|
4.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 175/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/738
tat-2 ta’ Ġunju 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1286 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000 (2), il-Kunsill impona dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat (“PET”) li joriġina, fost l-oħrajn, mill-Indja (“l-investigazzjoni oriġinali”). |
|
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2000/745/KE (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) aċċettat prezz minimu tal-importazzjoni minn tliet produtturi esportaturi fl-Indja. |
|
(3) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1645/2005 (4), il-Kunsill emenda l-livell tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja. L-emendi kienu r-riżultat ta’ rieżami aċċellerat mibdi skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. |
|
(4) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 193/2007 (5), wara rieżami ta’ skadenza, il-Kunsill impona dazji kumpensatorji definittivi għal perjodu ieħor ta’ ħames snin. |
|
(5) |
Il-miżuri kumpensatorji sussegwentement ġew emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008 (6) u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 906/2011 (7), wara rieżamijiet interim parzjali. |
|
(6) |
Rieżami interim parzjali li twettaq aktar tard intemm permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 559/2012 (8) mingħajr ma ġew emendati l-miżuri fis-seħħ. |
|
(7) |
Permezz tar-Regolament (UE) Nru 461/2013 (9), wara rieżami ta’ skadenza ieħor, il-Kunsill impona dazji kumpensatorji definittivi għal perjodu ieħor ta’ ħames snin. |
|
(8) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/109/UE (10), il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenji, minħabba li nbidlu ċ-ċirkostanzi li fihom kienu aċċettati l-impenji. |
|
(9) |
Permezz tar-Regolament (UE) 2015/1350 (11), il-Kummissjoni emendat il-livell tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja, wara żewġ rieżamijiet interim parzjali. |
|
(10) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1468 (12), il-Kummissjoni emendat il-livell tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ, wara żewġ rieżamijiet interim parzjali (“ir-Regolament tal-2018”). |
|
(11) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1286 (13), wara l-aħħar rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji definittivi għal perjodu ieħor ta’ ħames snin (“ir-rieżami ta’ skadenza tal-2019”). Dawn il-miżuri, li huma fis-seħħ bħalissa (il-miżuri fis-seħħ), jikkonsistu f’dazji speċifiċi ta’ bejn EUR 0 u EUR 74,6 għal kull tunnellata għall-produtturi Indjani msemmija individwalment b’rata residwa ta’ EUR 69,4 għal kull tunnellata imposta fuq l-importazzjonijiet mill-produtturi l-oħra kollha. |
1.2. Bidu ta’ rieżami interim parzjali
|
(12) |
Permezz tar-Regolament tal-2018, il-Kummissjoni emendat il-livell tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ għaż-żewġ produtturi esportaturi soġġetti għar-rieżamijiet u kkonkludiet li, b’differenza mill-investigazzjoni oriġinali, jista’ jkun li dazji speċifiċi ma għadhomx l-aktar forma adatta ta’ miżuri. |
|
(13) |
Madankollu, il-Kummissjoni nnutat ukoll li ma setgħetx tbiddel il-forma tal-miżuri f’dawk ir-rieżamijiet, peress li kienet qed tikkonkludi żewġ rieżamijiet interim parzjali limitati għas-sussidjar ta’ żewġ produtturi esportaturi biss. |
|
(14) |
B’riżultat ta’ dan, fil-25 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali ex officio skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, limitata għall-forma tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-PET li joriġinaw mill-Indja (14) (“in-Notifika ta’ Bidu”). Il-bidu kellu l-appoġġ tal-Kumitat tal-Manifatturi tal-PET fl-Ewropa (Committee of PET Manufacturers in Europe, “CPME”), l-assoċjazzjoni kummerċjali Ewropea li tirrappreżenta l-produtturi Ewropej tar-reżina tal-PET. |
|
(15) |
Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni nnutat li hemm biżżejjed evidenza li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri eżistenti kienu nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. Din l-evidenza kienet relatata mal-kuntest speċifiku tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll maż-żieda fl-importanza tas-sussidji li jipprovdu benefiċċji finanzjarji li huma l-aktar proporzjonati għall-valur tal-esportazzjonijiet. |
1.3. Partijiet Interessati
|
(16) |
Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet, lill-importaturi u lill-utenti Indjani magħrufa dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom sabiex jipparteċipaw. |
|
(17) |
Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
|
(18) |
L-assoċjazzjoni kummerċjali Ewropea li tirrappreżenta l-produtturi tal-PET, produttur esportatur Indjan wieħed u sitt utenti pprovdew kummenti dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Żewġ produtturi esportaturi oħra ppreżentaw ruħhom iżda ma pprovdew l-ebda kumment dwar il-bidu. |
