KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )
Kawża C‑181/20
VYSOČINA WIND a.s.
vs
Ir-Repubblika Ċeka
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2012/19/UE – Skart – Tagħmir elettriku u elettroniku – Spejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi – Responsabbiltà tal-produttur – Implimentazzjoni żbaljata ta’ direttiva – Responsabbiltà ta’ Stat Membru – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Nuqqas ta’ retroattività”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, Vysočina Wind qiegħda titlob kumpens mill-Istat Ċek minħabba li dan tal-aħħar implimenta ħażin il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fid-Direttiva 2012/19/UE ( 2 ) fir-rigward ta’ pannelli fotovoltajċi. |
|
2. |
It-talba għar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq is-sentenza Francovich ( 3 ) u tippreżupponi, inter alia, ksur serju tad-dritt tal-Unjoni ( 4 ). Dan jista’ jkun minħabba implimentazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2012/19, iżda jkun eskluż jekk il-leġiżlazzjoni rilevanti tad-Direttiva tikser dritt tal-Unjoni ta’ grad ogħla, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ retroattività. |
|
3. |
Ir-Repubblika Ċeka tiddubita l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2012/19, ippubblikata fl‑2012, mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn skontha l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi għandhom iġorru l-ispejjeż għar-rimi tal-pannelli kollha li huma diġà poġġew fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005. Dan l-Istat Membru għalhekk adotta leġiżlazzjoni li timponi dawn l-ispejjeż fuq l-utenti tal-pannelli jekk dawn tpoġġew fis-suq sal‑1 ta’ Jannar 2013. Vysočina Wind topera impjant tal-enerġija solari u, bħala riżultat ta’ din il-leġiżlazzjoni, kellha tassumi l-ispejjeż, li issa qiegħda titlob il-kumpens tagħhom. |
|
4. |
Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat sa liema punt l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi hija kompatibbli mal-klawżola ta’ nuqqas ta’ retroattività. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rimi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku
1. Id-Direttiva 2012/19
|
5. |
Is-suġġett tad-Direttiva 2012/19 huwa stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha: “Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) u bit-tnaqqis tal-impatti ġenerali mill-użu ta’ riżorsi u t-titjib tal-effiċjenza f’dan it-tip ta’ użu skont l-Artikoli 1 u 4 tad-[Direttiva dwar l-iskart ( 5 )], u b’hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.” |
|
6. |
L-ambitu tad-Direttiva 2012/19 jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2(1): “Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) kif ġej:
|
|
7. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/19 jiddefinixxi diversi kunċetti: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
|
8. |
L-Anness I tad-Direttiva 2012/19 jelenka l-kategoriji EEE koperti mid-Direttiva matul il-perijodu tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 2(1)(a). Il-punt 4 isemmi tagħmir tal-konsumatur u pannelli fotovoltajċi. |
|
9. |
Il-pannelli fotovoltajċi jissemmew ukoll fil-punt 4 tal-lista indikattiva ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness II tad-Direttiva 2012/19 li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-Anness I. |
|
10. |
L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jirregola r-responsabbiltà tal-produttur għall-ispejjeż tar-rimi ta’ tagħmir għall-użu professjonali: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005 jkun ipprovdut mill-produtturi. Għal skart storiku li qed jinbidel bi prodotti ġodda ekwivalenti jew bi prodotti ġodda bl-istess funzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jfornuhom. L-Istati Membri jistgħu, alternattivament, jistipulaw li utenti għajr djar privati jsiru wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dan il-finanzjament. Għal skart storiku ieħor, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jkun ipprovdut mill-utenti għajr djar privati.” |
|
11. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi li “WEEE minn prodotti mqiegħda fis-suq fi jew qabel it-13 ta’ Awwissu 2005” għandhom jitqiesu “bħala (‘skart storiku’)”. |
|
12. |
L-istess leġiżlazzjonijiet kienu diġà previsti fl-Artikolu 9(1) u Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ( 6 ). Madankollu, id-Direttiva preċedenti kienet għadha ma hijiex applikabbli għal pannelli fotovoltajċi. Dawn kienu koperti biss mid-Direttiva 2012/19. |
|
13. |
Ir-responsabbiltà tal-produttur hija indirizzata fil-premessa 23 tad-Direttiva 2012/19: “[] Sabiex jingħata effett massimu lill-kunċett ta’ responsabbiltà tal-produttur, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart mill-prodotti tiegħu stess. Il-produttur għandu jkun jista’ jagħżel li jwettaq dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva. Meta jqiegħed prodott fis-suq, kull produttur għandu jipprovdi garanzija finanzjarja biex jipprevjeni li l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti orfni jiġġarrbu mis-soċjetà jew mill-bqija tal-produtturi. Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ġestjoni ta’ skart storiku għandha tinqasam bejn il-produtturi kollha eżistenti fi skemi ta’ finanzjament kollettivi li għalihom il-produtturi kollha li jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż jikkontribwixxu proporzjonalment. Skemi ta’ finanzjament kollettivi ma għandux ikollhom l-effett li jeskludu produtturi ta’ prodotti speċjalizzati (niche) u ta’ volumi żgħar, importaturi u dawk li jidħlu ġodda. Skemi kollettivi jistgħu jipprovdu miżati differenzjati abbażi ta’ kemm ikun faċli biex jiġu riċiklati l-prodotti u l-varjetà ta’ materja sekondarja prezzjuża li jkun fihom. Fil-każ ta’ prodotti li għandhom ħajja twila, u li issa huma koperti minn din id-Direttiva, bħal pannelli fotovoltajċi, għandu jsir l-aħjar użu possibbli tas-sistemi eżistenti għall-ġbir u r-riċiklaġġ, ġaladarba r-rekwiżiti korrispondenti għal din id-Direttiva jiġu rispettati.” |
|
14. |
Id-Direttiva 2012/19 ġiet ippubblikata fl‑24 ta’ Lulju 2012 u kellha tiġi implimentata mhux iktar tard mill‑14 ta’ Frar 2014. |
2. Id-Direttiva dwar l-Iskart
|
15. |
Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Iskart applikabbli dwar ir-responsabbiltà għall-iskart. |
