|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6442 |
1.12.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/6442)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Salame Cremona”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-IT-0265-AM01 - 15.9.2025
1. Isem il-prodott
“Salame Cremona”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija - id-Dipartiment għas-Sovranità tal-Ikel u l-Isports Ekwestri - l-Uffiċċju PQA 1
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-IĠP “Salame Cremona”:
|
— |
ma jinkludux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem; u |
|
— |
ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta msemmija fl-Artikolu 46(1), il-punt (b), għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, jew ir-rabta msemmija fl-Artikolu 46(2), il-punt (b), għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti; u |
|
— |
ma jinvolvux restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Emenda tal-Artikolu 4
Deskrizzjoni
Emenda 1
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4.4 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tirriformula d-dispożizzjoni dwar il-prova tal-oriġini, billi tispeċifika li huwa meħtieġ li l-partijiet kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-IĠP jiġu mmonitorjati u mqiegħda taħt il-kontroll tal-korp ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li l-prodott li l-isem tiegħu huwa rreġistrat ikun jista’ jiġi segwit u ntraċċat.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinġieb f’konformità mar-rekwiżiti skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 2
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tispeċifika l-oriġini ġenetika tal-materja prima, filwaqt li tindika l-kombinamenti ġenetiċi kollha possibbli aċċettati għall-annimali għat-tnissil kemm maskili kif ukoll femminili.
Raġuni: L-emenda tiċċara l-kombinamenti permessi ta’ inkroċjar tar-razez. Il-valutazzjoni tar-razza u tat-tip ġenetiku taż-żewġ annimali għat-tnissil hija importanti għaż-żamma tal-karatteristiċi tal-ħnieżer ta’ piż tqil, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mat-tliet razez ta’ referenza fil-Ktieb tal-Merħla Taljana maħsuba għall-produzzjoni tal-ħnieżer ta’ piż tqil.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 3
L-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma ssir l-ebda emenda fid-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal tabella li tispjega r-rekwiżiti ġenetiċi għall-ħnieżer, li turi l-kombinamenti permessi u dawk mhux permessi.
Raġuni: L-inklużjoni tat-tabella tipprovdi aktar ċarezza fid-definizzjoni tal-uniċi kombinamenti possibbli ta’ inkroċjar ġenetiku.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 4
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal referenza għal-lista tat-tipi ġenetiċi approvati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija.
Raġuni: Ir-referenza għal-lista u l-aġġornament tagħha jagħmluha possibbli li l-katina tal-produzzjoni tiġi mmonitorjata aħjar.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 5
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi r-referenza espliċita għall-projbizzjoni fuq l-użu ta’ annimali ta’ razza pura tar-razez Belgian Landrace, Hampshire, Pietrain, Duroc u Spotted Poland.
Raġuni: L-emenda hija xierqa peress li l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ dawn ir-razez hija espressa kemm fil-lista l-ġdida introdotta dwar il-kombinamenti ġenetiċi permessi u dawk mhux permessi, kif ukoll fit-tabella.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 6
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tiddefinixxi bħala “tkabbir” l-istadju li huwa deskritt fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott attwali bħala l-istadju tat-tmigħ tal-ħnieżer b’piż ħaj ta’ bejn 30 kg u 80 kg, fejn huwa speċifikat li t-tkabbir huwa l-istadju wara t-treddigħ u l-ftim.
Raġuni: L-iċċarar tal-istadju tat-“tkabbir” huwa xieraq biex tiġi ċċarata l-eżistenza ta’ stadju importanti tal-metodu tal-produzzjoni, li matulu l-ħnieżer jistgħu jintemgħu l-materja prima kollha permessa mir-regoli fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrittivi, tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa tagħhom, billi dan l-istadju jiġi wara t-treddigħ u l-ftim.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 7
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda żżid il-piż massimu fi tmiem l-istadju li issa jissejjaħ “tkabbir” minn 80 kg għal 85 kg.
Raġuni: Din iż-żieda hija marbuta mal-iżviluppi fil-ġenetika u fin-nutrizzjoni, u mal-applikazzjoni tal-istandards tal-benesseri tal-annimali (id-Direttiva 2008/120/KE), li wasslu għal titjib ġeneralizzat fil-kapaċità tal-ħnieżer għat-tkabbir.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 8
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tgħaqqad it-tliet tabelli fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott dwar l-għalf permess matul l-ewwel stadju (30-80 kg) u matul it-tieni stadju (aktar minn 80 kg) kif ukoll ir-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti, fit-“Tabella tal-materja prima permessa”, li ġiet introdotta għall-istadju tat-tkabbir u għandha tintuża wkoll għall-istadju tal-finitura.