|
(19) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni organizzat seduta ta’ smigħ ma’ tlieta mill-utenti li ppreżentaw ruħhom. |
1.4. Divulgazzjoni
|
(20) |
Fis-6 ta’ April 2020, il-Gvern tal-Indja (“GTI”) u l-partijiet interessati l-oħra ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproponi tibdil fil-forma tal-miżuri applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ PET mill-Indja. Huma ngħataw ukoll żmien raġonevoli biex jikkummentaw. |
|
(21) |
Il-GTI u produttur esportatur wieħed ippreżentaw kummenti dwar din id-divulgazzjoni, li debitament ġew ikkunsidrati kif jidher hawn taħt. |
2. PRODOTT SOĠĠETT GĦAL RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI
2.1. Prodott soġġett għal rieżami
|
(22) |
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri l-polietilentereftalat (PET) li għandu viskożità ta’ 78 ml/g jew iżjed, skont l-Istandard ISO 1628-5, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 61 00 u li joriġina mill-Indja (“il-prodott soġġett għal rieżami”). |
2.2. Prodott simili
|
(23) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prodott soġġett għal rieżami li jinħadem fl-Indja u jiġi esportat lejn l-Unjoni u l-prodott li jinħadem u jinbiegħ fl-Unjoni mill-Industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi bażiċi. Għalhekk dawn tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku. |
3. L-INVESTIGAZZJONI
3.1. Kuntest
|
(24) |
L-investigazzjoni oriġinali imponiet dazji kumpensatorji speċifiċi (bil-kuntrarju għal rati ad valorem). Dawn il-miżuri kienu abbinati ma’ dazji anti-dumping speċifiċi (15), li ġew imposti fl-istess jum. Dak iż-żmien, kien ikkunsidrat aktar xieraq li jiġu imposti dazji speċifiċi, minflok id-dazji ad valorem (abbażi tal-livell attwali tal-prezzijiet tal-esportazzjoni). Din l-għażla saret sabiex jiġi evitat li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-PET ikkawżat miċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt grezz jirriżulta fil-ġbir ta’ dazji ogħla (16). |
|
(25) |
Il-Kunsill ittermina l-miżuri anti-dumping fl-2013 (17), filwaqt li d-dazji kumpensatorji sarilhom rieżami parzjali diversi drabi u attwalment ivarjaw bejn EUR 0 u EUR 74,6 għal kull tunnellata. |
|
(26) |
Fir-Regolament tal-2018, il-Kummissjoni nnutat li, b’differenza mill-investigazzjoni oriġinali, jista’ jkun li dazji speċifiċi ma għadhomx l-aktar forma adatta ta’ miżuri għat-tpaċija tas-sussidji mogħtija. Dan minħabba li ż-żewġ skemi ta’ sussidju prinċipali (id-Duty Drawback Scheme (“DDS”) u l-Merchandise Exports from India Scheme, (“MEIS”)) disponibbli għall-produtturi esportaturi tal-PET matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami taw benefiċċji finanzjarji li kienu fil-parti l-kbira tagħhom marbutin mal-prezz tal-esportazzjoni. |
|
(27) |
L-analiżi tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet tar-Regolament tal-2018. Ġie kkunsidrat li dawn il-konstatazzjonijiet huma ta’ natura dejjiema u, tabilħaqq, ġew ikkonfermati mir-rieżami ta’ skadenza tal-2019. Dawn il-konstatazzjonijiet kienu bbażati fuq data vverifikata li pprovdew il-Gvern tal-Indja u żewġ produtturi esportaturi, jiġifieri, IVL Dhunseri Petrochem Industries Private Limited (“Dhunseri”) u Reliance Industries Limited (“Reliance”). Dawn il-produtturi esportaturi kienu jirrappreżentaw kważi l-esportazzjonijiet kollha tal-PET mill-Indja lejn l-UE matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami tar-rieżami ta’ skadenza tal-2019 (mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018). Dawn huma soġġetti għal dazji kumpensatorji ta’ EUR 18,73 għal kull tunnellata u EUR 29,21 għal kull tunnellata (abbażi ta’ rata ta’ sussidju ad valorem ta’ 2,3 % u 4 %), rispettivament. |
|
(28) |
Fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-produttur esportatur tenna l-kummenti li kienu saru fil-bidu tal-investigazzjoni fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni ex officio, li hemm it-taqsira tagħhom fil-premessa (50). Fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-GTI għamel kummenti simili. Il-Kummissjoni diġà indirizzat dawn il-kummenti fil-premessa (51). Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
3.2. Skop u effett tad-dazji attwali
|
(29) |
F’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, jista’ jkun impost dazju kumpensatorju għat-tpaċija ta’ kwalunkwe sussidju mogħti, direttament jew indirettament, għall-manifattura, il-produzzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasport ta’ kwalunkwe prodott li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jikkawża dannu. |
|
(30) |
Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tanalizza l-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżuri, jekk ikun hemm provi biżżejjed li l-miżura eżistenti mhijiex, jew ma għadhiex, biżżejjed biex tikkontrapponi s-sussidju kumpensabbli li jkun qed jikkawża d-dannu. Jekk l-investigazzjoni turi li l-allegazzjonijiet huma korretti, jistgħu jiżdiedu d-dazji kumpensatorji biex tinkiseb iż-żieda meħtieġa fil-prezz biex tikkontrapponi s-sussidju. |
|
(31) |
Għaldaqstant, minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-objettiv innifsu ta’ dazju kumpensatorju huwa li jpaċi jew jikkontrapponi sussidju. |
|
(32) |
L-ammonti attwali ta’ sussidjar stabbiliti fir-Regolament tal-2018 huma b’mod predominanti bbażati fuq iż-żewġ skemi ta’ sussidju, jiġifieri d-DDS u l-MEIS Dawn l-iskemi huma responsabbli għal 97 % u 89 % tal-ammonti ta’ sussidju li ġew stabbiliti f’dak iż-żmien għal Dhunseri u Reliance rispettivament. Permezz ta’ dawn l-iskemi, il-GTI jagħti rifużjoni eċċessiva lill-produtturi esportaturi ta’ perċentwal tal-valur medju tal-esportazzjoni tal-prodotti esportati eliġibbli. Għalhekk, aktar ma jkun għoli l-valur ta’ kull tunnellata tal-esportazzjonijiet, aktar ikun għoli l-ammont eċċessiv ta’ rifużjoni li jirċievu l-produtturi esportaturi u għaldaqstant l-ammont tas-sussidju. Dan ifisser li l-ammont tas-sussidji kumpensabbli jiżdied pari passu maż-żieda fil-prezz tal-esportazzjoni. |
|
(33) |
Meta dawn id-dazji ġew imposti fl-2018, l-ammonti tas-sussidji ġew ikkalkulati mill-ġdid f’dazji speċifiċi abbażi tal-prezzijiet PET tal-produtturi esportaturi li kkooperaw matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami ta’ dik l-investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ April 2016 sal-31 ta’ Marzu 2017. Dawn il-prezzijiet kienu relattivament baxxi matul dak il-perjodu, u kienu jvarjaw bejn madwar EUR 730 u EUR 815għal kull tunnellata, skont il-produttur esportatur. Fil-fatt, skont ir-rieżami ta’ skadenza tal-2019, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-PET mill-Indja fl-2016 kien partikolarment baxx ta’ EUR 776 għal kull tunnellata (18). Dawn kienu l-orħos prezzijiet annwali medji matul il-perjodu kollu kkunsidrat f’dak ir-Regolament (mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Marzu 2018). Il-prezz medju ta’ importazzjoni tal-PET mill-Indja matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami tar-rieżami ta’ skadenza tal-2019 (mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018), li huwa l-aktar perjodu riċenti investigat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja, kien ta’ EUR 916 għal kull tunnellata (19). Meta wieħed iqis li, kif imsemmi fil-premessa (32), is-sussidjar tal-esportazzjonijiet tal-PET mill-Indja huwa proporzjonalment marbut mal-prezz tal-esportazzjoni, id-dazji speċifiċi kkalkulati fuq il-prezzijiet mill-1 ta’ April 2016 sal-31 ta’ Marzu 2017, ma jkunux biżżejjed biex ipaċu s-sussidjar ibbażat fuq il-prezzijiet mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018. |
|
(34) |
Għalhekk il-Kummissjoni qieset li, minħabba n-natura ta’ dan is-sussidjar partikulari, id-dazji speċifiċi jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ipaċuh kif jirrikjedi l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Dazji ad valorem huma aktar adatti għal dan l-iskop. |
3.3. Bidla fiċ-ċirkostanzi u n-natura dejjiema tagħhom
|
(35) |
Kif speċifikat hawn fuq, abbażi tal-interess tal-Unjoni, id-dazji speċifiċi kienu kkunsidrati aktar adatti fl-investigazzjoni oriġinali sabiex jiġi evitat li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-PET, ikkawżat minn ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt grezz, jirriżulta fil-ġbir ta’ dazji ogħla. Filwaqt li l-prezzijiet taż-żejt grezz, u għalhekk il-prezzijiet tal-PET, qed ikomplu jvarjaw, id-deċiżjoni li jiġu imposti dazji fissi għandha tinqara fid-dawl tal-kuntest li ttieħdet fih. |
|
(36) |
Iċ-ċirkostanzi attwali, deskritti fil-premessi (32) u (34) huma differenti ħafna minn kif kienet is-sitwazzjoni fis-sena 2000, meta d-dazji kumpensatorji ġew imposti għall-ewwel darba. L-ammonti oriġinali tas-sussidju kienu bbażati fuq tliet skemi ta’ sussidju: (i) Skema ta’ Kreditu għad-Dazju fuq l-Importazzjoni (Duty Entitlement Passbook Scheme, “DEPS”), (ii) Skema ta’ Promozzjoni tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti Kapitali (Export Promotion Capital Goods Scheme, “EPCGS”); u (iii) Żoni ta’ Proċessar għall-Esportazzjoni (Export Processing Zones, “EPZ”)/Unità Orjentata għall-Esportazzjoni (Export Oriented Unit, “EOU”). Dawk li kienu l-aktar ta’ benefiċċju kienu d-DEPS u l-EOU/EPZ. B’differenza mill-iskemi li huma attwalment fis-seħħ, dawn ma kinux awtomatikament jagħtu d-dritt għal rifużjoni abbażi tal-valur esportat. |
|
(37) |
