4.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 366/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1629

tad-29 ta’ Ottubru 2020

li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Awwissu 2019, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni rmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fl-4 ta’ Marzu 2020 u fit-30 ta’ April 2020.

(2)

Bir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni li beħsiebha tapplika, Franza għandha l-għan li tippromwovi l-implimentazzjoni u l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ dan l-elettriku jitqies bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)

Dment li l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti mill-bastimenti rmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Skont kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Franza, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti huwa wkoll mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħrajn li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, il-miżura mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(4)

Li jingħata permess lil Franza biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-iġġenerar tal-elettriku abbord ser jibqa’ l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija rilevanti fis-suq hija relattivament baxxa, l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva jrid ikun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Madankollu, jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2026.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preċudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), dment li jitħarsu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta xi dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika mill-jum li fih isiru applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.