L-ismijiet tal-materja prima li ġejja ġew emendati, b’kont meħud tan-nomenklatura prevista fir-regoli tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif aġġornat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017:
|
— |
“qamħirrum” ma għadux jissejjaħ “mais” bit-Taljan iżda minflok “granturco” ; |
|
— |
“semolina” issa tissejjaħ “grixa”; |
|
— |
“nifel deidrat” issa jissejjaħ “nifel (imnixxef b’temperaturi għoljin)”; |
|
— |
“espellent taż-żerriegħa tal-kittien” ma għadux jissejjaħ “lino, expeller” bit-Taljan iżda minflok “panello di lino” , u miegħu ġew miżjuda dawn li ġejjin: “għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien”, “grixa taż-żerriegħa tal-kittien”, “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien”; |
|
— |
“karfa tat-tuffieħ u tal-lanġas, qxur tal-għeneb jew tat-tadam bħala portaturi għal supplimenti nutrittivi” issa jissejħu “polpa tal-frott u polpa tat-tadam (karfa tat-tadam) bħala portaturi premixxeli”; |
|
— |
“ħmira tal-birrerija u/jew ħmira tat-torula” issa jissejħu “ħmira”; |
|
— |
“grixa tal-estrazzjoni min-nebbieta tal-qamħirrum” (bl-użu tal-kelma “mais” bit-Taljan) issa jissejjaħ “grixa min-nebbieta tal-qamħirrum” (bl-użu tal-kelma “granturco” bit-Taljan); |
|
— |
“ħabba tad-distillerija” issa tissejjaħ “ħbub u partikoli solubbli mnixxfa tad-distillerija”, filwaqt li huwa speċifikat li dawn huma “mifhuma bħala prodotti miksuba meta jiġi prodott l-alkoħol permezz tal-fermentazzjoni u d-distillazzjoni tal-polpa tal-qmuħ taċ-ċereali u/jew prodotti oħra li fihom il-lamtu u z-zokkor”; |
|
— |
“pitravi, polpa deidrata” issa tissejjaħ “polpa deidrata tal-pitravi”; |
|
— |
“frakass tal-fdal tal-aringa” issa jissejjaħ “frakass tal-fdal tal-ħut”; |
Il-materja prima li ġejja tneħħiet:
|
— |
“ħarrub mingħajr għadma”; |
|
— |
“liżati tal-proteina”; |
|
— |
“patata deidrata”; |
|
— |
“manjoka”; |
|
— |
“polpa mxarrba ppressata u insilata tal-pitravi”; |
|
— |
“żerriegħa tal-ġirasol, estratta”; |
|
— |
“proteini tal-annimali, fejn permessi mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”. |
Ir-referenza speċifika għall-“ħafur” tħassret.
Il-kwantità tal-materja prima li ġejja nbidlet:
|
— |
“xorrox tal-butir” għall-istadju tat-tkabbir biss (li jinbidel għal massimu ta’ 250 g ta’ materja niexfa għal kull annimal kuljum); |
|
— |
“grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum” (minn mhux aktar minn 5 % sa 10 %); |
|
— |
“qamħirrum” (minn mhux aktar minn 55 % sa 65 %); |
|
— |
“sorgu” (minn mhux aktar minn 40 % sa 55 %); |
|
— |
“xgħir” (minn mhux aktar minn 40 % sa 55 %); |
|
— |
“qamħ” (minn mhux aktar minn 25 % sa 55 %); |
|
— |
“tritikal” (minn mhux aktar minn 25 % sa 55 %); |
|
— |
“polpa tal-pitravi deidrata” (minn mhux aktar minn 4 % sa 10 %); |
|
— |
“nifel, imnixxef f’temperaturi għoljin” (minn mhux aktar minn 2 % sa 4 %). |
Żdiedet il-materja prima li ġejja:
|
— |
“grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum”, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
“silaġġ tal-qamħirrum”, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
“grixa tas-sbula sħiħa tal-qamħirrum”; |
|
— |
“ħbub u partikoli solubbli mnixxfa tad-distillerija”, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
“għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien, grixa taż-żerriegħa tal-kittien, għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien”; |
|
— |
“lipidi b’punt tat-tidwib ogħla minn 36 oC”, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
“prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-lift”; |
|
— |
“fażola tas-sojja sħiħa mixwija u/jew espellent tas-sojja”, għall-istadju tat-tkabbir biss. |
Il-materja prima “piżelli u/jew żrieragħ leguminużi oħrajn” inqasmet f’żewġ entrati: “piżelli” u “żrieragħ leguminużi oħrajn”, u l-kwantitajiet żdiedu (“piżelli” sa massimu ta’ 25 % u “żrieragħ leguminużi oħrajn” sa massimu ta’ 10 %).