Fil-kuntest tad-DEPS, esportatur ingħata liċenzja ta’ kreditu għall-importazzjoni ta’ merkanzija (bħal materja prima jew oġġetti kapitali). Il-benefiċċju, u għaldaqstant is-sussidjar seħħ mal-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti u mhux mal-esportazzjoni tal-PET. Filwaqt li l-valur tal-esportazzjoni kien jiddetermina l-limitu massimu tas-sussidjar li seta’ jirċievi produttur esportatur, is-sussidjar innifsu kien determinat mil-livell tal-importazzjonijiet. L-EPZ/EOU, li kienu jirrappreżentaw kważi l-ammont kollu tas-sussidju (13,5 minn 13.9 %) attribwit għal dik li issa hija Dhunseri (20), kienu magħmula minn diversi mekkaniżmi (21). L-ebda wieħed minnhom ma kien pagament sempliċi marbut mal-valur esportat, li huwa l-każ fil-kuntest tal-iskemi DDS u MEIS applikabbli bħalissa. |
|
(38) |
Fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-produttur esportatur tenna l-kummenti li kien għamel fil-bidu tal-investigazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċaqliq fl-iskemi tas-sussidju li huma diskussi fil-premessi (59) u (60). Il-produttur esportatur fakkar li fin-Nota għall-fajl dwar il-bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li 79 % tas-sussidjar li nstab fl-investigazzjoni oriġinali kien jirriżulta minn skema li kienet proporzjonali għall-prezz tal-esportazzjoni. Il-produttur esportatur irraġuna li dan huwa biss ftit inqas mill-proporzjon tas-sussidjar li joriġina mid-DDS u l-MEIS stabbilit fir-Regolament tal-2018 u fir-rieżami ta’ skadenza tal-2019. Il-produttur esportatur irraġuna wkoll li f’termini assoluti, dawk is-sussidji li jingħataw b’rabta mal-prezz tal-esportazzjoni huma fil-fatt inqas predominanti milli kienu matul l-investigazzjoni oriġinali. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur irraġuna li l-MEIS mhux se tkompli u tiġi sostitwita bi skema konformi mad-WTO. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni indikat li n-Nota għall-fajl dwar il-bidu tgħid li 79 % tas-sussidjar li nstab fl-investigazzjoni oriġinali kien jirriżulta minn skema - id-DEPB Postesportazzjoni - li kienet “tikkonferixxi benefiċċji finanzjarji li nstab li kienu marbutin mal-prezz tal-esportazzjon i”. In-natura ta’ dik ir-rabta u d-distinzjoni tagħha mid-DDS u l-MEIS ġew spjegati aktar mill-Kummissjoni fil-premessi (36) u (37)u u ma ġietx ikkontestata mill-produttur esportatur fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni definittiva. |
|
(40) |
Rigward il-kumment dwar il-MEIS, il-Kummissjoni nnutat li l-futur tagħha u l-kompatibbiltà tal-allegata skema ta’ sostituzzjoni mar-regoli tad-WTO kienu barra mill-ambitu ta’ dan ir-rieżami interim parzjali. |
|
(41) |
Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
|
(42) |
Iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-PET kien ir-raġuni biex fl-2000 jiġu imposti dazji speċifiċi fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ rabta speċifika dak iż-żmien bejn l-ammont ta’ sussidjar li rċevew il-produtturi esportaturi u l-prezzijiet tagħhom tal-esportazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, fl-2020 il-biċċa l-kbira tas-sussidjar tal-PET esportat mill-Indja lejn l-Unjoni huwa marbut l-aktar mal-valur ta’ dawn l-esportazzjonijiet. L-uniku rispons adegwat huwa li l-ammont tad-dazji jintrabat mal-istess valur permezz ta’ dazji ad valorem. |
|
(43) |
Anki jekk dan ir-rieżami ma jirrikjedix li jsir test ġdid tal-interess tal-Unjoni, wieħed jinnota li ċ-ċaqliq mistenni fid-dazju li jkollu jitħallas għal kull tunnellata jkun ħafna inqas problematiku għall-utenti fl-2020 milli kien ikun fis-sena 2000. Tabilħaqq, ir-rati tad-dazju kumpensatorju stabbiliti fis-sena 2000 ma kinux biss ogħla (li waslu sa 8,2 % u 13,9 % fl-2005 meta Dhunseri bdiet tesporta), iżda ġew imposti flimkien ma’ dazji anti-dumping li l-kombinazzjoni tagħhom tirriżulta f’rati ta’ dazju li jvarjaw minn 30 % sa 44,3 %. Konsegwentement, żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-PET għal kull tunnellata kienet tkun ħafna aktar problematika għall-utenti. B’kuntrast ma’ dan, l-ogħla dazju ad valorem li jkun applikabbli bħalissa għall-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-lum ikun biss sa 4 %. |
|
(44) |
Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-produttur esportatur irraġuna li l-prezzijiet taż-żejt baqgħu volatili wara l-2014 u tant aktar fl-2020. Skont il-produttur esportatur, fid-divulgazzjoni l-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet taż-żejt kienu ilhom stabbli mill-2014 u li din l-istabbiltà tiġġustifika li l-miżura tinbidel f’rati ad valorem. Skont il-produttur esportatur, ma kienx ġustifikat li l-miżura tinbidel f’rati ad valorem abbażi tal-irraġunar tal-Kummissjoni ta’ prezzijiet stabbli taż-żejt grezz. |
|
(45) |