|
16. |
L-Artikolu 15 tad-Direttivi dwar l-Iskart 75/442 ( 7 ) u 2006/12 ( 8 ) kienu jipprevedu rispettivament: “Skond il-prinċipju li ‘min iniġġes iħallas’, l-ispiża tar-rimi ta’ l-iskart għandha titħallas minn: […] id-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif imsemmija fl-Artikolu 9; u/jew […] id-detenturi ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott li minnu ġie l-iskart.” |
|
17. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98 dwar l-Iskart li issa huwa applikabbli jipprevedi leġiżlazzjoni simili: “(1) Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart (2) L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ispiża ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn l-ispejjeż.” |
B. Id-dritt Ċek
|
18. |
Ir-Repubblika Ċeka implimentat l-obbligi tagħha taħt id-direttiva oriġinali, jiġifieri d-Direttiva 2002/96, billi adottat l-Att dwar l-Iskart. Fit‑30 ta’ Mejju 2012, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19, f’dan l-att żdied l-Artikolu 37p ġdid, li introduċa mekkaniżmu għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi. Skont din id-dispożizzjoni, l-obbligu li tiġi ffinanzjata l-ġestjoni ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013, japplika għall-operatur tal-impjant tal-enerġija solari permezz ta’ ħlasijiet ugwali tal-kontribuzzjonijiet tar-riċiklaġġ. Għal dan il-għan, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma’ persuna li tiżgura sistema ta’ finanzjament konġunta mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2013, ġie previst b’tali mod li dan il-finanzjament ikun iggarantit sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019. Għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2013, dan l-obbligu japplika għall-produttur tagħhom. |
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
|
19. |
Vysočina Wind hija l-operatur tal-impjant tal-enerġija solari “Vranovská ves II”. Dan l-impjant tal-enerġija ġie kkummissjonat fl‑2009 partikolarment bl-użu ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. Wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 37p il-ġdid tal-Att dwar l-Iskart tar-Repubblika Ċeka, Vysočina Wind għaldaqstant ikkonkludiet kuntratti mal-entitajiet rilevanti, li fuq il-bażi tagħhom ħallset kontribuzzjonijiet għar-riċiklaġġ futur ta’ skart elettriku minn pannelli fotovoltajċi li jammontaw għal 1613 773.24 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 65000) fi tliet pagamenti fl‑2015 u l-2016. |
|
20. |
Vysočina Wind ippreżentat rikors kontra r-Repubblika Ċeka għall-kumpens ta’ dak l-ammont. Quddiem il-qrati nazzjonali, hija kienet tal-fehma li r-Repubblika Ċeka kienet implimentat id-Direttiva 2012/19 b’mod żbaljat. Skont l-Artikolu 13, l-obbligu li jiġi ffinanzjat ir-rimi ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 jaqa’ fuq il-produttur u mhux fuq l-utent. Bħala riżultat, Vysočina Wind iġġarrab dannu, li skont l-Artikolu 37p tal-Att dwar l-Iskart, li għadu fis-seħħ, għandha tħallas il-kontribuzzjoni tar-riċiklaġġ anki wara l‑14 ta’ Frar 2014 (l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva), minkejja l-fatt li skont id-dritt tal-Unjoni għandha titħallas mill-produttur. |
|
21. |
Ir-Repubblika Ċeka kkontestat il-fatt li, kuntrarjament għall-formulazzjoni tad-Direttiva 2012/19, l-obbligu tal-produttur li jiffinanzja r-rimi jista’ japplika biss għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara li skada t-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva, peress li l-impożizzjoni retroattiva tal-obbligu kellha effett retroattiv ilelgali u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali b’rabta magħha. Barra minn hekk, hija oġġezzjonat li bosta produtturi li poġġew pannelli fotovoltajċi fis-suq bejn l-2005 u l-2013 ma kinux għadhom jeżistu u għalhekk ma seta’ jiġi impost fuqhom l-ebda obbligu li jiffinanzjaw il-ġestjoni tal-iskart. |
|
22. |
Ir-rikors ta’ Vysočina Wind intlaqa’ fiż-żewġ istanzi. Il-kawża issa tinsab pendenti quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
|
|
23. |
Vysočina Wind, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta orali. |
IV. L-analiżi ġuridika
|
24. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża li tiċċara l-kundizzjonijiet tat-talba għar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19 jipprekludix Stat Membru milli jimponi l-obbligu għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013 fuq l-utenti tagħhom u mhux fuq il-produtturi (dwar dan, ara taħt A). Mill-fatti tal-proċedura nazzjonali jista’ jiġi konkluż li din tikkonċerna biss pannelli li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. |
|
25. |
Fil-każ li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu dawn l-ispejjeż fuq l-utenti ta’ pannelli bħal dawn, in-Nejvyšší soud soud České (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tistaqsi wkoll x’rilevanza għandu l-fatt li l-Istat Membru rregola huwa stess ir-responsabbiltà għall-iskart minn dawn il-pannelli (dwar dan, ara taħt B). |
A. L-ewwel domanda - bidu tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi
|
26. |
Sabiex inwieġeb l-ewwel domanda, l-ewwel ser nispjega li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19, l-ispejjeż għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005 għandhom jitħallsu mill-produtturi (dwar dan, ara taħt 1). Imbagħad, ser niddiskuti jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli man-nuqqas ta’ retroattività (dwar dan, ara taħt 2). |
1. Il-kontenut normattiv tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19
|
27. |
Huwa ċar mid-Direttiva 2012/19 li l-ispejjeż għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 ma jistgħux jiġu imposti fuq l-utenti. Skont l-Artikolu 13(1) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tat-tagħmir elettriku u elettroniku minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara din id-data għandhom jiġu ffinanzjati mill-produtturi. |
|
28. |
Skont id-Direttiva 2012/19, il-pannelli fotovoltajċi huma tagħmir elettriku u elettroniku. |
|
29. |