Il-“grixa tal-estrazzjoni tas-sojja” nbidlet fi “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja”, u l-perċentwal tal-użu matul kemm l-istadju tat-tkabbir kif ukoll l-istadju tal-finitura ġie standardizzat sa 20 %.
Il-“grixa mill-estrazzjoni tal-ġirasol” inbidlet fi “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żerriegħa tal-ġirasol”, li l-użu tagħhom żdied sa 10 %.
In-nota 4 tat-tabella tistabbilixxi kontenut massimu ta’ xaħam mhux raffinat li ma jaqbiżx it-2,5 % tal-materja niexfa għall-prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja, taż-żerriegħa tal-ġirasol u taż-żerriegħa tal-lift.
Ir-referenza għat-tolleranzi fir-rigward tal-materja prima individwali f’konfomità mal-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 ġiet emendata, u tħassret ir-referenza għall-perċentwal ta’ 10 %.
Żdiedet l-għażla li jintużaw l-addittivi.
Iddaħħlet referenza speċifika għall-possibbiltà li r-razzjon tal-għalf jingħata jew f’forma likwida, bl-użu tal-ilma u/jew tax-xorrox u/jew tax-xorrox tal-butir, jew niexef.
Il-limitu massimu tax-xaħam fil-materja niexfa tad-dieta ġie stabbilit għal 5 % għaż-żewġ stadji.
Il-parametri kimiċi għall-fibra mhux raffinata, il-proteina mhux raffinata, l-irmied u l-ħmira, espressi bħala perċentwal tal-materja niexfa fir-razzjon tal-għalf, tneħħew.
Raġuni: L-inseriment tat-“Tabella tal-materja prima permessa” magħquda kemm għall-istadju tat-tkabbir kif ukoll għall-istadju tal-finitura, u t-tneħħija tat-tliet tabelli preċedenti, jagħmlu l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aktar faċli biex tinqara u tiġi applikata, u jiffaċilitaw il-monitoraġġ.
L-ismijiet tal-materja prima nbidlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1017. L-aġġornament tat-terminoloġija huwa meħtieġ biex tingħata indikazzjoni aktar ċara tat-tip ta’ materja prima li qed issir referenza għalih.
It-termini “ħarrub mingħajr għadma”, “liżati tal-proteini”, “patata deidrata”, “manjoka”, “polpa mxarrba ppressata u insilata tal-pitravi” u “grixa mill-estrazzjoni tal-ġunġlien” tneħħew, peress li din il-materja prima ftit li xejn tintuża fl-għalf tal-ħnieżer ta’ piż tqil minħabba raġunijiet tekniċi jew relatati mal-kwalità jew minħabba li hija diffiċli biex tinkiseb, jew ta’ valur nutrittiv baxx.
Il-“proteini tal-annimali” tneħħew peress li ma għadhomx jintużaw minħabba r-restrizzjonijiet regolatorji fuq il-grixa mil-laħam introdotti fil-passat reċenti.
Ir-referenza għall-“ħafur” tħassret peress li taqa’ taħt il-kategorija ta’ “ċereali minuri”.
Il-perċentwal li fih tista’ tintuża l-“grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum” żdied peress li hija materja prima b’kontenut għoli ta’ proteina, li hija utli fid-dieta (proteina mhux raffinata) u hija diġestibbli ħafna.
L-użu ta’ “xorrox tal-butir” (matul l-istadju tat-tkabbir), “qamħirrum”, “sorgu”, “qamħ”, “tritikal”, “polpa tal-pitravi deidrata”, “alfalfa (imnixxfa f’temperaturi għoljin)” u “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żrieragħ tal-ġirasol” żdied peress li din il-materja prima dejjem kienet il-pedament tad-dieti tradizzjonali tal-ħnieżer ta’ piż tqil u wkoll, fid-dawl tat-titjib li sar mis-settur tal-għalf matul l-aħħar deċennju, tgħin biex ittejjeb il-konsum tal-fibra u l-funzjonijiet vitali tal-ħnieżer.