Il-Kummissjoni tinnota li dan il-kumment kien jirrappreżenta ħażin il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt u l-impatt tiegħu fuq il-konklużjonijiet milħuqa f’dan ir-rieżami. Kif iddikjarat fil-premessa (35), il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod ċar li l-prezzijiet tal-PET u l-prezzijiet taż-żejt grezz baqgħu jvarjaw wara l-aħħar rieżami ta’ skadenza fl-2014. Kif innotat ulterjorment fil-premessa (58), il-Kummissjoni qieset li dazju ad valorem huwa aktar adatt biex ipaċi b’mod preċiż sussidju li jvarja skont il-prezz tal-PET u taż-żejt grezz. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata. |
|
(46) |
Din il-bidla fiċ-ċirkustanzi hija ta’ natura dejjiema. Dan ġie kkonfermat mir-Regolament tal-2018, li sab li n-natura u l-prevalenza taż-żewġ skemi ewlenin (DDS u MEIS) hija waħda dejjiema (22). |
|
(47) |
Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-GTI rraġuna li l-asserzjoni tal-Kummissjoni li ċerti bidliet kienu ta’ natura dejjiema ma kinitx korretta. Il-GTI semma li dan kien speċjalment il-każ fir-rigward tal-prezzijiet taż-żejt grezz, li kienu inqas mill-prezzijiet ta’ żejt grezz fl-2000. |
|
(48) |
Fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt grezz, l-uniku eżempju għal valutazzjoni mhux korretta tan-natura dejjiema tal-bidla fiċ-ċirkostanzi msemmija mill-GTI, il-Kummissjoni tenniet l-irraġunar tagħha fil-premessa (45). Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata. |
3.4. Osservazzjonijiet ippreżentati mill-Partijiet interessati mal-ftuħ
|
(49) |
L-assoċjazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-PET appoġġat il-bidu tar-rieżami. |
|
(50) |
Il-produttur esportatur sostna li l-bidu tal-investigazzjoni ex officio huwa illegali, u żied li l-Kummissjoni segwiet it-talba tas-CPME biex tibda dan ir-rieżami, minkejja l-fatt li ma ġiet ippreżentata ebda evidenza jew informazzjoni. Il-produttur esportatur kompla jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad talba għal rieżami filwaqt li fl-istess ħin tagħti bidu għal rieżami fuq l-inizjattiva tagħha stess. Skont il-produttur esportatur, ir-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 21.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (“il-Ftehim SCM”) inkisru. |
|
(51) |
Il-posta elettronika mis-CPME ssegwi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament tal-2018 li huma miġbura fil-qosor fil-premessa (27) hawn fuq. Fil-posta elettronika tiegħu, is-CPME jindika li huwa jappoġġa r-raġunament tal-Kummissjoni u jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa. Il-posta elettronika mis-CME ma tinkludix it-terminu “talba għal rieżami”. Huwa sempliċement jappoġġa bidu eventwali ta’ tali rieżami, jekk il-Kummissjoni tqis li dan ikun xieraq. Il-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad talba għal rieżami li ma ġietx ippreżentata. Kif indikat fin-Notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni bdiet ir-rieżami fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, li huwa konformi mal-Artikolu 21.2 tal-Ftehim SCM. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet irrifjutata. |
|
(52) |
Il-produttur esportatur kompla jsostni li d-dazji ilhom fis-seħħ għal 20 snin u li l-Kummissjoni jeħtieġ finalment tħallihom jiskadu, tosserva r-reazzjoni tas-swieq u mbagħad, jekk ikun meħtieġ, tibda investigazzjoni awtonoma ġdida. |
|
(53) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-ambitu ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali huwa limitat biss għall-forma tal-miżuri. Il-kontinwazzjoni jew l-iskadenza tal-miżuri ġiet investigata dan l-aħħar fir-rieżami ta’ skadenza tal-2019, li fih ikkoopera l-produttur esportatur. Dak ir-rieżami sab li l-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-PET li joriġina mill-Indja, jeħtieġ jinżammu. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata. |
|
(54) |
Il-produttur esportatur irraġuna wkoll li ma hemm l-ebda raġuni għal rieżami interim parzjali u lanqas għal bidla fil-forma tal-miżuri. L-iskadenza tal-miżuri anti-dumping u l-irtirar tal-impenji kważi sitt snin ilu allegatament ma jaffettwawx l-effikaċja tal-miżuri kumpensatorji attwali. Barra minn hekk, il-produttur esportatur irraġuna li allegatament ma hemm l-ebda bidla fl-iskemi ta’ sussidju u l-prezz taż-żejt grezz kien ilu jvarja u jiżdied sa minn qabel il-bidu tar-rieżami interim u għadu qed ikun volatili. |
|
(55) |
Kif osservat il-Kummissjoni fil-premessi (32) u (34), b’differenza mis-sitwazzjoni meta oriġinarjament ġew imposti d-dazji kumpensatorji, ir-rati speċifiċi tad-dazju kumpensatorju ma għadhomx xierqa biex ipaċu kompletament il-livell attwali tas-sussidjar, li jvarja skont il-prezzijiet tal-PET. Billi torbot l-ammont ta’ dazju mal-prezz tal-PET, permezz ta’ dazji ad valorem, il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni aħjar li tikkontrapponi l-livell tas-sussidjar. Fir-rigward ta’ dak li jorbot il-waqfien tad-dazji anti-dumping mat-tibdil fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni fakkret f’dak li qalet fil-premessa (43). Il-livell ġenerali tad-dazji kien parti mill-kuntest li fih intlaħqet id-deċiżjoni li jiġu applikati dazji speċifiċi fl-2000, li ma għadhiex tgħodd. Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