Skont l-Artikolu 2(1)(a), id-Direttiva 2012/19 tapplika, mit‑13 ta’ Awwissu 2012, għal tagħmir elettriku u elettroniku li jaqa’ taħt il-kategoriji tal-Anness I. Il-lista indikattiva ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness II tispeċifika dawn il-kategoriji. Pannelli fotovoltajċi jissemmew espressament kemm fil-punt 4 tal-Anness I kif ukoll fil-punt 4 tal-Anness II. Għaldaqstant, il-leġiżlatur evidentement jassumi li dawn il-pannelli huma tagħmir elettriku u elettroniku fis-sens tad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2012/19, u ried jestendi l-applikazzjoni tad-Direttiva għalihom fir-riformulazzjoni. |
|
30. |
Jekk is-sidien ta’ pannelli fotovoltajċi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-Iskart jarmu, iridu jarmu jew ikollhom jarmu l-pannelli, il-pannelli jsiru skart u b’hekk jikkostitwixxu skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2012/19. |
|
31. |
Għal pannelli bħal dawn, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jipprevedi li l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent għandhom jiġu ffinanzjati mill-produtturi. |
|
32. |
Huwa minnu li d-Direttiva 2012/19 ġiet adottata u ppubblikata biss f’Lulju 2012. Skont l-Artikolu 2(1)(a) bdiet tapplika mit‑13 ta’ Awwissu 2012 għal pannelli fotovoltajċi. Skont l-Artikolu 24(1), it-terminu tat-traspożizzjoni tagħha ntemm fl‑14 ta’ Frar 2014. Minkejja dan, l-Artikolu 13(1) jiddikjara b’mod ċar li r-responsabbiltà tal-produttur tapplika għat-tagħmir kollu li tqiegħed fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005. Dan għalhekk għandu japplika wkoll għal pannelli fotovoltajċi. Il-Kummissjoni tispjega wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet oħra, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tranżitorja dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi. |
|
33. |
It-terminu tat-traspożizzjoni u d-data għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 jistgħu jkunu deċiżivi sabiex jiġi ddeterminat minn liema data l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi jistgħu jkunu meħtieġa jassumu l-ispejjeż inkwistjoni. |
|
34. |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssemmi l-kwistjoni dwar jekk il-produtturi għandhomx iġorru l-ispejjeż tal-pannelli li saru skart qabel id-dati msemmija. Madankollu, pannelli bħal dawn ma jikkonċernawx il-proċeduri preżenti, minħabba li Vysočina Wind qiegħda titlob rimbors tal-ħlasijiet li għamlet fil-każ li l-pannelli tagħha jsiru skart biss fil-futur, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni. |
|
35. |
Tali pannelli, li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005 iżda iktar tard isiru skart, bla dubju jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-produttur skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19. |
|
36. |
Ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 li l-produtturi jiġu eżentati mir-responsabbiltà tagħhom u minflok l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi tagħhom li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jiġu imposti fuq l-utenti tal-pannelli fotovoltajiċi. Il-punt sa fejn ir-responsabbiltà tista’ titqiegħed fuq l-utenti jekk il-produtturi ma jistgħux jassumu l-ispejjeż ma huwiex is-suġġett tal-proċedura preżenti. |
|
37. |
Bħala konklużjoni intermedja, jista’ jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, l-Istati Membri għandhom jimponu l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005fuq il-produtturi. |
2. In-nuqqas ta’ retroattività
|
38. |
Skont ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, l-applikazzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara t‑13 ta’ Awwissu 2005, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19, madankollu, titqies bħala effett retroattiv inammissibbli. |
|
39. |
Dawn iż-żewġ Stati Membri għalhekk jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19. Din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, li jipprevedu r-responsabbiltà tal-produttur biss għal pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq wara l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni. |
|
40. |
Madankollu, din il-konklużjoni tkun contra legem u għaldaqstant ma tistax tinkiseb bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 ( 9 ). Ir-raġuni għal dan hija li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod ċar li r-responsabbiltà tal-produttur tibda mit‑13 ta’ Awwissu 2005. Għaldaqstant, sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli man-nuqqas ta’ retroattività, din tkun invalida. |
|
41. |
Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjimx dubji dwar il-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19, il-Qorti tal-Ġustizzja, eċċezzjonalment, teżamina ex officio l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tingħata risposta sħiħa lill-qorti tar-rinviju ( 10 ). |
a) L-effett retroattiv tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi
|
42. |
Il-ġurisprudenza dwar l-effett retroattiv hija bbażata fuq il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, li huma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mid-direttivi tal-Unjoni ( 11 ). |
|
43. |
Bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li r-ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jibda jiddekorri minn data li tkun preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu ( 12 ). Madankollu, id-Direttiva 2012/19 ma tipprevedix li r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi tapplika anki qabel il-pubblikazzjoni tagħha fl‑24 ta’ Lulju 2012. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din ir-responsabbiltà tal-produttur mill-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tal‑14 ta’ Frar 2014 biss. Għaldaqstant, id-Direttiva ma teħtieġx li l-produtturi jassumu r-responsabbiltà għal pannelli li saru skart qabel l‑14 ta’ Frar 2014. |
|
44. |
Madankollu, kundizzjoni għar-responsabbiltà tal-produttur tista’ tkun diġà ġġustifikata qabel il-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19, minħabba li tkopri pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq mit‑13 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri qabel ma d-Direttiva ġiet ippubblikata fl‑24 ta’ Lulju 2012. |
|
45. |
Tali teknika leġiżlattiva mhux bilfors tikser il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, regola ġdida pjuttost tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt is-sistema tar-regola l-qadima (kunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni preċedenti) ( 13 ). Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-limitu li jimpedixxi, ġeneralment, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt is-sistema tar-regola l-qadima ( 14 ). |
