SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Jannar 2021 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Swieq tal-istrumenti finanzjarji – Direttiva delegata (UE) 2017/593 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni”
Fil-Kawża C‑631/18,
li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit‑8 ta’ Ottubru 2018
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf u B. Rous Demiri, bħala aġenti,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc, bħala aġent,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, A. Kumin, N. Wahl u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji għall-konformità mad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas‑7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU 2017, L 87, p. 500, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Delegata MiFID II”), jew peress li naqset milli tinforma lill-Kummissjoni bl-imsemmija dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva Delegata 2017/593. |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Skont il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva Delegata MiFID II:
|
|
3 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva delegata, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, għall-kumpaniji maniġerjali skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32)] u għall-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1)].” |
|
4 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva delegata, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Lulju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet ammistrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih. Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-3 ta’ Jannar 2018. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.” |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
5 |
Peress li ma rċeviet mingħand ir-Repubblika tas-Slovenja ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva MiFID II sal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 14 tagħha, jiġifieri t‑3 ta’ Lulju 2017, fis‑26 ta’ Settembru 2017 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. |
|
6 |
It-tweġiba tar-Repubblika tas-Slovenja, tat‑23 ta’ Novembru 2017, uriet li, f’din id-data, il-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu ppreparati u kellhom jiġu adottati f’April 2018. Għaldaqstant, fis‑26 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-imsemmi Stat Membru, u talbitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva MiFID II f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni. |
|
7 |
Peress li t-talba għal proroga tat-terminu ta’ tweġiba għal din l-opinjoni motivata ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għall-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2018, li l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi li jinkludi l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata MiFID II kienet għaddejja u kellha ssir f’April 2018. L-abbozz ta’ liġi kien mehmuż għall-imsemmija tweġiba. |
|
8 |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja informat lill-Kummissjoni biż-żamma ta’ elezzjonijiet bikrija u l-formazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida u talbet lill-Kummissjoni sabiex ikollha attitudni komprensiva fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata MiFID II. F’din l-istess ittra, dan l-Istat Membru indika, barra minn hekk, li huwa kien ser iwettaq il-proċeduri kollha relatati mal-adozzjoni tal-liġi l-ġdida fis-swieq tal-istrumenti finanzjarji, li kienet tiżgura t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva delegata, għall-aħħar ta’ Settembru 2018. |
|
9 |
Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx ikkomunikat il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata MiFID II, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
|
10 |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri qabel il-preżentata tar-risposta li saret fid‑19 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja kkomunikat lill-Kummissjoni miżuri nazzjonali, jiġifieri ż-Zakon o trgu finančnih instrumentov (il-Liġi dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji, Uradni list RS, Nru 67/2007, iktar ’il quddiem iż-“ZTFI”), is-Sklep o pogojih za opravljanje investicijskih storitev za borznoposredniške družbe (id-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet għal Provvista ta’ Servizzi ta’ Investiment u Servizzi Oħra għall-Kumpanniji ta’ Senserija Finanzjarja, Uradni list RS, Nru 85/2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet ATVP”) u s-Sklep o spremembah in dopolnitvah Sklepa o pogojih za opravljanje investicijskih in drugih storitev za borznoposredniške družbe (id-Digriet li jemenda d-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet għal Provvista ta’ Servizzi ta’ Investiment u Servizzi Oħra għall-Kumpanniji ta’ Senserija Finanzjarja, Uradni list RS, Nru°62/2017, iktar ’il quddiem id-“Digriet li jemenda d-Digriet ATVP”), li hija kkunsidrat li huma miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva Delegata MiFID II. Dawn il-miżuri kienu ġew adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263, iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID I” |