L-użu ta’ “lipidi b’punt ta’ tidwib ogħla minn 36 °C” ġie introdott kemm għall-istadju tat-tkabbir kif ukoll għall-istadju tal-finitura, bil-limitu ta’ 5 % fuq ix-xaħam fil-materja niexfa fid-dieta u l-limitu ta’ 2 % fuq l-aċidu linolejku, biex jiġi żgurat li, jekk jintuża x-xaħam matul il-fażi tal-finitura, il-ħnieżer ikollhom livell adegwat ta’ kopertura tax-xaħam.
“Fażola tas-sojja sħiħa mixwija u/jew espellent tas-sojja” żdiedet peress li, matul l-istadju tat-tkabbir, tipprovdi enerġija li hija essenzjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-ħnieżer.
“Grixa tas-sbula sħiħa tal-qamħirrum”, li fiha ħafna fibra, tintuża bħala alternattiva għan-nuħħala għat-tmigħ tal-fibra lill-annimali.
Iż-żieda fil-perċentwal ta’ “piżelli” tiżgura li l-ħnieżer ikollhom livell adegwat ta’ kopertura tax-xaħam u, għall-kuntrarju ta’ legumi oħrajn, dawn fihom konċentrazzjoni baxxa ta’ fatturi antinutrittivi.
Żdiedu “għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien”, “grixa taż-żerriegħa tal-kittien” u “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien” peress li huma materja prima simili għall-“espellent taż-żerriegħa tal-kittien”, li nżamm fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u huma inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017.
“Silaġġ tal-qamħirrum” u “ħbub u partikoli solubbli mnixxfa tad-distillerija”, b’dawn tal-aħħar rikki fil-vitamina B, issa żdiedu għall-istadju tal-finitura wkoll, u huma materja prima ideali li tiżgura livell adegwat ta’ kopertura tax-xaħam fil-ħnieżer u, minħabba l-kontenut għoli ta’ fibra tagħhom, jiġu ddiġeriti ħafna aħjar mill-ħnieżer adulti milli mill-ħnieżer żgħar fl-età.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-lift”, il-“lift” ġie introdott għall-ewwel darba fil-lista ta’ materja prima minħabba li l-progress fil-ġenetika ppermetta l-għażla ta’ varjetajiet ġodda li huma ħielsa mill-glukosinolati u l-aċidu eruċiku (fatturi antinutrittivi); l-entrata ġiet ifformulata biex taqbel mal-istruttura użata għal prodotti tas-sojja u tal-ġirasol.
Il-prodotti qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa tal-lift” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “grixa taż-żerriegħa tal-lift” u “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-lift”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 1017/2017. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba matul l-estrazzjoni tal-lift. Ma huwiex fattibbli li jiġu elenkati l-materjali tal-għalf kollha u dawn jistgħu jinbidlu jekk isiru aġġornamenti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017. Ġie stabbilit kontenut massimu ta’ xaħam mhux raffinat ta’ 2,5 % tal-materja niexfa fin-noti tat-tabella tal-materja prima permessa sabiex tiġi żgurata kopertura tax-xaħam xierqa.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja”, il-perċentwal ġie stabbilit għal 20 % kemm matul l-istadju tat-tkabbir kif ukoll tal-finitura, sabiex jiġi żgurat li l-ħnieżer ikollhom kopertura tax-xaħam ideali għall-produzzjoni tas-“Salame Cremona”. Peress li l-kontenut ta’ xaħam mhux raffinat tal-materja prima huwa karatteristika ewlenija, ġie stabbilit kontenut massimu ta’ xaħam mhux raffinat ta’ 2,5 % tal-materja niexfa u ġie inkluż fin-noti mdaħħla wara t-tabella. Il-prodotti qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa (tal-fażola) tas-sojja” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “grixa (tal-fażola) tas-sojja” u “għalf tal-grixa (tal-fażola) tas-sojja”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 1017/2017. Ir-Regolament (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja. Ma huwiex fattibbli li jiġu elenkati kollha u dawn jistgħu jinbidlu jekk isiru aġġornamenti/emendi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1017.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żrieragħ tal-ġirasol”, issa ffissati għal 10 %: il-kontenut ta’ xaħam mhux raffinat tal-materja prima huwa importanti sabiex jiġi żgurat li l-ħnieżer ikollhom kopertura tax-xaħam xierqa għall-produzzjoni tas-“Salame Cremona”; għalhekk, fin-noti tat-tabella ġie inkluż kontenut massimu ta’ xaħam mhux raffinat ta’ 2,5 % tal-materja niexfa. Il-prodotti qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa taż-żerriegħa tal-ġirasol” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “smida taż-żerriegħa tal-ġirasol” u “għalf tas-smida taż-żerriegħa tal-ġirasol”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 1017/2017. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba waqt l-estrazzjoni taż-żrieragħ tal-ġirasol. Ma huwiex fattibbli li jiġu elenkati kollha u dawn jistgħu jinbidlu jekk isiru aġġornamenti/emendi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1017.