|
46. |
Madankollu, għandu jiġi nnotat ukoll li dispożizzjoni legali ġdida ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u saru definittivi qabel dan id-dħul fis-seħħ ( 15 ). L-atti li jkunu saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida pjuttost jibqgħu jiġu rregolati mil-liġi l-antika ( 16 ). Dan japplika, pereżempju, għal trademarks irreġistrati, li r-reġistrazzjoni tagħhom ma għandhiex tkun ikkontestata minn rekwiżiti sussegwenti ( 17 ). |
|
47. |
Għaldaqstant, il-mistoqsija deċiżiva hija jekk l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart għal pannelli fotovoltajċi li l-produtturi kienu diġà poġġew fis-suq, jiġifieri ġeneralment mibjugħa, tbiddilx il-konsegwenzi legali ta’ att konkluż jew sempliċement tirregola l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt ir-regolament l-antik. |
|
48. |
Meta jimmanifatturaw pannelli, il-produtturi għandhom jassumu li dawn ser isiru skart iktar tard fiż-żmien. Minn dan l-att, l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produtturi tidher biss li tirregola l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tnisslet qabel. |
|
49. |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet dwar żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart. L-għan kien li jiġi estiż it-tul tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ terraferma li għadha ma ġietx magħluqa, li wassal għal spejjeż ogħla. Dawn l-ispejjeż kellhom jiġu imposti fuq id-detenturi oriġinali tal-iskart iddepożitat hemm fil-passat, billi l-estensjoni ta’ manutenzjoni wara l-għeluq kienet tikkonċerna biss l-effett futur tar-rimi tal-iskart li għalih kienu responsabbli d-detenturi tal-iskart oriġinali ( 18 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni futuri għal perijodi ta’ impjieg qabel l-adozzjoni tad-Direttiva ( 19 ) rilevanti u l-impatt ta’ regoli ġodda fuq kuntratti ta’ xogħol eżistenti ( 20 ). |
|
50. |
Madankollu, sempliċi trasferiment ta’ din il-ġurisprudenza għall-każ preżenti jonqos milli jirrikonoxxi li r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq kienet diġà rregolata fil-mument tal-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur u finalment kienet inkorporata b’mod ġenerali fil-ftehimiet bejn il-produtturi u l-utenti. |
|
51. |
L-Artikoli 14 jew 15 tad-Direttivi dwar l-Iskart applikabbli jeħtieġu li l-Istati Membri jirregolaw min iġorr l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart. Din id-dispożizzjoni ħalliet l-għażla lill-Istati Membri jekk jimponux spejjeż tal-ġestjoni tal-iskart fuq is-sid li għandu l-prodott ikun sar skart, il-produttur, jew ċerti persuni oħrajn. |
|
52. |
Sa fejn l-Istat Membru rispettiv diġà ppreveda responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi fit‑13 ta’ Awwissu 2005, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 ma kien jeħtieġ ebda bidla fis-sitwazzjoni legali u għalhekk prattikament ma kellu l-ebda effett retroattiv. Tali Stati Membri għalhekk ma jistgħux ikunu obbligati li jibdlu l-leġiżlazzjoni tagħhom jekk jidher li l-Artikolu 13(1) għandu effett retroattiv inammissibbli fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi. |
|
53. |
Madankollu, jekk l-Istat Membru rispettiv qabel kien impona r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart fuq persuni oħra, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jinterferixxi mar-relazzjonijiet legali eżistenti. B’dan il-mod, l-Istat Membru seta’ jimponi r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart skont id-Direttiva dwar l-Iskart fuq is-sid tal-prodott meta sar skart, jiġifieri l-utent finali tal-pannelli. F’dan il-każ, il-prodottur kellu jassumi li kien ittrasferixxa r-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart lill-utent meta ttrasferixxa l-pannelli fotovoltajċi, jiġifieri li hu nnifsu kien eżentat minnha. |
|
54. |
Wieħed jista’ jassumi li din is-sitwazzjoni legali kienet akkumpanjata minn konsegwenzi ekonomiċi kunsiderevoli: il-produtturi u l-utenti tal-pannelli fotovoltajċi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni applikabbli tar-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart fil-prezzijiet miftiehma. Fil-każ tar-responsabbiltà tal-produttur, prezzijiet ogħla għall-pannelli fotovoltajċi jistgħu jiġu preżunti milli fil-każ tar-responsabbiltà tal-utent, minħabba li l-produttur għandu jqis l-ispejjeż tar-rimi sussegwenti fil-kalkolu tiegħu. |
|
55. |
L-Artikolu 12(3)(2) tad-Direttiva 2012/19 jispjega dan għal tagħmir elettriku u elettroniku minn djar privati. Skont dan, kull prodottur għandu diġà jipprovdi garanzija meta jqiegħed prodott fis-suq, li minnha tirriżulta li l-finanzjament tar-rimi huwa ggarantit. |
|
56. |
Jekk l-Istat Membru kkonċernat oriġinarjament ippreveda responsabbiltà tal-utent, l-introduzzjoni sussegwenti tar-responsabbiltà tal-produttur għal prodotti diġà mqiegħda fis-suq, għaldaqstant, b’differenza mill-każ imsemmi tal-estensjoni tal-obbligi ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ( 21 ), ma tispeċifikax obbligi eżistenti. Din lanqas hija bbażata fuq obbligi ġodda li kellu jistenna operatur tas-suq avżat. Pjuttost, l-obbligi u l-ispejjeż assoċjati huma spostati bejn operaturi ekonomiċi differenti. Madankollu, dawn l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibqgħu jieħdu inkunsiderazzjoni dan l-ispostament fil-prezzijiet tagħhom minħabba li t-tranżazzjonijiet rispettivi diġà ġew konklużi. Kumpens għal dan il-piż addizzjonali fuq il-produttur ukoll ma huwiex previst. |
|
57. |
Bħala riżultat, l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq tinterferixxi f’sitwazzjonijiet legali li nħolqu u definittivament inkisbu jew f’atti konklużi qabel dan id-dħul fis-seħħ, sakemm ir-responsabbiltà tal-produttur ma kinitx għadha prevista fid-dritt nazzjonali. |
|
58. |
Il-Kummissjoni impliċitament taċċetta wkoll din l-evalwazzjoni billi tiddikjara li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jqajjem dubji dwar il-validità ta’ ftehimiet magħmula minn utenti ta’ pannelli fotovoltajċi qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19 fuq il-bażi tar-regoli Ċeki ta’ dak iż-żmien konklużi ma’ kumpanniji għar-rimi tal-iskart. Li kieku, madankollu, kien hemm effett retroattiv, kien ikun hemm effett retroattiv fl-impożizzjoni tal-ispejjeż ta’ rimi fuq il-produtturi, fil-ftehim tal-prezzijiet għall-prodotti tagħhom, kif ukoll fuq l-utenti. |