|
(56) |
Rigward l-affermazzjoni li ċ-ċirkostanzi kienu nbidlu diġà xi żmien ilu, il-Kummissjoni tindika li ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien biex jinbeda rieżami tal-forma tal-miżuri. Minn meta seħħew dawn il-bidliet ma kien hemm l-ebda rieżami li seta’ jindirizza s-sitwazzjoni, peress li l-uniċi proċedimenti li kienu nbdew minn meta seħħew il-bidliet kienu rieżamijiet interim parzjali limitati għas-sussidjar li rċevew iż-żewġ produtturi esportaturi u rieżamijiet ta’ skadenza. Ir-rieżami attwali hija l-ewwel investigazzjoni minn meta nbidlu dawn iċ-ċirkostanzi li tqis speċifikament l-effikaċja ta’ dazji speċifiċi għall-produtturi esportaturi kollha. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata wkoll. |
|
(57) |
Il-produttur esportatur argumenta wkoll li d-dazju fiss għadu l-forma adatta biex jiġi evitat li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-PET ikkawżat miċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt grezz jirriżulta fil-ġbir ta’ dazji eċċessivi mhux ġustifikati. |
|
(58) |
Kif innotat fil-premessi (32) u (34), il-Kummissjoni tqis li dazju ad valorem huwa aktar adatt biex ipaċi b’mod preċiż sussidju li jvarja skont il-prezz tal-PET u taż-żejt grezz. Mhuwiex ċar għaliex tali dazju ma jkunx ġustifikat. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata. |
|
(59) |
Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur sostna li ma kien hemm l-ebda ċaqliq fl-iskemi ta’ sussidju peress li d-DEPB ikkumpensat fl-2000 kien simili għad-DDS u l-MEIS. |
|
(60) |
Fil-premessa (37), il-Kummissjoni diġà indikat li d-DEPB kienet differenti mid-DDS jew mill-MEIS peress li l-benefiċċju, u għalhekk is-sussidjar, kien ibbażat fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima jew ta’ oġġetti kapitali pjuttost milli fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott lest ikkonċernat. B’konsegwenza, din l-affermazzjoni kienet fattwalment żbaljata u għaldaqstant ġiet irrifjutata. |
|
(61) |
Sitt utenti sostnew li t-tibdil fil-forma tal-miżuri minn dazji speċifiċi għal dazji ad valorem iżid il-volatilità tal-prezzijiet u jirriżulta f’awment tad-dazju attwali (u għalhekk tal-prezz globali tal-prodott), li jkun ta’ detriment għas-sostenibbiltà kummerċjali tal-utenti downstream kollha. Huma argumentaw ukoll li ż-żidiet fl-ispejjeż inaqqru l-marġini tagħhom u jnaqqsu l-kompetittività tagħhom. |
|
(62) |
Il-Kummissjoni diġà indikat fil-premessa (34) li l-livell ta’ sussidjar, minħabba n-natura tal-iskemi ewlenin, x’aktarx huwa l-aktar marbut mal-livell tal-prezzijiet tal-PET. L-uniku mod biex dan jitpaċa b’mod adegwat huwa li tiġi stabbilita miżura li tkun marbuta wkoll mal-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni. Dan ikun jikkostitwixxi dazji ad valorem. Bidla fid-dazji ad valorem ma tfissirx li l-prezzijiet tal-PET awtomatikament jiżdiedu. Jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni jonqsu, kif kien innutat fl-2019, id-dazji applikabbli se jonqsu wkoll. Barra minn hekk, kif speċifikat fil-premessa (43) hawn fuq, id-dazji ad valorem fuq l-importazzjonijiet taż-żewġ produtturi esportaturi ewlenin fl-Indja jkunu baxxi (2,3 % u 4 %) u ma jistgħux jitqiesu ta’ detriment għas-sostenibbiltà kummerċjali tal-utenti downstream. Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
|
(63) |
L-utenti rraġunaw li l-kapaċità installata tal-Manifatturi tal-PET Ewropej mhijiex biżżejjed biex tkopri d-domanda interna tal-PET. |
|
(64) |
Kif ġie nnutat fir-rieżami ta’ skadenza tal-2019, l-industrija tal-Unjoni għandha biżżejjed kapaċità biex tkopri 85 % tal-konsum domestiku totali attwali. Barra minn hekk, huma disponibbli wkoll importazzjonijiet mingħajr miżuri minn pajjiżi oħra, filwaqt li r-riċiklaġġ tal-PET jikkostitwixxi sors ieħor. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ta’ rieżami attwali ma tfittixx li żżid id-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta’ PET mill-Indja iżda li tpaċi s-sussidjar attwali fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa permezz ta’ dazji ad valorem. Meta wieħed iqis il-prezzijiet taż-żejt grezz fi tmiem l-ewwel kwart tal-2020, din il-bidla x’aktarx li tirriżulta fi tnaqqis fil-prezzijiet tal-PET. Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
|
(65) |
L-utenti affermaw ukoll li l-manifatturi tal-PET Ewropej mhux qed iġarrbu dannu mill-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat li joriġina mill-Indja. Għall-kuntrarju, għaddew minn perjodu twil ta’ marġinalità straordinarja. |
|
(66) |