Ir-referenza għat-tolleranzi fir-rigward tal-materja prima individwali tagħmilha possibbli li jinġiebu f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-għalf, jiġifieri l-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009.
Ir-referenza għall-modi kif jista’ jingħata r-razzjon tal-għalf tippermetti lill-bidwi jagħżel liema metodu jrid juża.
L-użu ta’ addittivi jista’ jgħin fid-diġestjoni u l-assorbiment tan-nutrijenti.
Id-definizzjoni ta’ “ħbub u partikoli solubbli mnixxfa tad-distillerija” ġiet iċċarata billi ntużat il-formulazzjoni fil-punt 1.12.9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017.
Il-limitu massimu tax-xaħam (5 %), magħqud mal-limitu tal-aċidu linolejku, jiżgura livell ottimali ta’ kopertura tax-xaħam għall-ħnieħer użati fil-produzzjoni tas-“Salame Cremona”; dawn iż-żewġ kriterji huma essenzjali, peress li l-materja prima li hija sors potenzjali ta’ xaħmijiet li kapaċi jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-kopertura tax-xaħam tal-ħnieżer jew żdiedet (qamħirrum) jew ġiet introdotta (lipidi b’punt ta’ tidwib ogħla minn 36 °C).
It-tneħħija tal-parametri kimiċi għall-fibra mhux raffinata, il-proteina mhux raffinata, l-irmied u l-ħmira, espressi bħala perċentwal tal-materja niexfa fir-razzjon tal-għalf, hija xierqa peress li l-bidliet fil-lista u l-kwantitajiet ta’ materja prima, flimkien mal-parametri speċifiċi introdotti, jiżguraw li r-razzjonjiet tal-għalf huma adattati għall-ħnieżer maħsuba għall-produzzjoni tas-“Salame Cremona”.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 9
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda, fir-regoli dwar it-tmigħ tal-ħnieżer relatat mat-tieni stadju, issa magħruf bħala l-istadju tal-“finitura”, iżżid referenza għat-“Tabella tal-materja prima permessa” li ġiet introdotta għall-istadju tat-tkabbir, b’ċerti speċifikazzjonijiet meħtieġa għall-istadju tal-finitura.
Raġuni: L-emenda tipprovdi stampa ċara tal-għalf permess matul l-istadju tal-finitura wkoll.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 10
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi l-limitu massimu tal-età ta’ 15-il xahar għall-ħnieżer meta jiġu skarnati.
Raġuni: It-tneħħija ta’ dan il-limitu tal-età hija xierqa minħabba li l-valutazzjoni l-ġdida introdotta tal-piż tal-karkassa individwali, u l-metodi tat-trobbija użati, ifissru li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma għadhiex teħtieġ li jkollha tali limitu.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 11
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tissostitwixxi l-kriterju tal-piż ħaj medju għal kull lott ta’ 160 kg ± 10 % b’piż ta’ kull karkassa tal-ħnieżer ta’ piż tqil individwali ta’ bejn 110,1 kg u 180,0 kg, filwaqt li tispeċifika li dan irid jiġi aċċertat fil-ħin tal-iskarnar.
Raġuni: L-eliminazzjoni tal-piż ħaj u l-inklużjoni tal-kriterju tal-piż individwali tal-karkassa jippermettu verifika aktar preċiża tar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għal kull ħanżir skarnat, peress li huwa metodu aktar trasparenti, akkurat, immirat u ġeneralment aħjar. Iż-żieda fil-piż tal-ħanżir hija marbuta max-xejra kurrenti fit-trobbija tal-ħnieżer Ewropej li tirriżulta minn titjib fil-ġenetika, fil-benesseri tal-annimali u fin-nutrizzjoni.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 12
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi d-dispożizzjoni dwar l-affarijiet li għandhom jiġu attestati mill-bdiewa fir-rigward tal-ħnieżer ittrasferiti bejn il-merħliet jew ikkunsinnati lill-biċċeriji.
Raġuni: It-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa peress li tikkonċerna s-sistema ta’ kontroll.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 13
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tissostitwixxi r-referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 3220/84, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/468/KE tat-8 ta’ Ġunju 2001 u d-Digriet Ministerjali tal-11 ta’ Lulju 2002 b’referenza għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.