b) L-inugwaljanza fit-trattament
|
59. |
Inċidentalment, fl-introduzzjoni oriġinali tar-responsabbiltà tal-produttur għal skart ieħor ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fid-Direttiva 2002/96, permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/108 ( 22 ), il-leġiżlatur żgura li l-produtturi ma kellhomx jerfgħu r-responsabbiltà ta’ skart ta’ tagħmir “storiku” taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart ta’ utenti kummerċjali li poġġew fis-suq qabel it‑13 ta’ Awwissu 2005. |
|
60. |
Pjuttost, l-Istati Membri tħallew jimponu r-responsabbiltà għal skart ta’ tagħmir storiku meta jfornu prodotti ta’ sostituzzjoni fuq il-produtturi ta’ dawn il-prodotti ġodda jew fuq l-utenti. Jekk dan it-tagħmir jintrema mingħajr sostituzzjoni, l-ispejjeż huma dejjem ir-responsabbiltà tal-utent. F’dan ir-rigward, it-tielet premessa tad-Direttiva 2003/108 tistabbilixxi li l-obbligu li jittieħed lura tagħmir elettriku u elettroniku li tqiegħed fis-suq fil-passat kien joħloq obbligu retroattiv li ma kienx previst u li kien ipoġġi ċerti produtturi f’riskju ekonomiku serju. |
|
61. |
Id-Direttiva 2003/108 għalhekk mhux biss eskludiet l-effett retroattiv, iżda ppermettiet ukoll perijodu tranżitorju ta’ madwar sena u nofs. |
|
62. |
Meta mqabbel ma’ dawn il-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ieħor, il-produtturi ta’ pannelli fotovoltajċi kienu b’mod ċar żvantaġġati, minħabba li r-responsabbiltà tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-iskart ma ġietx introdotta b’perijodu tranżizzjonali, iżda anki b’mod retrospettiv għat‑13 ta’ Awwissu 2005. Għalhekk, mhux biss iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huma affettwati mill-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq, iżda wkoll, kif jinnotaw il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. |
c) Il-ġustifikazzjoni tal-effett retroattiv
|
63. |
Eċċezzjonalment, effett retroattiv jista’ jkun ammissibbli meta l-interess ġenerali li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati ( 23 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja f’xi każijiet saħansitra talbet li l-motivazzjoni għal deċiżjonijiet bħal dawn jinkludu ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-effett retroattiv mixtieq ( 24 ). |
|
64. |
Billi fil-każ preżenti l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ma kinitx tippreċedi l-pubblikazzjoni tad-Direttiva, ma għandhom isiru ebda rekwiżiti eċċessivi dwar din il-motivazzjoni. Madankollu, minħabba l-importanza ekonomika li tintroduċi r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli li diġà tpoġġew fis-suq u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-inugwaljanza fit-trattament relatata magħha, il-ġustifikazzjoni għandha tingħata ċertu piż. |
L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni
|
65. |
Madankollu, il-premessi tad-Direttiva 2012/19 ma jiżvelaw l-ebda raġuni li teħtieġ l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li diġà tpoġġew fis-suq. |
|
66. |
Fuq il-mertu, il-Ġermanja korrettament tiddikjara li l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq ma hijiex xierqa sabiex tħeġġeġ lil produtturi jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2012/19, fid-disinn tal-prodotti tagħhom, b’mod komprensiv it-tiswija, it-titjib possibbli, l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tagħhom u jiffaċilitawhom. Ir-raġuni għal dan hija li meta l-prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq kienu qegħdin jiġu mmanifatturati, il-produtturi kienu għadhom ma jafux li iktar tard ser jingħataw ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-iskart. L-argument tal-Kunsill li l-introduzzjoni retroattiva tar-responsabbiltà tal-produttur hija meħtieġa għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari għalhekk ma huwiex konvinċenti ( 25 ). |
|
67. |
Anki l-għan stabbilit tar-responsabbiltà uniformi tal-produttur fil-premessa 6 tad-Direttiva 2012/19 sabiex jiġi żgurat piż ekonomiku komparabbli ma jinkisibx billi tinbidel ir-responsabbiltà għall-prodotti li diġà jinsabu fis-suq fil-perijodu tal-leġiżlazzjoni. Pjuttost, jinħolqu differenzi ġodda fil-piż minħabba li l-produtturi kienu diġà qiesu fil-prezzijiet tagħhom il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà li qabel kienet fis-seħħ fl-Istat Membru rispettiv. |
|
68. |
L-emerġenza tad-Direttiva 2012/19 ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar għaliex din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata, minflok ma tirrestrinġiha għal pannelli li ser jitqiegħdu fis-suq fil-futur. |
|
69. |
Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet għadha ma tinkludix pannelli fotovoltajċi fil-kamp tal-applikazzjoni ( 26 ), u l-Parlament espressament oppona l-inklużjoni tagħhom fl-ewwel qari ( 27 ). Fil-Kunsill ukoll, inizjalment kien hemm reżistenza minn ċerti Stati Membri ( 28 ), iżda fil-pożizzjoni komuni tiegħu finalment kien tal-fehma li l-eċċezzjoni għall-pannelli fotovoltajċi ma kinitx iġġustifikata ( 29 ). Il-Kummissjoni fehmet dan li jfisser li l-Kunsill ippropona li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal pannelli fotovoltajċi mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha ( 30 ). Madankollu, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tranżitorja rilevanti li tillimita r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli li tqiegħdu fis-suq wara li d-Direttiva daħlet fis-seħħ. |
|
70. |
Matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar l-inklużjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fid-Direttiva ( 31 ), iżda dan l-istudju ma jittrattax l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli diġà mqiegħda fis-suq meta l-leġiżlazzjoni ġiet adottata. |
|
71. |
Fil-kawża preżenti, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni wkoll ma ppreżentaw l-ebda raġuni konvinċenti għar-riferiment tar-responsabbiltà tal-produttur. |
|
72. |
Huwa minnu li huma jissottomettu li r-responsabbiltà tal-produttur tidħol fis-seħħ biss fit-tul ħafna minħabba t-tul tal-ħajja ta’ 25 sena tal-pannelli. F’dan il-kuntest, il-Parlament jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi ffinanzjat ir-rimi ta’ skart. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġġustifika intervent retroattiv fi ftehimiet ibbażati fuq diviżjoni oħra tar-responsabbiltà. |