|
11 |
Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja nnotifikat lill-Kummissjoni biż-Zakon o trgu finančnih strumentov (il-Liġi dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji”, Uradni list RS, Nru 77/2018, iktar ’il quddiem iż-“ZTFI-1”), li permezz tagħha hija tqis li ttrasponiet kompletament id-Direttiva Delegata MiFID II fid-dritt Sloven. |
Fuq ir-rikors
L-Argumenti tal-partijiet
|
12 |
Skont il-Kummissjoni, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Lulju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva Delegata MiFID II jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatilhiex dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva. |
|
13 |
Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Repubblika tas-Slovenja ma ttrasponietx id-Direttiva Delegata MiFID II fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 14 tagħha, jiġifieri fit‑3 ta’ Lulju 2017, u lanqas f’dak stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fis‑26 ta’ Marzu 2018. Hija tirrileva li għalkemm dan l-Istat Membru jsostni li, f’din l-aħħar data, din id-direttiva delegata kienet parzjalment trasposta fid-dritt Sloven, hija ġiet informata b’din l-allegata traspożizzjoni parzjali biss fil-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2018. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu skont is-sitwazzjoni fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u ebda bidla ulterjuri ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri kkomunikati mir-Repubblika tas-Slovenja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, li kienu fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 2018, ma jiżgurawx traspożizzjoni tal-Artikoli 7 sa 10 u 12 sa 14 tad-Direttiva Delegata MiFID II. Barra minn hekk, l-Artikoli 1 sa 6 u l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva delegata huma trasposti biss parzjalment permezz ta’ dawn il-miżuri. |
|
14 |
Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali adottati fl-aħħar ta’ Novembru 2018 u kkomunikati lill-Kummissjoni fis‑6 ta’ Diċembru 2018, din tal-aħħar issostni li huma għadhom ma jiżgurawx it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva Delegata MiFID II. Hija ssostni, qabel kollox, li jeżisti żball possibbli fiż-ZTFI-1 li għandu bħala konsegwenza li jinvalida d-dispożizzjonijiet infra-leġiżlattivi kollha adottati abbażi taż-ZTFI. |
|
15 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 261 taż-ZTFI-1, li huwa preżunt li jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikoli 1 u 7 sa 13 ta’ din id-direttiva delegata, moqri flimkien mal-Artikolu 556 taż-ZTFI-1, jirriżulta li din id-dispożizzjoni sempliċement tinkariga lill-Aġenzija tas-Suq tat-Titoli sabiex tadotta, f’terminu ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ taż-ZTFI-1, regoli iktar iddettaljati dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ investiment u dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ investiment u dan, f’ċerti każijiet, wara avviż minn qabel tal-Ministeru għall-Finanzi. Issa, mingħajr l-adozzjoni ta’ regoli iktar iddettaljati, l-imsemmija artikoli tad-Direttiva Delegata MiFID II ma jistgħux jitqiesu li ġew trasposti. |
|
16 |
Fl-aħħar nett, mit-tabella ta’ korrelazzjoni prodotta mir-Repubblika tas-Slovenja fl‑10 ta’ Diċembru 2018, jirriżulta li l-Artikoli 2 sa 6 tad-Direttiva Delegata MiFID II kellhom ukoll jiġu trasposti mill-Artikolu 261 taż-ZTFI-1. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ adozzjoni tar-regoli infra-leġiżlattivi mill-Aġenzija tas-Suq tat-Titoli, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-Repubblika tas-Slovenja ttrasponiet kompletament din id-direttiva delegata fid-dritt intern. |
|
17 |
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, it-traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata MiFID II hija essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-investituri żgurati permezz tad-Direttiva MiFID II. Assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva delegata jkollu konsegwenzi negattivi għal dawn l-investituri, li ma jkunux koperti mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva MiFID II, iktar kompleta minn dik li tirriżulta mid-Direttiva MiFID I. Bl-istess mod, l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva delegata fi Stat Membru taffettwa s-suq finanzjarju Ewropew, l-investituri kif ukoll iċ-ċittadini kollha, bħala atturi ta’ dan is-suq finanzjarju. Konsegwentement, l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja li jfittxu li jistabbilixxu li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ traspożizzjoni sħiħa ta’ din l-istess direttiva delegata fid-dritt Sloven ma kellhiex konsegwenzi negattivi fuq is-suq finanzjarju, għandhom jiġu miċħuda. |
|
18 |
Ir-Repubblika tas-Slovenja, filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-għan, tal-għanijiet u tal-istruttura tad-Direttiva Delegata MiFID II issostni li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri fis‑26 ta’ Marzu 2018, id-Direttiva MiFID I kienet kompletament trasposta u applikata fid-dritt Sloven kif ukoll parti mid-Direttiva Delegata MiFID II. |