Raġuni: Ir-referenzi li tneħħew jikkonċernaw leġiżlazzjoni li ma għadhiex fis-seħħ, jiġifieri l-emenda hija meħtieġa u tagħmel possibbli l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħnieżer.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 14
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tissostitwixxi l-espressjoni “li taqa’ bħala medja fi ħdan il-klassijiet ċentrali” b’referenza għall-klassijiet “U”, “R” u “O” tal-iskala għall-klassifikazzjoni kummerċjali tal-karkassi tal-ħnieżer stabbilita mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa sabiex jiġu ddikjarati b’mod aktar preċiż, għall-benefiċċju tal-operaturi u s-sistema ta’ kontroll, il-klassijiet li għalihom għandhom jappartjenu l-karkassi biex jipprovdu l-materja prima għall-IĠP “Salame Cremon”.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 15
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjoni li biha d-data dwar il-piż u l-klassifikazzjoni dwar il-karkassi individwali trid tiġi rreġistrata fil-ħin tal-iskarnar.
Raġuni: L-emenda tiċċara b’mod preċiż il-mument li fih il-piż u l-klassifikazzjoni jridu jiġu rreġistrati sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki assoċjati.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 16
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi d-dispożizzjoni dwar il-kwistjonijiet li huma responsabbli għalihom il-biċċiera u l-attestazzjoni tal-konformità ta’ kull lott ta’ materja prima.
Raġuni: It-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa peress li tikkonċerna s-sistema ta’ kontroll.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 5
Deskrizzjoni
Emenda 17
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5.6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi l-kliem “imsemmija fl-Artikolu 7”.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa minħabba li l-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott il-ġdida fih dispożizzjoni differenti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 7
Deskrizzjoni
Emenda 18
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4.7 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi d-dispożizzjoni dwar il-korp ta’ kontroll.
Raġuni: Dan huwa aġġornament meħtieġ biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinġieb f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 8
Deskrizzjoni
Emenda 19
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tinnumera mill-ġdid l-Artikolu 8 bħala l-Artikolu 7.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa minħabba l-istruttura tal-artikolu l-ġdid tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 8
Deskrizzjoni
Emenda 20
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.6 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tissostitwixxi l-espressjoni “is-simbolu Komunitarju msemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1726/98” bil-kliem “is-simbolu tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea”.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa sabiex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott issir aktar ċara, peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1726/98 ma għadux fis-seħħ.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Salame Cremona”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-IT-0265-AM01 - 15.9.2025
1. Isem/Ismijiet
“Salame Cremona”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
L-Italja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
16 – PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊJI, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Is-“Salame Cremona” huwa prodott taz-zalzett nej ippreservat u mmaturat li, meta jinħareġ għall-konsum, għandu dawn il-karatteristiċi:
Karatteristiċi fiżikomorfoloġiċi:
|
— |
piż ma’ tmiem il-maturazzjoni ta’ mhux inqas minn 500 g |
|
— |
dijametru mat-tħejjija ta’ mhux inqas minn 65 mm |
|
— |
tul mat-tħejjija ta’ mhux inqas minn 150 mm. |
Karatteristiċi kimiċi u fiżikokimiċi:
|
— |
ammont totali ta’ proteini: mhux inqas minn 20,0 % |
|
— |
proporzjon bejn il-kollaġen u l-proteini: mhux aktar minn 0,10 |
|
— |
proporzjon bejn l-ilma u l-proteini: mhux aktar minn 2,00 |
|
— |
proporzjon bejn ix-xaħmijiet u l-proteini: mhux aktar minn 2,00 |
|
— |
pH: 5,20 jew ogħla. |
Karatteristiċi mikrobijoloġiċi:
|
— |
unitajiet totali ta’ kolonji meżofiliċi: > 1 × 107 f’kull gramma, bi prevalenza ta’ batterji tal-aċidu lattiku u kokkaċei. |
Karatteristiċi organolettiċi:
|
— |
dehra: forma ċilindrika, b’karatteristiċi irregolari; |
|
— |
konsistenza: il-prodott għandu jkun kumpatt u artab; |
|
— |
dehra meta maqtugħ: il-flieli huma kumpatti u omoġenji, bi tqabbid tipiku tal-frammenti tal-muskoli u x-xaħam, fejn ma huwiex viżibbli b’mod ċar fejn tispiċċa waħda u tibda l-oħra (l-hekk imsejħa dehra “smelmato”). Ma hemmx qarquċa iebsa viżibbli; |
|
— |
kulur: aħmar skur; |
|
— |
riħa: riħa tipika u mħawra. |
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
-
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-produtturi li jixtiequ jipproduċu l-IĠP “Salame Cremona” jeħtieġilhom li jirrispettaw l-ispeċifikazzjoni tal-prodott iddepożitata mal-Unjoni Ewropea f’kull aspett. L-istadji kollha tal-produzzjoni, it-tmelliħ, it-taħlit tal-ingredjenti, il-mili f’budellati, l-irbit, it-tnixxif u l-maturazzjoni tas-“Salame Cremona” jsiru fiż-żona speċifikata fil-punt 4.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-imballaġġ u t-tqattigħ iridu jsiru, taħt is-superviżjoni tal-korp ta’ kontroll, esklużivament fiż-żona tal-produzzjoni speċifikata fil-punt 4, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli u tiġi żgurata t-traċċabbiltà u jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-kwalità tal-prodott.