|
73. |
B’kuntrast mal-każ tal-estensjoni tal-obbligi ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ( 32 ) diġà msemmija, ma hemmx lok ta’ tħassib dwar nuqqas ta’ finanzjament mingħajr l-effett retroattiv. Ir-raġuni għal dan hija li għal pannelli iktar qodma, ir-responsabbiltà għall-ispejjeż tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart. |
|
74. |
Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas imsemmi mill-Kummissjoni lanqas ma jqiegħed f’dubju r-riżultat preċedenti. Huwa minnu li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jista’ jiġġustifika r-responsabbiltà tal-produttur. Madankollu, kif juri l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Iskart, jippermetti wkoll li jitqiesu s-sidien tal-iskart attwali jew is-sidien tal-iskart preċedenti, b’mod partikolari l-utenti. |
L-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati
|
75. |
Inċidentalment, l-aspettattivi ta’ dawk ikkonċernati ma debitament osservata. |
|
76. |
Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih speranzi fondati. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata ( 33 ). |
|
77. |
Huwa minnu li ma hemm l-ebda assigurazzjoni speċifika mill-amministrazzjoni tal-Unjoni li l-ebda responsabbiltà tal-produttur ma tiġi introdotta. Pjuttost, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/96 diġà kien jipprevedi l-possibbiltà li jiġu inklużi pannelli fotovoltajċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
78. |
Madankollu, meta kkummerċjalizzaw pannelli fotovoltajċi, il-produtturi setgħu jiddependu fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni tal-iskart, li min-naħa tagħha ttrasponiet id-Direttiva dwar l-Iskart. Din il-leġiżlazzjoni kienet assigurazzjoni konkreta bbażata fuq ir-rekwiżiti tal-Unjoni. |
|
79. |
Ma huwiex evidenti li l-leġiżlatur ħa debitament inkunsiderazzjoni din l-aspettattiva meta ġiet introdotta r-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li kienu diġà fis-suq. |
|
80. |
Anki d-dispożizzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/96 l-antika enfasizzata mill-istituzzjonijiet, li l-Kummissjoni tista’ tinkludi pannelli fotovoltajċi fil-leġiżlazzjoni preċedenti, ma waslitx sabiex il-produtturi jkollhom l-aspettattiva għal responsabbiltà tal-produttur retroattiva. Ir-raġuni għal din hija li l-l-effett retroattiv huwa ta’ kwalità fundamentalment differenti minn sempliċi inklużjoni fis-sistema. In-nuqqas ta’ ħtieġa rikonoxxibbli tal-effett retroattiv jikkonferma din l-evalwazzjoni. |
d) Leġiżlazzjonijiet simili
|
81. |
L-istituzzjonijiet involuti jwissu, madankollu, li l-preżunzjoni ta’ effett retroattiv inammissibbli tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19 fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi tpoġġi wkoll f’dubju leġiżlazzjonijiet oħra dwar ir-responsabbiltà tal-produttur fid-dritt dwar l-iskart tal-Unjoni. |
|
82. |
Madankollu, dan l-argument ma jistax jikkonfuta l-evalwazzjoni preċedenti tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi. Għall-kuntrarju: jekk hemm każijiet oħra ta’ effett retroattiv inammissibbli, din il-prattika regolatorja għandha tkun ikkontestata iktar minn qatt qabel. |
|
83. |
Inċidentalment, ma jistax jiġi eskluż li l-effett retroattiv fil-każijiet l-oħra ċċitati jista’ jkun iġġustifikat minn eżami speċifiku tal-leġiżlazzjonijiet rispettivi. |
|
84. |
Pereżempju, id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw ( 34 ) tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-produttur għal vetturi li ma għadhomx jintużaw li tqiegħdu fis-suq ħafna qabel ma ġiet adottata d-Direttiva. Madankollu, jidher li l-piż ta’ din ir-responsabbiltà huwa relattivament limitat minħabba l-valur residwu tal-vetturi ( 35 ). Barra minn hekk, il-vetturi bil-mutur huma prodotti kumplessi. Għalhekk, l-għarfien tal-produttur għar-rimi jista’ jkun ta’ importanza partikolari. |
|
85. |
Fir-rigward tar-responsabbiltà temporanjament indifferenzjata tal-produtturi tal-batteriji u l-akkumulaturi skont l-Artikolu 16(1) u (6) tad-Direttiva dwar il-Batteriji ( 36 ), ir-riskju mod ieħor miżjud li dawn l-oġġetti relattivament żgħar jintremew mal-iskart residwu jista’ possibbilment jiġi elenkat. Barra minn hekk, evelwazzjoni individwali ta’ meta tqiegħdu fis-suq x’aktarx tkun sproporzjonata u f’ħafna każijiet forsi anki impossibbli. |
|
86. |
Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma għandha tiġi deċiża fil-proċeduri preżenti. Konsegwentement, ma hemmx bżonn ta’ iktar kunsiderazzjonijiet. |
3. Konklużjoni intermedja
|
87. |
Għalhekk, għandu jiġi nnotat li l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi diġà mqiegħda fis-suq permezz tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 tinterferixxi mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti u mingħajr ma titqies l-aspettattiva ta’ dawk ikkonċernati f’sitwazzjonijiet legali li nħolqu u definittivament inkisbu jew f’atti konklużi qabel dan il-mument jekk ir-responsabbiltà tal-produttur ma kinitx għadha prevista fid-dritt nazzjonali. |
|
88. |
Il-mument rilevanti għad-determinazzjoni tas-sitwazzjonijiet legali li għandhom jiġu protetti huwa d-data tal-pubblikazzjoni tad-Direttiva ( 37 ), f’dan il-każ l‑24 ta’ Lulju 2012. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-fehma tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni ma huwiex rilevanti, minħabba li mill-mument tal-pubblikazzjoni l-operaturi ekonomiċi kellhom jistennew li l-Istat Membru rispettiv jirregola r-responsabbiltà għar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi skont id-Direttiva. |
|
89. |
Kien biss b’effett minn dan il-mument li l-Istati Membri setgħu u kellhom jintroduċu r-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19. |
|
90. |
L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 huwa għaldaqstant invalidu minħabba ksur tan-nuqqas ta’ retroattività, sa fejn jipprevedi l-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għal pannelli fotovoltajċi li qabel ma kienx previst fid-dritt nazzjonali, li l-produtturi qiegħdu fis-suq bejn it‑13 ta’ Awwissu 2005 u l‑24 ta’ Lulju 2012. |
|
91. |
Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jimponu l-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għar-riċiklaġġ u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ pannelli fotovoltajċi ta’ utenti oħra għajr djar privati li tqiegħdu fis-suq wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 fl‑24 ta’ Lulju 2012, b’mod konformi mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva fuq il-produtturi. |
B. It-tieni domanda - l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
92. |
It-tieni domanda hija dwar kemm ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni hija influwenzata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ġiet adottata qabel id-Direttiva li tat lok għall-allegat ksur. |
|
93. |
Din id-domanda ssir biss fil-każ li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19 jirrikjedi r-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq qabel l‑1 ta’ Jannar 2013. Ir-risposta għall-ewwel domanda turi li r-responsabbiltà tal-produttur għandha tiġi introdotta għall-inqas għall-pannelli fotovoltajċi li l-produtturi ilhom ipoġġu fis-suq mill‑24 ta’ Lulju 2012. |
|
94. |
Fil-każ inkwistjoni, huwa dubjuż li l-pannelli li tqiegħdu fis-suq bejn l-24 ta’ Lulju 2012 u l-1 ta’ Jannar 2013 huma affettwati. Vysočina Wind bdiet topera l-impjant tal-enerġija solari fl‑2009. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż b’ċertezza assoluta li l-kumpannija kisbet u installat biss ċerti pannelli fotovoltajċi tal-impjant tal-enerġija matul il-perijodu msemmi. |
|
95. |
Fuq il-mertu, għandu l-ewwel jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni Ċeka ma tikkontradixxix mal-ewwel daqqa ta’ għajn id-dritt tal-Unjoni, peress li tikkonċerna l-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/19. Dak iż-żmien, il-leġiżlazzjoni ġenerali tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-Iskart, li ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni Ċeka, kienet għadha tapplika għall-pannelli fotovoltajċi. Skont l-Artikolu 14(1), l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart għandhom jiġu sostnuti mill-produttur tal-iskart inizjali jew mid-detentur attwali jew preċedenti tal-iskart. L-introduzzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur hija rregolata fl-Artikolu 14(2), iżda din hija biss għażla li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu, iżda ma humiex kostretti li jagħżluha. |
|
96. |
Ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ għalhekk l-iktar jirriżulta minn effett preliminari tad-Direttiva 2012/19. Matul il-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji ta’ din għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu serjament il-ksib tar-riżultat stabbilit minn din id-direttiva ( 38 ). |
|
97. |
Il-leġiżlazzjoni Ċeka ġiet ippubblikata fit‑30 ta’ Mejju 2012, jiġifieri kważi xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2012/19 fl‑24 ta’ Lulju 2012. Id-Direttiva kienet għadha ma hijiex fis-seħħ dak iż-żmien u għalhekk ma setgħet toħloq l-ebda obbligu fuq ir-Repubblika Ċeka ( 39 ). |
|
98. |
Il-kawża preżenti turi, madankollu, li ma huwiex biżżejjed li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiġu formalment protetti biss matul it-terminu tat-traspożizzjoni. Ir-raġuni għal din hija li d-Direttiva 2012/19 tesprimi kompromess politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament li ntlaħaq fil‑21 ta’ Diċembru 2011 ( 40 ). Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata, ir-Repubblika Ċeka kienet konxja mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet ser tidħol fis-seħħ dalwaqt. Li tevita leġiżlazzjoni bħal din u tipperikola serjament l-għanijiet tagħha jkun inkompatibbli mal-lealtà lejn l-Unjoni. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri ma għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni ( 41 ). |
|
99. |
Minħabba li skont il-leġiżlazzjoni Ċeka l-utenti għandhom iġorru l-ispejjeż tar-rimi ta’ pannelli fotovoltajċi minn qabel, il-leġiżlazzjoni tista’ wkoll tipperikola serjament l-għan tar-responsabbiltà tal-produttur għal dawn il-pannelli stabbilit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19. Dan għaliex il-produtturi huma kompletament jew għall-inqas prinċipalment meħlusa mill-ispejjeż tar-rimi għall-pannelli inkwistjoni. |
|
100. |
Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru, qabel ma jadotta direttiva, jadotta leġiżlazzjoni li hija inkompatibbli mad-direttiva u li tipperikola serjament l-għanijiet tagħha, jista’ jwassal għal responsabbiltà għad-dannu mġarrab minn individwi bħala riżultat. Tali responsabbiltà hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ lealtà skont l-Artikolu 4(3) TUE. Din tiġi kkunsidrata jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura regolatorja kienu diġà qablu politikament dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni qabel ma ġiet adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u dan il-ftehim kien magħruf mill-Istat Membru. |
|
101. |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-effett retroattiv tar-responsabbiltà tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi u dwar l-obbligi ta’ lealtà bbażati fuq il-ftehim politiku fil-proċess regolatorju joħolqu dubji dwar jekk il-ksur tal-leġiżlazzjoni Ċeka kontra l-obbligi ta’ lealtà huwiex suffiċjentement serju ( 42 ). Tali kwalifika tkun teħtieġ li tali ksur jimplika ksur manifest u serju mir-Repubblika Ċeka tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha ( 43 ). Madankollu, ma jidhirx li huwa evidenti li kif sostna l-Gvern Ċek, l-effett retroattiv ma huwiex ibbażat fuq l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva ( 44 ), iżda fuq id-data tal-pubblikazzjoni tad-Direttiva ( 45 ). Barra minn hekk, għadha ma teżisti l-ebda ġurisprudenza rilevanti li identifikat obbligi ta’ lealtà tal-Istati Membri qabel il-pubblikazzjoni ta’ direttiva. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwalifika ta’ ksur possibbli, għaliex din ma hijiex mitluba fil-proċeduri preżenti u probabbilment hija irrilevanti ( 46 ). |
V. Konklużjoni
|
102. |
Fid-dawl ta’ dak hawn fuq espost, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU 2012, L 197, p. 38).
( 3 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).
( 4 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113).