L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali huwa limitat għall-forma tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ PET li joriġina mill-Indja. Il-Kummissjoni madankollu nnutat li saret analiżi tad-dannu fil-qafas tal-aktar rieżami ta’ skadenza reċenti li ġie konkluż f’Lulju 2019. Dak ir-rieżami kkonkluda li l-Industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami iżda xorta baqgħet f’sitwazzjoni fraġli, kif jidher mill-profittabbiltà baxxa. Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
4. KONKLUŻJONI
|
(67) |
L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-miżuri kumpensatorji fis-seħħ jeħtieġ li jieħdu l-forma ta’ dazji ad valorem fil-livelli korrispondenti diġà stabbiliti f’diversi investigazzjonijiet preċedenti (23). |
|
(68) |
Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-GTI u l-produttur esportatur irraġunaw li, jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bil-bidla fil-forma tal-miżuri għal dazji ad valorem, jeħtieġ li tapplika r-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rieżami ta’ skadenza tal-2019, jiġifieri 3,6 %. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni nnotat li dan ir-rieżami interim parzjali kien limitat biss għall-forma tal-miżuri u ma kienx jikkonċerna l-livell tagħhom. Il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li l-livell attwali tad-dazju ġie stabbilit fir-Regolament tal-2018, il-miżuri attwalment fis-seħħ ġew imposti mir-rieżami ta’ skadenza tal-2019. Fil-każ ta’ Reliance dawn il-miżuri huma EUR 29,21 għal kull tunnellata abbażi ta’ rata ta’ sussidju ta’ 4 %. L-ebda dazju ad valorem ieħor ma jista’ jiġi impost skont dan ir-rieżami interim parzjali peress li tali bidla taqa’ barra mill-ambitu ta’ dan ir-rieżami, kif indikat fin-Notifika ta’ Bidu. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata. |
|
(70) |
Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-ċirkostanzi nbidlu u l-użu ta’ dazji speċifiċi ma għadux adatt biex jiġi kkumpensat il-livell attwali ta’ sussidjar. Peress li l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tas-sussidjar diġà kienet ġiet konkluża fir-rieżami ta’ skadenza tal-2019, il-miżuri se jinbidlu minn forma speċifika għal waħda ad valorem tad-dazji kumpensatorji. |
|
(71) |
Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, il-GTI u l-produttur esportatur irraġunaw li d-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja ilhom fis-seħħ għal għoxrin sena u jeħtieġ jiskadu peress li l-iskadenza tal-miżuri hija r-regola filwaqt li l-kontinwazzjoni tagħhom hija l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, il-GTI u l-produttur esportatur irraġunaw li l-ilmentaturi oriġinali ma għadhomx fix-xena u li l-Kummissjoni issa kienet qed tipproteġi produtturi li kienu barra mill-ambitu tal-industrija domestika. |
|
(72) |
Il-produttur esportatur irraġuna wkoll li jeħtieġ li Indorama Ventures Europe B.V. jitneħħew mill-interpretazzjoni attwali tal-industrija tal-UE. Il-produttur esportatur kompla jirraġuna li l-miżuri ma kinux fl-interess tal-Unjoni peress li kienu ta’ detriment għas-sostenibbiltà kummerċjali tal-utenti kollha downstream u tal-konsumaturi. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur irraġuna li jekk il-miżuri jitħallew ikomplu dan ikun jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-Indja u l-aktar kontra tagħhom. |
|
(73) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-ebda waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma kienet fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali, li kienet limitata biss għall-forma tal-miżuri. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li r-rieżami ta’ skadenza tal-2019, li fih kemm il-GTI kif ukoll il-produttur esportatur ikkooperaw, dan l-aħħar iddeċieda li l-estensjoni tal-miżuri kienet ġustifikata fil-qafas legali applikabbli. Il-Kummissjoni fakkret li, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tibda rieżami fuq il-livell tas-sussidjar f’każ li jqisu li hemm raġunijiet ta’ natura dejjiema li jistħoqqilhom rieżami bħal dan. |
|
(74) |
Għaldaqstant, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati. |
|
(75) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1286 għandha tinbidel b’dan li ġej:
|
Kumpanija |
Dazju kumpensatorju (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Futura Polyesters Ltd |
0 |
A184 |
|
IVL Dhunseri Petrochem Industries Private Limited |
2,3 |
C380 |
|
Pearl Engineering Polymers Ltd |
13,8 |
A182 |
|
Reliance Industries Limited |
4,0 |
A181 |
|
Senpet Ltd |
4,43 |
A183 |
|
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
13,8 |
