55 Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-għanijiet distinti mfittxija mid-Direttiva 93/13 u mid-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva 93/13 huwa li tiggarantixxi l-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti li huma jikkonkludu ma’ kummerċjanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 75), filwaqt li d-Direttiva dwar il-VAT hija intiża li tistabbilixxi sistema tal-VAT li ma toħloqx distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u li ma tostakolax il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Galerie Karsten Greve, C‑433/24, EU:C:2025:600, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-għan tad-Direttiva 93/13 imfakkar fil-punt preċedenti, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Rumen imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza jikklassifikaw espressament bħala inġusta kull klawżola li tobbliga lill-konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu li jħallas kumpens ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mad-dannu mġarrab mill-kummerċjant, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu fil-parti l-kbira mċaħħda mill-effett utli tagħhom jekk, abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-qrati kompetenti jiċċaħħdu immedjatament mill-possibbiltà li jevalwaw in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-Kawża C‑909/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punti 60 u 61).
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn għal raġuni imputabbli lilu, iħallas lill-kummerċjant ikkonċernat kumpens ta’ ammont li jikkorrispondi għall-pagamenti mensili residwi, minkejja li tali kumpens ġie kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, bħala “remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din l-aħħar direttiva.
Fuq is-sitt u s-seba’ domanda
58 Kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis neċessarju li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha u li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom jista’ jrendi superfluwa l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-formulazzjoni ta’ din id-domanda.
59 Dan huwa l-każ inkwistjoni, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjoni tal-punt 1(e) tal-anness tad-Direttiva 93/13, li ma tissemmiex fil-formulazzjoni tas-sitt domanda, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, irendi superfluwa l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101, 105 u 107 kif ukoll tal-punt 3(iv) tal-Parti A tal-Anness VIII u tal-punt 2.4 tal-Anness IX tad-Direttiva 2018/1972, imsemmija fil-formulazzjoni ta’ din id-domanda.
60 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi ddikjarata inġusta klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż għal perijodu minimu ta’ 24 xahar, li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt imputabbli lill-konsumatur, dan huwa obbligat iħallas lill-kummerċjant, bħala kumpens, l-ammont dovut għall-perijodu residwali, li huwa kkalkolat billi jiġi inkluż l-ammont tal-iskontijiet mogħtija lill-konsumatur għas-servizzi u għall-beni pprovduti.
61 Kif ġie espost fil-punti 37 sa 41 ta’ din is-sentenza, għalkemm minn qari flimkien tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 u tal-punt 1(e) tal-anness tagħha jirriżulta li l-klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu jħallas lill-kummerċjant kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli tinsab f’lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 193/2000 u l-paragrafu 1(i) tal-anness ta’ din il-liġi jimponi, sabiex il-konsumaturi jingħataw protezzjoni ogħla, li tali klawżola tiġi kklassifikata bħala inġusta, mingħajr ma jkun meħtieġ eżami addizzjonali, imwettaq skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
62 Huwa għaldaqstant b’applikazzjoni ta’ din ir-regola, kif tirrikonoxxi espressament il-qorti tar-rinviju, li għandha tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-Kawża C‑909/24, bla ħsara għall-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.
63 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi ddikjarata inġusta klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż għal perijodu minimu ta’ 24 xahar, li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt imputabbli lill-konsumatur, dan huwa obbligat iħallas lill-kummerċjant, bħala kumpens, l-ammont dovut għall-perijodu residwali ta’ impenn, li huwa kkalkolat billi jiġi inkluż l-ammont tal-iskontijiet mogħtija lill-konsumatur għas-servizzi u għall-beni pprovduti.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 3(3) u l-punt 1(e) tal-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 2(b) u (ċ), mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż bejn kummerċjant u konsumatur li timponi fuq dan tal-aħħar penalitajiet għal ħlas tardiv ta’ ċertu ammont taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u tista’ tiġi ddikjarata bħala inġusta, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan is-settur ta’ attività ma tipprevedi ebda limitazzjoni fir-rigward tal-ammont ta’ dawn il-penalitajiet, għall-kuntrarju ta’ dik li tirregola setturi oħra ta’ attività ekonomika.
– fejn id-dritt nazzjonali jikklassifika espliċitament bħala inġusta klawżola kuntrattwali li jkollha bħala għan jew bħala effett li timponi fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli, jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, mingħajr ma jitwettaq eżami addizzjonali skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżoli li jkunu materjalment ekwivalenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li huma jipproduċu, għall-klawżola prevista mid-dritt nazzjonali, liema aspett għandu jiġu ddeterminat waqt seduta kontradittorja bejn il-kummerċjant u l-konsumatur, skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan mir-regoli proċedurali nazzjonali;
– il-qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli mingħajr ma tkun tista’ tnaqqas l-ammont tal-penalitajiet għal ħlas tardiv li huma jipprevedu.
2) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn għal raġuni imputabbli lilu, iħallas lill-kummerċjant ikkonċernat kumpens ta’ ammont li jikkorrispondi għall-pagamenti mensili residwi, minkejja li tali kumpens ġie kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, bħala “remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din l-aħħar direttiva.
3) L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-anness tagħha,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jippermetti li tiġi ddikjarata inġusta klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konkluż għal perijodu minimu ta’ 24 xahar, li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt imputabbli lill-konsumatur, dan huwa obbligat iħallas lill-kummerċjant, bħala kumpens, l-ammont dovut għall-perijodu residwali ta’ impenn, li huwa kkalkolat billi jiġi inkluż l-ammont tal-iskontijiet mogħtija lill-konsumatur għas-servizzi u għall-beni pprovduti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.