( 5 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 359) fil-verżjoni tad-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 692).
( 7 ) Direttiva tal-Kunsill 75/442 tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
( 8 ) Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9).
( 9 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 43), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punti 35 u 36). Fir-rigward tat-tifsira tal-formulazzjoni, ara wkoll is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76).
( 10 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 67), tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 161), u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo (C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 30).
( 11 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C‑381/97, EU:C:1998:589, punt 26), tas‑26 ta’ April 2005, Goed Wonen (C-376/02, EU:C:2005:251, punt 32), tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43), u tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 30).
( 12 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 20), tas‑26 ta’ April 2005, Goed Wonen (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 33), u tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106).
( 13 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, EU:C:1973:145, punt 8), tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 49), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).
( 14 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1979, Tomadini (84/78, EU:C:1979:129, punt 21), tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 55), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).
( 15 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32), tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22), u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente (C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 57).
( 16 ) Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2011, Flos (C‑168/09, EU:C:2011:29, punt 51).
( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Textilis (C‑21/18, EU:C:2019:199, punti 30 sa 32).
( 18 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente (C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 58).
( 19 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, O‘Brien (C‑432/17, EU:C:2018:879, punti 35 u 36).
( 20 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 52), u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544, punt 31).
( 21 ) Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.
( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 23 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 20), tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10), tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 45), u tat‑28 ta’ Novembru 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑413/04, EU:C:2006:741, punt 75).
( 24 ) Sentenza tal‑1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta (C‑260/91 u C‑261/91, EU:C:1993:136, punt 10). Ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑ ta’ Frar 1984, Ilford vs Il‑Kummissjoni (1/84 R, EU:C:1984:41, punt 19), is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:307, punt 20), u tad‑29 ta’ April 2004, Sudholz (C‑17/01, EU:C:2004:242, punt 36), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawżi Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:125, punt 17) u Cargill vs Il‑Kummissjoni (C‑248/89, EU:C:1991:141, punt 52).
( 25 ) L-istess bħal fil-kuntest tal-fatti li taw lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C‑368/89, EU:C:1991:307, punti 18 u 19).
( 26 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (Riformulazzjoni) tat‑3 ta’ Diċembru 2008 (KUMM[2008] 810 finali).
( 27 ) Il-premessa 10 tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit‑3 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (verżjoni ġdida) (ĠU 2012, C 182E, p. 49).
( 28 ) Ara d-dokumenti tal-Kunsill 16041/09 tas‑17 ta’ Novembru 2009, p. 2, u 17345/09 tal‑14 ta’ Diċembru 2009, p. 4.
( 29 ) Pożizzjoni komuni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (riformulazzjoni) - adottata mill-Kunsill fid‑19 ta’ Lulju 2011 (dokument tal-Kunsill 7906/2/11).
( 30 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (KUMM/2011/0478 finali).
( 31 ) Bio Intelligence Service, Study on Photovoltaic Panels: Supplementing the Impact Assessment for a recast of the WEEE Directive (2011).
( 32 ) Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.
( 33 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE (265/85, EU:C:1987:121, punt 44), tal‑15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport (C‑37/02 u C‑38/02, EU:C:2004:443, punt 70), u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153).
( 34 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Settembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 5, p. 224).
( 35 ) Ara l-Commission Staff Working Document, Evaluation of Directive (EC) 2000/53 of 18 September 2000 on end-of-life vehicles, SWD(2021) 60 final tal‑15 ta’ Marzu 2021, p. 57 – 59.
( 36 ) Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU 2006, L 266, p. 1).
( 37 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Sudholz (C‑17/01, EU:C:2004:242, punt 35).
( 38 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45), tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė (C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 55).
( 39 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 41).
( 40 ) Il-ħames inċiż tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Jannar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (Riformulazzjoni) (07906/2/2011 – C7-0250/2011 – 2008/0241(COD))
( 41 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1981, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (804/79, EU:C:1981:93, punt 28), u tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑266/03, EU:C:2005:341).
( 42 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113).
( 43 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur SA (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55), u s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 105).
( 44 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 53).
( 45 ) Ara l-punt 88 iktar ’il fuq.
( 46 ) Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.