A999 |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2603/2000 tas-27 ta’ Novembru 2000 li jimponi taxxa kompensatorja u l-ġbir definittiv tad-dazji proviżjonali imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tereftalat tal-polietilene li joriġina mill-Indja, Malasja u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti tereftalat tal-polietilene li joriġina mill-Indoneżja, r-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/745/KE tad-29 ta’ Novembru 2000 li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċedimenti tal-anti-dumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja u r-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 88).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1645/2005 tas-6 ta’ Ottubru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2603/2000 li jimponi taxxa kumpensatorja definittiva fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU L 266, 11.10.2005, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 193/2007 tat-22 ta’ Frar 2007 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ polyethylene terephthalate li joriġina fl-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (ĠU L 59, 27.2.2007, p. 34).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 193/2007, li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ polyethtlene terephthalate, li joriġina mill-Indja u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu polyethtlene terephthalate, li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 1).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 906/2011 tat-2 ta’ Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 193/2007, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ polyethylene terephthalate li joriġina fl-Indja, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina, inter alia, fl-Indja (ĠU L 232, 9.9.2011, p. 19).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 559/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-miżuri kompensatorji dwar l-importazzjonijiet ta’ ċertu tereftalat tal-poljetilene (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU L 168, 28.6.2012, p. 6).
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalatli (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 137, 23.5.2013, p. 1).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/109/UE tal-4 ta’ Frar 2014 li tħassar id-Deċiżjoni 2000/745/KE li taċċetta impenji offruti f’rabta mal-proċedimenti tal-anti-dumping u kontra s-sussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti polietilentereftalat (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU L 59, 28.2.2014, p. 35).
(11) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1350 tat-3 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja (ĠU L 208, 5.8.2015, p. 10).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1468 tal-1 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja (ĠU L 246, 2.10.2018, p. 3).
(13) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1286 tat-30 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 81).
(14) In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja (ĠU C 111, 25.3.2019, p. 47).
(15) Impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2604/2000 tas-27 ta’ Novembru 2000 illi jimponi dazju ta’ kontra d-dumping definittiv u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu poltilenu teraptalatu illi joriġina fl-Indja, fl-Indoneżja, fil-Malasja, fir-Repubblika tal-Korea, fit-Tajwan u fit-Tajlandja (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21).
(16) Il-premessa 99 tar-Regolament.
(17) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE tal-21 ta’ Mejju 2013 li tirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU L 136, 23.5.2013, p. 12).
(18) Il-premessa 125.
(19) Ibid.
(20) Ir-Regolament (KE) Nru 1645/2005.
(21) (i) eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fuq kull tip ta’ merkanzija (inklużi merkanzija kapitali, materja prima u oġġetti ta’ konsum) meħtieġa għall-manifattura, il-produzzjoni jew l-ipproċessar, jew f’relazzjoni magħhom; (ii) eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq prodotti miksuba minn sorsi indiġeni; (iii) rimborż ta’ taxxa ċentrali fuq il-fatturat imħallsa fuq prodotti miksuba lokalment; (iv) “restituzzjoni tad-dazju fuq ir-rati kollha tal-industrija” fir-rigward taż-żejt għall-ifran miksub minn kumpaniji domestiċi taż-żejt; (v) il-faċilità li wieħed ibigħ parti mill-produzzjoni fis-suq domestiku wara li jkun ħallas id-dazji applikabbli fuq il-prodott lest bħala eċċezzjoni għar-rekwiżit ġenerali li tiġi esportata l-produzzjoni kollha; (vi) eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul normalment dovuta fuq il-profitti li jsiru mill-bejgħ għall-esportazzjoni.
(22) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1468, premessi 122 sa 131.
(23) Il-livelli korrispondenti ġew stabbiliti fir-regolamenti segwenti: għal Futura Polyesters Ltd - permezz tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000; għall-kumpaniji l-oħrajn kollha kif ukoll għal Pearl Engineering Polymers Ltd u Senpet Ltd - permezz tar-Regolament (KE) Nru 1286/2008. Għal IVL Dhunseri Petrochem Industries Limited u Reliance Industries Limited – permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1468.
(24) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).