Jekk l-imballaġġ tal-prodott isir barra miż-żona ġeografika definita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ikun impossibbli li jiġu ggarantiti kontrolli kostanti fir-rigward tal-produtturi kollha, li jfisser li jkun hemm diskrepanzi kbar fis-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-IĠP. B’dawn id-diskrepanzi, ma jibqax possibbli li jiġi ggarantit l-użu kif suppost tad-denominazzjoni, u dan la jkun fl-interess tal-produtturi u lanqas tal-konsumaturi. Fi kliem ieħor, jekk ma jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tal-imballaġġ kienu soġġetti għal kontrolli, dan iwassal direttament għall-eliminazzjoni ta’ żewġ elementi bażiċi oħra: il-garanzija ta’ livell konsistenti ta’ kwalità, li jiġi vverifikat waqt kull operazzjoni ta’ kontroll, u l-garanzija tal-oriġini, jiġifieri l-assigurazzjoni ta’ traċċabbiltà perfetta matul kull stadju tal-ipproċessar, inkluż l-imballaġġ.
Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni ta’ imballaġġ li jsir barra miż-żona ġeografika tradizzjonali jippreġudika wkoll il-kwalità tas-“Salame Cremona”, minħabba li l-prodott jiġi ttrasportat f’kundizzjonijiet ta’ temperatura kkontrollata u jinqata’ “mbiegħed kemm f’sens ta’ żmien kif ukoll ta’ post”, li jaffettwa l-karatteristiċi organolettiċi taz-zalzett.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
It-tikketta trid turi, b’ittri ċari, li ma jitħassrux, u li jkunu akbar minn dawk ta’ kwalunkwe kelma oħra fuq it-tikketta, il-kliem “Salame Cremona” u l-kliem “Indicazione Geografica Protetta” u/jew “IGP” (IĠP). Din l-aħħar indikazzjoni trid tiġi tradotta wkoll għal-lingwa tal-pajjiż fejn jiġi kkumerċjalizzat il-prodott.
Huwa pprojbit li tiżdied kwalunkwe deskrizzjoni oħra li ma hijiex prevista b’mod espliċitu. Madankollu, hu permess li jsiru referenzi għall-isem ta’ persuna jew kumpanija, jew ta’ marka privata, dment li ma jikkostitwxxux tifħir u ma jkunux ta’ natura li jistgħu jqarrqu bil-konsumatur. Is-simbolu tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea wkoll jrid jidher fuq it-tikketta.
4.7. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona fejn jiġi prodott is-“Salame Cremona” hija magħmula mir-reġjuni li ġejjin: il-Lombardija, l-Emilia-Romagna, il-Piemonte u l-Veneto.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq
|
☑ |
reputazzjoni |
|
☐ |
kwalità nominali |
|
☐ |
karatteristiċi oħra |
Sommarju tar-rabta
Is-“Salame Cremona” huwa prodott magħruf sew b’reputazzjoni stabbilita twila, kif juru biċ-ċar il-parteċipazzjoni tradizzjonali fil-fieri agroalimentari tal-Wied tal-Po kif ukoll il-preżenza qawwija tiegħu fis-swieq nazzjonali u barranin ewlenin, li fiha nnifisha tiġġustifika l-applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala indikazzjoni ġeografika protetta. Dan huwa kkonfermat mill-preżenza tas-“Salame Cremona” fil-listi ta’ prodotti agroalimentari Taljani ewlenin b’denominazzjoni ta’ oriġini, fl-annessi dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini fil-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Italja u pajjiżi Ewropej oħra (il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, Spanja) bejn is-snin 50 sas-snin 70.