|
19 |
Ir-Repubblika tas-Slovenja tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq it-tabella ta’ korrelazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018 u d-dikjarazzjonijiet dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva delegata fl-ordinament ġuridiku Sloven. Hija tikkwota f’dan ir-rigward, bħala miżuri li jiżguraw it-traspożizzjoni kompleta jew parzjali tal-Artikoli 2 sa 6 u 11 tal-imsemmija direttiva delegata, iż-ZTFI, id-Digriet ATVP u d-Digriet li jemenda d-Digriet ATVP. Dawn il-miżuri ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fit‑3 ta’ Diċembru 2018 u rreġistrati l-għada. |
|
20 |
Ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li, billi adottat, fl‑20 ta’ Novembru 2018, pakkett leġiżlattiv, fosthom iż-ZTFI-1, intiż sabiex jittrasponi b’mod effikaċi u sħiħ il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-swieq finanzjarji u l-istrumenti finanzjarji, jiġifieri d-Direttiva MiFID II u d-Direttiva Delegata MiFID II, u billi kkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, hija ssodisfat kompletament l-obbligu tagħha ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva delegata. |
|
21 |
Dan l-Istat Membru jżid li, fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ traspożizzjoni kompleta, fit-terminu previst, tad-Direttiva Delegata MiFID II fid-dritt Sloven ma kellhiex, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, konsegwenzi negattivi fuq id-diversi investituri, ċittadini u atturi tas-suq finanzjarju. |
|
22 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja tirrikonoxxi li l-Artikolu 557(5) taż-ZTFI-1 fih effettivament żball tipografiku u li r-riferiment għall-paragrafu 1 tal-istess artikolu li jinsab fih għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-Artikolu 556(1) taż-ZTFI-1. Hija tippreċiża li dan l-iżball ġie kkoreġut b’rettifika għaż-ZTFI-1 ippubblikata fit‑22 ta’ Marzu 2019 (Uradni list RS Nru 17/2019). |
|
23 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tas-Slovenja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata, peress li l-bidliet li saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 23; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 19, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 30). |
|
25 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni li jinkludi tali riferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑137/96, EU:C:1997:566, punt 8; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 20, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 31). |
|
26 |
F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata lir-Repubblika tas-Slovenja fis‑26 ta’ Jannar 2018, it-terminu ta’ xahrejn li kien ingħatalha sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha kien jiskadi fis‑26 ta’ Marzu 2018. Għandha, għalhekk, tiġi evalwata l-eżistenza jew le tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din l-aħħar data (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 21, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 32). |
|
27 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-miżuri nazzjonali, li r-Repubblika tas-Slovenja ssostni li jiżguraw traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva MiFID II, ġew innotifikati bħala miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva delegata fit‑3 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
28 |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mid-dokumenti ppreżentati mir-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirriżulta li l-miżuri li ttrasponew parzjalment id-Direttiva Delegata MiFID II fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri ż-ZTFI, id-Digriet ATVP u d-Digriet li jemenda d-Digriet ATVP, ma jinkludu, kuntrarjament għal dak li jippreskrivi l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva delegata, ebda riferiment għaliha. |
|
29 |
Minn dan isegwi li dawn il-miżuri ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikkostitwixxu att pożittiv ta’ traspożizzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
30 |
Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fis‑26 ta’ Marzu 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja la kienet adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva Delegata MiFID II u lanqas, għaldaqstant, ma kienet ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni, miġbur fil-qosor fil-punti 14 sa 17 ta’ din is-sentenza, dwar ċerti miżuri nazzjonali adottati fl-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2018 u kkomunikati lill-Kummissjoni fis‑6 ta’ Diċembru 2018. Fil-fatt, peress li dawn il-miżuri nazzjonali ġew adottati wara s‑26 ta’ Marzu 2018, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jidħlux fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
32 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva Delegata MiFID II u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva delegata. |
Fuq l-ispejjeż
|
33 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tas-Slovenja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.