Il-produzzjoni tas-salami hija marbuta mill-qrib ħafna mal-istabbilimenti lokali tat-trobbija tal-ħnieżer, li jmorru lura għall-epoka Rumana. Is-“Salame Cremona” għandu rabta imfannda f’dan l-ambjent, li ġejja mill-preżenza progressiva fir-reġjun ta’ Cremona u mbagħad mill-pjanura tal-Po kollha kemm hi u mit-trobbija tal-ħnieżer marbuta ma' l-industriji tal-ġobon u t-trobbija tal-qamħirrum.
Is-sinerġija eċċellenti bejn il-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali u ż-żona inkwistjoni, ikkaratterizzata minn klima suxxettibbli għaċ-ċpar u bi ftit li xejn riħ, tagħti lis-“Salame Cremona” l-karatteristiċi uniċi — u għalhekk distintivi — tiegħu, jiġifieri l-irtubija, it-tarezza u l-aroma pikkanti.
Iż-żona tal-produzzjoni għandha tipi ta’ ħamrija tipiċi tar-reġjuni alluvjali u ilha tintuża għat-trobbija tal-ħnieżer għal bosta sekli, l-ewwel fi rziezet tal-famlija u mbagħad fuq skala dejjem aktar kummerċjali. Iż-żona tal-produzzjoni hija magħmula minn kampanja uniformi ħafna f’din il-parti tal-pjanura tal-Po: kompletament ċatta, jgħaddu minnha xmajjar u kanali u hija kkaratterizzata minn prodotti tal-għelejjel, b’mod partikolari l-art bil-ħaxix u l-qamħirrum. Fiż-żona tal-produzzjoni kollha, il-ħarifiet u x-xtiewi huma pjuttost ħorox, b’ħafna xita u ċpar, filwaqt li r-rebbigħat huma moderati u bix-xita, u fis-sjuf ikun hemm temparaturi pjuttost għoljin u perjodi ta’ xita frekwenti b’ħalbiet spiss kbar li ma jdumux wisq.
Madankollu, dan kollu ma kienx ikun biżżejjed biex jipproduċi l-kwalità distintiva meħtieġa għas-“Salame Cremona” mingħajr il-fattur uman: maż-żmien, ġew ipperfezzjonati tekniki speċifiċi ħafna tal-preparazzjoni u l-maturazzjoni tas-salami fiż-żona tal-produzzjoni.
Anki llum, is-“Salame Cremona” jiġi prodott skont proċessi li jirrispettaw bis-sħiħ it-tradizzjoni, filwaqt li tiġi applikata teknoloġija tal-produzzjoni ġdida.
Il-fattur ambjentali (il-klima) u l-fattur uman (il-kapaċità teknika speċjalizzata ħafna tad-diversi gruppi ta’ ħaddiema tas-sengħa li jipproduċu s-“Salame Cremona”) għadhom sal-lum elementi bażiċi u li ma jistgħux jiġu sostitwiti fl-ispeċifiċità u r-reputazzjoni tal-prodott.
Ir-rekords storiċi ewlenin, li jsemmu b’mod ċar u preċiż l-oriġini tal-prodott u r-rabta tiegħu mar-reġjun, imorru lura għall-1231 u huma ppreservati fl-arkivji uffiċjali ta’ Cremona. Jikkonfermaw l-eżistenza ta’ kummerċ tal-ħnieżer u tal-prodotti tal-laħam bejn ir-reġjun ta’ Cremona u l-istati biswit. Id-dokumenti tar-Rinaxximent li huma inklużi fil-“Litterarum” u fil-“Fragmentorum” jixhdu b’mod inkonfutabbli l-preżenza, iżda fuq kollox l-importanza, taz-“zalzett” fiż-żona tal-produzzjoni definita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Ir-rakkonti taż-żjara tal-Isqof Cesare Speciano (1599–1606) fil-kunventi fir-reġjun isemmu li bħala drawwa kienet titqassam ċerta kwantità ta’ zalzett fil-“jiem meta kien jittiekel il-laħam”.
Anke llum, is-“Salame Cremona” għandu rwol dejjem aktar importanti fil-fieri agroalimentari ewlenin tal-Lombardija u l-wied tal-Po. Is-sorsi soċjoekonomiċi jirreferu għall-preżenza ta’ għadd ta’ produtturi speċjalizzati fl-ipproċessar tal-laħam tal-majjal, li stabbilixxew ruħhom madwar il-pjanura tal-Po kollha billi din l-attività kienet tikkomplementa b’mod tant perfett l-industrija tal-ħalib u tal-ġobon u t-tkabbir taċ-ċereali (l-aktar il-qamħirrum).
Referenza elettronika (url) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6442/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)